EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document E2009C0532

Deċiżjoni tal-Awtorità tas-Sorveljanza tal-EFTA Nru 532/09/COL tas- 16 ta’ Diċembru 2009 li temenda, għas-76 darba, ir-regoli proċedurali u sostantivi fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat billi ddaħħal kapitlu ġdid dwar il-kriterji għall-analiżi tal-kumpatibbilità tal-għajnuna mill-Istat għall-ingaġġ ta’ ħaddiema żvantaġġati u b’diżabilità, soġġetta għal notifika individwali

ĠU L 332, 15.12.2011, p. 14–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/532(2)/oj

15.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 332/14


DEĊIŻJONI TAL-AWTORITÀ TAS-SORVELJANZA TAL-EFTA

Nru 532/09/COL

tas-16 ta’ Diċembru 2009

li temenda, għas-76 darba, ir-regoli proċedurali u sostantivi fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat billi ddaħħal kapitlu ġdid dwar il-kriterji għall-analiżi tal-kumpatibbilità tal-għajnuna mill-Istat għall-ingaġġ ta’ ħaddiema żvantaġġati u b’diżabilità, soġġetta għal notifika individwali

L-AWTORITÀ TA’ SORVELJANZA TAL-EFTA (1),

WARA LI KKUNSIDRAT il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (2), b’mod partikolari l-Artikoli 61 u 63 u l-Protokoll 26 tiegħu,

WARA LI KKUNSIDRAT il-Ftehim bejn l-Istati tal-EFTA dwar il-Ħolqien ta’ Awtorità tas-Sorveljanza u Qorti tal-Ġustizzja (3), u partikolarment l-Artikolu 24 u l-Artikolu 5(2)(b) tiegħu,

FILWAQT LI TFAKKAR ir-Regoli Proċedurali u Sostantivi fil-Qasam tal-Għajnuna mill-Istat adottati fid-19 ta’ Jannar 1994 mill-Awtorità (4),

Billi:

Taħt l-Artikolu 24 tal-Ftehim tas-Sorveljanza u l-Qorti, l-Awtorità għandha ddaħħal fis-seħħ id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim taż-ŻEE dwar l-għajnuna mill-Istat,

Taħt l-Artikolu 5(2)(b) tal-Ftehim tas-Sorveljanza u l-Qorti, l-Awtorità għandha toħroġ avviżi jew linji gwida dwar kwistjonijiet trattati fil-Ftehim taż-ŻEE, jekk dak il-Ftehim jew il-Ftehim tas-Sorveljanza u l-Qorti jipprovdu hekk espressivament jew jekk l-Awtorità tqis li hu meħtieġ,

Fil-11 ta’ Awwissu 2009, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat Komunikazzjoni dwar il-kriterji għall-analiżi tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat għall-impjieg ta’ ħaddiema żvantaġġati u b’diżabilità soġġetta għal notifika individwali (5).

Dik il-Komunikazzjoni hija wkoll rilevanti għaż-Żona Ekonomika Ewropea,

L-applikazzjoni uniformi tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat taż-ŻEE għandha tkun żgurata fiż-Żona Ekonomika Ewropea kollha,

Skont il-punt II taħt it-titolu “ĠENERALI” fl-aħħar tal-Anness XV tal-Ftehim taż-ŻEE, l-Awtorità, wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni, għandha tadotta atti li jkunu jikkorrispondu ma’ dawk li adottati mill-Kummisssjoni Ewropea,

L-Awtorità kkonsultat lill-Kummissjoni Ewropea permezz ta’ ittra dwar is-suġġett, bid-data tas-27 ta’ Novembru 2009 (Avveniment Nru 538332) u lill-Istati tal-EFTA permezz ta’ ittra dwar is-suġġett, bid-data tas-16 ta’ Ottubru 2009 (Avveniment Nru 5333819, 533835 u 533836),

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Linji-Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat għandhom jiġu emendati billi jiddaħħal kapitolu ġdid dwar il-kriterji għall-analiżi tal-kumpatibbiltà tal-għajnuna mill-istat għall-ingaġġ ta’ ħaddiema żvantaġġati jew b’diżabilità, soġġetta għal notifika individwali. Il-kapitolu l-ġdid jinsab fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-verżjoni bl-Ingliż biss hija awtentika.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Diċembru 2009.

