Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document E2011C0057

    Deċiżjoni tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA Nru 57/11/COL tat- 2 ta’ Marzu 2011 li temenda, għat-tnejn u tmenin darba, ir-regoli proċedurali u sostantivi fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat billi tintroduċi kapitolu ġdid dwar l-applikazzjoni, mill- 1 ta’ Jannar 2011 , tar-regoli ta’ għajnuna mill-Istat għal miżuri ta’ appoġġ favur il-banek fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja

    ĠU L 332, 15.12.2011, p. 20–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/57(2)/oj

    15.12.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 332/20


    DEĊIŻJONI TAL-AWTORITÀ TA’ SORVELJANZA TAL-EFTA

    Nru 57/11/COL

    tat-2 ta’ Marzu 2011

    li temenda, għat-tnejn u tmenin darba, ir-regoli proċedurali u sostantivi fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat billi tintroduċi kapitolu ġdid dwar l-applikazzjoni, mill-1 ta’ Jannar 2011, tar-regoli ta’ għajnuna mill-Istat għal miżuri ta’ appoġġ favur il-banek fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja

    L-AWTORITÀ TAS-SORVELJANZA TAL-EFTA (“l-Awtorità”),

    WARA LI KKUNSIDRAT il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), b’mod partikolari l-Artikoli 61,

    WARA LI KKUNSIDRAT il-Ftehim bejn l-Istati tal-EFTA dwar il-Ħolqien ta’ Awtorità ta’ Sorveljanza u ta’ Qorti tal-Ġustizzja (“Il-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti”), u partikolarment l-Artikolu 24 u l-Artikolu 5(2)(b) tiegħu,

    BILLI skont l-Artikolu 24 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti, l-Awtorità għandha ddaħħal fis-seħħ id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ŻEE dwar l-għajnuna mill-Istat,

    BILLI skont l-Artikolu 5(2)(b) tal-Ftehim tas-Sorveljanza u l-Qorti, l-Awtorità għandha toħroġ avviżi jew linji gwida dwar kwistjonijiet ittrattati fil-Ftehim ŻEE, jekk ikun hemm dispożizzjoni f’dan is-sens espressa fil-Ftehim jew fil-Ftehim tas-Sorveljanza u l-Qorti jew jekk l-Awtorità tqis li hu meħtieġ,

    BILLI, fl-1 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni Ewropea adottat Komunikazzjoni dwar l-applikazzjoni, mill-1 ta’ Jannar 2011, tar-regoli ta’ għajnuna mill-Istat għal miżuri ta’ appoġġ favur il-banek fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja (1),

    BILLI din il-Komunikazzjoni hija wkoll rilevanti għaż-Żona Ekonomika Ewropea,

    BILLI għandha tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tar-regoli ta’ għajnuna mill-Istat taż-ŻEE madwar iż-Żona Ekonomika Ewropea skont l-għan ta’ omoġeneità stabbilit fl-Artikolu 1 tal-Ftehim ŻEE,

    BILLI, skont il-punt II fit-titolu “ĠENERALI” fil-paġna 11 tal-Anness XV tal-Ftehim ŻEE, l-Awtorità, wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni, għandha tadotta atti li jkunu jikkorrispondu ma’ dawk adottati mill-Kummisssjoni Ewropea,

    WARA li kkonsultat mal-Kummissjoni Ewropea,

    WARA li kkonsultat mal-Istati tal-EFTA b’ittri ddatati 10 ta’ Frar 2011 dwar is-suġġett,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għandhom jiġu emendati bl-introduzzjoni ta’ kapitolu ġdid dwar l-applikazzjoni, mill-1 ta’ Jannar 2011, tar-regoli ta’ għajnuna mill-Istat għal miżuri ta’ appoġġ favur il-banek fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja.

    Il-kapitolu l-ġdid jinsab fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Il-verżjoni Ingliża biss ta’ din id-deċiżjoni hi kkunsidrata bħala awtentika.

    Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Marzu 2011.

    Għall-Awtorità ta’ Sorveljanza ta’ l-EFTA

    Per SANDERUD

    Il-President

    Sabine MONAUNI-TÖMÖRDY

    Membru tal-Kulleġġ


    (1)  ĠU L 329, 7.12.2010, p. 7.


    ANNESS

    L-APPLIKAZZJONI, MILL-1 TA’ JANNAR 2011, TAR-REGOLI TA’ GĦAJNUNA MILL-ISTAT GĦAL MIŻURI TA’ APPOĠĠ FAVUR IL-BANEK FIL-KUNTEST TAL-KRIŻI FINANZJARJA

    1.   Introduzzjoni

    1.

    Mill-bidu tal-kriżi finanzjarja globali fil-ħarifa tal-2008, l-awtorità ta’ sorveljanza tal-EFTA (“l-Awtorità”) adottat erba' settijiet ta’ Linji Gwida (1) li jipprovdu gwida dettaljata dwar il-kriterji għall-kompatibbiltà ta’ appoġġ mill-Istat lill-istituzzjonijiet finanzjarji (2) mar-rekwiżiti tal-Artikolu 61(3)(b) tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”). Il-Kapitoli tal-Linji Gwida in kwistjoni huma l-applikazzjoni ta’ regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal miżuri meħuda fir-rigward tal-istituzzjonijiet finanzjarji (3) (“Il-Linji Gwida tal-Banek”); ir-rikapitalizzazzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji fil-kriżi finanzjarja kurrenti (4) (“Il-Linji Gwida dwar ir-Rikapitalizzazzjoni”); it-trattament ta’ assi indeboliti fis-settur bankarju taż-ŻEE (5) (“Il-Linji Gwida dwar l-Assi Indeboliti”) u r-ritorn għall-vijabbiltà u l-valutazzjoni tal-miżuri ta’ ristrutturar fis-settur finanzjarju fil-kriżi attwali skont ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat (6) (“Il-linji Gwida għar-Ristrutturar”). Tlieta minn dawk l-erba' Linji Gwida, il-Linji Gwida Bankarji, il-Linji Gwida għar-Rikapitalizzazzjoni u l-Assi Indeboliti, jistabilixxu l-prerekwiżiti għall-kompatibbiltà tat-tipi ewlenin ta’ għajnuna mogħtija mill-Istati tal-EFTA – garanziji fuq l-obbligazzjonijiet, ir-rikapitalizzazzjonijiet u l-miżuri ta'salvataġġ tal-assi – filwaqt li l-Linji Gwida għar-Ristrutturar jispjegaw il-karatteristiċi partikolari li jrid ikollu pjan ta’ ristrutturazzjoni (jew pjan ta’ vijabbiltà) fil-kuntest speċifiku ta’ għajnuna mill-Istat relatata ma’ kriżi mogħtija lill-istituzzjonijiet finanzjarji fuq il-bażi tal-Artikolu 61(3) (b) tal-Ftehim ŻEE.

