Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document E2006C0125

    Deċiżjoni ta’ l-Awtorità ta’ Sorveljanza ta’ l-EFTA Nru 125/06/COL tat- 3 ta’ Mejju 2006 dwar il-Fond ta’ l-Enerġija tan-Norveġja (In-Norveġja)

    ĠU L 189, 17.7.2008, p. 36–62 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2006/125(2)/oj

    17.7.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 189/36


    DEĊIŻJONI TA’ L-AWTORITÀ TA’ SORVELJANZA TA’ L-EFTA

    Nru 125/06/COL

    tat-3 ta’ Mejju 2006

    dwar il-Fond ta’ l-Enerġija tan-Norveġja (In-Norveġja)

    L-AWTORITÀ TA’ SORVELJANZA TA’ L-EFTA (1),

    Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (2), b’mod partikolari l-Artikoli 61 sa 63 u l-Protokoll 26 tiegħu,

    Wara li kkunsidrat il-Ftehim bejn l-Istati ta’ l-EFTA dwar it-twaqqif ta’ Awtorità ta’ Sorveljanza u Qorti tal-Ġustizzja (3), b’mod partikolari l-Artikolu 24 tiegħu,

    Wara li kkunsidrat l-Artikolu 1(2) tal-Parti I u l-Artikoli 4(4), 6, 7(2), 7(3), 7(4), 7(5) u 14 tal-Parti II tal-Protokoll 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti,

    Wara li kkunsidrat il-Linji Gwida ta’ l-Awtorità (4) dwar l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 61 u 62 tal-Ftehim ŻEE u b’mod partikolari l-Kapitolu 15 dwar l-Għajnuna Ambjentali tiegħu,

    Wara li kkunsidrat id-deċiżjoni ta’ l-Awtorità ta’ l-14 ta’ Lulju 2004 dwar id-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni msemmija taħt l-Artikolu 27 tal-Parti II tal-Protokoll 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti,

    Wara li sejħet lill-partijiet kollha interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom skond dawk id-dispożizzjonijiet (5) u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

    Billi:

    I.   IL-FATTI

    1.   Proċedura

    Permezz ta’ l-ittra tal-5 ta’ Ġunju 2003 tal-Missjoni Norveġiża lill-Unjoni Ewopea li ressqet ittra mingħand il-Ministeru taż-Żejt u Enerġija datata l-4 ta’ Ġunju 2003, it-tnejn irċevuti u rreġistrati mill-Awtorità fl-10 ta’ Ġunju 2003 (Nru Dok 03-3705-A, irreġistrat taħt il-każ SAM 030.03006), l-awtoritajiet Norveġiżi nnotifikaw bidliet f’żewg skemi ta’ għajnuna li kienu diġa jeżistu, jiġifieri “Il-Programm ta’ Għotja għall-introduzzjoni ta’ teknoloġija ġdida ta’ l-enerġija” u “Miżuri ta’ informazzjoni u edukazzjoni fil-qasam ta’ l-effikaċja ta’ l-enerġija” skond l-Artikolu 1(3) tal-Parti I tal-Protokoll 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti.

    Permezz ta’ l-ittra datata 16 ta’ Ġunju 2003 (Nru Dok 03-3789-D), l-Awtorità ta’ Sorveljanza ta’ l-EFTA (minn hawn ‘il quddiem “l-Awtorità”) informat lill-awtoritajiet Norveġiżi li minħabba li l-iskema kienet diġà daħlet fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2002, jiġifieri qabel in-notifikazzjoni, il-miżura tiġi valutata bħala “għajnuna illegali” skond Kapitolu 6 tar-Regoli Sostantivi u Proċedurali fil-Qasam ta’ l-Għajnuna ta’ l-Istat ta’ l-Awtorità (6).

    Wara ħafna skambji ta’ korrispondenza (7), permezz ta’ l-ittri ddatati t-18 ta’ Mejju 2005 l-Awtorità informat lill-awtoritajiet Norveġiżi li kienet iddeċidiet li tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 1(2) tal-Parti I tal-Protokoll 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti fir-rigward tal-Fond ta’ l-Enerġija Norveġiż.

    Id-Deċiżjoni ta’ l-Awtorità Nru 122/05/COL li tibda l-proċedura kienet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea u s-Suppliment taż-ŻEE ma’ dan (8). L-Awtorità sejħet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar dan. L-Awtorità rċeviet osservazzjoni waħda. Permezz ta’ l-ittra ddatata s-27 ta’ Settembru 2005 (Avveniment Nru 335569) l-Awtorità ressqet l-osservazzjoni quddiem l-awtoritajiet Norveġiżi għall-kummenti.

    Permezz ta’ l-ittra mill-Missjoni Norveġjiża lill-Unjoni Ewropea ddatata l-15 ta’ Lulju 2005 li ressqet ittra mingħand il-Ministeru ta’ l-Immodernizzar iddatata t-12 ta’ Lulju 2005 u ittra mingħand il-Ministeru taż-Żejt u l-Enerġija ddatata l-11 ta’ Lulju 2005, l-awtoritajiet Norveġiżi ssottomettew kummenti dwar id-deċiżjoni ta’ l-Awtorità li tiftaħ proċedura formali ta’ investigazzjoni. L-ittri kienu rċevuti u rreġistrati mill-Awtorità fid-19 ta’ Lulju 2005 (Avveniment Nru 327172).

    Aktar informazzjoni, b’mod partikolari rapport mill-espert First Securites kien ippreżentat mill-awtoritajiet Norveġiżi fis-6 ta’ Ottubru 2005 (nru ta’ l-Avveniment 345642). Saret laqgħa bejn l-awtoritajiet Norveġiżi u l-Awtorità fil-11 ta’ Ottubru 2005. L-awtoritajiet Norveġiżi ppreżentaw aktar informazzjoni b’ittra elettronika fit-18 ta’ Novembru 2005 (Avveniment Nru 350637). Saret laqgħa ma’ l-awtoritajiet Norveġiżi fit-13 ta’ Frar 2006. Aktar informazzjoni kienet ippreżentata mill-awtoritajiet Norveġiżi fit-8 ta’ Marzu 2006 (Avveniment Nru 365788).

    2.   Deskrizzjoni tal-miżuri ta’ sostenn taħt il-Fond ta’ l-Enerġija

    Bin-notifikazzjoni tiegħu, il-Gvern tan-Norveġja ħabbar bidliet f’żewg skemi eżistenti fil-qasam ta’ l-enerġija li kienu bdew joperaw mill-1978/79 taħt il-kompetenza tal-NVE, id-Direttorat Norveġiż għar-Riżorsi ta’ l-Ilma u l-Enerġija. L-ewwel skema kienet “Il-Programm ta’ Għotja għall-introduzzjoni ta’ teknoloġija ġdida ta’ l-enerġija” li bih il-Gvern tan-Norveġja ta sostenn għall-investiment fl-introduzzjoni ta’ teknoloġija ta’ enerġija li tista’ tiġi mġedda. It-tieni skema “Miżuri ta’ informazzjoni u edukazzjoni fil-qasam ta’ l-effikaċja ta’ l-enerġija” kienet tikkonċerna kampanji ta’ sostenn u korsijiet dwar l-effiċenzja ta’ l-enerġija għas-setturi ta’ l-industrija, tal-kummerċ u tal-familja. L-iskema kienet iffinanzjata minn allokazzjonijiet mill-baġit. L-aktar bidliet importanti innotifikati fl-iskemi kkonċernaw:

    2.1

    l-amalgamazzjoni ta’ l-iskemi taħt mekkaniżmu ta’ finanzjament ġdid, il-Fond ta’ l-Enerġija;

    2.2

    mod differenti ta’ finanzjar ta’ l-iskemi billi issa jsir ukoll – għall-miżuri kollha appoġġjati minn Enova – użu ta’ taxxa fuq it-tariffi tad-distribuzzjoni ta’ l-elettriku (9) flimkien ma’ l-għotjiet li jitkomplew mill-baġit ta’ l-Istat

    2.3

    l-amministrazzjoni tal-Fond ta’ l-Enerġija mill-korp amministrattiv Enova stabbilit riċentament. Bl-istess mod, ġew adottati dispożizzjonijiet ġodda u qbil bejn l-istat tan-Norveġja u Enova. Dawn id-dispożizzjonijiet ġodda għandhom jassiguraw li l-miżuri ta’ sostenn jilħqu ċerti għanijiet ta’ politika ta’ l-enerġija identifikati riċentament.

    ad 2.1   L-amalgamazzjoni taż-żewġ skemi ta’ sostenn

    Fl-1 ta’ Jannar 2002 il-Fond ta’ l-Enerġija kien stabbilit u ż-żewġ skemi msemmija hawn fuq kienu amalgamati taħt il-Fond. Il-Fond ta’ l-Enerġija jservi bħala mekkaniżmu ta’ finanzjar għal miżuri ta’ sostenn li jkomplu taħt ir-reġim il-ġdid.

    ad 2.2   Il-mod ġdid tal-finanzjar tal-Fond ta’ l-Enerġija

    Billi l-iskemi eżistenti kienu ffinanzjati minn għotjiet mill-baġit ta’ l-Istat, il-Fond ta’ Enerġija stabbilit riċentament huwa ffinanzjat kemm minn għotjiet mill-baġit ta’ l-Istat kif ukoll permezz ta’ taxxa fuq it-tariffi tad-distribuzzjoni ta’ l-elettriku (mhux taxxa fuq il-produzzjoni ta’ l-enerġija fiha nnifisha).

    Din it-taxxa hija pprovduta permezz tar-Regolament tal-Fond ta’ l-Energija tal-Ministeru taż-Żejt u l-Enerġija ta’ l-10 ta’ Diċembru 2001 (10). Skond l-Artikolu 3 flimkien ma’ l-Artikolu 2a) tar-Regolament tal-Fond ta’ l-Enerġija, kwalunkwe kumpanija li ngħatat il-liċenzja skond l-Artikolu 4-1 ta’ l-Att ta’ l-Enerġija (11) (“omsetningskonsesjoner”) trid, meta żżomm il-flus lill-utent aħħari għall-irtirar ta’ enerġija elettrika mis-sistema ta’ tqassim ta’ l-elettriku, tgħaqqad mal-fattura 1 øre/kWh (miżjuda mill-1 ta’ Lulju 2004 minn 0,3 øre/KWh kif kienet qabel) bħala suppliment għal kull irtirar li jsir (ara wkoll l-Artikolu 4-4 ta’ l-Att ta’ l-Enerġija).

    Il-persuna li tingħatalha l-liċenzja trid imbagħad tħallas kontribuzzjoni lill-Fond ta’ l-Enerġija ta’ 1 øre/kWh immultiplikat bl-ammont ta’ l-enerġija li l-utent aħħari fin-netwerk tad-distribuzzjoni għandu fuq il-fattura. Kif wieħed jista’ jara fit-tabella taħt Taqsima I.7 ta’ din id-Deċiżjoni, il-Fond ta’ l-Enerġija qiegħed dejjem jiġi ffinanzjat aktar mit-taxxa waħidha. Iżda dan ma jaqtax barra l-possibbiltà li l-Fond ta’ l-Enerġija jista’ jerġa’ jirċievi approprjazzjoni mill-baġit fis-snin li ġejjin.

    ad 2.3   L-amministrazzjoni tal-Fond ta’ l-Enerġija minn Enova

    Fit-22 ta’ Ġunju 2001, Enova SF ġiet stabbilita (12). Enova hija l-korp amministrattiv il-ġdid organiżżat bħala intrapriża ta’ l-Istat (statsforetak, SF) (13). Hija proprjetà ta’ l-Istat tan-Norveġja permezz tal-Ministeru taż-Żejt u l-Enerġija. Enova ilha topera mill-1 ta’ Jannar 2002, jiġifieri d-data meta l-Fond ta’ l-Enerġija ġie stabbilit.

    Il-kompitu prinċipali ta’ Enova huwa li jiġu implimentati l-iskemi ta’ sostenn, jiġi amministrat il-Fond ta’ l-Enerġija u li jintlaħqu l-għanijiet tal-politika ta’ l-enerġija li l-Parlament Norveġiż approva fis-sena 2000. Dawn ix-xogħlijiet prinċipali huma spjegati aktar speċifikament fil-Ftehim bejn l-Istat tan-Norveġja (il-Ministeru taż-Żejt u l-Enerġija) u Enova SF (minn hawn ‘il quddiem riferut bħala “il-Ftehim”) (14). Skond id-deskrizzjoni ta’ Enova stess “it-twaqqif ta’ Enova SF juri bidla fl-organizzazzjoni u implimentazzjoni tal-politika tan-Norveġja dwar l-effiċjenza ta’ l-enerġija u ta’ l-enerġija li tista’ tiġġedded.”.

    3.   Bażi legali nazzjonali għall-miżuri ta’ sostenn

    Il-bażi legali nazzjonali għall-miżuri ta’ sostenn hija Deċiżjoni Parlamentari tal-5 ta’ April 2001 (15) fuq il-bażi ta’ propożizzjoni tal-Ministeru taż-Żejt u l-Enerġija tal-21 ta’ Diċembru 2000 (16). Id-Deċiżjoni Parlamentari temenda l-Att ta’ l-Enerġija tad-29 ta’ Ġunju 1990 Nru 50 (Energiloven). Il-kompiti prinċipali ta’ Enova huma speċifikati fil-Ftehim imsemmi hawn fuq bejn il-Ministeru u Enova.

    Ta’ relevanza wkoll hija l-adozzjoni tar-regolament ġdid Nru 1377 fl-10 ta’ Diċembru 2001, li tikkonċerna t-taxxa fuq id-distribuzzjoni ta’ l-elettriku (Forskrift om innbetaling av påslag på nettariffen til Energifondet). Regolament dwar il-Fond ta’ l-Enerġija (Vedteker for energifondet) tpoġġi l-Fond ta’ l-Enerġija taħt il-Ministeru taż-Żejt u l-Enerġija u tistipula l-amministrazzjoni minn Enova.

    4.   L-għan tal-miżura ta’ għajnuna

    It-twaqqif ta’ skemi amalgamati taħt il-Fond ta’ l-Enerġija mwaqqaf riċentament u l-korp amministrattiv Enova sar bit-tir li jinkiseb użu aktar effiċjenti, fejn jidħol l-infiq, tal-fondi pubbliċi għal miżuri biex tiġi ffrankata l-enerġija u l-produzzjoni ta’ enerġija li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent. Enova u l-Fond ta’ l-Enerġija għandhom jilħqu l-għanijiet ġodda dwar l-enerġija li huma adottati mill-Parlament (17).

    Skond il-Ftehim imsemmi hawn fuq, l-enerġija ffrankata u l-enerġija li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent se jagħmlu flimkien total ta’ minimu ta’ 12 TWh sa l-aħħar ta’ l-2010, li minnhom

    minimu ta’ 4 TWh se jkunu minn żieda fl-aċċess għal sistemi li jsaħħnu l-ilma bbażati fuq sorsi ġodda ta’ enerġija li tiġgedded, pompi li jsaħħnu u sistemi tas-sħana termali, u

    minimu ta’ 3 TWh se jkunu minn żieda fl-użu ta’ l-enerġija mir-riħ.

    Il-Ftehim jistipula bħala oġgettiv sekondarju li r-riżorsi tal-Fond se jikkontribwixxu għall-iffrankar ta’ l-enerġija u l-enerġija ġdida li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent, li flimkien se jagħmlu minimu ta’ 5.5 TWh (oriġinarjament 4.5 TWh) sa l-aħħar ta’ l-2005. Billi tappoġġja forom ġodda ta’ enerġija li tiġgedded u tikkontribwixxi biex tiffranka aktar enerġija, in-Norveġja tixtieq ukoll issir inqas dipendenti mis-sors predominanti tal-produzzjoni ta’ l-elettriku, l-idroenerġija. Il-figuri hawn taħt ippreżentati mill-awtoritajiet Norveġiżi juru d-dipendenza kontinwa tan-Norveġja mill-idroenerġija, minkejja ż-żieda fl-użu ta’ l-enerġija tar-riħ u l-elettriku termali f’dawn l-aħħar snin.

    Tabella 1

    Produzzjoni, konsum, importazzjoni u esportazzjoni ta’ l-elettriku, in-Norveġja, f’GWh, 2000-2005

     

    2000

    2001

    2002

    2003

    2004

    Jan-Mejju 2005

    Produzzjoni totali

    142 816

    121 608

    130 473

    107 273

    110 427

    60 976

    Idro

    142 289

    121 026

    129 837

    106 101

    109 280

    na

    Riħ

    31

    27

    75

    220

    260

    na

    Elettriku termali

    496

    555

    561

    952

    887

    na

    Konsum

    123 761

    125 206

    120 762

    115 157

    121 919

    56 665

    Importazzjoni

    1 474

    10 760

    5 334

    13 471

    15 334

    1 923

    Esportazzjoni

    20 529

    7 162

    15 045

    5 587

    3 842

    6 234

    Importazzjoni netta

    –19 055

    3 598

    –9 711

    7 884

    11 492

    –4 311

    Importazzjoni netta / konsum

    0,0  %

    2,9  %

    0,0  %

    6,8  %

    9,4  %

    0,0  %

    Esportazzjoni netta / konsum

    15,4  %

    0,0  %

    8,0  %

    0,0  %

    0,0  %

    7,6  %

    5.   Is-sistema tal-Fond ta’ l-Enerġija kif innotifikata

    5.1   Rimarki ġenerali dwar il-Fond ta’ l-Enerġija

    Enova tista’ tagħti sostenn lill-investiment f’sistemi li jiffrankaw l-enerġija u għall-produzzjoni u l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija li tista’ tiġġedded kif ukoll sostenn inizjali lill-investiment f’teknoloġiji ġodda ta’ enerġija.

    Il-livell tas-sissidju huwa ddeterminat minn evalwazzjoni teknika u finanzjarja ta’ kull proġett. Prijorità tingħata lil dawk il-proġetti li jagħtu l-ogħla kilowott-siegħa (kWh) iffrankata jew prodotta, għal kull NOK sussidjat. Dan iwassal għall-kompetizzjoni bejn il-proġetti biex jirċievu l-fondi pubbliċi bit-tir li jiġu magħżula l-aktar proġetti effiċjenti.

    Sejħiet għall-proposti tal-proġetti jiġu mħabbra fil-gazzetti prinċipali nazzjonali u reġjonali mill-inqas darbtejn fis-sena u għal ħafna mill-programmi erba’ darbiet fis-sena.