Għall-Awtorità ta’ Sorveljanza ta’ l-EFTA

Per SANDERUD

Il-President

Kristján Andri STEFÁNSSON

Membru tal-Kulleġġ


(1)  Minn hawn ’il quddiem imsejħa l-Awtorità.

(2)  Minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-Ftehim taż-ŻEE.

(3)  Minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti.

(4)  Il-Linji Gwida dwar l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tal-Artikoli 61 u 62 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE u l-Artikolu 1 tal-Protokoll 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti, adottati u maħruġin mill-Awtorità fid-19 ta’ Jannar 1994, ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ ĠU) L 231; 3.9.1994 p. 1 u fis-Supplimenti taż-ŻEE Nru 32 tat-3.9.1994 p. 1. Minn hawn ’il quddiem imsejħa l-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat. Il-verżjoni aġġornata tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat tinsab fuq il-websjat tal-Awtorità: http://www.eftasurv.int/state-aid/legal-framework/state-aid-guidelines/

(5)  Ippubblikat fil-ĠU L 188, 11.8.2009, p. 6.


ANNESS

KRITERJI GĦALL-ANALIŻI TAL-KOMPATIBBILTÀ TAL-GĦAJNUNA MILL-ISTAT GĦALL-INGAĠĠ TA’ ĦADDIEMA ŻVANTAĠĠATI U B’DIŻABILITÀ SOĠĠETTA GĦAL NOTIFIKA INDIVIDWALI  (1)

1.   Introduzzjoni

1.

Fost l-għanijiet tal-Ftehim taż-ŻEE u tal-Istati EFTA hemm il-promozzjoni tal-impjiegi u tal-politika soċjali (2). Il-qagħad, u b’mod partikolari, il-qagħad strutturali fost ċerti kategoriji ta’ ħaddiema, għadu problema f’ċerti naħat tal-Istati tal-EFTA. L-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ sussidji għall-ispejjeż tal-pagi, fejn l-ispiża għall-pagi tfisser l-ammont totali li jitħallas attwalment mill-benefiċjarju tal-għajnuna fir-rigward tal-impjieg ikkonċernat, li jinkludi: (a) il-paga gross, qabel it-taxxa; U (b) il-kontribuzzjonijiet obbligatorji, bħal ħlasijiet tas-sigurtà soċjali; u (c) l-ispejjeż għall-kura tat-tfal u tal-ġenituri (“sussidji ta’ pagi”) tista’ tipprovdi inċentivi addizzjonali għall-impriżi biex iżidu l-livelli tagħhom ta’ ingaġġ ta’ ħaddiema żvantaġġati u b’diżabilità. L-għan ta’ tali għajnuna huwa, għalhekk, li jinkoraġġixxi r-reklutaġġ tal-kategoriji ta’ ħaddiema fil-mira.

2.

Dan il-Kapitolu jagħti gwida dwar il-kriterji li se tapplika l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA (minn issa ‘l quddiem “l-Awtorità”) meta tiġi biex tevalwa l-għajnujna mill-istat fil-forma ta’ sussidji fuq il-pagi li jkunu jinħtieġu li jiġu notifikati individwalment skont l-Artikolu 6(1)(h) u (i) tal-Att imsemmi fil-punt 1j tal-Anness XV tal-Ftehim taż-ŻEE (ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008 tas-6 ta’ Awwissu 2008, li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna bħala kompatibbli mas-suq komuni (Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa))  (3), kif adattat għall-Ftehim taż-ŻEE permezz tal-Protokoll 1 tiegħu (4) (minn issa ‘l quddiem “ir-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa”). Din il-gwida hija maħsuba biex tagħmel ir-raġunament tal-Awtorità trasparenti u biex toħloq prevedibbiltà u ċertezza legali.

3.