    2.

    L-erba' Kapitoli tal-Linji Gwida jenfasizzaw in-natura temporanja tal-aċċettabbiltà ta’ dawn il-miżuri ta’ għajnuna; kull wieħed jiddikjara li kwalunkwe miżura ta’ għajnuna bħal din tista' tkun iġġustifikata biss bħala reazzjoni ta’ emerġenza għal pressjoni bla preċedent fis-swieq finanzjarji u biss sakemm ikunu prevalenti dawk iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali. Il-Linji Gwida għar-Ristrutturar huma validi għal għajnuna għar-ristrutturar notifikata sal-31 ta’ Diċembru 2010 filwaqt li Linji Gwida oħra m'għandhomx skadenza.

    3.

    Dawn il-Linji Gwida jistabbilixxu parametri ta’ aċċettabilità temporanja ta’ għajnuna relatata mal-kriżijiet lill-banek mill-1 ta’ Jannar 2011.

    2.   L-applikabbilità tal-Artikolu 61(3)(b) ŻEE u l-estensjoni tal-Linji Gwida għar-Ristrutturar

    4.

    Il-Linji Gwida tal-Awtorità dwar l-għajnuna lill-banek relatata mal-kriżijiet, kif ukoll id-deċiżjonijiet individwali kollha dwar il-miżuri ta’ għajnuna u l-iskemi li jaqgħu fl-ambitu ta’ dawk il-Linji Gwida, huma adottati fuq il-bażi legali tal-Artikolu 61(3)(b) tal-Ftehim ŻEE, li eċċezzjonalment jippermetti għajnuna bħala rimedju għal disturbi serji fl-ekonomija ta’ Stat tal-EFTA. Fl-aktar stadju akut tal-kriżi, il-kundizzjoni ta’ disturb serju kien intlaħaq bla dubju madwar iż-ŻEE minħabba l-pressjoni straordinarja fis-swieq finanzjarji, aktar tard ikkombinata ma’ kontrazzjoni eċċezzjonalment qawwija fl-ekonomija reali.

    5.

    L-irkupru ekonomiku, li beda bil-mod mill-bidu tal-2010, mexa b'pass xi ftit iktar mgħaġġel milli mistenni kmieni fl-2010. Filwaqt li l-irkupru għadu fraġli u żbilanċat madwar iż-ŻEE, xi Stati qed juru rati ta’ tkabbir modesti jew aktar robusti. Barra minn hekk, minkejja xi każijiet ta’ vulnerabbiltà, f'termini wesgħin is-saħħa tas-settur bankarju tjiebet meta mqabbla mas-sitwazzjoni sena ilu. Bħala riżultat, l-eżistenza ta’ disturb serju fl-ekonomija tal-Istati tal-EFTA m'għadhiex evidenti kif kienet fl-istadji bikrin tal-kriżi. Filwaqt li hija konxja minn dawk l-iżviluppi, l-Awtorità xorta tikkunsidra li r-rekwiżiti għal għajnuna mill-Istat li għandhom jiġu approvati skont l-Artikolu 61(3)(b) tal-Ftehim ŻEE ġew sodisfatti fid-dawl tal-pressjoni reċenti li reġgħet dehret fis-swieq finanzjarji u r-riskju ta’ effetti negattivi sekondarji usa', għar-raġunijiet stipulati f' dawn il-Linji Gwida.

    6.

    It-tensjonijiet li reġgħu tfaċċaw fis-swieq sovrani tad-dejn juru bil-qawwa l-volatilità kontinwa fis-swieq finanzjarji. Il-livell għoli ta’ interkonnettività u interdipendenza fi ħdan is-settur finanzjarju fiż-ŻEE tat lok għal tħassib fis-suq dwar il-kontaġju. il-volatilità għolja tas-swieq finanzjarji u l-inċertezza dwar il-prospetti ekonomiċi jiġġustifika ż-żamma, bħala xibka ta’ sikurezza, tal-possibilità għall-Istati tal-EFTA biex jargumentaw il-ħtieġa li jirrikorru għal miżuri ta’ appoġġ relatati mal-kriżijiet fuq il-bażi tal-Artikolu 61(3)(b) tal-Ftehim ŻEE.

    7.

    Għalhekk, il-Linji Gwida Bankarji, il-Linji Gwida għar-Rikapitalizzazzjoni u l-Linji Gwida għall-Assi Indeboliti, li jipprovdu gwida fuq il-kriterji għal kompatibbiltà ta’ għajnuna lill-banek relatata mal-kriżijiet fuq il-bażi tal-Artikolu 61(3)(b) tal-Ftehim ŻEE – notevolment fil-forma ta’ garanziji tal-gvern, rikapitalizzazzjonijiet u miżuri ta’ salvataġġ tal-assi – jeħtieġ li jibqgħu fis-seħħ lil hinn mill-31 ta’ Diċembru 2010. Bl-istess mod, il-Linji Gwida għar-Ristrutturar, li jindirizzaw is-segwitu għal miżuri ta’ appoġġ ta’ dan it-tip, għandhom ukoll jibqgħu applikabbli wara dik id-data. L-ambitu temporali tal-Linji Gwida għar-Ristrutturar – l-uniku wieħed mill-erba' Linji Gwida b'data tal-iskadenza speċifikata, il-31 ta’ Diċembru 2010 – għandu għalhekk ikun estiż għall-għajnuna għar-ristrutturar notifikata sal-31 ta’ Diċembru 2011.