    5.2   L-enerġija li tiġġedded

    Il-proġetti eliġibbli

    Fejn jidħol is-sostenn ta’ investiment għall-produzzjoni u l-użu ta’ enerġija li tiġġedded, in-Norveġja tappoġġja proġetti għall-enerġija li huma ddefiniti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/77/KE (18) bħala għejun ta’ enerġija li tiġgedded (ara l-punt 7 tal-Linji Gwida ta’ l-Awtorità dwar l-Għajnuna ta’ l-Istat fil-qasam ta’ l-Għajnuna Ambjentali minn hawn ‘il quddiem riferuti bħala “il-Linji Gwida Ambjentali”, li jkopri enerġija solari u mir-riħ, enerġija ġeotermali, enerġija mill-mewġ u installazzjonijiet idroelettriċi b’kapaċità ta’ inqas minn 10 MW kif ukoll bijomassa). L-idroenerġija li - kif spjegat – hija s-sors għall-produzzjoni ta’ l-elettriku tradizzjonali wżat fin-Norveġja, s’issa ma ġiet mogħtija l-ebda sostenn. (19). Fondi għall-introduzzjoni ta’ gass naturali m’humiex parti mill-Fond ta’ l-Enerġija. (20).

    Enova tikkunsidra l-proġetti li ġejjin li jikkwalifikaw għas-sostenn f’termini ġenerali: enerġija mir-riħ, bijoenerġija, enerġija maremotika, enerġija ġeotermika, enerġija mill-mewġ ta’ l-oċean. L-enerġija solari tinkludi bini passiv ta’ soluzzjonijiet integrali solari, sistema ta’ sħana solari u produzzjoni PV (sistema fotovoltajka).

    Fejn tidħol in-nozzjoni ta’ “bijoenerġija”, l-awtoritajiet Norveġiżi kkjarifikaw li dan it-terminu huwa użat għall-energija li tiġġedded (elettrika jew min-sħana) ibbażata fuq il-bijomassa kif definita mid-Direttiva 2001/77/KE. Il-bijoenerġija hija nozzjoni usa’ mill-bijomassa u tkopri pereżempju proġetti li jikkonvertu l-bijomassa f’elettriku u/jew sħana b’kuntrast ma’ proġetti ta’ bijomassa li għandhom x’jaqsmu biss mal-produzzjoni u l-ipproċessar tal-bijomassa fiha nnifisha. Proġetti bħal dawn huma dipendenti fuq iktar investiment f’sostenn u fil-kapaċità għall-konsum massimu bbażat fuq għejun oħra ta’ enerġija. Għalhekk l-ispejjeż għall-investiment f’dawn il-proġetti jistgħu ma jkoprux biss il-bijomassa, imma wkoll għejun oħra ta’ enerġija apparti l-bijomassa. L-Awtorità tifhem li jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet fejn il-bijoenerġija tikkonsisti biss fi frazzjoni tal-bijomassa.

    L-Awtoritajiet Norveġiżi speċifikaw li n-nozzjoni ta’ “użu” ta’ enerġija li tiġġedded tkopri sitwazzjonijiet fejn l-investiment isir għall-produzzjoni interna, fejn min qed jipproduċi u min qed juża huma l-istess entità (illi huwa spiss il-każ fil-produzzjoni tas-sħana).

    Il-Kalkolu tas-sostenn – il-metodu ta’ kif jiġi kkalkulat il-valur preżenti nett

    Enova tikkalkula s-sostenn li jista’ jingħata lil proġett bħala l-valur preżenti skontat tad-differenza bejn l-ispejjeż tal-produzzjoni kurrenti tal-proġett u d-dħul kurrenti bbażat fuq il-prezz tas-suq tas-sors ta’ enerġija relevanti. Fi kliem oħra, tuża’ l-kalkolu tal-valur preżenti nett (minn hawn ‘il quddiem riferut bħala l-kalkolu tal-VPN).

    Il-prezz tas-suq għall-enerġija relevanti

    Sabiex jintgħażel il-prezz tas-suq, l-awtoritajiet Norveġiżi jiddistingwu bejn tliet sitwazzjonijiet differenti:

    L-ewwelnett jikkunsidraw il-każ ta’ l-enerġija li tiġġedded li titpoġġa fis-sistema ta’ trażmissjoni u, għalhekk, tikkompeti mal-ġenerazzjoni tradizzjonali ta’ elettriku ikkwotata minn Nordpool, is-suq Nordiku ta’ l-enerġija. Dan huwa fil-każ ta’ l-enerġija mir-riħ, bijoenerġija, enerġija solari, enerġija maremotika u enerġija mill-mewġ ta’ l-oċean u l-prezz ikkwotat minn Nordpool iservi bħala referenza. Fis-suq ta’ l-enerġija Nordpool, kemm prezzijiet immedjati u kemm prezzijiet sa tliet snin jistgħu jiġu osservati. Peress li l-investimenti huma bbażati fuq l-istennija tal-prezzijiet ta’ l-elettriku fil-futur, Enova tirreferi għal kuntratti li jitħallsu fit-tul li huma negozjati minn jum għall-ieħor. Biex jiġu kkanċellati l-varjazzjonijiet każwali fil-prezzijiet, medja ta’ sitt xhur tittieħed fuq l-aħħar kuntratti negozjati li jitħallsu fit-tul. Il-prezz jiġi kkwotat fid-data tas-sottomissjoni ta’ l-applikazzjoni tal-proġett, jiġifieri erba’ darbiet fis-sena.

    It-tieni każ huwa dak tat-tisħin fid-distrett li huwa mqassam fuq sistema ta’ distribuzzjoni lokali u jikkompeti mat-tisħin minn kombustibbli tal-fossili jew mill-elettriku. F’din is-sitwazzjoni Enova tirreferi għall-prezz fuq il-kuntratt effettivament (21) mill-konsumatur (il-prezz ta’ enerġija ordinarja – minn kombustibbli tal-fossili u elettriku).

    It-tielet xenarju jkopri l-produzzjoni ta’ l-enerġija li ma titpoġġa fl-ebda sistema ta’ trażmissjoni ta’ kurrent elettriku (eż. ġenerazzjoni ta’ enerġija fuq il-post ibbażata fuq il-fwar residwu li ma jitpoġġiex fis-sistema ta’ l-enerġija). F’dan il-każ, il-prezz li utent aħħari qed isib fis-suq għandu jintuża, inkluż it-taxxi.

    L-effett tat-tmexxija tal-proċess

    L-għan ta’ l-iskema ta’ għajnuna hu li jinkoraġġixxi l-investiment f’enerġija li tiġġedded li inkella tista’ ma sseħħx, minħabba l-fatt li l-prezz ta’ l-enerġija li tinsab fis-suq ma jkoprix l-ispejjeż u b’hekk il-valur preżenti nett isir negattiv. Għal din ir-raġuni, skond l-awtoritajiet Norveġiżi, is-sussidju se jikkumpensa biss l-ispejjeż żejda tal-produzzjoni ta’ enerġija li tiġġedded. Barra minn hekk, is-sostenn mogħti mill-Enova mhux se jaqbeż l-ammont li hu meqjus neċessarju biex imexxi l-proċess tal-proġett, jiġifieri biex jinkoraġixxi deċiżjoni għal investiment pożittiv.

    Iżda meta l-Fond ta’ l-Enerġija u Enova ġew stabbiliti, skond l-informazzjoni ta’ l-Awtorità, ma kien hemm l-ebda speċifikazzjoni preċiża dwar meta jitqies li ntlaħaq l-effett tat-tmexxija tal-proċess. Pereżempju, ma kienx speċifikat meta l-proġett jilħaq - bis-sostenn mingħand il-Fond ta’ l-Enerġija inkluż - valur nett preżenti ta’ żero. Fil-fatt, kienu saru analiżi biex jistabillixxu meta l-proġett la jaqla’ u lanqas jitlef. Madankollu, ma kien hemm l-ebda limitazzjonijiet espliċiti li jimpedixxu s-sostenn ta’ l-Istat wara dak il-punt. Kif intwera fid-deċiżjoni ta’ l-Awtorità biex tiftaħ proċedura formali ta’ investigazzjoni, f’ċerti każijiet is-sostenn mogħti minn Enova seta’ jwassal għal sostenn lejn il-proġett li jirriżulta f’valur nett preżenti ikkalkulat pożittiv (22).

    Meta proġetti jingħataw sostenn, Enova u min jirċievi l-għajnuna, jidħlu f’kuntratt ta’ għajnuna, li jirregola t-termini li fuqhom irid isir l-iżburżar. L-iżburżar jista’ jitranġa skond kwalunkwe tnaqqis fin-nefqa waqt il-perjodu ta’ kostruzzjoni. Wara li l-investiment jiġi realizzat, ikun hemm segwitu tan-nefqa realizzata meta mqabbla man-nefqa stmata fl-applikazzjoni. Jekk dawn il-fatturi jkollhom differenza favur l-applikant, Enova tista’ tirranġa billi tniżżel l-għajnuna finanzjarja ‘l isfel biex turi l-istruttura tan-nefqa attwali (23).

    Dħul ġust fuq il-kapital

    Il-bażi għat-tmexxija tal-proġett tinkludi dħul ġust fuq il-kapital. Ir-rata ta’ skont użata kienet stabbilita għal 7 % fis-sena (rata nominali qabel it-taxxa) għall-proġetti kollha li għalihom ċerti punti ta’ perċentwali ġew miżjuda bħala primjum ta’ riskju. Il-Gvern tan-Norveġja ddikjara li Enova se tibbaża l-analiżi tagħha fuq il-valuri teoretiċi kif issuġġeriti fir-rapporti pubbliċi minn istituzzjonijiet tal-gvern irrikonoxxuti fin-Norveġja, fejn il-primjum ta’ riskju jista’ jvarja minn 2,5 għal 4,5 %, skond it-tip ta’ enerġija u l-proġett.

    5.3   Miżuri biex tiġi ffrankata l-enerġija

    Skond is-sistema kif ġiet notifikata (24), sostenn għall-investiment f’miżuri biex tiġi ffrankata l-enerġija huwa kkalkulat skond il-metodu ta’ kalkulazzjoni tal-valur preżenti nett użat għal proġetti ta’ l-enerġija li tiġġedded.

    5.4   Teknoloġija ġdida għall-enerġija

    F’din il-kategorija Enova tappoġġja teknoloġiji li għad għandhom bżonn xi żvilupp u li għandhom bżonn aktar testijiet qabel ma jkunu ekonomikament vijabbli, għalkemm qabżu l-istadju tal-proġetti ta’ riċerka u żvilupp kif spjegat f’Kapitolu 14 dwar għajnuna għal riċerka u żvilupp tal-Linji Gwida ta’ l-Għajnuna mill-Istat ta’ l-Awtorità. Eżempji ta’ dan it-tip ta’ teknoloġija huma installazzjonijiet għal enerġija maremotika jew mill-mewġ. Il-proġetti jistgħu jkunu kkollegati biex jilħqu effikaċja ta’ l-enerġija jew biex jinkoraġġixxu produzzjoni ta’ enerġija li tiġġedded.

    Waqt l-investigazzjoni formali, l-awtoritajiet Norveġiżi kkjarifikaw li din il-kategorija tista’ tkun ikkunsidrata bħala sottokategorija tas-sostenn għall-investiment fi produzzjoni ta’ enerġija li tista’ tiġġedded u ta’ ffrankar ta’ enerġija kif deskritt hawn fuq. Fil-passat 95,3 % tal-proġetti appoġġjati taħt din il-kategorija kkonċernaw produzzjoni ta’ enerġija li tiġġedded, 4,3 % ikkonċernaw miżuri biex tiġi ffrankati l-enerġija. (25).

    Enova ffirmat ftehim mal-Kunsill għar-Riċerka tan-Norveġja għall-“introduzzjoni ta’ soluzzjonijiet għall-enerġija innovattivi” biex tiġi ffrankata l-enerġija, għall-produzzjoni ta’ sħana minn enerġija solari u bijomassa. Skond l-awtoritajiet Norveġiżi, dan il-ftehim ma jikkostitwixxix skema ta’ għajnuna ġdida, imma biss konċentrazzjoni akbar fuq qasam fejn il-kooperazzjoni bejn Enova u l-Kunsill għar-Riċerka huwa mistenni li tagħti effetti f’sinerġija. Skond l-awtoritajiet Norveġiżi dan il-mekkaniżmu jservi bħala ingress komuni għal proġetti li jistgħu jkunu għadhom jew fi stadju prekompetittiv (u għaldaqstant jirċievu għajnuna mill-Kunsill ta’ Riċerka) jew li jiġġeneraw dħul ta’ finanzi (u jistgħu jirċievu għajnuna mingħand Enova). Il-proġett ma jirċevix fondi mingħand iż-żewġ aġenziji ta’ għajnuna. Madankollu, l-awtoritajiet Norveġiżi jenfasizzaw li, fi kwalunkwe avveniment, ir-regoli kumulattivi jiggarantixxu li t-Taqsima G (66) tal-Linji Gwida Ambjentali tiġi rispettata. Din it-Taqsima tal-Linji Gwida Ambjentali tiddikjara li sostenn skond dawn il-linji gwida ma jistgħux jiġu kkombinati ma’ forom oħra ta’ għajnuna mill-Istat fit-tifsira ta’ l-Artikolu 61(1) tal-Ftehim ŻEE, jekk it-tennija toħloq intenisità ta’ għajnuna ogħla minn kif imniżżla fil-Linji Gwida Ambjentali.

    Ladarba proġetti li jiġġeneraw dħul biss se jiġu sostenuti minn Enova, Enova tuża l-kalkulazzjoni tal-valur preżenti nett imsemmi qabel b’mod indaqs għas-sostenn ta’ proġetti b’teknoloġija ġdida. Id-dħul tal-proġetti huwa bbażat fuq il-ġenerazzjoni ta’ elettriku u sħana għall-bejgħ, li skond l-awtoritajiet Norveġiżi, jikkostitwixxi dħul li jagħmel il-proġetti vijabbli għall-approċċ tal-kalkulazzjoni tal-valur preżenti nett.

    5.5   Verifiki ta’ l-Enerġija

    Enova toffri wkoll servizzi li jagħtu parir u konsultazzjoni biex tintlaħaq effiċjenza ta’ l-enerġija bla ħlas għall-intrapriżi. L-iskop tas-sostenn huwa biex jiżdied in-numru ta’ intrapriżi li jagħmlu verifiki u analiżijiet ta’ l-enerġija u biex tingħata għajnuna biex jitnaqqsu l-ispejjeż rispettivi. Kif notifikat, dawn is-servizzi legalment la kienu limitati għall-għajnuna li tilħaq il-limitu de minimis u lanqas għall-għajnuna għal intrapriżi żgħar u medji. Kienu mmirati għal ċerti intrapriżi. Fit-test tal-programm għall-2003, il-gruppi mmirati kienu deskritti bħala sidien ta’ bini privat u pubbliku b’medda ta’ spazju totali ‘l fuq minn 5 000 metri kwadri u intrapriżi industrijali, kif ukoll sidien ta’ żoni kbar. Mill-2003, Enova tat flus lil ditti kummerċjali biex jixtru dawn is-servizzi li jagħtu parir u konsultazzjoni, flok tat is-servizz hi stess.

    L-awtoritajiet Norveġiżi jenfasizzaw li għandha tintgħamel differenza bejn is-sostenn skond dawn il-programmi u l-miżuri ta’ tagħlim u ta’ edukazzjoni. Dan għax il-fondi jmorru direttament għand il-kumpaniji li jagħmlu l-verifika u l-analiżi ta’ l-enerġija u biex jidentifikaw jew investimenti li jiffrankaw l-enerġija jew bdil fl-aġir fl-intrapriżi. Għaldaqstant l-Awtorità tikkunsidra dan is-sostenn bħala separat fid-deċiżjoni preżenti. L-awtoritajiet Norveġiżi jkomplu billi jsostnu li l-programmi huma simili għall-verifika ta’ l-enerġija skond l-iskema Finlandiża approvata mill-Kummissjoni (26).

    Fil-passat, setgħu ingħataw għotjiet li koprew sal-50 % ta’ l-ispejjeż eliġibbli. Skond l-awtoritajiet Norveġiżi, mill-1 ta’ Jannar 2004, 40 % biss ta’ l-ispejjeż eliġibbli kienu qed jiġu sostnuti.

    5.6   Programmi ta’ informazzjoni u edukazzjoni fil-qasam ta’ effiċjenza ta’ l-enerġija

    Enova topera servizz ta’ għajnuna bit-telefown dwar l-enerġija, fejn informazzjoni u pariri huma mogħtija bla ħlas għal kull min hu interessat biex jilħaq effikaċja ta’ l-enerġija. Ladarba Enova m’għandiex il-kapaċità li tidħol għal dawn l-attivitajiet hi stess, l-awtoritajiet Norveġiżi jiddikjaraw li s-servizzi nxtraw fi qbil mar-regoli ta’ kuntratti pubbliċi. Enova ma tħaddem l-ebda diskrezzjoni dwar lil min dawn il-pariri u informazzjoni qed jingħataw.

    Sa l-1 ta’ Jannar 2003, Enova offriet programm li kien ippubblikat fuq firxa wiesgħa li mill-investigazzjonijiet tagħha dwar l-effikaċja ta’ l-enerġija li kienet teħtieġ segwitu fi djar u intrapriżi fuq il-post kienu f’idejn għoxrin ċentru reġjonali ta’ effikaċja li rrapreżentaw lil Enova f’dan il-qasam. Is-sostenn kien ipprovdut bla ħlas u approssimattivament ġew riżervati sagħtejn għal kull talba. L-Awtoritajiet Norveġiżi jiddikjaraw li Enova ma kienet tħaddem l-ebda diskrezzjoni dwar lil min kien jingħata dan is-servizz.

    Għal miżuri ta’ edukazzjoni l-programmi li ġejjin għandhom jissemmew. L-awtoritajiet Norveġiżi jagħmlu enfażi li l-kompetizzjoni bejn l-appaltaturi u l-effikaċja ta’ l-ispejjeż tal-proġetti huma essenzjali.