Din il-gwida tapplika għal għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ sussidji ta’ pagi għal ħaddiema żvantaġġati, ħaddiema żvantaġġati serjament u ħaddiema b’diżabilità fis-sens tal-Artikolu 2(18), (19) u (20) tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa. Kull miżura individwali, kemm jekk tingħata ad hoċ kif ukoll jekk tingħata abbażi ta’ skema, sejra tkun soġġetta għal din il-gwida meta l-ekwivalenti tal-għotja tagħha taqbeż EUR 5 miljun għal kull impriża fis-sena għall-impjieg ta’ ħaddiema żvantaġġati u ħaddiema żvantaġġati serjament (iktar ‘il quddiem flimkien jissejħu “ħaddiema żvantaġġati”) u EUR 10 miljun għal kull impriża fis-sena għall-impjieg ta’ ħaddiema b’diżabilità (5).

4.

Il-kriterji stabbiliti f’din il-gwida mhux ser jiġu applikati b’mod mekkaniku. Il-livell tal-valutazzjoni mill-Awtorità u t-tip ta’ informazzjoni li tista’ titlob se jkunu proporzjonati għar-riskju ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni. L-ambitu tal-analiżi se jiddependi fuq in-natura tal-każ.

2.   Effetti pożittivi tal-għajnuna

2.1.   L-eżistenza ta’ għan ta’ interess komuni

5.

Ċerti kategoriji ta’ ħaddiema jgħaddu minn diffikultajiet partikolari biex isibu impjieg, għaliex min iħaddem jikkunsidrahom bħala inqas produttivi jew inkella għaliex ikollu preġudizzju kontrihom. Din il-produttività aktar baxxa pperċepita jew reali tista’ tkun dovuta jew għal minħabba nuqqas ta’ esperjenza reċenti ta’ impjieg (pereżempju, ħaddiema żgħażagħ jew ħaddiema li ilhom qiegħda għal perjodu twil) jew għal xi diżabilità permanenti. Minħabba l-produttività aktar baxxa pperċepita jew reali tagħhom il-ħaddiema x’aktarx li jispiċċaw esklużi mis-suq tax-xogħol jekk min iħaddem ma jingħatax kumpens biex dawn il-persuni jiġu impjegati.

6.

Hija xewqa soċjali li l-kategoriji kollha ta’ ħaddiema jkunu integrati fis-suq tax-xogħol. Dan ifisser li sehem mid-dħul nazzjonali jista’ jiġi distribwit mill-ġdid lill-kategoriji ta’ ħaddiema kkonċernati mill-miżuri. L-għajnuna mill-Istat tista’ tgħin lil ħaddiema żvantaġġati u b’diżabilità biex jidħlu fis-suq tax-xogħol jew jibqgħu fis-suq tax-xogħol billi tkopri l-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw mill-produttività aktar baxxa pperċepita jew reali tagħhom.

7.

L-Istati tal-EFTA għandhom juru li l-għajnuna se tindirizza l-għan ta’ interess komuni. Fl-analiżi tagħha, fost affarijiet oħra, l-Awtorità se tikkunsidra l-elementi li ġejjin:

(a)

in-numru u l-kategoriji ta’ ħaddiema kkonċernati mill-miżura;

(b)

ir-rati ta’ impjieg tal-kategoriji ta’ ħaddiema kkonċernati mill-miżura fuq livell nazzjonali u/jew reġjonali u fl-intrapriża kkonċernata jew fl-intrapriżi kkonċernati;

(c)

ir-rati tal-qgħad għall-kategoriji ta’ ħaddiema kkonċernati mill-miżura fuq livell nazzjonali u/jew reġjonali;

(d)

sottogruppi li jkunu partikolarment imwarrba fi ħdan il-kategoriji aktar wiesgħa ta’ ħaddiema b’diżabbiltà u oħrajn żvantaġġati.

2.2.   L-għajnuna mill-Istat bħala strument politiku adegwat

8.