    8.

    Madankollu, il-Linji Gwida jridu jiġu adattati bil-ħsieb ta’ tħejjija għat-tranżizzjoni għal reġim ta’ wara l-kriżi. B'mod parallel, se jkollhom jitħejjew regoli ġodda, permanenti, dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturar tal-banek f'kundizzjonijiet normali tas-suq u jekk il-kundizzjonijiet tas-suq jippermettu, japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2012. Il-possibilità ta’ ħtieġa kontinwa għal għajnuna mill-Istat eċċezzjonali minħabba l-kriżi fis-settur finanzjarju għandha tiġi evalwata fl-interess ta’ dak il-għan. Għandha tiġi indirizzata billi jiġu stabbiliti l-ħtiġijiet għall-kompatibbiltà ta’ din it-tip ta’ għajnuna b'mod li jħejji bl-aħjar mod għas-sistema ġdida għas-salvataġġ u r-ristrutturar tal-banek ibbażata fuq l-Artikolu 61(3)(c) tal-Ftehim ŻEE.

    3.   L-avvanz tal-proċess tal-ħruġ

    9.

    Id-disponibbiltà kontinwa ta’ miżuri ta’ għajnuna skont l-Artikolu 61(3)(b) tal-Ftehim ŻEE fid-dawl ta’ kundizzjonijiet eċċezzjonali fis-suq ma għandhomx jostakolaw il-proċess ta’ diżimpenn minn miżuri temporanji ta’ appoġġ straordinarju. Fil-laqgħa tiegħu tat-2 ta’ Diċembru 2009 il-Kunsill għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji kkonkluda li hemm in-neċessità li tiġi mfassla strateġija għat-tneħħija gradwali tal-miżuri ta’ appoġġ li għandhom ikunu trasparenti u kkoordinati kif xieraq fost l-Istati Membri tal-UE biex jiġu evitati l-effetti negattivi sekondarji iżda jqisu ċirkostanzi speċifiċi differenti madwar l-Istati Membri tal-UE. (7) Il-konklużjonijiet stabbilixxew ukoll li, biprinċipju, il-proċess ta’ eliminazzjoni gradwali li jikkonċerna d-diversi forom ta’ għajnuna lill-banek għandu jibda bil-waqfien tal-iskemi ta’ garanzija mill-gvern, l-inkoraġġiment tal-ħruġ ta’ banek sodi u ta’ banek oħra biex jindirizzaw in-nuqqasijiet tagħhom.

    10.

    Fil-paragrafi li ġejjin, l-Awtorità se tiffissal-istadji tal-eliminazzjoni gradwali fir-rigward tar-rikapitalizzazzjoni u tal-kejl tal-assi indeboliti.

    3.1.   Kundizzjonijiet aktar stretti dwar il-kompatibbiltà ta’ garanziji tal-gvern skont l-Artikolu 61(3)(b) tal-Ftehim ŻEE

    11.

    Mill-1 ta’ Jannar 2011 l-Awtorità se tapplika kundizzjonijiet aktar stretti dwar il-kompatibbiltà ta’ garanziji tal-gvern skont l-Artikolu 61(3)(b) tal-Ftehim ŻEE billi tintroduċi żieda fit-tariffa ta’ garanzija u r-rekwiżit ta’ pjan ta’ vijabbiltà għal benefiċjarji li jkollhom rikors għal garanziji ġodda u li jaqbżu ċertu livell ta’ total ta’ obbligazzjonijiet garantiti pendenti kemm f'termini assoluti kif ukoll f'relazzjoni mal-obbligazzjonijiet totali (8). Għalhekk, sat-30 ta’ Ġunju 2011 jistgħu jiġu awtorizzati skemi ta’ garanzija tal-gvern, fuq il-bażi ta’ dawn il-kundizzjonijiet introdotti mill-1 ta’ Jannar 2011. L-Awtorità se tevalwa mill-ġdid il-kundizzjonijiet rigward il-kompatibbiltà ta’ garanziji tal-Istat lil hinn mit-30 Ġunju 2011 fl-ewwel nofs tal-2011.

    3.1.1.   Kundizzjonijiet tal-ipprezzar

    12.

    L-aċċess għal garanziji tal-gvern kien suġġett għal miżata, li hija determinata wara rakkomandazzjonijiet tal-BĊE. Fil-każ ta’ bond b'maturità ta’ iktar minn sena, il-miżata tinkludi rata fissa ta’ ħlas ta’ 50 punti bażi miżjuda bil-medja ta’ ħames snin ta’ kull bank tal-firxa tat-tpartit ta’ inadempjenza tal-kreditu (“CDS”) ta’ dejn privileġġat osservata fil-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2007 sal-31 ta’ Awwissu 2008 (9).

    13.

    L-element tar-riskju tal-mudell attwali tal-ipprezzar tal-kreditu hija bbażata fuq dejta li toriġina minn qabel il-fażi l-aktar kritika tal-kriżi fl-2008. Il-firxa tat-tpartit ta’ inadempjenza tal-kreditu fil-banek bħalissa hija aktar għolja b'mod sostanzjali minn qabel il-kriżi u x'aktarx se tibqa' hekk. S'issa, dan tqis neċessarju biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għal finanzjament estern għall-banek u b'hekk tiġi salvagwardata l-istabbiltà finanzjarja. Madankollu, l-iżviluppi fis-suq finanzjarju fis-sentejn ta’ wara l-31 ta’ Awwissu 2008, inkluż tibdil fl-istatus tal-kreditu tal-banek, mhux qed jiġu kkunsidrati. Għalhekk, filwaqt li l-aċċess għall-finanzjament tas-suq ġeneralment tjieb, il-banek li ġew żgradati għadhom jibbenefikaw mir-rata ta’ kreditu ta’ qabel il-kriżi u mill-affidabbiltà kredititzja perċepita. Dan iżid il-probabbiltà ta’ tgħawwiġ tal-kompetizzjoni. L-evidenza turi li l-banek bi klassifikazzjoni baxxa jibbenefikaw sproporzjonalment aktar mill-garanziji minn banek bi klassifikazzjoni ogħla għax normalment iħallsu prezz tas-suq ogħla minħabba l-klassifikazzjoni baxxa tagħħom.