    Sa l-1 ta’ Jannar 2005, Enova pprovdiet programm (27) għall-iżvilupp ta’ materjal u kunċetti ta’ tagħlim biex tistimula u tippreżerva għarfien dwar enerġiji li jiġġeddu, fil-kumpaniji. Il-programm ġie organizzat bħala proċess ta’ sejħa għall-offerti, u Enova ħallset 50 % ta’ l-ispejjeż totali ta’ żvilupp tal-proġett, L-għan tal-programm kien biex jistimula l-iżvilupp ta’ materjal ta’ tagħlim dwar l-effikaċja ta’ l-enerġija (kotba, softwer, eċċ.), kif ukoll biex jagħti sostenn għall-iżvilupp ta’ korsijiet relatati ma’ l-enerġija, pereżempju fil-kulleġġi/universitajiet jew żviluppati minn sindakati, eċċ. Il-programm kien miftuħ għal entitajiet pubbliċi, privati u dawk mingħajr skop ta’ profitt. It-testi tal-programm għall-2003 u 2004 fihom lista ta’ prijorità (eż. proġetti għal negozju ta’ kostruzzjoni, proġetti li jinvolvu sħubiji pubbliċi/privati u proġetti li kellhom jinbiegħu sa l-1 ta’ Awissu 2003), Fil-programm ta’ l-2003 l-edukazzjoni supplimentari kienet partikolarment immirata lejn universitajiet, sindakati, organizzazzjonijiet ta’ negozjar u operaturi privati ta’ l-edukazzjoni (fażi 1) u arkitetturi, fornituri, intraprendituri u persunal tax-xogħol ieħor (fażi 2) jew lejn in-negozji tal-kostruzzjoni (test tal-programm 2004).

    Sabiex jitmexxa l-programm edukattiv ta’ l-2004, Enova offriet programm fuq l-iżvilupp ta’ korsijiet edukattivi fuq l-enerġija lill-persunal tekniku u inġinieri. Dan kien organizzat bi proċess ta’ sejħa għall-offerti. Kienu biss l-ewwel 50 persuna li lestew il-kors illi tħallsilhom il-kors minn Enova. Skond l-awtoritajiet Norveġiżi, din l-għajnuna ngħatat direttament lill-individwi u mhux lill-intrapriżi.

    Il-programmi ta’ materjal ta’ tagħlim hawn fuq imsemmija spiċċaw fil-31 ta’ Diċembru 2004. Skond l-awtoritajiet Norveġiżi, programmi ġodda jiġu nnotifikati lill-Awtorità. B’kollox xi 33 proġett irċevew għajnuna skond il-programm. L-awtoritajiet Norveġiżi jiddikjaraw li wħud mill-proġetti jistgħu jaqgħu taħt il-limitu de minimis. Barra dan, xi għajnuna marret għal entitajiet fis-settur pubbliku, universitajiet u entitajiet ta’ l-edukazzjoni oħra u organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ profitt. L-awtoritajiet Norveġiżi affermaw li għal dawn l-entitajiet, is-sostenn li ngħata minn Enova ma kellux x’jaqsam ma’ l-attività ekonomika li twettaq intrapriża li taqa’ fl-ambitu ta’ l-Artikolu 61(1) tal-Ftehim ŻEE, imma aktar ma’ l-għajnuna ta’ attività edukattiva.

    L-iskema fiha nnifisha ma kienet tinkludi l-ebda limitazzjoni li tispeċifika li għajnuna għandha tingħata biss lil ċerti tipi ta’ entitajiet jew attivitajiet. Lanqas ma tispeċifika li l-għajnuna m’għandiex taqbeż il-limitu de minimis kif stipulat fl-Att riferut taħt il-punt 1(e) ta’ l-Anness XV tal-Ftehim ŻEE (28). L-għajnuna ma kinitx limitata għal intrapriżi żgħar u medji (29), kif imsemmi fl-Att riferut taħt il-punt (f) ta’ l-Anness XV għall-Ftehim ŻEE, u lanqas ma kienet strutturata biex tilħaq il-kondizzjonijiet mitluba mill-Att riferut f’punt 1(d) fl-Anness XV għall-Ftehim ŻEE (30) (għajnuna għat-taħriġ).

    Barra minn hekk, Enova tmexxi programm biex ittejjeb il-kapaċitajiet għall-ippjanar ta’ l-enerġija fil-muniċipji lokali, b’mod partikolari l-ippjanar pubbliku u l-ippjanar tad-distretti skond l-Att ta’ l-Ippjanar u l-Bini. Il-programm li huwa offrut bla ħlas, huwa mmirat lejn nies ta’ kariga għolja li jridu jieħdu deċiżjonijiet u personal tekniku tal-muniċipji. L-awtoritajiet Norveġiżi jiddikjaraw li Enova tagħmel valutazzjoni dwar jekk il-muniċipju hux qed joffri servizz f’kompetizzjoni ma’ operaturi oħra fis-suq. Jekk dan ikun il-każ, attività ta’ dan it-tip ma tingħatax għajnuna.

    6.   Riċevituri/intensitajiet ta’ għajnuna għal sostenn ta’ investiment għall-produzzjoni ta’ enerġija li tiġġedded

    L-investigazzjoni ta’ l-Awtorità tikkonċerna skema ta’ għajnuna kontinwa. B’dan il-mod l-indikazzjoni ta’ riċevuturi potenzjali ta’ għajnuna ma tistax tiġi stabbilita b’mod finali b’din id-Deċiżjoni u hija biss indikattiva. Fl-ittra tagħhom bid-data tal-15 ta’ Lulju 2005, l-awtoritajiet Norveġiżi identifikaw sa l-aħħar ta’ l-2004, 236 riċevitur tal-verifika ta’ l-enerġija u assistenza għall-investiment ta’ għajnuna (din ta’ l-aħħar kemm għal enerġija li tiġġedded kif ukoll għal miżuri biex tiġi ffrankata l-enerġija), li rċevew għajnuna mill-Istat li hija aktar mill-limitu de minimis u li ma kinitx għajnuna mogħtija lill-entitajiet pubbliċi talli wettqu l-funzjonijiet pubbliċi tagħhom. L-awtoritajiet Norveġiżi komplew jidentifikaw 33 proġett appoġġjat taħt il-programm edukattiv/tal-materjal ta’ tagħlim.

    L-awtoritajiet Norveġiżi jsostnu li madwar 875 proġett ieħor jew għandhom x’jaqsmu ma’ għajnuna lill-entitajiet pubbliċi jew ma’ għajnuna għax-xiri minn Enova ta’ ċertu servizz skond ir-regoli tal-kuntratti pubbliċi.

    Għall-proġetti ta’ enerġija li tiġġedded, l-awtoritajiet Norveġiżi ssottomettew it-Tabella li ġejja li turi l-intensitajiet ta’ għajnuna, ibbażati fuq l-infiq totali fl-investiment, għall-proġetti ta’ enerġija li tiġġedded li ġew approvati bejn l-2002 u l-2004:

    Enerġija li tiġġedded

     

    Intensitajiet ta’ għajnuna f’% ta’ l-infiq totali fl-investiment, għajnuna kkalkulata skond l-approċċ tal-valur preżenti nett.

     

    Numru ta’ proġetti

    Il-Medja

    Il-Massimu

    Riħ

    10

    23  %

    68  %

    Tisħin tad-distrett

    19

    20  %

    31  %

    Bijo

    31

    20  %

    50  %

    Tiġdid ġdid

    1

    25  %

    25  %

    7.   Baġit u terminu

    Il-Ftehim 2002-2005 (ara t-Taqsima ta’ hawn fuq I.2.3 ta’ din id-Deċiżjoni) ġie estiż sa l-aħħar ta’ l-2006. Huwa previst li l-ftehim se jkompli jiġi estiż sal-31 ta’ Diċembru 2010. L-awtoritajiet Norveġiżi ssottomettew it-Tabella li ġejja dwar il-baġit ta’ l-iskema:

     

    Baġit ta’ l-Istat

    miljun NOK

    Taxxa fuq it-tariffi

    miljun NOK

    Baġit totali

    miljun NOK

    Baġit totali

    miljun Ewro (31)

    2002

    270

    161

    431

    57,3

    2003

    259

    192

    451

    56,4

    2004

    60

    470

    530

    63,3

    2005

    0

    650

    650

    79,3

    8.   Kumulazzjoni

    Dwar il-kumulazzjoni ta’ għajnuna mogħtija minn Enova flimkien ma’ għajnuna oħra tal-gvern, l-Awtorità tiġbed l-attenzjoni li, fil-prinċipju, il-proġetti jistgħu jirċievu għajnuna minn sorsi oħra. L-Awtorità tiddikjara fin-notifikazzjoni li tassigura li l-għajnuna mogħtija qatt ma taqbeż il-limiti ta’ Taqsima G. (66) tal-Linji Gwida Ambjentali. Kif diġà msemmi, din it-Taqsima tistipula li għajnuna awtorizzata taħt il-Linji Gwida Ambjentali ma tistax tkun ikkombinata ma’ forom oħra ta’ għajnuna mill-Istat, jekk dan it-tip ta’ duplikazzjoni jwassal għal intensità ta’ għajnuna li hija ogħla minn dik stabbilita fil-Linji Gwida Ambjentali. L-applikanti għandhom javżaw lill-Enova jekk ikunu ngħataw applikazzjonijiet għal għajnuna addizzjonali mill-gvern.

    9.   Emendi ssuġġeriti mill-awtoritajiet Norveġiżi

    Bil-ħsieb li s-sistema ssir kompatibbli mal-Linji Gwida Ambjentali, l-awtoritajiet Norveġiżi pproponew ċerti emendi li huma spjegati hawn taħt. Waqt l-investigazzjoni ta’ l-Awtorità, l-awtoritajiet Norveġiżi bdew jimplimentaw dawn l-emendi.

    9.1   Emendi fl-għajnuna għall-investiment relatati mal-produzzjoni ta’ enerġija li tiġġedded.

    (1)   In-Norveġja se tillimita l-għajnuna għal proġetti li jaqgħu taħt id-definizzjoni ta’ enerġija li tiġgedded skond l-Artikolu 2 a u b (dwar il-bijomassa) tad-Direttiva 2001/77/KE. Barra dan, ma hi se tingħata l-ebda għajnuna għal impjanti ta’ idro-enerġija li diġà jeżistu.

    (2)   L-ammont ta’ għajnuna se jiġi kkalkulat skond il-valur preżenti nett li għandu jiġi bbażat fuq id-differenza bejn l-ispejjeż tal-produzzjoni u l-prezz tas-suq. L-għajnuna se tingħata bħala somma waħda sħiħa. Il-metodu ta’ kalkulazzjoni għandu jiġi applikat kif ġej (muri bl-eżempju ta’ proġett reali ta’ enerġija mir-riħ, bl-ammonti mniżżla f’NOK):

    Spejjeż ta’ l-investiment eliġibbli (32)

    123 000 000

    Produzzjoni kWh/sena

    45 700 000

    Prezz NOK/kWh

    0,25

    Dħul Annwali (33)

    11 425 000

    Spejjeż operattivi NOK/kWh

    0,10

    Spejjeż operattivi annwali

    4 570 000

    Dħul annwali nett

    6 855 000

    Snin ta’ ħajja ekonomika

    25

    Qligħ fuq il-kapital

    6,33  %

    VPN

    –38 000 000

    Għajnuna fl-investiment

    38 000 000

    Meta mqabbel mas-sistema kif notifikata, il-mudell ta’ kalkulazzjoni ta’ hawn fuq se jkun ibbażat fuq l-ispejjeż ta’ l-investiment “eliġibbli” u mhux fuq l-ispejjeż kollha. Kif iddikjarat mill-awtoritajiet Norveġiżi, l-ispejjeż finanzjarji, l-ispejjeż varji u spejjeż ta’ indennizz m’humiex inklużi fl-ispejjeż eliġibbli, għallinqas mill-1 ta’ Jannar 2004.

    (3)   Il-prezz tas-suq ta’ l-elettriku wżat fil-kalkulazzjoni ta’ hawn fuq se jittieħed mill-prezzijiet relevanti tan-Nordpool. Fil-każ ta’ tisħin ta’ distrett, se jkun il-prezz relevanti li l-utent aħħari taż-żejt jew elettriku (liema jkun l-irħas) irid jiffaċċja meta tittieħed id-deċiżjoni dwar l-Għajnuna mill-Istat. Jekk l-ekonomija tal-proġett hija bbażata fuq kuntratti ta’ konsumaturi kbar bi prezzijiet jiddevjaw mill-prezz osservabbli ta’ l-utent aħħari ta’ l-elettriku u ż-żejt, il-prezz tal-kuntratt ikun il-prezz relevanti. Fir-rigward tal-produzzjoni ta’ l-elettriku li mhix imdaħħla fis-sistema ta’ tqassim, se jintuża il-prezz ta’ l-utent aħħari, inkluż it-taxxi.

    (4)   L-għajnuna tista’ tkopri qligħ ġust fuq il-kapital. Iżda r-rata ta’ tnaqqis u l-primjum ta’ riskju se jiġu stabbiliti għall-Enova minn espert estern għal kull industrija ta’ tiġdid ikkonċernata.

    Għandu jkun rimarkat li l-awtoritajiet Norveġiżi ssottomettew rapport mill-espert estern nominat, First Securities ASA (34), lill-Awtorità. L-espert juża Mudell ta’ Pprezzar ta’ Assi Kapitali (35) u r-rati ta’ tnaqqis ikkalkulati fuq 7 % ta’ l-enerġija mir-riħ, 6 % ta’ tisħin mill-bogħod, bijo-enerġija u użu ta’ l-enerġija rispettivament. Huwa miftiehem li l-kalkulazzjoni hija qafas li jagħti s-setgħa lill-Enova biex tiddiskuti l-użu ta’ rati ta’ traħħis ta’ l-ishma għall-proġetti individwali. B’mod partikolari, l-hekk imsejjaħ valur beta jista’ jkun ogħla skond ir-riskju tal-proġett (36) u jwassal għal rati ta’ traħħis ogħla.

    Ir-rata ta’ interess u l-primjum ta’ riskju se jiġu riveduti u aġġornati kull sena mill- awtoritajiet Norveġiżi. Jekk ikun hemm tibdil mhux mistenni li jaffetwa b’mod sinifikattiv ir-rata ta’ traħħis li ssir bejn l-aġġornamenti ta’ kull sena, l- awtoritajiet Norveġiżi jagħmlu aġġustament straordinarju tar-rata ta’ traħħis għal dik ir-raġuni. Iżda, dan jiġri biss jekk ikun hemm għalfejn wieħed jaħseb li t-tibdil huwa ta’ natura permanenti.

    (5)   L-ispejjeż ta’ l-investiment eliġibbli se jkunu dawk imniżżla fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni N 75/2002 – il-Finlandja (37). L-awtoritajiet Norveġiżi jiddikjaraw li mill-1 ta’ Jannar 2005 Enova aċċettat biss spejjeż bħal dawn bħala eliġibbli.

    (6)   Ma tingħata l-ebda għajnuna ‘l fuq mill-ammont neċessarju biex jaqbad il-proġett. Dan ifisser li fil-każ ta’ valur preżenti nett negattiv, li jirriżulta minn kalkulazzjoni ta’ valur preżenti nett skond il-parametri stipulati f’numru (2) hawn fuq, Għajnuna mill-Istat tingħata biss biex jiġi assigurat li l-proġett jibbilanċja, jiġifieri l-valur preżenti nett jitla’ sa żero.

    (7)   Proġett b’rata kkalkulata żero jew valur preżenti nett pożittiv bla għajnuna, m’huwa intitolat għall-ebda għajnuna.

    (8)   Bl-eċċezzjoni tas-sostenn għal bijomassa, is-sostenn approvat taħt din l-iskema qatt ma jista’ jaqbeż il-limitu stipulat taħt it-Taqsima D.3.3.1 (54) tal-Linji Gwida Ambjentali. Taqsima D.3.3.1 (54), tal-Linji Gwida Ambjentali tillimita l-għajnuna għad-differenza bejn il-prezz tas-suq u l-ispejjeż ta’ produzzjoni, kompluta bid-deprezzament ta’ l-impjant, fejn deprezzament ta’ l-impjant ifisser bħala spejjeż ta’ investiment biss. L-għajnuna tista’ wkoll tkopri rata ġusta ta’ qligħ, fejn in-Norveġja tista’ turi li dan huwa indispensabbli minħabba l-kompetizzjoni fqira ta’ ċerti sorsi ta’ enerġija li tiġġedded.

    (9)   Fil-metodoloġija ta’ Enova biex tikkalkula l-livelli ta’ għajnuna, l-ammont massimu approvat mill-Enova se jkun limitat għall-ispejjeż ta’ investiment. Proġetti li jiġġeneraw EBITDA negattiv (38) taħt kundizzjonijiet operattivi normali fi żmien l-investiment, mhuma se jkunu f’pożizzjoni li jirċievu l-ebda għajnuna. Ir-rata ta’ traħħis użata għal dak il-għan tkun ir-rata ta’ traħħis użata minn Enova, kif imsemmi f’numru (4) tat-Taqsima 9.I ta’ din id-Deċiżjoni.

    (10)   Għall-bijomassa, għajnuna operattiva li taqbeż l-ispejjeż ta’ investiment tista’ tiġi approvata. Iżda taħt l-ebda ċirkustanza ma tingħata aktar għajnuna operattiva milli previst f’Taqsima D.3.3.1 (55) (39) tal-Linji Gwida Ambjentali.

    (11)   Għall-għajnuna taħt is-sistema, bijomassa se tiġi ddefnita bħala l-frazzjoni “bijodegradabbli ta’ prodotti, skart u residwi mill-agrikoltura (inkluż sustanzi veġetali u ta’ l-annimali), l-industrija tal-foresta u industriji oħra relatati, kif ukoll bħala l-frazzjoni bijodegradabbli ta’ l-iskart industrijali u muniċipali” (ara l-Artikolu 2 (b) tad-Direttiva 2001/77/KE). Fil-każ ta’ għajnuna ta’ bijoenerġija li fiha sorsi oħra barra l-bijomassa, għajnuna operattiva kif stipulat hawn fuq f’numru (10) tingħata biss lill-parti li għandha l-bijomassa. L-għajnuna lill-partijiet l-oħra kienet limitata għall-investiment ta’ għajnuna kif definit taħt numru (5).

    (12)   L-iskema se tkun limitata sa l-1 ta’ Jannar 2011.