L-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ sussidji fuq il-pagi mhuwiex l-uniku strument politiku disponibbli għall-Istati EFTA biex jitkattar l-impjieg ta’ ħaddiema żvantaġġati u b’diżabilità. L-Istati tal-EFTA jistgħu wkoll jużaw miżuri ġenerali bħat-tnaqqis fl-intaxxar tal-ispejjeż tax-xogħol u dawk soċjali, it-tkattir tal-investiment fl-edukazzjoni u fit-taħriġ, miżuri biex jipprovdu gwida u pariri, għajnuna u taħriġ għall-persuni qiegħda u titjib fil-liġi dwar ix-xogħol.

9.

Meta l-Istat tal-EFTA jkun ikkunsidra għażliet politiċi oħrajn, u l-vantaġġi li jintuża strument selettiv bħall-għajnuna mill-Istat għal impriża speċifika jkunu stabbiliti, il-miżuri kkonċernati jitqiesu li jikkostitwixxu strument adegwat. L-Awtorità sejra tikkunsidra b’mod partikolari kull valutazzjoni tal-impatt tal-miżura proposta li l-Istat Membru għandu mnejn ikun għamel.

2.3.   L-effett ta’ inċentiv u l-ħtieġa tal-għajnuna

10.

L-għajnuna mill-Istat għall-impjieg ta’ ħaddiema żvantaġġati u b’diżabilità trid twassal biex il-benefiċjarju tal-għajnuna jibdel l-imġiba tiegħu biex l-għajnuna tirriżulta f’żieda netta fin-numru ta’ ħaddiema żvantaġġati jew b’diżabilità fl-impriża kkonċernata. Impjegati żvantaġġati jew b’diżabilità li ġew irreklutati reċentement għandhom jimlew biss postijiet li nħolqu dan l-aħħar jew postijiet li sfaw battala minħabba tluq volontarju, diżabilità, irtirar minħabba l-età, tnaqqis volontarju fis-sigħat ta’ xogħol jew inkella minħabba tkeċċija legali għal imġiba ħażina. Postijiet li jinħolqu minħabba tkeċċija m’għandhomx jimtlew b’ħaddiema żvantaġġati jew b’diżabilità li jkunu sussidjati. Għalhekk, l-għajnuna mill-Istat ma tistax tintuża biex ikunu sostitwiti ħaddiema li fir-rigward tagħhom l-impriża ma tkunx aktar qed tirċievi sussidju u li, għaldaqstant, ikunu tkeċċew.

11.

L-Istati tal-EFTA għandhom jagħtu prova lill-Awtorità tal-eżistenza tal-effett ta’ inċentiv u l-ħtieġa tal-għajnuna. L-ewwel nett, il-benefiċjarju jrid ikun issottometta applikazzjoni għall-għajnuna lill-Istat tal-EFTA kkonċernat qabel ma jkunu ġew impjegati l-kategoriji ta’ ħaddiema kkonċernati mill-miżuri. It-tieni, l-Istat tal-EFTA jrid juri li l-għajnuna tkun qed titħallas fir-rigward ta’ impjegat żvantaġġat jew b’diżabilità f’impriża, fejn ir-reklutaġġ ma kienx isir mingħajr l-għajnuna.

12.

Fl-analiżi tagħha, fost affarijiet oħra, l-Awtorità se tikkunsidra l-elementi li ġejjin:

(a)

id-dokumenti interni tal-benefiċjarju tal-għajnuna dwar l-ispejjeż tal-impjieg fir-rigward tal-kategoriji ta’ ħaddiema kkonċernati mill-miżura għal żewġ xenarji: bl-għajnuna u mingħajr l-għajnuna;

(b)

is-sussidji ta’ pagi eżistenti jew tal-passat fl-impriża kkonċernata: il-kategoriji u n-numru ta’ ħaddiema soġġetti għal sussidji;

(c)

il-fatturat annwali tal-kategoriji ta’ ħaddiema kkonċernati mill-miżura.

2.4.   Proporzjonalità tal-għajnuna

13.

L-Istat tal-EFTA jrid juri li l-għajnuna hija meħtieġa u li l-ammont qiegħed jinżamm baxx kemm jista’ jkun sabiex jintlaħaq l-għan tal-għajnuna.