    14.

    Sabiex jiġu indirizzati dawn id-distorsjonijiet, l-ipprezzar tas-sostenn tal-gvern għandu jitqarreb lejn il-kundizzjonijiet tas-suq kurrenti, biex jirrifletti aħjar l-affidabbiltà kreditizja attwali tal-banek individwali. De facto, dan jeħtieġ li tiżdied il-miżata ta’ garanzija pagabbli mill-istituzzjonijiet benefiċjarji.

    15.

    Permez ta’ strateġija koordinata fost l-Istati tal-EFTA għandha tiġi promossa t-tneħħija gradwali ta’ skemi ta’ garanzija filwaqt li jinżamm ċertu grad ta’ flessibbiltà biex jitqiesu s-sitwazzjonijiet differenti tal-Istati tal-EFTA u tal-banek tagħhom. Għal dan il-għan, l-Awtorità tqis li jkun xieraq li tindtroduċi żieda minima fil-miżata għal garanziji li għandhom ikunu differenzjati skont l-affidabbiltà kreditizja tal-bank benefiċjarju. Id-differenzjazzjoni bbażata fuq l-affidabbiltà kreditizja ssaħħaħ is-sinjal tal-prezz għal banek iktar dgħajfa, tippermetti li l-prezz tal-garanziji jkun allinjat aħjar mal-profil tar-riskju tal-istituzzjoni benefiċjarja biex b'hekk jitnaqqsu d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni bejn l-istituzzjonijiet u jingħata kontribut fil-protezzjoni ta’ ambjent ekwu għall-banek fis-suq uniku.

    16.

    L-approvazzjoni ta’ estensjoni ta’ skema ta’ garanzija (10) lil hinn mill-1 ta’ Jannar 2011 għalhekk teħtieġ li l-miżata għal garanzija tal-gvern (11) tkun ogħla minn dik msejsa fuq il-formula tal-iffissar tal-prezzijiet irrakkomandata mill-BĊE f'Ottubru 2008 mill-inqas:

    b'20 punt bażi għall-banek bi skala ta’ A + jew A (12)

    bi 30 punt bażi għal banek ikklassifikati A- (13), u

    b'40 punt bażi għall-banek ikklassifikati 'l isfel minn A-. Banek mingħajr klassifika se jitqiesu li jagħmlu parti mill-kategorija ta’ banek bi klassifika BBB (14).

    17.

    L-Istati tal-EFTA jkollhom il-possibbiltà li jmorru lil hinn minn dawn ir-rekwiżiti minimi fid-definizzjoni ta’ top-ups għall-miżata ta’ garanzija. Bħala element ieħor ta’ flessibilità dan jippermetti lill-Istati tal-EFTA li jaġġustaw il-kundizzjonijiet għaċ-ċirkustanzi speċifiċi eżistenti fis-setturi finanzjarji tagħhom, l-Awtorità tista' taċċetta mudell differenti għall-kalkolu ta’ żieda fil-miżata sakemm ikun jista' jintwera mingħajr dubju li din il-formula twassal mill-inqas għaż-żieda minima stipulata hawn fuq fir-rigward tal-banek ikkonċernati (15).

    3.1.2.   Analiżi tal-vijabbiltà tal-banek li għadhom dipendenti fuq dejn pubbliku

    18.

    Fl-istadju attwali tal-evoluzzjoni tal-kundizzjonijiet tas-suq, l-aċċess għal-likwidità fis-suq ma jibqax jirrappreżenta ostaklu serju għal banek kollha kif ġara fil-perjodu l-aktar kritiku tal-kriżi. Għaldaqstant, jidher iġġustifikat li tiġi introdotta differenzjazzjoni fil-kundizzjonijiet mehmużin mal-użu tal-garanziji mill-Istat ibbażata fuq kemm il-banek jistrieħu fuqhom. Filwaqt li l-użu limitat jista' jkun permess mingħajr ma jsir aktar skrutinju, użu akbar kemm f'termini assoluti kif ukoll f'relazzjoni mal-ammonti totali ta’ obbligazzjonijiet tal-bank, għandu jattiva r-rekwiżit ta’ analiżi tal-vijabbiltà bħala prerekwiżit għall-konformità ta’ estensjoni ulterjuri tal-iskemi ta’ garanzija mal-Artikolu 61(3)(b) ŻEE. Jekk proporzjon konsiderevoli tal-finanzjament mehtieg ma jkunx jista' jinkiseb, b'mod persistenti, mingħajr garanziji tal-gvern, dan jista' jindika nuqqas ta’ fiducja fil-vijabbiltà tal-mudell tan-negozju ta’ bank. Għandu jiġi evitat li bank ikollu dipendenza qawwija fuq skemi ta’ garanzija, li kienu mfassla biex jiġu indirizzati diffikultajiet mingħajr preċedent fl-aċċess għal finanzjament, anke meta dawn iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali jkunu naqsu, biex b'hekk possibbilment il-bank seta' jipposponi xi aġġustamenti strutturali meħtieġa.

    19.

    Għalhekk, l-Awtorità tqis xieraq li tiggarantixxi li l-iskemi li jiġu estiżi lil hinn mill-1 ta’ Jannar 2011 għandhom jinkludu limitu dwar il-proporzjon tat-total tal-obbligazzjonijiet garantiti pendenti f'relazzjoni mal-obbligazzjonijiet totali ta’ bank u l-ammont assolut tal-obbligazzjonijiet garantiti li, jekk jiġu maqbuż, jiġi attivat ir-rekwiżit ta’ analiżi tal-vijabbiltà. Għal kwalunkwe bank li jitlob garanziji mill-gvern taħt skema li tkopri dejn ġdid jew imġedded li għandu jinħareġ mill-1 ta’ Jannar 2011 u li jieħu jew iżomm l-ammont totali pendenti ta’ obbligazzjonijiet garantiti lil hinn minn dan il-limitu f'relazzjoni maż-żewġ elementi tagħha (id-daqs assolut u relattiv) (16) l-Istat tal-EFTA kkonċernat ikun meħtieġ li jissottometti reviżjoni li turi l-vijabbiltà fit-tul tal-bank lill-Awtorità fi żmien tliet xhur mill-għoti ta’ garanziji.