    L-awtoritajiet Norveġiżi ssottomettew ukoll l-informazzjoni li ġejja dwar spejjeż operattivi u dwar il-produzzjoni ta’ enerġija konvenzjonali:

    Spejjeż totali kontinwi, NOK/kWh

    Teknoloġija

    Spejjeż operattivi u ta’ manutenzjoni

    Karburant

    Spejjeż totali kontinwi

    Figuri mir-rapport IEA: Spejjeż proġettati biex jiġi ġġenerat l-Elettriku aġġornament 2005

    Faħam

    0,034 – 0,068

    0,076 – 0,152

    0,11 – 0,22

    Gass

    0,023 – 0,031

    0,187 – 0,249

    0,21 – 0,28

    Produzzjoni ta’ sħana u enerġija kkombinata

     

     

    0,17 – 0,44

    Figuri mir-rapport NVE: Spejjeż tal-produzzjoni ta’ l-enerġija u sħana fl-2002

    Riħ

    0,05

     

    0,05

    Figuri mill-portafoll tal-proġett Enova (eżempji)

    Riħ

    0,05 – 0,10

    0

    0,05 – 0,10

    Bijo

    0,07 – 0,15

    0,2 -0,3

    0,27 – 0,45

    Sorsi ġodda ta’ tiġdid

     

     

    0,05

    Tisħin tad-distrett

     

     

    0,05 – 0,10

    9.2   Miżuri biex tiġi ffrankata l-enerġija

    Dwar is-sistema notifikata, l-awtoritajiet Norveġiżi jsostnu li l-kalkulazzjoni tal-valur preżenti nett għandha wkoll tkun aċċettata għall-kalkulazzjonijiet ta’ għajnuna għall-miżuri li jiffrankaw l-enerġija. Iżda l-awtoritajiet Norveġiżi jipproponu kambjamenti fl-applikazzjoni futura tal-miżuri ta’ għajnuna biex tiġi ffrankata l-enerġija, kif ġej:

    L-awtoritajiet Norveġiżi se jikkalkulaw l-għajnuna fl-investiment għall-miżuri li jiffrankaw l-enerġija skond it-Taqsima D.1.3 (25) (40) tal-Linji Gwida Ambjentali f’kumbinazzjoni mat-Taqsima D.1.7 (32) tal-Linji Gwida Ambjentali, jiġifieri l-ispejjeż ta’ investiment se jkunu strettament limitati għall-ispejjeż neċessarji ta’ investiment żejda biex jilħqu l-għanijiet ambjentali. Dan ifissir li spejjeż ta’ l-investiment biex tiffranka l-enerġija se jkunu mqabbla ma’ l-ispejjeż ta’ investiment teknikament komparabbli li ma jipprovdux l-istess ammont ta’ protezzjoni ambjentali. F’każijiet ta’ investiment f’tagħmir addizzjonali u proċeduri li m’għandhom l-ebda funzjoni oħra ħlief li jiffrankaw l-enerġija, u fejn l-ebda investiment komparabbli alternattiv ma jeżisti, l-ispejjeż ta’ investiment komparabbli jiġu ffissati għal żero. Spejjeż ta’ bdil ta’ makkinarju biex jilħaq l-istandards meħtieġa tan-Norveġja m’humiex eliġibbli għall-għajnuna.

    (1)

    L-ispejjeż se jiġu kkalkulati bħala nett tal-benefiċċji derivati minn żieda fil-kapaċità, ta’ l-ispejjeż ta’ tfaddil li jsir waqt l-ewwel ħames snin ħajja ta’ l-investiment u produzzjoni addizzjonali anċillari waqt il-perjodu ta’ ħames snin.

    (2)

    L-ispejjeż eliġibbli se jkunu ristretti għall-spejjeż ta’ investiment. F’dan ir-rigward, l-ispejjeż eliġibbli se jkunu l-istess bħal dawk imniżżla mill-Kummissjoni Ewropea fid-Deċiżjoni tagħha N 75/2002 – il-Finlandja (41). Mill-1 ta’ Jannar 2005, l-awtoritajiet Norveġiżi kkunsidraw eliġibbli biss spejjeż ta’ dan it-tip.

    (3)

    L-ammont ta’ għajnuna se jkun limitat għall-40 % mill-ispejjeż żejda, ikkalkulati skond il-parametri ta’ hawn fuq u l-ebda għajnuna operattiva m’hi se tingħata taħt dik l-iskema. Skond it-Taqsima D.1.5 (30) tal-Linji Gwida Ambjentali, għal intrapriżi żgħar u medji l-għajnuna tista’ tiżdied b’10 punti perċentwali. Għal dak il-għan, intrapriżi żgħar u medji se jkunu ddefiniti skond il-Kapitolu 10.2 tal-Linji Gwida ta’ l-Awtorità dwar għajnuna lil intrapriżi żgħar ħafna, żgħar u medji.

    (4)

    Il-Gvern tan-Norveġja se jassigura li jekk ikkombinata ma’ sussidji oħra pubbliċi, l-għajnuna totali mhux se taqbeż il-limiti msemmija hawn fuq.

    (5)

    L-iskema se tkun limitata sa l-1 ta’ Jannar 2011.

    9.3   Sostenn għat-teknoloġiji ġodda għall-enerġija

    L-awtoritajiet Norveġiżi jiddikjaraw li proġetti ta’ teknoloġiji ġodda, sa fejn għandhom x’jaqsmu proġetti għat-tiġdid ta’ l-enerġija, għandhom ikunu sostnuti skond ir-regoli biex jiġu sostnuti l-produzzjoni u l-użu tal-produzzjoni ta’ l-enerġija li tiġġedded (approċċ tal-VPN). Safejn għandhom x’jaqsmu teknoloġiji għall-effiċjenza ta’ l-enerġija, il-mekkaniżmi ta’ kalkulazzjoni għall-mekkaniżmi biex jiffrankaw l-enerġija se jkunu applikati. Is-sostenn se jinkludi, inter alia, proġetti li aktar kmieni ġew ittestjati biss f’ laboratorji, li ġew sfruttati b’mod limitat jew huma żviluppati għal kundizzjonijiet differenti minn dawk tan-Norveġja u jeħtieġu xi adattamenti.

    Proġetti prekompetittivi, li jaqgħu taħt il-Linji Gwida ta’ l-Awtorità dwar l-Għajnuna mill-Istat għar-Riċerka u Żvilupp, se jiġu notifikati individwalment. Proġetti li jikkonsistu f’titjib ta’ prodotti jew linja ta’ produzzjoni li diġà jeżistu mhux se jkunu sostnuti. L-istess jgħodd għal proġetti li diġà bdew jew li d-deċiżjoni li jinbdew diġà ttieħdet.

    9.4   Miżuri ta’ informazzjoni u edukazzjoni fil-qasam ta’ l-effiċjenza ta’ l-enerġija

    L-awtoritajiet Norveġiżi kkonfermaw li l-programmi għall-materjal tat-tagħlim u kunċetti ta’ tagħlim, korsijiet edukattivi għall-persunal tekniku u t-tkomplija fuq il-post waqfu fl-1 ta’ Jannar 2005. Jekk dawn jew proġetti simili se jerġgħu jinbdew fil-futur, se jiġu notifikati minn qabel lill-Awtorità.

    L-awtoritajiet Norveġiżi komplew jikkonfermaw li l-programm ta’ taħriġ għal entitajiet pubbliċi huwa relatat biss mal-funzjoni pubblika tal-muniċipalitajiet lokali (ara wkoll it-Taqsima I.5.6 ta’ din id-Deċiżjoni).

    9.5   Mixxellanja

    L-awtoritajiet Norveġiżi komplew jikkonfermaw li s-sostenn jiġi applikat b’mod mhux diskriminatorju anki għal investituri barranin u li għandhom jirrappurtaw b’mod regolari lill-Awtorità dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskema. L-awtoritajiet Norveġiżi ssottomettew lista lill-Awtorità li turi tmien eżempji ta’ operaturi barrani li rċevew għajnuna taħt il-Fond ta’ l-Enerġija.

    10.   Raġunijiet biex tinbeda l-proċedura formali ta’ investigazzjoni

    Fid-deċiżjoni tagħha li tibda proċedura formali ta’ investigazzjoni, l-Awtorità qieset li l-miżuri li jikkonċernaw l-iffrankar ta’ l-enerġija, is-sostenn għat-teknoloġiji ġodda ta’ l-enerġija u s-sostenn għall-investiment fil-produzzjoni ta’ enerġija li tiġġedded jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fl-ambitu tat-tifsira ta’ l-Artikolu 61(1) tal-Ftehim ŻEE. Dwar il-miżuri ta’ edukazzjoni u informazzjoni (li jinkludu servizzi ta’ pariri u konsultazzjoni) l-Awtorità rrimarkat li bl-eċċezzjoni tas-servizz ta’ informazzjoni bit-telefown u possibilment iż-żjarat fuq il-post, il-Fond igawdi minn diskrezzjoni wiesgħa. Madankollu sabet li din id-diskrezzjoni għamlet il-miżuri ta’ sostenn miżuri selettivi, aktar milli miżuri ġenerali. Instab li l-miżuri kollha jgħawġu jew jheddu li jgħawġu l-kompetizzjoni u li jaffettwaw il-kummerċ bejn il-Partijiet Kuntrattwali. Ladarba l-għajnuna relatata mal-Fond ta’ Enerġija ma ġietx notifikata fil-ħin lill-Awtorità, kienet tikkostitwixxi għajnuna mhux ġustifikata skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 1 (f) f’ Parti II tal- Protokoll 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti.

    Dwar il-valutazzjoni ta’ kompatibbiltà, l-Awtorità għamlet distinzjoni bejn il-Fond ta’ l-Enerġija kif notifikat u s-sistema bl-emendi ssuġeriti mill-awtoritajiet Norveġiżi.

    Is-sistema kif notifikata

    L-Awtorità esprimiet dubji fid-deċiżjoni biex tiftaħ proċedura formali ta’ investigazzjoni dwar jekk is-sostenn għall-investiment f’enerġija li tiġgedded tistax tkun ġustifikata taħt il-Linji Gwida Ambjentali. B’mod partikolari l-Awtorità rrimarkat li s-sostenn ma kienx ibbażat fuq il-metodoloġija ta’ “spejjeż żejda” tat-Taqsima D 1.3 (27) u t-Taqsima D.1.7 (32) tal-Linji Gwida Ambjentali. Pjuttost identifikat il-bżonn għall-għajnuna billi għamlet kalkulazzjoni tal-valur preżenti nett tal-proġett. L-Awtorità sabet li ma kienx hemm garanziji biżżejjed biex jiġu sostnuti spejjeż relatati ma’ l-investiment biss. Ma kien hemm ukoll l-ebda mekkaniżmu biex jipprekludi kumpens eseġerat. Għall-miżuri li jiffrankaw l-enerġija, l-Awtorità rrimarkat li għall-kuntrarju tal-proġetti għat-tiġdid ta’ l-enerġija, il-Linji Gwida Ambjentali jibqgħu strettament mas-sostenn ta’ l-40 % ta’ l-ispejjeż eliġibbli ta’ l-investiment. Bil-kalkulazzjoni tal-valur preżenti nett applikat mill-awtoritajiet Norveġiżi ma kienx fiċ-ċert jekk dan il-limitu kienx se jiġi rispettat. Dwar proġetti ta’ teknoloġija għall-enerġija kif ukoll dwar il-verifika ta’ l-enerġija, l-Awtorità staqsiet għal aktar informazzjoni. Dwar il-miżuri ta’ informazzjoni u edukazzjoni, l-Awtorità rrimarkat li l-iskema ta’ għajnuuna f’dan ir-rispett ma kinitx limitata għas-sostenn de minimis (għalkemm sostenn għal uħud mill-proġetti seta’ baqa’ taħt il-limitu) jew limitata għal intrapriżi żgħar jew medji. Fuq dik il-bażi, l-Awtorità waslet għall-konklużjoni inizjali biex tiftaħ proċedura formali ta’ investigazzjoni dwar il-fatt li s-sistema kif notifikata ma kinitx kompatibbli mad-dispożizzjonijiet ta’ l-għajnuna mill-Istat taż-ŻEE.

    Is-sistema bl-emendi kif issuġġeriti mill-awtoritajiet Norveġiżi

    Fid-deċiżjoni biex tiftaħ proċedura formali ta’ investigazzjoni, l-Awtorità qieset ukoll l-emendi ssuġġeriti mill-awtoritajiet Norveġiżi. Iddikjarat li se tinvestiga aktar fil-fond dwar jekk is-sistema tan-Norveġja li tibbaża l-għajnuna fuq il-kalkulazzjoni tal-valur preżenti nett tal-proġett ikkonċernat għandiex tkun aċċettata, jekk l-awtoritajiet Norveġiżi kienu ddeċidew li jillimitaw l-għajnuna għad-differenza bejn il-prezz tas-suq u l-ispiża tal-produzzjoni, ara t-Taqsima D.3.3.1 (54) tal-Linji Gwida Ambjentali. L-Awtorità kienet ukoll ikkonċernata dwar kif il-kondizzjoni tat-Taqsima D.3.3.1 (54), it-tielet sentenza tal-Linji Gwida Ambjentali setgħet tiġi applikata fil-prattika mill-awtoritajiet Norveġiżi. Din it-Taqsima tippreskrivi li la darba tkun sostnuta, kwalunkwe enerġija oħra prodotta mill-impjant ma tibqax tikkwalifika għal assistenza ulterjuri. L-Awtorità esprimiet ukoll dubji dwar is-sostenn ta’ proġetti li l-valur preżenti nett tagħhom jibqa’ fin-negattiv wara li jirċievu l-għajnuna mingħand Enova, minħabba spejjeż kontinwi għoljin ħafna.

    L-Awtorità ma setgħetx tifforma opinjoni finali dwar is-sostenn tat-teknoloġiji ġodda għall-enerġija jew dwar miżuri edukattivi, kif ukoll dwar is-servizzi għall-pariri u l-konsultazzjoni (verifika ta’ l-enerġija).

    11.   Kummenti minn terzi

    L-Awtorità rċeviet kumment wieħed minn terzi persuni dwar id-deċiżjoni inizjali tagħha. Il-Ministeru Ġermaniż ta’ l-Ambjent, Konservazzjoni tan-Natura u Sikurezza Nukleari jiddikjara li m’hemm l-ebda possibbiltà li jiġi identifikat b’mod ċar is-suq relevanti u li jiġi stabbilit jekk l-intrapriżi sostnuti humiex verament f’kompetizzjoni ma’ intrapriżi li m’humiex sostnuti u li qed jieħdu vantaġġ. Barra minn hekk, il-Ministeru Ġermaniż jiddikjara li l-prinċipju li bih jiġu stabbiliti l-ispejjeż żejda tal-produzzjoni ta’ enerġija li tista’ tiġġedded mhux adattat biex jiddetermina l-ammont ta’ għajnuna, sakemm ma jkunx hemm xi definizzjoni ġenerali applikabbli u definita sew dwar il-kunċett ta’ spejjeż żejda. Dwar il-limitu ta’ 40 % għall-intensitajiet ta’ għajnuna, il-Ministeru Ġermaniż huwa ta’ l-opinjoni li dan ta’ spiss mhux se jkun qed jagħti inċentiv biżżejjed għall-investitur privat biex jipparteċipa, peress li dan ikun irid jieħu ħsieb 60 % ta’ l-ispejjeż. Jista’ għalhekk jiġi kkunsidrat jekk is-sostenn għandux ikun ibbażat aktar fuq proporzjoni ta’ l-ispejjeż ta’ investiment totali. Il-Ministeru Ġermaniż jiddikjara li ċerti nuqqasijiet tal-Linji Gwida Ambjentali f’dan ir-rigward ġew megħluba mill-prattika tal-Kummissjoni fil-każijiet quddiemha.

    12.   Kummenti mill-awtoritajiet Norveġiżi

    Dwar l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Iistat, fir-risposta tagħhom tal-15 ta’ Lulju 2006, l- awtoritajiet Norveġiżi huma tal-fehma li l-Awtorità tapplika test selettiv sever wisq, li ma jħalli l-ebda ftuħ għall-ebda diskrezzjoni fil-programmi li huma bażikament miftuħa għall-kumpaniji kollha. Dwar is-sostenn ta’ materjal ta’ tagħlim, Enova kellha d-diskrezzjoni li tneħħi biss dawk il-proġetti li ma kinux jilħqu l-għanijiet tal-programm jew li setgħu jassiguraw kwalità suffiċjenti. Dawn il-kriterji minimi kienu għaldaqstant ta’ natura oġġettiva.

    L-awtoritajiet Norveġiżi jkomplu jsostnu fl-ittra msemmija qabel li l-Awtorità kellha tagħmel valutazzjoni ta’ kompatibbiltà tal-Fond ta’ l-Enerġija direttament skond l-Artikolu 61(3)(ċ) tal-Ftehim ŻEE, bħalma għamlet il-Kummissjoni fl-iskema ta’ fond għall-kera WRAP tar-Renju Unit (42).

    Dwar il-valutazzjoni ta’ kompatibbiltà tas-sostenn ta’ l-investiment għal enerġija li tiġġedded, l-awtoritajiet Norveġiżi jiddikjaraw li għall-produzzjoni ta’ enerġija li tiġġedded kif notifikat, l-element ta’ kompetizzjoni tas-sistema bejn il-proġetti differenti jeskludi kwalunkwe kumpens żejjed. Barra minn hekk, il-ftehim bejn Enova u l-Ministeru jiddikjara li kwalukwe għajnuna li tingħata għandha tkun kompatibbli mal-Ftehim ŻEE, Dwar l-inklużjoni ta’ l-ispejjeż li forsi ma jkunux eliġibbli, l-awtoritajiet Norveġiżi jiddikjaraw li dan ikun jikkonċerna biss parti żgħira mill-ispejjeż.