L-Istati tal-EFTA jridu jipprovdu evidenza li l-ammont tal-għajnuna ma jaqbiżx l-ispejjeż addizzjonali netti biex jiġu impjegati l-kategoriji ta’ ħaddiema kkonċernati mill-miżura meta mqabbel mal-ispejjeż biex jiġu impjegati ħaddiema li mhumiex żvantaġġati jew li m’għandhomx diżabilità (6).

F’kull każ, l-intensitajiet tal-għajnuna m’għandhom qatt jaqbżu dawk stipulati fl-Artikoli 40 (7) u 41 (8) tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa. L-ispejjeż eliġibbli, li għalihom għandhom ikunu applikati l-intensitajiet tal-għajnuna, iridu jiġu kkalkulati skont l-Artikoli 40 (9) u 41 (10) tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa.

3.   L-effetti negattivi tal-għajnuna

14.

Jekk l-għajnuna tkun proporzjonata biex jintlaħaq l-għan tal-għajnuna, l-effetti negattivi tal-għajnuna x’aktarx ikunu limitati u għandu mnejn li l-analiżi tal-effetti negattivi ma tkunx meħtieġa. Madankollu, f’xi każijiet, anki fejn l-għajnuna tkun meħtieġa u proporzjonata għal impriża speċifika sabiex iżżid l-impjieg ta’ kategoriji ta’ ħaddiema kkonċernati mill-miżura, l-għajnuna tista’ twassal għal bidla fl-imġiba tal-benefiċjarju li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni b’mod sinifikanti. F’dawn il-każijiet l-Awtorità se tagħmel analiżi tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni. Il-kobor tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżata mill-għajnuna jista’ jvarja skont l-arranġamenti tal-għajnuna u l-karatteristika tas-swieq affettwati (11).

15.

L-arranġamenti tal-għajnuna li jistgħu jaffettwaw il-probabbiltà u l-kobor tad-distorsjoni huma:

(a)

is-selettività;

(b)

id-daqs tal-għajnuna;

(c)

ir-ripetizzjoni u t-tul tal-għajnuna;

(d)

l-effett tal-għajnuna fuq l-ispejjeż tal-impriża.

16.

Pereżempju, skema ta’ għajnuna wżata biex tinkoraġġixxi lill-impriżi inġenerali fi Stat tal-EFTA sabiex jimpjegaw aktar ħaddiema żvantaġġati jew b’diżabilità x’aktarx ikollha effett differenti fuq is-suq minn ammont kbir ta’ għajnuna mogħti ad hoċ lil impriża waħda sabiex din tkun tista’ żżid l-impjieg ta’ ċerta kategorija ta’ ħaddiema. Din tal-aħħar x’aktarx toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni b’mod aktar sinifikanti billi l-kompetituri tal-benefiċjarju tal-għajnuna jsiru inqas kapaċi li jikkompetu. Id-distorsjoni tkun saħansitra akbar jekk l-ispejjeż tax-xogħol fin-negozju tal-benefiċjarju jirrappreżentaw sehem kbir mill-ispejjeż totali.

17.

Fil-valutazzjoni tal-karatteristiċi tas-suq, li jistgħu jagħtu stampa ferm aktar preċiża tal-impatt probabbli ta’ għajnuna, l-Awtorità se tikkunsidra fost ħwejjeġ oħra:

(a)

l-istruttura tas-suq;

(b)

il-karatteristiċi tas-settur jew tal-industrija;

(c)

is-sitwazzjoni fis-suq tax-xogħol nazzjonali/reġjonali.

18.