    20.

    Dan il-mekkaniżmu ma japplikax għall-banek li huma diġà fir-ristrutturar jew huma obbligati jippreżentaw pjan ta’ ristrutturazzjoni jew li huma diġà soġġetti għal analiżi tal-vijabbiltà pendenti fil-ħin materjali. F'dawk ix-xenarji l-għoti ta’ għajnuna addizzjonali mill-Istat ser ikollha titqies fil-qafas tal-proċess kontinwu tar-ristrutturazzjoni/analiżi tal-vijabbiltà. (17)

    21.

    Il-limitu huwa stabbilit fi proporzjon ta’ 5 % tal-obbligazzjonijiet garantiti pendenti fuq obbligazzjonijiet totali u f'ammont totali ta’ debitu garantit ta’ EUR 500 miljun. Id-determinazzjoni ta’ dan il-limitu ta’ attivazzjoni huwa bbażat fuq analiżi komparattiva li turi li l-maġġoranza l-kbira tal-banek li jużaw garanziji u bħalissa m'għandhomx obbligi ta’ ristrutturazzjoni (u anke proporzjon sinifikanti ta’ banek li huma soġġetti għal dawn l-obbligi) iżommu sew taħt dan il-livell. Fil-każ tal-grupp żgħir iżda mhux negliġibbli ta’ banek li jaqbżu dan il-limitu, huwa ġustifikat li jiġi skrutinizzat jekk dipendenza konsiderevoli fuq garanziji għall-finanzjament tindikax dgħufija aktar strutturali tal-mudelli tan-negozju tagħhom. Il-funzjoni ta’ attivazzjoni tipprovdi incentiv għal banek tajbin biex jibdew process veloci ta’ ritorn għall-finanzjament ibbażat l-aktar jew esklussivament fuq termini ta’ suq mingħajr distorsjoni. Fil-każ tal-banek kollha li jgħaddu minn analiżi tal-vijabbiltà bir-reqqa, jew se tiġi kkonfermata l-vijabbiltà fit-tul tagħhom jew se jkun hemm xi dubji f'dak ir-rigward li se jindikaw il-ħtieġa li jkun indirizzat il-bżonn ta’ ristrutturar aktar mifrux.

    22.

    Fir-rigward tal-kontenut li għandu jiġi pprovdut f'eżerċizzju ta’ analiżi tal-vijabbiltà, tista' ssir referenza għal-Linji Gwida għar-Ristrutturar li jistabilixxu li l-prinċipji dwar l-analiżi ta’ sitwazzjoni ta’ bank bil-ħsieb ta’ restawr tal-vijabbiltà fit-tul fi pjan ta’ ristrutturar japplikaw b'analoġija għal każijiet fejn il-benefiċjarju tal-għajnuna mhuwiex taħt obbligu formali li jippreżenta pjan ta’ ristrutturar, iżda xorta waħda hu meħtieġ li juri l-vijabbiltà fit-tul. B'mod partikolari, il-bank irid juri li l-kapaċità ta’ fondi tiegħu hija soda u, meta meħtieġ għandu jgħaddi minn test ta’ likwidità. (18) L-analiżi tal-vijabbiltà għandha tqis ukoll kwalunkwe fatturi speċifiċi għall-istituzzjonijiet finanzjarji (19) benefiċjarji jew għall-Istat tal-EFTA kkonċernat (20) u l-qagħda tas-swieq finanzjarji li għandhom impatt fuq il-valutazzjoni tal-vijabbiltà u fuq il-valur indikattiv tal-proporzjon ta’ obbligazzjonijiet garantiti bħala parti mill- obbligazzjonijiet totali. Bħala regola ġenerali, iktar ma tkun sinifikanti d-dipendenza fuq il-garanziji tal-gvern u iktar ma tkun marbuta ma’ użu ta’ forom oħra ta’ għajnuna mill-Istat u/jew affidabbiltà kreditizja baxxa (21), iktar tkun qawwija l-indikazzjoni ta’ bżonn ta’ tibdil fil-mudell tan-negozju sabiex tiġi żgurata l-vijabbiltà fit-tul.

    23.

    Il-mekkaniżmu li jattiva l-ħtieġa ta’ reviżjoni tal-vijabbiltà jagħti s-sinjal li l-banek ikollhom iħejju għal ritorn lejn mekkaniżmi normali tas-suq mingħajr appoġġ mill-Istat hekk kif is-settur finanzjarju gradwalment joħroġ minn kundizzjonijiet ta’ kriżi u jerġgħa jirrappreżenta inċentiv għal istituzzjonijiet individwali biex inaqqsu d-dipendenza fuq garanziji mill-gvern jew biex jastjenu għal kollox mill-użu tagħhom. Fl-istess ħin, jagħti flessibbiltà suffiċjenti biex jiġu kkunsidrati ċirkostanzi potenzjalment differenti li jaffettwaw is-sitwazzjoni ta’ banek jew swieq finanzjarji nazzjonali differenti u jipprevedi wkoll il-possibbiltà ta’ deterjorazzjoni ġenerali fir-rigward ta’ stabbiltà finanzjarja li ma tistax tiġi eskluża f'dan l-istadju minħabba fraġilità residwa fl-irkupru tas-swieq finanzjarji.

    4.   It-tnehhija tad-distinzjoni bejn banek sodi u banek f'diffikultà għall-finijiet ta' preżentazzjoni ta’ pjan ta’ ristrutturar

    24.