    Tul il-fażi preliminarja ta’ l-investigazzjoni u fir-risposta tagħhom tal-15 ta’ Lulju 2006, l- awtoritajiet Norveġiżi jirrimarkaw li n-Norveġja qed tiffaċja sitwazzjoni ta’ enerġija differenti minn ħafna stati Ewropej peress li aktar minn 99 % tal-produzzjoni ta’ l-elettriku għall-konsum domestiku jiġi mill-idro-enerġija. L-idro-enerġija għandha struttura għall-ispejjeż differenti u livelli ta’ spejjeż differenti mill-produzzjoni ta’ enerġija tradizzjonali fil-bqija ta’ l-Ewropa hija bbażata fuq faħam, gass u enerġija nukleari. Paragun ma’ l-idro-enerġija biex jiġu kkalkulati l-ispejjeż żejda tal-produzzjoni ġdida ta’ enerġija li tiġġedded skond il-Linji Gwida, skond il-fehma ta’ l-awtoritajiet Norveġiżi m’huwiex possibbli. Hemm vantaġġi oħra importanti fl-applikazzjoni tal-metodoloġija magħzula. L-ewwelnett, il-metodu tal-valur preżenti nett huwa metodoloġija wżata spiss fis-settur ta’ l-enerġija kif ukoll f’setturi industrijali oħra. Billi wieħed jirreferi għall-prezz tas-suq, kriterji oġġettivi u faċilment disponibbli huma magħzula. Bl-użu ta’ dan il-metodu għall-proġetti kollha li japplikaw għas-sostenn, Enova tista’ tikkumpara proġetti differenti li qed jikkompetu għall-Għajnuna mill-Istat fuq l-istess bażi u tagħti għajnuna lil dawn il-proġetti li għandhom l-aħjar proporzjon ta’ għajnuna/benefiċċju għall-ambjent. It-tieni nett, il-metodu jassigura li proġett ikun mogħti biss l-ammont neċessarju biex ikun jista’ jidħol fis-suq.

    In-Norveġja tiddikjara li jekk wieħed kellu jimxi verbatim mal-Linji Gwida Ambjentali, l-awtoritajiet Norveġiżi jkollhom iżidu l-iskema ta’ għajnuna għall-investiment bi skema għall-għajnuna operattiva, li l-għajnuna għaliha tiġi wkoll deċiża, fl-aħħar, fuq il-bażi ta’ kalkulazzjoni ta’ valur preżenti nett. L-għajnuna operattiva mogħtija b’dan il-mod tkun de facto skema ta’ għajnuna għall-investiment fejn l-għajnuna tingħata b’rati minflok somma waħda, bla ebda bidla sinifikanti fil-possibbiltà ta’ sostenn, imma b’sistema inqas trasparenti u b’mod amministrattiv aktar kumplikata (43). Fis-sistema kif notifikata, Enova tkun biss involuta fil-fażi ta’ investiment tal-proġett.

    L-awtoritajiet Norveġiżi jaqblu li fir-risposta tagħhom tal-15 ta’ Lulju 2006 mal-konklużjoni ta’ l-Awtorità fid-deċiżjoni tal-bidu li l-metodu ta’ Enova ġeneralment jirriżulta f’għajnuna għall-investiment li huwa taħt jew daqs l-ispejjeż ta’ l-investiment żejda ta’ l-impjant ta’ l-enerġija li tiġġedded. Iżda, l-awtoritajiet Norveġiżi joġġezzjonaw għad-deprezzament ta’ l-impjant. Dan ikun qed jinjora l-fatt li l-proġetti huma ukoll intitolati għal rata ġusta ta’ qligħ, kif stipulat fil-Linji Gwida Ambjentali ta’ l-Awtorità (it-Taqsima D.3.3.1 (54)) u applikat fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-proġett Q7 jaħdem bir-riħ ‘il barra mix-xatt (44). Peress li l-livell xieraq tar-rata ta’ qligħ se jkun stabbilit fuq il-bażi tal-konklużjonijiet ta’ espert indipendenti, l-awtoritajiet Norveġiżi jargumentaw li m’hemm l-ebda riskju ta’ kumpens żejjed li jirriżulta minn rati ta’ qligħ ġenerużi żżejjed.

    Dwar il-kundizzjoni meħtieġa li proġett sostnut ma jirċievi l-ebda assistenza oħra, ara t-Taqsima D.3.3.1 (54) tal-Linji Gwida Ambjentali, l-awtoritajiet Norveġiżi jaqblu li għandu jkun hemm limitazzjoni għas-sostenn mogħti mill-Fond ta’ l-Enerġija. L- awtoritajiet Norveġiżi jiddikjaraw li żewġ mekkaniżmi se jassiguraw limitazzjoni ta’ dan it-tip. L-ewwel nett, meta Enova tivvaluta proġett, id-dħul magħruf kollu (fluss tal-likwidità) jittieħed in konsiderazzjoni, irrispettivament minn għajnuna oħra mill-gvern li tikkwalifika bħala għajnuna mill-Istat. Dawn l-elementi jitqiesu fuq in-naħa tad-dħul jew ta’ l-ispejjeż, fejn relevanti, u konsegwentament inaqqsu l-bżonn ta’ aktar għajnuna mingħand Enova. It-tieni nett, rigward il-possibbiltà ta’ l-introduzzjoni ta’ sistema bil-“green certificate”, l-awtoritajiet Norveġiżi jirreferu għal klawżola fil-kuntratt li jiġi konkluż ma’ min jirċievi l-għajnuna li hu jkollu jħallas lura, bl-interessi, kwalunkwe għajnuna li rċieva mill-Fond ta’ l-Enerġija, jekk hu jidħol fis-suq taċ-ċertifikat.

    L-awtoritajiet Norveġiżi pproponew – waqt l-investigazzjoni formali ta’ l-iskema – emenda fejn jidħlu proġetti li, anki bis-sostenn li jirċievu mingħand il-Fond ta’ l-Enerġija, jkollhom valur preżenti nett negattiv. Din l-emenda tinsab issa fit-Taqsima I.9.1 numru (9) ta’ din id-Deċiżjoni u tiddikjara li proġetti li jiġġeneraw EBIDTA negattiv, taħt kondizzjonijiet operattivi normali fi żmien l-investiment, mhuma f’pożizzjoni li jirċievu l-ebda għajnuna.

    II.   APPREZZAMENT

    1.   Għajnuna mill-Istat skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 61(1) tal-Ftehim ŻEE

    L-Artikolu 61(1) tal-Ftehim ŻEE jipprovdi kif ġej:

    “Sakemm il-liġi ma tiddisponix mod ieħor f’dan il-Ftehim, kwalunkwe għajnuna mogħtija mill-Istati Membri tal-KE, Stati EFTA jew mir-riżorsi ta’ l-Istat fi kwalunkwe forma li tgħawweġ jew thedded li tgħawweġ il-kompetizzjoni billi tiffavurixxi ċerti intrapriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti prodotti għandha, sal-grad li taffetwa l-kummerċ bejn il-Partijiet Kontraenti, tkun inkompatibbli mat-tħaddim ta’ dan il-Ftehim.”

    1.1   Preżenza ta’ riżorsi statali

    Skond l-Artikolu 61 tal-Ftehim ŻEE, il-miżura għandha tingħata mill-Istat jew mir-riżorsi ta’ l-Istat. Fil-każ preżenti, is-sostenn tad-diversi proġetti ta’ investiment isiru permezz ta’ għotjiet, li huma ffinanzjati mill-baġit ta’ l-Istat u mit-taxxi fuq it-tariffa ta’ distribuzzjoni. Il-finanzjar minn allokazzjonijiet diretti tal-baġit jissodisfa l-kriterju ta’ “riżorsi statali”.

    Rigward il-qligħ tat-taxxi minn fuq it-tariffa ta’ distribuzzjoni, l-Awtorità tirrimarka li skond il-ġurisprudenza stabbilita u l-prattika tal-Kummisjoni Ewropea, riżorsi ta’ l-Istat huma involuti meta flus huma trasferuti minn fond jew meta fond huwa stabbilit mill-Istat u l-fond huwa mogħti kontribuzzjonijiet imposti jew ġestiti mill-Istat (45). F’dan ir-rigward se jkollu jiġi stabbilit jekk l-Istat għamilx eżerċizzju ta’ kontroll fuq il-flus ikkunsidrati (46). Sabiex ikunu kkunsidrati bħala riżorsi ta’ l-istat, huwa biżżejjed li l-assi jkunu fil-kontroll ta’ l-awtoritajiet pubbliċi b’mod permanenti (47).

    Il-Fond ta’ l-Enerġija kien stabbilit mill-Istat tan-Norveġja. Il-fond ta’ l-Enerġija huwa amministrat minn entità pubblika, Enova, li hija proprjetà ta’ l-Istat tan-Norveġja permezz tal-Ministeru taż-Żejt u l-Enerġija. Il-Fond ta’ l-Enerġija kien stabbilit biex jissodisfa l-għan ta’ politika ta’ l-Istat tan-Norveġja u biex jgħin jintlaħqu l-miri ta’ l-enerġija ta’ l-Istat tan-Norveġja f’relazzjoni mal-Protokoll ta’ Kyoto. Għal dak il-għan, l-Istat tan-Norveġja jimponi taxxa obbligatorja permezz ta’ Regolament (ara I.3 ta’ din id-Deċiżjoni) li se jiffinanzja l-Fond. Il-livell tat-taxxa huwa determinat bl-istess mod mill-Istat. Il-qligħ mit-taxxa se jitpoġġa direttament fil-Fond ta’ l-Enerġija fejn jiġi allokat skond il-proġetti magħżula. Għalhekk l-Awtorità hija tal-fehma li l-Istat tan-Norveġja jeżerċita kontroll permanenti fuq it-taxxa u li jikkwalifika bħala riżorsi Statali skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 61(1) tal-Ftehim ŻEE.

    1.2   Preferenza ta’ ċerti intrapriżi jew tal-produzzjoni ta’ ċerti prodotti

    Sabiex tiġi kkwalifikata bħala għajnuna fit-tifsira ta’ l-Artikolu 61(1) tal-Ftehim ŻEE, il-miżura trid ukoll, l-ewwel nett tagħti lir-riċevituri vantaġġi li jneħħu l-ħlasijiet li normalment jinġarbu mill-baġit tagħha. It-tieni nett, il-miżura ta’ għajnuna għandha tkun selettiva billi tiffavurixxi “ċerti intrapriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti prodotti”. F’dan li ġej se ssir distinzjoni bejn l-iskemi ta’ għajnuna għall-investiment, inkluż il-verifika ta’ l-enerġija, u l-miżuri edukattivi/ta’ tagħlim.

    1.2.1    Rimarka ġenerali. Valutazzjoni tal-Fond ta’ l-Enerġija fih innifisu, mhux ta’ l-għotjiet individwali taħt l-iskema

    Fil-każ preżenti, il-miżuri ta’ sostenn spjegati hawn taħt jistgħu, f’certi sitwazzjonijiet, ikunu ġew mogħtija lil individwi pjuttost milli lil intrapriżi (pereżempju wħud mill-miżuri ta’ tagħlim u edukazzjoni) jew jistgħu jikkonċernaw attività edukattiva aktar milli ekonomika. Iżda l-ebda waħda mid-diversi miżuri ta’ sostenn ma kienet formalment (liġijiet jew linji gwida amministrattivi) limitata għal individwi jew ċerti tipi ta’ attivitajiet (48). Sostenn jista’ jingħata lil, eż., operaturi edukattivi privati, li jistgħu jwettqu attivitajiet ekonimiċi jew ikunu fid-direzzjoni ta’ ċerti setturi industrijali (eż. l-industrija tal-bini).

    In-notifikazzjoni kurrenti u l-valutazzjoni għandhom x’jaqsmu mal-Fond ta’ Enerġija fih innifsu, u mhux ma’ għotjiet individwali taħtu. Għalhekk, mhemm l-ebda bżonn li l-Awtorità tivvaluta – għal valutazzjoni tal-Fond ta’ l-Enerġija fih innifsu (49) – eż. jekk f’każijiet individwali s-sostenn mogħti lill-organizzazzjonijiet li ma jfittxux profitt u entitajiet edukattivi kien jikkonċerna l-attività (ekonomika) ta’ xi intrapriża. Peress li l-Fond ta’ l-Enerġija ma kellu l-ebda limitazzjoni f’dak ir-rigward, l-Awtorità ssib għaldaqstant li – bl-eċċezzjoni ta’ hawn isfel – is-sostenn taħt l-iskema mar għand l-intrapriżi.

    Sostenn mogħti lis-settur pubbliku biex iwettaq miżuri biex tiġi ffrankata l-enerġija bħala parti mill-funzjoni pubblika ta’ dik l-entità, ma jikkostitwix għajnuna mill-Istat. Dan jikkonċerna, partikolarment, il-programm dwar il-miżuri għall-effiċjenza ta’ l-enerġija għall-muniċipji. Dan is-sostenn ma jżommx l-għajnuna mill-Istat fit-tifsira li jagħti l-Artikolu 61(1) tal-Ftehim ŻEE, sakemm hija limitata, kif ikkonfermat mill-awtoritajiet Norveġiżi, għall-funzjoni ta’ l-entitajiet pubbliċi tar-riċevitur sostnut.

    1.2.2    Sostenn għall-investiment (produzzjoni ta’ enerġija li tiġġedded, miżuri biex tiġi ffrankata l-enerġija, teknoloġija ġdida għall-enerġija u l-verifika ta’ l-enerġija)

    L-għotjiet ta’ l-investimenti msemmija qabel jagħtu lir-riċevituri l-vantaġġ fit-tifsira ta’ l-Artikolu 61(1) tal-Ftehim ŻEE billi permezz tagħhom jew ikunu jistgħu jinvestu fi produzzjoni ta’ enerġija li tiġġedded jew f’miżuri li jnaqqsu l-konsum ta’ l-enerġija tagħhom jew il-kumpanija tkun tista’ (fil-każ ta’ verifiki permezz tal-kompetenza żviluppata aktar jew analiżi ta’ l-enerġija) tuża l-enerġija b’mod aktar effiċjenti, u b’hekk tnaqqas dejjem aktar l-ispejjeż kontinwi normali tagħha.

    Is-sostenn huwa wkoll selettiv. Dwar is-sostenn għall-investiment f’enerġija li tiġġedded, is-sostenn jirreferi għall-kategorija partikolari tal-produtturi ta’ l-enerġija.

    Is-selettività teżisti wkoll għall-miżuri l-oħra, peress li l-għotjiet huma allokati biss għal ċerti kumpaniji magħżula minn Enova wara li jiġu mqabbla l-proġetti waqt il-proċess ta’ applikazzjoni u wara li jiġi deċiż liema huwa l-aktar proġett effiċjenti mill-grupp ta’ applikazzjonijiet biex jiġi sostnut. Kif stabbilit fil-ġurisprudenza (50), f’sitwazzjoni fejn il-fond igawdi minn “grad ta’ latitudni li permezz tiegħu jkun jista’ jirranġa l-assistenza finanzjarja tiegħu wara li jikkunsidra numru ta’ konsiderazzjonijiet bħal, b’mod partikolari, l-għażla tal-benefiċjarji, l-ammont ta’ assistenza finanzjarja u l-kondizzjonijiet taħt liema din ġiet ipprovduta, (…) is-sistema hija responsabbli biex tpoġġi ċerti intrapriżi f’sitwazzjoni aktar favorevoli minn oħrajn (51). Kull proġett li jilħaq il-kriterji ta’ l-applikazzjoni ma jistax ikun ċert li se jingħata sostenn, għax dan jiddependi mill-proġetti l-oħra li qed jikkompetu miegħu fil-proċess ta’ l-applikazzjoni u mill-ammont ta’ flus li Enova hija lesta li talloka fil-proċess konkret tal-valutazzjoni tal-proġetti. Peress li Enova hija ħielsa li tagħżel spiss kemm trid u liema tipi trid ta’ sejħiet biex jissottomettu proposti għal proġetti, is-Sistema tagħti lill-Enova marġini ta’ diskrezzjoni suffiċjenti biex jagħmlu l-miżuri ta’ sostenn selettivi (52).

    Barra minn hekk, għall-verifika ta’ l-enerġija, hemm element addizzjonali għas-selettività f’dak il-programm (test tal-programm 2003, ara hawn fuq it-Taqsima I. 5.6 ta’ din id-Deċiżjoni) li huwa mmirat lejn is-sidien ta’ bini privat u pubbliku b’erja totali ta’ aktar minn 5 000 metru kwadru u lejn intrapriżi industrijali.

    1.2.3    Programmi ta’ informazzjoni u edukazzjoni fil-qasam ta’ effiċjenza ta’ l-enerġija

    L-Awtorità hija tal-fehma li l-ebda selettività ma hi involuta fil-linja ta’ l-informazzjoni bit-telefown ta’ Enova fejn pariri dwar l-effiċjenza ta’ l-enerġija jingħataw lil kull min hu interessat f’parir dwar l-effiċjenza ta’ l-enerġija, mingħajr ma l-Enova tkun kapaċi tagħmel eżerċizzju ta’ kwalukwe diskrezzjoni għal dak il-fini.

    L-ebda għajnuna mill-Istat ma hi involuta aktar għaż-żjarat fuq il-post sa fejn għandhom x’jaqsmu djar privati, peress li s-sostenn f’din is-sitwazzjoni mhux mogħti lill-intrapriżi fit-tifsira ta’ l-Artikolu 61(1) tal-Ftehim ŻEE. Barra minn hekk, anki għall-użu effiċjenti ta’ l-enerġija fil-bini kummerċjali, l-Awtorità ma ssibx li l-għajnuna mill-Istat taqa’ taħt it-tifsira ta’ l-Artikolu 61(1) tal-Ftehim ŻEE involut, peress li l-miżura kienet miftuħa għal kull min kien interessat fiha, mingħajr ma tagħti lil Enova u ċ-ċentri ta’ effiċjenza tagħha l-ebda diskrezzjoni. Fi kliem ieħor, il-miżura ma tilħaqx il-kondizzjoni relatata mas-selettività.

    Vantaġġ selettiv jeżisti f’relazzjoni mal-programm ta’ sostenn għall-iżvilupp ta’ materjal ta’ tagħlim u korsijiet edukattivi peress li tnaqqas l-ispejjeż ta’ dak li qed jiżviluppa biex joħloq materjal jew programm ta’ dan it-tip, meta mqabbel ma’ ħaddiehor li ma jirċevix dan it-tip ta’ sostenn. L-Awtorità ma taqbilx ma’ l-awtoritajiet Norveġiżi li tapplika test ta’ selettività strett wisq għall-programmi ta’ tagħlim jew edukattivi. Is-sostenn hu, l-ewwel immirat lejn ċerti setturi eż. fl-2003 programm inter alia lil dawk li jipprovdu servizzi edukattivi privatament jew fil-programm ta’ l-2004 lin-negozju tal-bini. It-test tal-programm jenfasizza li offerti ta’ studju għandhom jissodisfaw il-bzonn tan-negozju, b’mod parzjali flimkien ma’ l-industrija privata billi jipparteċipaw fil-finanzjar tal-programm. Dan iħalli spazju għall-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet settorjali. It-tieni nett, il-programmi rispettivi xorta jħallu lil Enova marġini wiesa’ ta’ diskrezzjoni. L-awtoritajiet Norveġiżi stess jenfasizzaw li l-kompetizzjoni tal-proġetti hija essenzjali. Għaldaqstant ċerti proġetti jistgħu ma jkunux garantiti sostenn avolja jilħqu ċerti kriterji oġġettivi, għax dawn jistgħu jaqgħu lura jekk proġetti oħra fil-proċess ta’ valutazzjoni rispettiv iġibu riżultat aħjar. M’hemm l-ebda garanzija li proġett respint se jiġi sostnut id-darba li jmiss. Barra minn hekk, it-testi tal-programm 2003 u 2004 fihom lista ta’ prijorità, li tkompli turi li ċerti proġetti, b’mod partikolari dawk li m’humiex fost proġetti li se tingħatalhom prijorità, se jkollhom inqas ċans li jiġu sostnuti. L-Awtorità, għalhekk, tikkunsidra s-sostenn bħala selettiv.