L-istruttura tas-suq tiġi vvalutata permezz tal-konċentrazzjoni tas-suq, id-daqs tal-impriżi (12), l-importanza tad-differenzjazzjoni tal-prodott (13), kif ukoll l-ostakli għad-dħul u l-ħruġ. L-ishma tas-suq u l-proporzjonijiet tal-konċentrazzjoni se jiġu kkalkulati ladarba jiġi definit is-suq rilevanti. B’mod ġenerali, inqas ma jkun hemm impriżi, akbar ikun is-sehem tagħhom tas-suq, u inqas tkun il-kompetizzjoni li wieħed jistenna li josserva (14). Jekk is-suq affettwat ikun wieħed kkonċentrat b’ostakli kbar għad-dħul (15) u dak li jibbenefika mill-għajnuna jkollu sehem kbir fih, x’aktarx ikun hemm aktar possibbiltà li l-kompetituri jkollhom jibdlu l-imġiba tagħhom b’reazzjoni għall-għajnuna, pereżempju billi jipposponu jew jabbandunaw l-introduzzjoni ta’ prodott jew ta’ teknoloġija ġdida jew inkella billi joħorġu mis-suq għal kollox.

19.

L-Awtorità se tqis ukoll il-karatteristiċi tas-settur, bħall-eżistenza ta’ kapaċità eċċessiva u jekk is-swieq fl-industrija humiex qegħdin jikbru (16), humiex maturi jew humiex sejrin lura. Pereżempju, il-preżenza ta’ kapaċità eċċessiva jew ta’ swieq maturi f’industrija tista’ żżid ir-riskju ta’ għajnuna li twassal għall-ineffiċjenza u għall-ispostament tal-produzzjoni fost impriżi li ma jkollhomx ħaddiema sussidjati.

20.

Fl-aħħar nett, il-miżura trid jitpoġġa fil-kuntest tas-sitwazzjoni fis-suq tax-xogħol, jiġifieri r-rati ta’ qgħad u ta’ impjieg, il-livelli tal-pagi, u l-liġi tax-xogħol.

21.

Is-sussidji ta’ pagi jistgħu f’xi każijiet partikolari jwasslu għad-distorsjoni tal-kompetizzjoni diskussa fil-paragrafi 22 sa 27.

L-effett ta’ sostituzzjoni u ta’ spostament

22.

L-effett ta’ sostituzzjoni jikkonċerna s-sitwazzjoni fejn l-impjiegi mogħtija lil ċerta kategorija ta’ ħaddiema sempliċement jinbidlu f’impjiegi għal kategoriji oħra. Sussidju ta’ pagi li jkun immirat għal sottogrupp speċifiku ta’ ħaddiema jaqsam il-forza tax-xogħol f’ħaddiema ssussidjati u ħaddiema mhux issussidjati, u jista’ jħajjar lill-impriżi biex jissostitwixxu ħaddiema mhux issussidjati b’ħaddiema ssussidjati. Dan iseħħ għaliex l-ispejjeż relattivi tal-pagi għall-ħaddiema ssussidjati u għall-ħaddiema mhux issussidjati jkunu nbidlu (17).

23.

Minħabba li impriżi li jimpjegaw ħaddiema ssussidjati u dawk li ma jimpjegawx ħaddiema ssussidjati jikkompetu fl-istess swieq għal oġġetti u servizzi, is-sussidji ta’ pagi jistgħu jikkontribwixxu għat-tnaqqis fl-impjiegi x’imkien ieħor fl-ekonomija. Tali sitwazzjoni sseħħ meta impriża li timpjega ħaddiema ssussidjati żżid il-produzzjoni, iżda tisposta l-produzzjoni fost impriżi li ma jimpjegawx ħaddiema ssussidjati u, għaldaqstant, l-għajnuna telimina l-impjiegi mhux issussidjati.

Dħul fis-suq u ħruġ minnu

24.

Spejjeż tal-impjiegi jifformaw parti mill-ispejjez amministrattivi normali ta’ kull impriża. Għalhekk, huwa importanti b’mod partikolari li l-għajnuna jkollha effett pożittiv fuq l-impjieg u m’għandhiex tippermetti biss lill-impriżi jnaqqsu l-ispejjeż li altrimenti kien ikollhom iġarrbu. Pereżempju, is-sussidji ta’ pagi jnaqqsu l-ispejjeż rikorrenti tal-produzzjoni u għalhekk jagħmlu d-dħul fis-suq aktar attraenti u jagħmluha possibbli għal impriżi li altrimenti jkollhom prospetti kummerċjali dgħajfa biex jidħlu fis-suq jew jintroduċu prodotti ġodda għad-detriment ta’ kompetituri aktar effiċjenti.