    Fil-bidu tal-kriżi, l-Awtorità stabbiliet distinzjoni bejn istituzzjonijiet finanzjarji mhux sodi/f'diffikultajiet u istituzzjonijiet finanzjarji li huma essenzjalment sodi, jiġifieri, l-istituzzjonijiet finanzjarji li qed ibatu minn problemi strutturali, endoġenji marbuta pereżempju mal-mudell kummerċjali partikolari tagħhom jew mal-istrateġija tal-investiment u l-istituzzjonijiet finanzjarji li l-problemi tagħhom kienu sempliċement jew fil-biċċa l-kbira tagħhom marbuta mas-sitwazzjoni estrema fil-kriżi finanzjarja u mhux marbuta mas-solidità tal-mudell tan-negozju tagħhom, mal-ineffiċjenza jew ma’ teħid eċċessiv tar-riskju. Id-distinzjoni hija definita b'mod partikolari fuq il-bażi ta’ għadd ta’ indikaturi stabbiliti fil-Linji Gwida għar-Rikapitalizzazzjoni: l-adegwatezza tal-kapital, il-firxa tas-CDS attwali, il-gradazzjoni kurrenti tal-bank u l-prospetti tiegħu kif ukoll, fost ohrajn, id-daqs relattiv tar-rikapitalizzazzjoni. Fir-rigward tal-aħħar, l-Awtorità tqis li l-għajnuna mogħtija taħt forma ta’ rikapitalizzazzjoni u miżuri ta’ salvataġġ tal-assi ta’ aktar minn 2 % tal-assi tal-bank bil-piż differenzjat skont ir-riskju, hija indikatur li jiddistingwi bejn banek li huma essenzjalment sodi u banek li huma f'diffikultà. Ir-rikapitalizzazzjoni ta’ bank f'diffikulta jattiva l-ħtiega li jissottometti pjan ta’ ristrutturazzjoni lill-Awtorità, filwaqt li r-rikapitalizzazzjoni ta’ bank sod jattiva l-ħtiega li jitressaq pjan ta’ vijabbiltà.

    25.

    Ir-raġunament oriġinali għall-istabbiliment ta’ dik id-distinzjoni u għall-issettjar ta’ firxa ta’ indikaturi, inkluż limitu ta’ 2 % tal-assi tal-bank bil-piż differenzjat skont ir-riskju, kien il-biża' li ħtiġijiet tal-kapital li jirriżultaw minn indebolimenti, aspettattivi ogħla tas-swieq fir-rigward tal-livelli kapitali tal-banek u diffikultajiet temporanji biex isibu l-kapital fis-swieq kieku kienu jwasslu għal tnaqqis fis-self minn banek tajbin lill-ekonomija reali sabiex jevitaw li jippreżentaw pjan ta’ ristrutturar meta jirrikorru għal riżorsi tal-Istat. Fil-preżent, madankollu, is-settur bankarju ġenerali qed jiffaċċja inqas diffikultajiet biex isib il-kapital fuq is-swieq jew, inter alia, permezz ta’ profitti miżmuma (22) u għalhekk jistgħu jilħqu l-bżonnijiet kapitali tagħhom mingħajr rikors għall-għajnuna mill-Istat. (23) L-ammont tal-kapital miġbur minn istituzzjonijiet finanzjarji fis-suq żdied b'mod sinifikanti matul l-2009 u l-2010, li juri aċċess imġedded għall-istituzzjonijiet finanzjarji għas-swieq kapitali kif ukoll l-antiċipazzjoni tal-ħtiġijiet regolatorji ġodda. (24)

    26.

    Id-distinzjoni bejn banek sodi u banek f'diffikultà għalhekk m'għadhiex tidher rilevanti għad-determinazzjoni ta’ liema banek għandhom jidhlu f'diskussjoni mal-Awtorità dwar ir-ristrutturar tagħhom. B'riżultat ta’ dan, il-banek li għadhom jirrikorru għall-Istat fl-2011 biex isibu l-kapital jew għal miżuri ta’ assi indeboliti għandhom ikunu meħtieġa jissottomettu lill-Awtorità pjan tar-ristrutturar li juri d-determinazzjoni tal-bank biex jagħmel l-isforzi ta’ ristrutturar meħtieġa u jirritorna għal vijabbiltà mingħajr dewmien mhux ġustifikat. Għalhekk, sa mill-1 ta’ Jannar 2011, se jkun meħtieġ pjan ta’ ristrutturazzjoni minn kull benefiċjarju ta’ rikapitalizzazzjoni ġdida jew miżura għal assi indebboliti. (25)

    27.

    Fl-evalwazzjoni tal-htigiet ta’ ristrutturar tal-banek, l-Awtorità se tikkunsidra s-sitwazzjoni specifika ta’ kull istituzzjoni, sa liema grad dan ristrutturar huwa necessarju sabiex tigi rkuprata l-vijabbiltà mingħajr aktar appogg mill-Istat kif ukoll qabel d-dipendenza fuq l-għajnuna mill-Istat. Bħala regola ġenerali, aktar ma tkun sinifikanti d-dipendenza fuq l-għajnuna mill-Istat, aktar tkun b'saħħitha l-indikazzjoni tal-ħtieġa ta’ ristrutturar fil-fond sabiex tiġi żgurata l-vijabbiltà fit-tul. Barra minn hekk, l-evalwazzjoni individwali ser tqis kwalunkwe sitwazzjoni speċifika fis-swieq u se tapplika l-qafas ta’ ristrutturar b'mod adegwatament flessibbli fil-każ ta’ xokk qawwi li jipperikola l-istabbilità finanzjarja f'wieħed jew aktar mill-Istati tal-EFTA.

    28.