    1.3   Tgħawwiġ tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ bejn Entitajiet Kuntrattwali

    Biex tkun għajnuna skond l-Artikolu 61(1) tal-Ftehim ŻEE, il-miżuri jridu jgħawwġu jew jheddu li jgħawwġu l-kompetizzjoni u jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Entitajiet Kuntrattwali.

    Fil-każ preżenti l-miżuri qed isaħħu s-sitwazzjoni kompettittiva ta’ l-intrapriżi sostnuti fis-swieq ta’ l-enerġija u l-elettriku fiż-Żona Ekonomika Ewropea, fejn huma attwalment jew potenzjalment jikkompetu ma’ produtturi oħra ta’ l-enerġija (53).

    Numru sew ta’ proġetti sostnuti fil-passat (ara t-Taqsima I.6 ta’ din id-Deċiżjoni) setgħu jaqgħu taħt l-Att imsemmi f’punt 1(e) ta’ l-Anness XV tal-Ftehim ŻEE (Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 69/2001 tat-12 ta’ Jannar 2001 dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE dwar l-għajnuna de minimis ), għax l-għotjiet allokati huma taħt il-limitu de minimis. Iżda, mhux il-proġetti sostnuti kollha kellhom il-kwalità ta’ għajnuna de minimis. Lanqas ma kienet kondizzjoni ta’ l-iskema li għandu jkun hekk.

    Peress li s-suq ta’ l-elettriku huwa fil-parti l-kbira liberalizzat u hemm skambju ta’ kummerċ fil-prodotti ta’ l-enerġija bejn l-istati ŻEE (eż. in-Norveġja timporta u tesporta ċertu perċentwal mill-elettriku tagħha), l-imsemmi tgħawwiġ (potenzjali) tal-kompetizzjoni tiġri f’konnessjoni ma’ intrapriżi ŻEE oħra. Dan jidher ukoll mill-fatt li diversi tipi ta’ elettriku huma nnegozjati minn Nordpool, qafas komuni bejn il-pajjiżi Nordiċi. Il-Fond ta’ l-Enerġija għalhekk, jgħawweġ jew jhedded li jgħawweġ il-kompetizzjoni u jaffettwa l-kummerċ bejn l-Entitajiet Kuntrattwali.

    2.   Għajnuna ġdida

    Kif intwera hawn fuq fit-Taqsima II.1 ta’ din id-Deċiżjoni, is-sistema pprovduta mill-Fond ta’ l-Enerġija tinvolvi għajnuna skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 61(1) tal-Ftehim ŻEE. Jinħtieġ li jiġi ddeterminat jekk tikkostitwixxix ukoll għajnuna ġdida, li għandha tiġi notifikata f’ħin suffiċjenti biex l-Awtorità tagħmel valutazzjoni, ara Artikolu 2 fil-Parti II tal-Protokoll 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti. Għajnuna ġdida hija ddefinita bħala l-għajnuna kollha (…), “li ma teżistix u tinkludi tibdil għall-għajnuna eżistenti”, ara l-Artikolu 1 (ċ) fil-Parti II tal-Protokoll 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti.

    Il-Gvern tan-Norveġja jiddikjara li l-programmi amalgamati taħt il-mekkaniżmu tal-Fond ta’ Enerġija eżistew qabel ma daħlet in-Norveġja fiż-Żona Ekonomika Ewropea. Għaldaqstant, l-iskemi oriġinarjament kienu jikkostitwixxu għajnuna skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 1(b) (ii) fil-Parti II tal-Protokoll 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti.

    B’din in-notifikazzjoni, l-awtoritajiet Norveġiżi nnotifikaw lill-Awtorità bit-tibdil fl-iskemi ta’ għajnuna li jeżistu diġà. Dawn jikkonsistu prinċipalment minn:

    (i)

    l-amalgamazzjoni fl-2002 ta’ skemi eżistenti taħt il-Fond ta’ l-Enerġija li kien għadu kemm kien stabbilit,

    (ii)

    l-amministrazzjoni ġdida tas-sostenn bil-kreazzjoni tal-korp amministrattiv ġdid, Enova, b’hekk tieħu post id-Direttorat tan-Norveġja ta’ l-Ilma u l-Enerġija li kien jieħu ħsieb qabel,

    (iii)

    l-iżvilupp ta’ għanijiet ġodda għall-enerġija mill-Parlament, li jfisser li l-miżuri taħt l-iskemi għandhom issa jilħqu effiċjenza fl-enerġija li tista’ titqies u l-miri tal-produzzjoni,

    (iv)

    u finalment mekkaniżmu ta’ finanzjar ġdid (taxxa fuq it-tariffa ta’ distribuzzjoni).

    Dawn il-bidliet kienu akkumpanjati minn sett ġdid ta’ dispożizzjonijiet legali għal Enova, li għandhom impatt fuq is-sostenn mogħti għax issa il-miżuri għandhom jilħqu għanijiet politiċi ġodda kif miftiehem fl-2002 bejn l-Istat tan-Norveġja u Enova.

    Dawn il-bidliet ma kinux ta’ natura purament teknika jew amministrattiva [ara Artikolu 4 (1) fid-Deċiżjoni ta’ l-Awtorità ta’ l-14 ta’ Lulju (54)], iżda bidlu b’mod sinifikattiv is-sistema li kienet diġà teżisti minn qabel u l-qafas legali tagħha. L-ewwelnett, skond il-ġudiżżju tal-Qorti f’Namur Les Assurances  (55), l-eżistenza ta’ għajnuna ġdida trid tkun iddeterminata b’referenza għad-dispożizzjonijiet li qed jipprovdu għaliha. F’dan ir-rigward, għandu jkun irrimarkat li bit-twaqqif tal-Fond ta’ l-Enerġija u Enova, ġie adottat sett ġdid ta’ regoli li jiddetermina s-sostenn taħt il-Fond ta’ l-Enerġija u l-finanzjar tiegħu. L-ewwel kien hemm deċiżjoni Parlamentari fil-5 ta’ April 2001, li biha l-Att ta’ l-Enerġija tad-29 ta’ Ġunju 1990 kien emendat. Id-deċiżjoni awtorizzat lill-Gvern biex jobbliga lil min iqassam l-enerġija (b’liċenzja, “omsetningskonsesjoner”) biex iżid taxxa mat-tariffa tad-distribuzzjoni ta’ l-elettriku mħallsa mill-konsumatur aħħari. Din it-taxxa mbagħad tikkontribwixxi għall-iffinanzjar tal-Fond ta’ l-Enerġija. Ir-regolament tal-Gvern, għal dak iż-żmien ġdid, ta’ l-10 ta’ Diċembru 2001 jispjega kif it-taxxa għandha tkun miġbura u trasferita fil-Fond ta’ l-Enerġija. Fil-propożizzjonijiet li wasslu għad-deċiżjoni parlamentari, il-gvern kien iddefinixxa għanijiet għall-enerġija ġodda u konkreti (ara I.4 ta’ din id-Deċiżjoni), li t-twettiq tagħhom għandu jseħħ fiż-żmien stabbilit bit-twaqqif tal-Fond ta’ l-Enerġija u ta’ Enova. L-għanijiet u l-kisbiet tagħhom komplew jiġu speċifikati fil-Ftehim bejn il-Ministeru u Enova. Regolament ġdida għall-Fond ta’ l-Enerġija poġġiet il-Fond f’idejn il-Ministeru taż-Żejt u l-Enerġija u stipulat l-amministrazzjoni tiegħu minn Enova. Dan juri li fis-snin 2000/2001 id-dispożizzjonijiet legali li jirregolaw is-sostenn tal-miżuri għall-effiċjenza ta’ l-enerġija kienu mibdula u miżjuda b’mod sinifikanti.

    Dawn il-bidliet leġiżlattivi u amministrattivi saru bl-intenzjoni li jibdlu sostanzjalment is-sistema ta’ sostenn kurrenti u biex jinħoloq mod kompletament ġdid biex jiġu pprovduti flus għall-miżuri biex jiffrankaw l-enerġija u l-produzzjoni ta’ l-enerġija (56). L-amalgamazzjoni taż-żewġ skemi ġodda kien aktar milli sempliċiment formalità teknika peress li l-amalgamazzjoni tagħhom taħt titlu wieħed ġiet effetwata biex tipprovdi sostenn statali mmirat aħjar u biex jintlaħqu aktar riżultati tanġibbli f’termini ta’ politiki sostenibbli għall-enerġija. Id-deċiżjonijiet ta’ sostenn għall-proġetti issa jkollhom jieħdu in konsiderazzjoni jekk il-proġett jistax jikkontribwixxi għall-għanijiet il-ġodda ddefiniti mill-Parlament fl-2000/2001, li hija bidla sostantiva għall-mekkaniżmi ta’ sostenn ta’ qabel.

    Struttura amministrattiva kompletament ġdida tissostitwixxi l-kompetenza tad-Direttorat tar-Riżorsi ta’ l-Ilma u l-Enerġija tan-Norveġja, li kien responsabbli qabel, ma’ dik tal-korp amministrattiv ġdid, Enova. Enova hija marbuta bi Ftehim mal-Ministeru biex tamministra l-Fond ta’ l-Enerġija u tilħaq l-għanijiet ġodda ddefiniti mill-Parlament u biex tmexxi l-Fond skond il-leġiżlazzjoni adottata ftit qabel. Hija wkoll imsejħa biex tmexxi – bis-saħħa ta’ l-amministrazzjoni tal-fondi – il-kompetizzjoni fis-suq. Dan juri li Enova mhux sempliċiment tkompli x-xogħol ta’ NVE, iżda hija inkarigata b’xogħlijiet u obbligazzjonijiet ġodda, li hija bidla sostanzjali minn skemi li ġew qabel.

    Finalment, huwa ta’ importanza li l-mekkaniżmu ta’ finanzjar ġdid jiġi stabbilit. Minflok allokazzjonijiet mill-baġit, il-miżuri ta’ sostenn huma ffinanzjati (dejjem aktar) permezz ta’ taxxa fuq it-tariffa ta’ distribuzzjoni, li hija użata biex tiffinanzja l-Fond ta’ l-Enerġija. Filwaqt li n-Norveġja ġibdet l-attenzjoni lejn il-fatt li t-taxxa fuq it-tariffa fiha nnifisha ġiet introdotta qabel ma daħal fis-seħħ il-Ftehim ŻEE, dan ma jibdilx il-konklużjoni ta’ l-Awtorità li l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmu ġdid li jiffinanzja ġab bidla sostanzjali. Qabel l-2002, it-taxxa kienet ikkontrollata minn kumpaniji li jieħdu ħsieb is-sistema ta’ tqassim prinċipalment biex jiffinanzjaw l-attivitajiet ta’ informazzjoni tagħhom stess dwar l-effiċjenza ta’ l-enerġija. Issa t-taxxa hija stabbilita u kkontrollata mill-Istat tan-Norveġja, li jiffisaha għall-iffinanzjar tal-Fond ta’ l-Enerġija. Il-Fond jista’ japplika l-finanzi għat-tipi kollha differenti tal-miżuri ta’ sostenn, mhux limitati għal attivitajiet ta’ informazzjoni (57). Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, l-Awtorità tikkonkludi li l-bdil fis-sistema tal-fondi hija waħda ta’ natura sostanzjali.

    Il-bidliet spjegati jibdlu l-iskemi ta’ għajnuna fihom infushom, bla ma huma parti li tista’ tkun separata mill-iskemi eżistenti (58). Il-mekkaniżmu ta’ finanzjar u amministrazzjoni ġdid kif ukoll l-obbligazzjoni ta’ Enova biex tilħaq għanijiet iddefiniti riċentament għall-enerġija jikkonċernaw l-istruttura tal-programm ta’ sostenn u japplikaw għall-miżuri kollha sostnuti taħt il-Fond ta’ l-Enerġija. Il-bidliet saru bit-tir li jsir użu aħjar tar-riżorsi pubbliċi u biex jintlaħqu riżultati aktar sostenibbli ta’ effiċjenza ta’ l-enerġija, li għamlu neċessarja l-introduzzjoni ta’ strutturi ġodda jew għanijiet ġodda. Dawn l-istrutturi u għanijiet ġodda jiddeterminaw kull deċiżjoni ta’ sostenn u ma jistgħux jitqiesu li huma diviżibbli minn miżuri ta’ għajnuna li diġà jeżistu.

    Konsegwentement, l-alterazzjonijiet notifikati għandhom jiġu kklassifikati bħala għajnuna ġdida skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 1 (ċ) fil-Parti II tal-Protokoll 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti.

    Il-Fond ta’ l-Enerġija kien lest għall-użu fl-1 ta’ Jannar 2002, jiġifieri qabel Ġunju 2003, meta l-iskema ġiet notifikata lill-Awtorità. Is-sistema tal-Fond ta’ l-Enerġija kienet għalhekk notifikata bit-tard lill-Awtorità u b’hekk kisret l-obbligazzjoni ta’ waqfien totali fl-Artikolu 1 (3) fil-Parti I tal-Protokoll 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti. Kwalunkwe għajnuna kontra l-liġi li mhix dikjarata kompatibbli ma’ l-Artikolu 61(3)(ċ) tal-Ftehim ŻEE hija suġġetta għall-irkupru.

    3.   Kompatibilità ta’ l-għajnuna

    Fil-fehma ta’ l-Awtorità, il-miżuri ta’ għajnuna ma jikkonformaw ma’ l-ebda eżenzjoni pprovduta taħt l-Artikolu 61(2) jew (3)(a), (b) u (d) tal-Ftehim ŻEE. Għalhekk, wieħed għandu jivvaluta jekk l-għajnuna tistax tkun ġustifikata taħt l-Artikolu 61(3)(ċ) tal-Ftehim ŻEE. Taħt din id-dispożizzjoni, l-għajnuna tista’ tkun iddikjarata kompatibbli jekk “tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti żoni ekonomiċi, fejn għajnuna ta’ dan it-tip ma taffetwax b’mod ħażin il-kondizzjonijiet tan-negozju sal-punt li hu kuntrarju għall-interess komuni.

    L-Awtorità se tivvaluta l-Fond ta’ l-Enerġija skond l-Artikolu 61(3)(ċ) tal-Ftehim ŻEE f’konġunzjoni mal-Linji Gwida Ambjentali ta’ l-Awtorità. Dawn il-Linji Gwida jeħtieġu li l-Istati EFTA jġibu l-iskemi ta’ għajnuna ambjentali tagħhom konformi ma’ dawn il-Linji Gwida Ambjentali sa l-1 ta’ Jannar 2002.

    Fil-valutazzjoni li ġejja l-Awtorità se tagħmel distinzjoni bejn il-Fond ta’ l-Enerġija kif notifikat lill-Awtorità u kif applikat mill-1 ta’ Jannar 2002 (ara t-Taqsima II 3.1 ta’ din id-Deċiżjoni) u l-bidliet fil-futur previsti mill-awtoritajiet Norveġiżi li għandhom ħsieb li jagħmlu s-sostenn kompatibbli mad-dispożizzjonijiet ta’ għajnuna mill-Istat taż- ŻEE (ara t-Taqsima II 3.2. ta’ din id-Deċiżjoni).

    3.1   Valutazzjoni tal-Fond ta’ l-Enerġija kif notifikat lill-Awtorità

    3.1.1    Sostenn għall-investiment (produzzjoni ta’ enerġija li tiġġedded, investimenti biex tiġi ffrankata l-enerġija, teknoloġija ġdida għall-enerġija, verifiki ta’ l-enerġija)

    Fid-Deċiżjoni tagħha tat-18 ta’ Mejju 2005 biex tiftaħ proċedura formali ta’ investigazzjoni, l-Awtorità esprimiet dubji dwar jekk is-sostenn għall-investiment li ngħata mill-Fond ta’ l-Enerġija setax ikun iddikjarat kompatibbli taħt il-Linji Gwida Ambjentali.

    Fil-kummenti tagħhom tal-15 ta’ Lulju 2005 dwar id-deċiżjoni tal-bidu, l-awtoritajiet Norveġiżi argumentaw li s-sistema għandha tkun awtorizzata direttament taħt l-Artikolu 61(3) (ċ) tal-Ftehim ŻEE. L-Awtorità ma taqbilx ma’ din il-fehma, għallinqas sa fejn is-sostenn konċernat huwa kopert mill-Linji Gwida Ambjentali. Skond l-opinjoni ta’ l-Awtorità, id-deċiżjoni WRAP tal-Kummissjoni Ewropea (59) mhix relevanti f’dan ir-rigward. Id-differenza bejn iż-żewġ każijiet hija li fil-każ ta’ riċiklaġġ, il-Linji Gwida ma jipprovdu l-ebda dispożizzjoni dwar l-għajnuna għall-investiment, filwaqt li sostenn għall-investiment għall-enerġija li tista’ tiġġedded huwa kopert mill-Linji Gwida Ambjentali. L-Awtorità hija marbuta bil-linji gwida tagħha stess (60). Għalhekk hija ssib li ma tistax tinjora l-Kapitolu dwar l-għajnuna għall-investiment fil-Linji Gwida (it-Taqsima D.1.3, b’mod partikolari l-punt (27) u t-Taqsima D.1.7 (32) jew il-Kapitolu dwar għajnuna operattiva (it-Taqsima D.3.3.1 (54)), li jkopri s-sitwazzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija li tiġgedded) u l-intensitajiet ta’ għajnuna kontenuti fih.