25.

Id-disponibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat tista’ taffettwa wkoll id-deċiżjoni ta’ impriża li toħroġ minn suq li fih tkun diġà qed topera. Sussidji ta’ pagi jistgħu jnaqqsu d-daqs tat-telf u jagħmluha possibbli li impriża tibqa’ fis-suq għal żmien itwal – li jista’ jfisser li impriżi oħra, iżjed effiċjenti li ma jirċevux għajnuna jiġu sfurzati joħorġu huma minflok.

Inċentivi ta’ investiment

26.

Fis-swieq fejn jingħataw is-sussidji fil-pagi, l-impriżi jiġu skuraġġuti milli jikkompetu u dawn jistgħu jnaqqsu l-investimenti tagħhom u jippruvaw iżidu l-effiċjenza u l-innovazzjoni. Il-benefiċjarju tal-għajnuna jista’ jdewwem l-introduzzjoni ta’ teknoloġiji li jkunu jinħtieġu anqas ħaddiema minħabba bidla fil-kosti relattivi għal metodi ta’ produzzjoni li jkunu jinħtieġu ħafna ħaddiema, u użu qawwi ta’ teknoloġija. Produtturi ta’ prodotti li jikkompetu ma’ xulxin jew li jikkomplementaw lil xulxin jistgħu wkoll inaqqsu jew idewmu l-investiment tagħhom. Għaldaqstant, il-livell ta’ investiment ġenerali fl-industrija kkonċernata se jonqos.

Effett fuq il-flussi tal-kummerċ

27.

Sussidji ta’ pagi f’reġjun partikolari jistgħu jwasslu biex ċerti territorji jibbenefikaw minn kundizzjonijiet ta’ produzzjoni aktar favorevoli minn oħrajn. Dan jista’ jwassal għall-ispostament tal-flussi tal-kummerċ favur ir-reġjuni fejn tingħata tali għajnuna.

4.   Ibbilanċjar u deċiżjoni

28.

L-aħħar pass fl-analiżi huwa li jiġi evalwat sa fejn l-effetti pożittivi tal-għajnuna jegħlbu l-effetti negattivi tagħha. Dan l-eżerċizzju se jsir abbażi ta’ evalwazzjoni każ b’każ għall-miżuri individwali kollha. Sabiex jiġu bbilanċjati l-effetti pożittivi u negattivi, l-Awtorità se tevalwahom u tagħmel valutazzjoni globali tal-impatt tagħhom fuq il-produtturi u l-konsumaturi f’kull wieħed mis-swieq affettwati. Sakemm informazzjoni kwantitattiva ma tkunx disponibbli faċilment, l-Awtorità se tuża informazzjoni kwalitattiva għall-finijiet tal-valutazzjoni.

29.

L-Awtorità x’aktarx tieħu pożizzjoni aktar pożittiva u għalhekk taċċetta grad ogħla ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni jekk l-għajnuna tkun meħtieġa u mmirata tajjeb biex jintlaħaq l-għan tal-għajnuna u tkun limitata għall-ispejjeż żejda netti biex jikkumpensaw għall-produttività aktar baxxa tal-kategoriji ta’ ħaddiema kkonċernati mill-miżura.


(1)  Dan il-Kapitolu jikkorrispondi għall-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej - Kriterji għall-analiżi tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-istat għall-impjieg ta’ ħaddiema żvantaġġati u b’diżabilità soġġetta għal notifika individwali (ĠU C 188, 11.8.2009, p. 6).

(2)  L-Artikolu 66 et seq. tal-Ftehim taż-ŻEE u l-Artikolu 5 tal-Protokoll 31 dwar il-politika soċjali tal-Ftehim taż-ŻEE.

(3)  ĠU L 214, 9.8.2008, p. 3.

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt Nru 120/2008 tas-7.11.2008 (ĠU L 339, 18.12.2008, p. 111 u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 79, 18.12.2008, p. 20), li daħal fis-seħħ fit-8.11.2008.