    Il-ħtieġa ta’ pjan ta’ ristrutturar għall-banek li jibbenefikaw minn għajnuna strutturali (jiġifieri, miżuri ta’ rikapitalizzazzjoni u/jew assi indeboliti) – filwaqt li fl-istess ħin jiġi aċċettat li s-sempliċi użu ta’ garanziji ta’ finanzjament mill-ġdid xorta ma jattivax ir-rekwiżit li jiġi ppreżentat pjan ta’ ristrutturar – jagħti s-sinjal li l-banek ikollhom iħejju għal ritorn lejn mekkaniżmi normali tas-suq mingħajr appoġġ mill-Istat hekk kif is-settur finanzjarju gradwalment joħroġ minn kundizzjonijiet ta’ kriżi. Dan jipprovdi incentiv għal istituzzjonijiet individwali li għadhom jeħtieġu l-għajnuna biex iħaffu r-ristrutturar meħtieġ. Fl-istess hin, jagħti flessibbiltà suffiċjenti biex biex jiġu kkunsidrati kif suppost iċ-ċirkostanzi potenzjalment diversi li jaffettwaw is-sitwazzjoni ta’ banek jew swieq finanzjarji nazzjonali differenti. Jipprevedi wkoll il-possibbiltà ta’ deterjorazzjoni ġenerali jew speċifika għall-pajjiż fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja, li ma tistgħax tiġu eskluża fil-preżent, minħabba l-fraġilità residwa fis-sitwazzjoni tas-swieq finanzjarji.

    5.   Ambitu temporali, prospettiva generali

    29.

    L-applikabbiltà kontinwa tal-Artikolu 61(3)(b) tal-Ftehim ŻEE u l-estensjoni tal-Linji Gwida għar-Ristrutturar se japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2011 sal-31 ta’ Diċembru 2011. (26) Din l-estensjoni taħt kundizzjonijiet mibdula għandha titqies ukoll fil-kuntest ta’ tranżizzjoni gradwali għal sistema iktar permanenti ta’ linji gwida dwar għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ banek ibbażata fuq l-Artikolu 61(3)(c) tal-Ftehim ŻEE li għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2012, jekk il-kundizzjonijiet tas-suq jippermettu.


    (1)  Il-Linji Gwida dwar l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tal-Arikoli 61 u 62 tal-Ftehim ŻEE u l-Artikolu 1 tal-Protokol 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti, adottat u maħriġ mill-Awtorità fid-19 ta’ Jannar 1994, ippubblikat fil-ĠU L 231, tat-3.9.1994 u s-Supplement taż-ŻEE Nru 32 tat-3 ta’ Settembru 1994, p. 1. Dawn il-Linji Gwida kienu l-aħħar emendati fis-17 ta’ Diċembru 2008 (“Il-Linji Gwida dwar Għajnuna mill-Istat”). Il-verżjoni aġġornata tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat tinsab fuq il-websjat tal-Awtorità:

    http://www.eftasurv.int/state-aid/legal-framework/state-aid-guidelines/

    (2)  Għall-konvenjenza tal-qarrej, f'dan id-dokument l-istituzzjonijiet finanzjarji qed jissejħu sempliċement.

    (3)  Id-Deċiżjoni 28/09/COL tad-29.1.2009.

    (4)  Id-Deċiżjoni 28/09/COL tad-29.1.2009.

    (5)  Id-Deċiżjoni 191/09/COL tat-22.4.2009.

    (6)  Id-Deċiżjoni 472/09/COL tal-25.11.2009.

    (7)  Dawn il-konklużjonijiet ġew approvati mill-Kunsill Ewropew fil-laqgħa tiegħu fil-11 ta’ Diċembru 2009. Bl-istess mod, il-Parlament Ewropew insista fir-Riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta’ Marzu 2010 dwar ir-Rapport dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni 2008

    (http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?type=TA&language=EN&reference=P7-TA-2010-0050) li l-appoġġ mill-istat lill-istituzzjonijiet finanzjarji m'għandux jittawwal bla bżonn u li l-istrateġiji ta’ ħruġ għandhom ikunu żviluppati mill-aktar fis possibbli.

    (8)  Bi klawżola ta’ flessibilità li tippermetti li ssir rivalutazzjoni tas-sitwazzjoni u li jittieħdu rimedji xierqa fil-każ ta’ xokk qawwi ġdid għas-swieq finanzjarji fiż-ŻEE jew f'xi Stat Membru jew aktar tal-EFTA.

    (9)  Ara http://www.ecb.int/pub/pdf/other/recommendations_on_guaranteesen.pdf.

    (10)  Notifiki individwali barra skema ta’ garanziji tal-gvern ġeneralment jeħtieġu ħlas ta'garanzija fuq l-istess linji. Fejn il-benefiċjarju għandu obbligi ta’ ristrutturazzjoni u miżata aktar baxxa tista' tkun ġustifikata skont iċ-ċirkostanzi speċifiċi, din id-devjazzjoni se jkollha tiġi kkunsidrata fl-evalwazzjoni globali tar-ristrutturar u fil-miżuri meħtieġa biex jitnaqqsu għall-minimu l-ostakli għall-kompetizzjoni.

    (11)  Dan jinkludi garanziji li jkopru r-responsabbiltajiet ta’ sena jew inqas.

    (12)  Jew A1 u A2 skont is-sistema ta’ klassifikazzjoni użata.

    (13)  Jew A3 skont is-sistema ta’ klassifikazzjoni użata.

    (14)  Fil-każ li jkun hemm evalwazzjonijiet diverġenti minn agenziji differenti ta’ klassifika, il-klassifika rileventi għall-kalkolu tat-tariffa għandha tkun l-ogħla klassifika. Il-ħin materjali għall-klassifika fid-determinazzjoni tat-tariffa ta’ garanzija huwa dak fil-jum meta tingħata l-garanzija fir-rigward ta’ ħarġa speċifika ta’ bonds mill-benefiċjarju.

    (15)  Pereżempju, aġġornament tal-perjodu ta’ referenza CDS stipulat fir-rakkomandazzjonijiet tal-BĊE ta’ Ottubru 2008 li jwassal b'mod ċar għal żieda ta’ mill-inqas 20 bp fil-każ ta’ banek li għandhom rata A+, 30 bp fil-każ ta’ banek li għandhom rata A- u 40bp fil-każ ta’ banek b'rata inqas minn A-.