    1.   Sostenn għall-investiment għall-produzzjoni ta’ enerġija li tiġġedded

    Investiment għall-produzzjoni ta’ enerġija li tiġġedded jista’ jkun sostnut sa intensità ta’ għajnuna ta’ 40 % jew, fejn neċessarju 100 % ta’ l-ispejjeż eliġibbli, ara t-Taqsima D.1.3 (27) tal-Linji Gwida Ambjentali. It-Taqsima D.1.6 (31) tikkjarifika x’jikkostitwixxi investiment eliġibbli, jiġifieri investiment fl-art, bini, impjanti u tagħmir, u taħt ċerti kundizzjonijiet assi tanġibbli. It-Taqsima D.1.7 (32) tistabbilixxi li l-ispejjeż eliġibbli huma d-differenza bejn spejjeż għall-investiment għal impjant ta’ produzzjoni ta’ enerġija li tiġġedded u spejjeż ta’ investiment ta’ impjant ta’ l-enerġija konvenzjonali (minn hawn ‘il quddiem “il-metodu ta’ l-ispejjeż żejda”).

    L-Awtorità rrimarkat fid-deċiżjoni tagħha biex tiftaħ proċedura formali ta’ investigazzjoni (61), li s-sostenn għal sorsi ta’ enerġija li tista’ tiġgedded ma kienx ibbażat fuq il-metodu ta’ l-ispejjeż żejda kif stabbilit f’D.1.7 (32) tal-Linji Gwida. Sabet ukoll li mingħajr l-emendi ssuġeriti wara mill-awtoritajiet Norveġiżi, ma jkun hemm l-ebda garanzija li s-sostenn jibqa’ fil-konfini tal-limitu ta’ l-40 %. Barra minn hekk, ma kien hemm l-ebda garanzija li jibqa’ fil-limitu aktar ogħli tal-100 % ta’ l-ispejjeż żejda u lanqas li l-iskema ma twassalx għall-kumpens żejjed. Pereżempju, ma kien hemm l-ebda garanzija li spejjeż ta’ investiment eliġibbli biss ikunu sostnuti u li l-ebda għajnuna aktar milli neċessarju biex jinbeda l-proġett ma kienet se tingħata lill-intrapriża. Għalhekk l-Awtorità ħadet il-veduta preliminarja li l-Fond ta’ l-Enerġija, kif notifikat, ma jistax ikun ġustifikat skond il-Kapitolu dwar l-għajnuna għall-investiment (it-Taqsima D.1.3 tal-Linji Gwida Ambjentali) u kkostitwixxa għajnuna ta’ l-istat inkompatibbli.

    Il-kummenti mill-awtoritajiet Norveġiżi ma neħħewx dawn id-dubji. Dwar is-sostenn ta’ l-ispejjeż, li setgħu ma kinux eliġibbli, l-awtoritajiet Norveġiżi jiddikjaraw li mill-1 ta’ Jannar 2005, Enova aċċettat biss is-sostenn ta’ spejjeż imniżżla fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni rigward il-Finlandja N 75/2002, filwaqt li fil-passat, spejjeż oħra (eż. spejjeż finanzjarji) kienu sostnuti, anki jekk dan ikkostitwixxa frazzjoni żgħira biss mill-ispejjeż totali. Peress li l-Fond ta’ l-Enerġija kif notifikat, ma kellux regoli ċari dwar liema spejjeż huma eliġibbli, il-periklu li jiġu inklużi spejjeż mhux eliġibbli ġie infatti materjalizzat. Bl-istess mod, l-argument tan-Norveġja li l-element ta’ kompetizzjoni ta’ l-iskema ta’ għajnuna jirrestrinġi l-possibbiltajiet ta’ kumpens żejjed, ma jistax jibdel dak li sabet l-Awtorità li l-iskema ma kellhiex restrizzjonijiet legali li jiffunzjonaw li jiggarantixxu li s-sostenn jibqa’ fil-limiti tal-Kapitolu tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna għall-investiment. Bla regoli ta’ dan it-tip, tkun kwistjoni ta’ fortuna li jiġi evitat il-kumpens żejjed.

    L-Awtorità tibqa’ tal-fehma kif espressa fid-deċiżjoni li tiftaħ proċedura formali ta’ investigazzjoni li anki l-kondizzjonijiet fit-Taqsima D.3.3.1 (54) m’humiex milħuqa fis-sistema kif notifikat. L-Awtorità ma setgħetx tistabillixxi li kien hemm imwaqqfa xi parametri biex jassiguraw li l-limitu tat-Taqsima D.3.3.1 (54) ma jinqabiżx. Ma kien hemm l-ebda garanzija li l-ispejjeż ta’ investiment biss ikunu inklużi fil-kalkulazzjoni (it-Taqsima D.3.3.1 (54) hija limitata għad-deprezzament ta’ l-impjant), lanqas ma kien kemm ċertezza suffiċjenti dwar kif ir-rata ta’ skont għandha tkun stabbilita u li l-għajnuna qatt ma taqbeż l-ammont neċessarju biex jintlaħaq il-punt żero tal-valur preżenti nett.

    Il-konklużjoni hija li l-Fond ta’ l-Enerġija kif notifikat ma jilħaqx il-livelli ta’ kompatibilità tal-Linji Gwida Ambjentali.

    2.   Sostenn għall-iffrankar ta’ l-enerġija

    Investiment għall-iffrankar ta’ l-enerġija (in-nozzjoni ta’ ffrankar ta’ l-enerġija hija definita fit-Taqsima B (7) tal-Linji Gwida Ambjentali), jista’ jkun sostnut sa intensità ta’ għajnuna ta’ 40 % mill-ispejjeż eliġibbli skond it-Taqsima D.1.3 (25) tal-Linji Gwida Ambjenali. It-Taqsima D.1.6 (31) tal-Linji Gwida Ambjentali tiddefinixxi l-investiment ikkonċernat, jiġifieri art, bini, impjanti u tagħmir u, taħt ċerti kundizzjonijiet, assi tanġibbli. D.1.7 (32) tal-Linji Gwida Ambjentali jillimitaw is-sostenn għal spejjeż eliġibbli, li huma ddefiniti bħala spejjeż ta’ investiment żejda neċessarji biex jilħqu l-għanijiet ambjentali. L-ebda għajnuna ma tista’ tingħata għall-adattament għal standard tal-Komunità Ewropea (62), jekk l-intrapriża ma tkunx intrapriża żgħira jew medja.

    Fid-deċiżjoni tagħha biex tiftaħ proċedura formali ta’ investigazzjoni, l-Awtorità sabet li s-sostenn mhux ikkalkulat skond il-metodu ta’ spejjeż żejda kif imfisser fit-Taqsima D.1.7 (32) tal-Linji Gwida Ambjentali. B’mod partikolari, ma jibqax fil-limitu ta’ 40 % tat- Taqsima D.1.3 (25) tal-Linji Gwida Ambjentali. Kuntrarju għas-sostenn għall-investiment għall-produzzjoni ta’ enerġija li tiġġedded, il-limitu ta’ 40 % ma jistax jinqabeż għall-miżuri għall-iffrankar ta’ l-enerġija (63).

    L-awtoritajiet Norveġiżi jiddikjaraw li fil-prattika huma mxew mal-metodu tal-Linji Gwida. L-Awtorità ma tikkontestax li l-għotjiet individwali taħt il-Fond ta’ l-Enerġija jistgħu ma jkunux fihom infushom kompatibbli mal-Linji Gwida Ambjentali. Iżda, dan ma’ jagħmilx lill-Fond ta’ l-Enerġija fih innifsu – li ma inkluda l-ebda limiti dwar l-intensitajiet ta’ għajnuna u lanqas ma mexa mal-metodu ta’ spejjeż żejda – kompatibbli mal-Linji Gwida Ambjentali.

    Konsegwentement, peress li ma kien hemm l-ebda mekkaniżmi stabbiliti li jeskludu li għajnuna mogħtija taħt dik il-miżura ta’ sostenn jaqbżu l-limitu ta’ sostenn ta’ 40 %, li b’hekk l-ispejjeż jiġu mqabbla ma’ l-ispejjeż ta’ produzzjoni ta’ enerġija tradizzjonali, l-iskema tal-Fond ta’ l-Enerġija, kif notifikat, għandu jiġi meqjus bħala għajnuna inkompatibbli..

    3.   Teknoloġija ġdida għall-enerġija

    Fid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ proċedura formali ta’ investigazzjoni, l-Awtorità sabet li ma kellhiex informazzjoni biżżejjed biex tivvaluta jekk il-proġetti f’din il-kategorija jkunux proġetti relatati ma’ produzzjoni ta’ enerġija li tiġġedded (64). Bl-istess mod l-Awtorità ma kinitx ċerta dwar il-proġetti li jikkonċernaw riċerka u proġetti ta’ żvilupp, li suppost kellhom jiġu valutati skond il-Kapitolu 14 tal-Linji Gwida Statali ta’ l-Awtorità dwar għajnuna għal riċerka u żvilupp.

    Waqt il-proċedura formali ta’ investigazzjoni, l-awtoritajiet Norveġiżi kkjarifikaw li sostenn taħt din il-kategorija ma jikkonċernax proġetti fl-istadju ta’ riċerka u żvilupp, iżda prinċipalment proġetti dwar produzzjoni ta’ enerġija li tiġġedded u inqas minn hekk miżuri li jiffrankaw l-enerġija. Id-data ppreżentata mill-awtoritajiet Norveġiżi tal-proġetti miġbura taħt dan it-titolu uriet li s’issa dawn il-kategoriji biss ġew sostnuti. Il-proġett ta’ “sostenn ta’ teknoloġija ġdida għall-enerġija” għalhekk għandu jiġi meqjus bħala wieħed mill-gruppi taħt is-sostenn għall-investiment f’miżuri li jiffrankaw l-enerġija jew fi produzzjoni ta’ enerġija li tiġġedded.

    Iżda, għall-Fond ta’ l-Enerġija, kif notifikat, l-Awtorità ssib li s-sistema ma kinitx l-ewwel tistabbilixxi b’mod ċar li proġetti ta’ teknoloġija ġodda għall-enerġija huma grupp taħt kategoriji oħra ta’ sostenn u għandhom għaldaqstant ikunu valutati skond l-istess regoli. Fi kwalunkwe każ, dwar il-miżuri ta’ sostenn, l-Awtorità ssib li s-sistema kif notifikata ma kellha l-ebda restrizzjoni li tiggarantixxi li l-limiti rispettivi għas-sostenn fl-investiment għall-produzzjoni ta’ enerġija li tiġġedded u għall-miżuri biex tiġi ffrankata l-enerġija jiġu rispettati, jew li spejjeż eliġibbli biss jiġu sostnuti. L-Awtorità għalhekk waslet għall-konklużjoni li s-sostenn kif notifikat ma jissodisfax il-ħtiġiet tal-Linji Gwida Ambjentali.

    4.   Verifika ta’ l-enerġija

    Fid-deċiżjoni biex tiftaħ proċedura formali ta’ investigazzjoni, l-Awtorità sabet li ma kellhiex informazzjoni suffiċjenti biex tivvaluta jekk is-sostenn taħt dan it-titolu huwiex kompatibbli mal-Linji Gwida Ambjentali, b’mod partikolari taħt it-Taqsima D.2 (36) tal-Linji Gwida Ambjentali (sostenn għall-intrapriżi żgħar u medji).

    Rigward din il-kategorija ta’ sostenn, l-awtoritajiet Norveġiżi rreferew, waqt il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, għall-iskema tal-Finlandja, li tippermetti li jkun hemm spejjeż ta’ verifika ta’ l-enerġija biex jittieħdu in konsiderazzjoni għas-sostenn statali (jiġifieri mhux limitat għal kumpaniji żgħar u medji). L-awtoritajiet Norveġiżi jenfasizzaw li, bħas-sistema tal-Finlandja, il-Fond ta’ l-Enerġija tan-Norveġja jippermetti lill-kumpaniji li jirċievu sostenn finanzjarju biex jagħmlu l-verifika u l-analiżi ta’ l-enerġija, jew biex jgħin biex tintlaħaq effiċjenza fl-enerġija possibbli jew għall-investimenti li jiffrankaw l-enerġija jew bidliet fl-imġiba. L-iskema tal-Finlandja ippermettiet li jkun hemm għajnuna li tkopri 40 % ta’ l-ispejjeż eliġibbli. L-iskema tan-Norveġja kkonċediet sa 50 % ta’ l-ispejjeż eliġibbli.

    L-Awtorità, l-ewwelnett, issib li l-Fond ta’ l-Enerġija kif notifikat ma kellu l-ebda limitazzjoni li tiggarantixxi li sostenn ta’ miżuri ta’ dan it-tip ma jaqbiżx il-limitu ta’ 40 % għall-miżuri li jiffrankwaw l-enerġija kif stabbilit fit-Taqsima D.1.3 (25) tal-Linji Gwida Ambjentali. B’mod partikolari, sostenn ta’ mhux aktar minn 50 % ta’ l-ispejjeż eliġibbli mhux kompatibbli mal-Linji Gwida Ambjentali.

    It-tieninett, l-Awtorità ma’ taħsibx li sostenn ta’ verifika ta’ l-enerġija b’rabta purament ma’ bdil fl-imġiba, bla ebda investiment ikkunsidrat, jista’ jkun ibbażat fuq it-Taqsima D.1.3 tal-Linji Gwida Ambjentali, li timmira lejn sostenn għall-investiment biss. L-awtorizzazzjoni tal-Kummisjoni b’rabta ma’ skema ta’ sostenn tal-Finlandja kien limitat għal sostenn ta’ investiment ta’ dan it-tip (65). Jista’ jkun li aktar sostenn għal servizzi ta’ pariri u konsultazzjoni jkun meqjus kompatibbli mat-Taqsima D.2 (36) tal-Linji Gwida Ambjentali, f’konġunzjoni ma’ l-Att riferut taħt il-punt 1(f) ta’ l-Anness XV tal-Ftehim ŻEE (66) (għajnuna lill-intrapriżi żgħar u medji). Iżda, dan mhux deċiżiv għall-kompatibilità ta’ l-iskema ta’ għajnuna peress li l-Fond ta’ l-Enerġija notifikat ma kellu l-ebda limitazzjoni għal dak l-iskop. Għalhekk, jista’ ma jiġix iddikjarat kompatibbli mal-Linji Gwida Ambjentali.

    3.1.2    Materjal ta’ tagħlim u miżuri edukattivi

    L-Awtorità tirrimarka li materjal ta’ tagħlim u programmi edukattivi kif notifikat ma kinux limitati għal intrapriżi żgħar u medji, kif stipulat fl-Att imsemmi fil-punt 1(f) fl-Anness XV tal-Ftehim ŻEE (għajnuna lill-intrapriżi żgħar u medji) (67). Lanqas ma kien is-sostenn limitat għal sostenn li jaqa’ taħt l-Att referut fil-punt 1(d) fl-Anness XV tal-Ftehim ŻEE (għajnuna fit-taħriġ) (68). Għalhekk l-Awtorità m’għandiex għalfejn tivvaluta jekk il-miżuri ta’ sostenn jiġux ġustifikati taħt dawn l-eżenzjonijiet globali. Dan it-tip ta’ sostenn mhux kopert mill-Linji gwida Ambjentali.

    L-awtoritajiet Norveġiżi jargumentaw li għajnuna taħt il-Fond ta’ l-Enerġija, b’mod ġenerali jew partijiet minnu, għandha tiġi vvalutata direttament taħt l-Artikolu 61(3)(ċ) tal-Ftehim ŻEE.

    Biex jiġi stabbilit jekk miżura ta’ dan it-tip tistax tiġi awtorizzata billi jiġi applikat direttament l-Artikolu 61(3)(ċ) tal-Ftehim ŻEE, l-Awtorità trid tistabbilixxi jekk is-sostenn hux neċessarju u proporzjonali sabiex jintlaħaq l-għan.

    L-għan tal-miżura ta’ sostenn kien biex jgħolli l-livell ta’ għarfien u kompetenza dwar il-possibbiltajiet kif tiġi ffrankata l-enerġija u l-effiċjenza ta’ l-enerġija. Miżuri biex tiġi ffrankata l-enerġija, għalkemm relatati ma’ l-investiment, huma stabbiliti b’mod espliċitu fil-Linji Gwida Ambjentali bħala għan miftuħ għall-għajnuna ta’ l-Istat. Ġeneralment, miżuri għall-effiċjenza ta’ l-enerġija jikkontribwixxu għall-għanijiet ta’ Kyoto biex jitnaqqsu l-gassijiet li jikkawżaw l-effett serra, u l-għarfien u l-kompetenza għandhom parti importanti fl-introduzzjoni u l-implimentazzjoni ta’ miżuri għall-effiċjenza ta’ l-enerġija. Rigward in-neċessità tas-sostenn disponibbli, il-programm kien immirat għall-iżvilupp ta’ materjal ġdid u korsijiet u eskluda l-manteniment u reviżjoni ta’ korsijiet li diġà jeżistu, peress li dawn l-ispejjeż kienu maħsuba biex ikunu koperti mill-miżata tal-kors. Is-sostenn taħt il-programm kien maħsub biex jagħti inċentiv għall-kreazzjoni ta’ materjal ġdid, li kien hemm ħtieġa għalih, kif l-awtoritajiet Norveġiżi argumentaw minħabba nuqqas ta’ materjal ta’ tagħlim u korsijiet ta’ tagħlim fin-Norveġja.

    L-għajnuna tista’ tiġi meqjusa proporzjonali u ma’ tfixkilx il-kummerċ billi tmur kontra l-interess komuni. F’dan ir-rigward, huwa importanti għall-konklużjoni ta’ l-Awtorità li l-iskema ġiet imwaqqfa u kopriet biss 33 proġett (wieħed minnhom ta’ individwi) kull wieħed b’ammont limitat ta’ għajnuna mogħtija. Għal 12 mill-proġetti li ttrattaw ma’ sostenn għal entitajiet li huma reġistrati bħala organizzazzjonijiet bla skop ta’ profitt, is-sostenn varja bejn NOK 50 000 u 918 000, jiġifieri EUR 6 900 u 126 970 (69), b’żewġ proġetti biss jirċievu sostenn ta’ madwar NOK 1 300 000 (EUR 180 555). Sostenn lill- universitajiet u kulleġġi kien bejn NOK 200 000 u 450 000 (EUR 27 662 u 62 240), bi proġett sostnut wieħed biss jirċievi NOK 875 000 (EUR 121 023). Barra dan, Enova qatt ma assumiet l-ispejjeż totali tal-proġetti, imma llimitat il-kontribuzzjoni tagħha għal 50 % ta’ dawn. Ġiet użata wkoll proċedura pubblika ta’ sejħa għall-offerti għall-għajnuna biex jiġu magħżula benefiċjarji u biex jiġi ddeterminat l-ammont ta’ għajnuna. Il-proċedura tas-sejħa għall-offerti iggarantiet ukoll li l-għajnuna tkun limitata għall-ammont neċessarju u li tkun proporzjonali. Din l-għajnuna kienet ukoll relatata mal-proġett u għalhekk ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna operattiva li tnaqqas l-ispejjeż kontinwi ordinarji ta’ l-operatur. Għalhekk jista’ jiġi konkluż li l-għajnuna ma kinitx qed tfixkel il-kompetizzjoni billi tmur kontra l-interess komuni. Konsegwentement, l-għajnuna kienet kompatibbli ma’ l-Artikolu 61(3)(ċ) tal-Ftehim ŻEE.