(5)  Minħabba n-natura speċifika tagħhom, il-miżuri individwali li japplikaw għall-kumpens għall-ispejjeż addizzjonali biex jiġu impjegati ħaddiema b’diżabilità kif ukoll l-ispejjeż żejda li jitħallsu mill-intrapriżi soċjali, li l-ekwivalenti tal-għotja tagħhom jaqbeż l-EUR 10 miljun għal kull impriża fis-sena, għandhom jiġu evalwati fuq il-bażi tal-Art. 61(3)(c) tat-Trattat taż-ŻEE. Għal għajnuna ad hoċ għall-impjieg ta’ ħaddiema żvantaġġati taħt EUR 5 miljun u għal għajnuna ad hoċ lill-impriżi kbar għall-impjieg ta’ ħaddiema b’diżabilità taħt EUR 10 miljun, l-Awtorità se tapplika mutatis mutandis il-prinċipji kif spjegati f’din il-gwida, għalkemm b’mod inqas dettaljat.

(6)  L-ispejjeż addizzjonali netti jieħdu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż li jikkorrispondu għall-impjieg tal-kategoriji fil-mira ta’ ħaddiema żvantaġġati jew b’diżabilità (pereżempju, minħabba produttività iktar baxxa) kif ukoll il-benefiċċji, li l-benefiċjarju tal-għajnuna jieħu minn dan l-impjieg (pereżempju, minħabba titjib fid-dehra tal-impriża).

(7)  L-intensità tal-għajnuna għal ħaddiema żvantaġġati m’għandhiex taqbeż il-50 % tal-ispejjeż eliġibbli.

(8)  L-intensità tal-għajnuna għal ħaddiema żvantaġġati m’għandhiex taqbeż il-75 % tal-ispejjeż eliġibbli.

(9)  Għall-impjieg ta’ ħaddiema żvantaġġati, l-ispejjeż eliġibbli huma l-ispejjeż tal-paga fuq perjodu massimu ta’ 12-il xahar wara li jkunu ġew irreklutati. Madankollu, fejn il-ħaddiem ikkonċernat ikun ħaddiem żvantaġġat serjament, l-ispejjeż eliġibbli huma l-ispejjeż tal-paga fuq perjodu massimu ta’ 24 xahar wara li jkun ġie rreklutat.

(10)  Għall-impjieg ta’ ħaddiema b’diżabilità, l-ispejjeż eliġibbli huma l-ispejjeż tal-paga fuq kwalunkwe perjodu partikolari li matulu jkun qed jiġi impjegat il-ħaddiem b’diżabilità.

(11)  Numru ta’ swieq jistgħu jiġu affettwati mill-għajnuna, minħabba li l-impatt tal-għajnuna jista’ ma jkunx ristrett għas-swieq fejn ikun attiv il-benefiċjarju tal-għajnuna iżda jista’ jestendi għal swieq oħra, pereżempju għas-swieq tal-input.

(12)  Id-daqs tal-impriża jista’ jiġi mfisser f’termini ta’ ishma tas-suq kif ukoll ta’ fatturat u/jew ta’ impjieg.

(13)  Iktar ma jkun baxx il-grad ta’ diffrenzjar tal-prodotti, ikbar ikun l-effett tal-għajnuna fuq il-profitti tal-kompetituri.

(14)  Madankollu, xi swieq huma kompetittivi minkejja li ftit hemm impriżi preżenti.

(15)  Madankollu, l-għoti ta’ għajnuna kultant jgħin biex jingħelbu l-ostakli għad-dħul u jippermetti impriżi ġodda jidħlu fis-suq.

(16)  L-eżistenza ta’ swieq li qed jikbru normalment twassal biex l-għajnuna jkollha inqas effett fuq il-kompetituri.

(17)  Tali effett ta’ sostituzzjoni jiddependi fuq l-elastiċità tad-domanda għax-xogħol, kemm għal ħaddiema sussidjati kif ukoll għal ħaddiema li mhumiex sussidjati.


Top