    (16)  Il-valutazzjoni se titwettaq meta Stat tal-EFTA jirċievi l-applikazzjoni għal approvazzjoni ta’ garanziji għall-ħruġ ta’ dejn ġdid jew imġedded mill-1 ta’ Jannar 2011 u se tinkludi l-ammont tad-dejn li għandu jiġi kopert mill-garanziji mitluba kif ukoll l-obbligazzjonijiet garantiti pendenti kollha eżistenti f'relazzjoni mat-total tal-karta tal-bilanċ/passiv fil-ħin materjali. L-obbligazzjonijiet pendenti li jaqbżu l-limitu minħabba ħruġ qabel l-1 ta’ Jannar 2011 ma jeħtiġux analiżi tal-vijabbiltà sakemm il-bank ma jirrikorrix għall-ħruġ ta'dejn ġdid li jżomm l-obbligazzjonijiet garantiti 'l fuq mil-limitu.

    (17)  Pereżempju, meta bank ikun diġà għaddej minn analiżi tal-vijabbiltà minħabba rikapitalizzazzjoni u l-limitu għal garanziji jinqabeż, ir-reviżjoni trid tiġi estiża biex jiġu indirizzati r-raġunijiet għalfejn il-bank ikompli jistrieħ fuq garanziji mill-Istat, jiġi inkluż test ta’ likwidità, u biex jiġi analizzat jekk u sa liema punt huwa previst l-użu ulterjuri ta’ garanzija mill-Istat.

    (18)  Il-Linji Gwida dwar ir-Ristruttur, punt 8 u t-taqsima 2, li jagħmlu referenza wkoll għat-taqsimiet relatati fil-punt 40 tal-Linji Gwida dwar ir-Rikapitalizzazzjoni u fl-Anness V tal-Linji Gwida dwar l-Assi Indeboliti.

    (19)  Inkluż, pereżempju, proporzjon ogħla ta’ debiti ggarantiti li jiġi spjegat permezz ta’ sforz partikolari biex jiġi sostnun jew miżjud is-self lill-ekonomija reali fl-interess pubbliku u bl-appoġġ tal-Istat EFTA kkonċernat, sakemm dan ikun kompatibbli mas-suq uniku.

    (20)  B'kunsiderazzjoni xierqa tas-sitwazzjoni makroekonomika tal-Istat EFTA b'mod ġenerali, u b'mod partikolari ta’ dawk l-elemenit bħar-riskju sovran li jkollu impatt dirett fuq it-termini ta’ aċċess għall-iffinanzjar ta’ banek li jinsabu fl-Istat EFTA.

    (21)  Kif espressi f'gradazzjoni tal-benefiċjarju jew firxa tas-CDS.

    (22)  Sabiex tiżdied il-protezzjoni tal-kapital, il-banek iddeċidew li jbiegħu assi mhux strateġiċi bħal parteċipazzjonijiet industrijali, jew biex jiffukaw fuq setturi ġeografiċi speċifiċi. Ara fuq dan il-punt il-Bank Centrali Ewropew, L-Istabbiltà tas-Settur Bankarju tal-UE, Settembru 2010.

    (23)  Skont il-Bank Ċentrali Ewropew, il-proporzjon tas-solvenza kumplessiv tal-banek żdied sostanzjalment matul l-2009 fl-Istati Membri kollha tal-UE. Barra minn hekk, informazzjoni għal kampjun ta’ banek kbar fl-Unjoni Ewropea tissuġġerixxi li t-titjib f'proporzjonijiet tal-kapital kompla sal-ewwel nofs tal-2010, appoġġjat minn żieda fil-qligħ miżmum kif ukoll minn aktar kapital privat u injezzjonijiet kapitali pubbliċi għal uħud mill-banek. Ara l-Bank Centrali Ewropew: L-Istabbiltà tas-Settur Bankarju tal-UE, Settembru 2010.

    (24)  L-ambjent regolatorju futur imfassal mill-Kumitat ta’ Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja (BCBS), imsejjaħ Basel III, jistabilixxi triq għall-implimentazzjoni ta’ regoli ġodda dwar il-kapital li għandhom jippermettu lill-banek li jilħqu l-bżonnijiet kapitali ġodda matul iż-żmien. F'dan il-kuntest, huwa interessanti li wieħed jinnota li, l-ewwel, ħafna mill-akbar banek fl-Unjoni Ewropea saħħew il-protezzjoni kapitali tagħhom matul l-aħħar sentejn biex iżidu l-kapaċità għall-assorbiment tat-telf tagħhom u, it-tieni, il-banek l-oħra tal-Unjoni Ewropea għandhom ikollhom biżżejjed żmien (sal-2019) sabiex jibnu protezzjoni kapitali permezz ta', fost oħrajn, tfaddil. Għandu jiġi nnutat ukoll li “arranġamenti tranżitorji” ipprovduti bil-qafas regolatorju l-ġdid stabbilixxew perjodu ta’ “grandfathering period” sal-1 ta’ Jannar 2018 għal injezzjonijiet tal-kapital eżistenti fis-settur pubbliku. Barra minn hekk, impatt kwantitattiv tal-valutazzjoni magħmul mill-Kumitat ta’ Basel, ikkonfermat mill-kalkoli tal-Kummissjoni, jindika pjuttost impatt moderat fuq is-self mill-banek. Għalhekk, il-htigijiet godda tal-kapital mhumiex mistennija li jaffettwaw il-proposta deskritta f'dawn il-Linji Gwida.

    (25)  Dan se japplika għal miżuri kollha ta’ rikapitalizzazzjoni jew assi indeboliti, irrispettivament minn jekk humiex maħsuba bħala miżuri individwali jew mogħtija fil-kuntest ta’ skema.

    (26)  Skemi ta’ appoġġ għal banek eżistenti jew ġodda (irrispettivament mill-istrumenti ta’ appoġġ li fihom: garanzija, rikapitalizzazzjoni, likwidità, salvataġġ tal-assi, oħrajn) se jiġu estiżi/approvati biss għal perjodu ta’ sitt xhur sabiex ikunu possibbli aktar aggustamenti, jekk mehtieg, f 'nofs l-2011.


    Top