    3.1.3    Konklużjoni għas-sistema kif notifikata

    L-Awtorità jidhrilha li l-awtoritajiet Norveġiżi implimentaw kontra l-liġi l-iskema tal-Fond ta’ l-Enerġija bi ksur ta’ l-Artikolu 1(3) ta’ Parti I tal-Protokoll 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti.

    Il-Linja tat-telefown għall-informazzjoni ta’ Enova u ż-żjarat fuq is-sit m’humiex parti mill-għajnuna skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 61(1) tal-Ftehim ŻEE.

    Il-miżuri għas-sostenn ta’ l-investiment (produzzjoni ta’ enerġija li tiġgedded, iffrankar ta’ l-enerġija u verifika ta’ l-enerġija) kif notifikat, m’humiex kompatibbli ma’ l-Artikolu 61(3)(ċ) tal-Ftehim ŻEE f’konġunzjoni mal-Linji Gwida Ambjentali.

    Is-sostenn mogħti għall-iżvilupp ta’ materjal ta’ tagħlim u korsijiet edukattivi bejn l-1 ta’ Jannar 2002 sal-31 ta’ Diċembru 2003 huma kompatibbli taħt l-applikazzjoni diretta ta’ l-Artikolu 61(3) (ċ) tal-Ftehim ŻEE.

    3.2   Il-Fond ta’ l-Enerġija bl-emendi previsti mill-awtoritajiet Norveġiżi

    3.2.1    Sostenn għall-investiment

    1.   Sostenn għall-investiment fil-produzzjoni ta’ enerġija li tiġġedded

    L-intensitajiet ta’ għajnuna stipulati mill-Linji Gwida Ambjentali

    Bħala punt ta’ tluq biex tiġi vvalutata l-iskema ta’ investiment tan-Norveġja, l-għajnuna massima disponibbli għal proġett, kif stupulat fil-Linji Gwida, trid tkun determinata. It-Taqsima D.1.3 (27) tal-Linji Gwida Ambjentali tiffissa l-limitu ta’ l-għajnuna għall-investiment, li għandu jkun limitat għal 40 % mill-ispejjeż żejda ta’ l-investiment neċessarju biex jintlaħqu l-għanijiet ambjentali. Jekk neċessarju, il-100 % ta’ l-ispejjeż eliġibbli jistgħu jiġu sostnuti.

    Barra minn hekk, it-Taqsima D.3.3.1 (53) u (54) tal-Linji Gwida Ambjentali jippermettu li jkun hemm għajnuna operattiva, biex jikkumpensaw għall-ispejjeż ta’ investiment għal kull unità ogħla. Il-punt (54) jippermetti li jkun hemm sostenn biex jikkumpensa għad-differenza bejn l-ispejjeż ta’ produzzjoni ta’ enerġija li tiġġedded u l-prezz tas-suq ta’ l-enerġija konċernata. Iżda l-għajnuna għandha tkun limitata għad-deprezzament ta’ l-impjant. Jekk l-Istat EFTA jista’ juri li l-għajnuna hija indispensabbli minħabba kompetittività fqira ta’ ċerti sorsi li jiġġeddu, qligħ fuq il-kapital ġust jista’ wkoll ikun inkluż.

    Għajnuna operattiva normalment tinftiehem bħala għajnuna maħsuba biex isserraħ intrapriża mill-ispejjeż li hi normalment ikollha tbati fit-tmexxija ta’ kuljum jew l-attivitajiet tas-soltu tagħha. Iżda, għas-sorsi ta’ enerġija li tiġġedded, l-ispejjeż kontinwi huma ġeneralment aktar baxxi mit-teknoloġija konvenzjonali. Fuq bażi ta’ kuljum, produzzjoni ta’ enerġija li tiġgedded hija għalhekk mistennija li tiġġenera dħul u ħruġ ta’ flus pożittivi, jiġifieri ma jkun hemm bżonn l-ebda għajnuna biex iserrħuhom mill-ispejjeż kontinwi.

    It-Taqsima D.3.3.1 (54) tal-Linji Gwida Ambjentali tillimita s-sostenn għad-deprezzament ta’ l-impjant (jiġifieri l-investiment). Dak li hu fil-fatt kumpensat huma l-ispejjeż ta’ investiment ogħla għal kull unità, aktar milli l-ispejjeż kontinwi ordinarji. Konsegwentement, għajnuna mogħtija skond il-punt (54) hja fil-fatt mogħtija biex jiġi sostnut investiment ta’ intrapriża. Jekk l-għajnuna tkun tkopri rata ġusta ta’ qligħ fuq il-kapital barra mid-deprezzament tal-kapital, l-ispejjeż kapitali kollha jkunu koperti u l-għajnuna tkun f’termini ta’ valur preżenti tammonta għall-investiment kollu. Deprezzamenti tal-kapital futuri mkabbra mir-rata ta’ qligħ meħtieġa f’termini ta’ valur preżenti jkunu mnaqqsa bl-istess rata. L-ispejjeż imnaqqsa jkunu l-ogħla limitu għall-għajnuna.

    Il-Linji Gwida Ambjentali jippermettu li jkun hemm kombinazzjoni ta’ għajnuna fl-investiment u operattiva. Meta tiġi kkalkulata l-għajnuna operattiva disponibbli, għandha tiġi meqjusa kwalukwe għajnuna għall-investiment mogħtija lill-kumpanija in kwistjoni, ara D.3.3.1 (54) tal-Linji Gwida Ambjentali. B’hekk kwalukwe għajnuna li tingħata għall-investiment tiġi mnaqqsa mill-għajnuna operattiva. Dan juri li l-limitu tat-Taqsima D.3.3.1 (54) tal-Linji Gwida jiffunzjona bħala l-limitu massimu biex tingħata għajnuna għall-investiment lil proġett għall-enerġija li tiġġedded.

    Għajnuna mogħtija taħt il-metodu tal-VPN applikat minn Enova

    Kif deskritt fit-Taqsima I 9.1, punti (4) u (7) ta’ din id-Deċiżjoni, il-metodu tal-VPN użat minn Enova jikkalkula l-ammont ta’ għajnuna biex il-proġetti jilħqu VPN ta’ żero, li għal investitur razzjonali jkun il-punt ta’ tluq meta proġett jiġi realizzat fis-suq. L-ebda għajnuna ma tingħata ‘l fuq mill-ammont neċessarju biex jintlaħaq il-punt żero tal-valur preżenti nett. L-element ta’ għajnuna jista’ mela jiġi espress bħala:

    (Ħruġ u Dħul ta’ Flus Skontati (Discounted Cash Flows – DCF)) – (Spejjeż ta’ l-Investiment) + (Għajnuna) = 0

    Kif espress hawn fuq, il-ħruġ u dħul ta’ flus mill-operazzjonijiet tal-proġetti li jiġġeddu huma użati biex iħallsu l-ispejjeż ta’ l-investiment oriġinali. Proġetti għat-tiġdid ta’ l-enerġija ġeneralment għandhom spejjeż ta’ investiment ogħla għal kull unità mit-teknoloġija tradizzjonali. Għalhekk, id-dħul nett iġġenerat (il-komponent DCF hawn fuq) ħafna drabi ma jkunx għoli biżżejjed biex iħallas l-investiment neċessarju. Dawn il-proġetti huma mbagħad eliġibbli għal komponent ta’ għajnuna biex iġibu l-VPN għall-żero.

    Iżda l-Awtorità kellha tħassib dwar l-użu ta’ dan il-metodu biex tiġi kkalkulata l-għajnuna. Ir-raġuni għal dan kien li proġetti li ma jiġġenerawx dħul u ħruġ pożittivi ta’ flus jistgħu wkoll jiġu meqjusa eliġibbli għall-għajnuna. Proġetti ta’ dan it-tip jiġġeneraw DCF negattiv, li jista’ jwassal għall-komponent ta’ għajnuna li jaqbeż l-ispejjeż ta’ investiment, u konsegwentement l-intensitajiet ta’ għajnuna massimi.

    Madankollu, sakemm il-komponent DCF jibqa’ pożittiv, l-għajnuna mogħtija lil kwalunkwe proġett qatt m’hija se taqbeż l-ispejjeż ta’ l-investiment. Biex jindirizzaw dan it-tħassib, l-awtoritajiet Norveġiżi qablu li jemendaw l-iskema, kif espress fit-Taqsima numru I.9.1 numru (9) ta’ din id-Deċiżjoni, biex proġetti li għandhom DCF negattiv ma jkunux eliġibbli għal kwalunkwe għajnuna minn Enova. Dan jiggarantixxi li l-ogħla limitu ma jinqabiżx, billi jiġu limitati l-ispejjeż ta’ l-investiment.

    Madankollu, għal proġetti li jiġġeneraw DCF relattivament baxx, il-komponent ta’ għajnuna sa jkun relattivament kbir, li jirriżulta f’intensitajiet ta’ għajnuna kbar. Biex dan ikun ġustifikat, irid ikun ipprovat li l-għajnuna mogħtija hija “indispensabbli” għar-realizzazzjoni tal-proġetti.

    L-ebda investitur razzjonali ma jista’ jkun mistenni jibda proġett b’VPN negattiv. Għal din ir-raġuni, l-Awtorità hi tal-fehma li l-kalkulazzjoni VPN, ifformata minn qabel fuq il-bażi ta’ l-aħjar informazzjoni disponibbli meta l-għajnuna tingħata, isservi bħala dimostrazzjoni suffiċjenti ta’ l-indispensabbiltà ta’ l-għajnuna mogħtija. Meta l-metodu VPN jiġi applikat, trid tingħata attenzjoni xierqa tar-riskju individwali involut f’kull proġett meta tiġi stabbilita r-rata ta’ skont għal investiment. Wara diskussjonijiet ma’ l-Awtorità, in-Norveġja kkummissjonat analiżi indipendenti minn First Securities  (70) sabiex tiddetermina r-rati ta’ skont li għandhom jintużaw fil-valutazzjoni ta’ l-applikazzjonijiet tal-proġetti taħt l-iskema. F’dan ir-rapport, il-metodu biex wieħed jasal għar-rati ta’ skont korretti huwa mfisser, ibbażat fuq metodoloġiji finanzjarji ta’ l-aħjar prattika.

    Barra minn hekk, l-awtoritajiet Norveġiżi ġibdu l-attenzjoni li Enova tkun biss involuta fil-fażi ta’ investiment tal-proġetti. Proġetti li diġà rċevew għajnuna ta’ investiment minn Enova mhux se jkunu eliġibbli għal aktar sostenn taħt il-Linji Gwida Ambjentali ladarba l-pagament f’somma waħda diġà jkun sar. Element pożittiv ieħor huwa li l-għajnuna hija mogħtija f’ “sejħa għall-offerti”, jiġifieri li proġetti differenti jikkompetu għall-għajnuna u li l-aktar proġetti effiċjenti li jipprovdu l-aħjar proporzjon ta’ għajnuna/effiċjenza ta’ l-enerġija jiġu sostnuti. Dan il-metodu jikkontribwixxi biex jiġu sostnuti proġetti li huma promettenti u li jingħata sostenn sa fejn hu neċessarju biss.

    Dispożizzjonijiet speċjali għall-bijomassa

    Eċċezzjoni għal dan ta’ hawn fuq huma l-proġetti tal-bijomassa. Għal proġetti bħal dawn, id-dispożizzjonijiet ta’ D.3.3.1 (55) tal-Linji Gwida Ambjentali jippermettu li jkun hemm limitu totali ogħla mill-ispejjeż ta’ l-investiment. Ir-raġuni għal dan hi li dawn il-proġetti tipikament għandhom investiment baxx, iżda spejjeż kontinwi għoljin. Fil-każ ta’ dawn il-proġetti, l-Awtorità hi tal-fehma li l-għajnuna tista’ tiġi mqassma skond il-kalkulazzjonijiet tal-VPN, mingħajr l-ispejjeż ta’ l-investiment bħala limitu.

    Intensitajiet ta’ għajnuna probabbli

    Id-diskussjoni ta’ hawn fuq ittrattat l-intensitajiet ta’ għajnuna massimi. Madankollu, għal ħafna mill-proġetti eliġibbli għall-għajnuna minn Enova, l-intensitajiet ta’ għajnuna fil-verità se jkunu konsiderevolment aktar baxxi. Dan minħabba l-fatt li proġetti għal enerġija li tiġġedded għandhom spejjeż kontinwi baxxi, li jwasslu għal DCFs li huma ogħla minn dawk għal teknoloġija konvenzjonali. Ladarba Enova talloka l-għajnuna lill-aktar proġetti li huma effettivi fl-ispejjeż u tibbaża fuq kompetizzjoni interna, il-maġġoranza tal-proġetti jistgħu jkunu mistennija li jirriżultaw f’komponenti ta’ għajnuna fil-limiti ta’ 100 % mill-ispejjeż ta’ investiment żejda kif stipulat fit-Taqsima D.1.3 (27), bl-ogħla limitu li jirriżulta mill-applikazzjoni tat-Taqsima D.3.3.1 (54) li rarament jintlaħaq. Dan huwa kkonfermat minn valutazzjoni tal-proġetti għall-produzzjoni ta’ enerġija li tiġġedded s’issa. Ftit jew wisq, l-intensitajiet ta’ għajnuna għal proġetti sostnuti tar-riħ, tisħin tad-distrett, u bijo-enerġija kellhom medja ta’ 24 % ta’ l-ispejjeż ta’ investiment totali, b’intensità ta’ għajnuna massima għal proġetti tar-riħ wieħed ta’ 68 % u għal proġett bil-bijo-enerġija ta’ 50 % mill-ispejjeż ta’ investiment totali (71). Madankollu, peress li jista’ jkun ipprovat li l-metodu ta’ VPN fi kwalunkwe każ ma jwassalx għal kumpens żejjed fir-rigward tal-linji gwida, m’hemm l-ebda bżonn biex dan jiġi pprovat fid-dettall.

    Fil-konklużjoni, l-Awtorità hija tal-fehma li wara l-emendi mill-awtoritajiet Norveġiżi, il-metodu ta’ distribuzzjoni ta’ għajnuna tal-VPN jirrispetta l-limiti stabbiliti mil-Linji Gwida Ambjentali, b’mod partikolari t-Taqsima D.3.3.1 (54).

    L-ebda assistenza oħra

    Fid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ proċedura formali ta’ investigazzjoni l-Awtorità kienet ukoll ikkonċernata dwar jekk il-proġetti li ġew iffinanzjati mill-Fond ta’ l-Enerġija jirċevux aktar għajnuna mill-Istat, irrispettivament jekk l-għajnuna tikkwalifikax bħala għajnuna ta’ l-istat skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 61(1) tal-Ftehim ŻEE jew le, ara t-Taqsima D.3.3.1 (54) tal-Linji Gwida Ambjentali. L-Awtorità kienet ikkonċernata li aktar assistenza tista’ tirriżulta f’għoti ta’ flus mhux neċessarji, peress li l-proġetti sostnuti minn Enova diġà jwasslu għal valur preżenti nett ta’ żero, inkluż il-qligħ ġust fuq il-kapital, u għalhekk għandu jkun suffiċjenti biex jibda r-realizzazzjoni tal-proġett.

    L-awtoritajiet Norveġiżi enfasizzaw li Enova tkun involuta biss fil-fażi ta’ investiment tal-proġett u li l-proġett jirċievi biss is-somma waħda minima biex jinbeda l-investiment, imma mhux aktar. Waqt il-proċedura formali ta’ investigazzjoni, l-awtoritajiet Norveġiżi komplew jikkjarifikaw li l-kalkulazzjoni tal-flus tal-proġett ħerġin u deħlin, id-dħul kollu jiġi meqjus. Dan jinkludi dħul minn tipi oħra ta’ interventi statali, anki jekk mhux kwalifikati bħala għajnuna mill-Istat. Jekk is-sostenn statali jikkwalifika bħala għajnuna mill-Istat, dan jiġi notifikat lill-Awtorità sabiex jiġu stabbiliti l-ħtiġiet finanzjarji tal-proġett.

    Rigward l-introduzzjoni possibbli ta’ suq tal-“green certificates” fin-Norveġja (72), il-kuntratt mal-benefiċjarju ta’ l-għajnuna fih b’mod espliċitu klawżola ta’ ħlas lura għas-sostenn mogħti mill-Fond ta’ l-Enerġija sabiex jiġi evitat sostenn minn żewġ sorsi. Is-sostenn tal-proġett huwa ukoll imħallas f’installazzjonijiet li jistgħu jiġu aġġustati jekk il-proġett għandu spejjeż anqas milli kien mistenni. Meta jingħalaq kuntratt ta’ għajnuna (jiġifieri meta jitħallas l-aħħar pagament), Enova tagħmel valutazzjoni finali u aġġustament jista’ possibilment isir, jew jekk Enova ssib li r-riċevitur ta’ l-għajnuna pprovda informazzjoni li tqarraq jew jekk il-proġett irċieva għajnuna mill-Istat oħra. Fuq il-bażi tal-preċedenti, l-Awtorità tqis li t-Taqsima D.3.3.1 (54) tal-Linji Gwida Ambjentali ġiet issodisfata.

    L-ebda sostenn ta’ proġetti b’valur preżenti nett negattiv

    Fid-deċiżjoni biex tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali, l-Awtorità kienet imħassba li l-Fond ta’ l-Enerġija jagħti sostenn ukoll lill-proġetti li għandhom valur preżenti nett negattiv, anki bis-sostenn mogħti mill-Fond ta’ l-Enerġija. L-awtoritajiet Norveġiżi ddikjaraw issa (ara numru (9) fit-Taqsima I.9.1 ta’ din id-Deċiżjoni) li proġetti li jiġġeneraw EBITDA negattiv taħt kondizzjonijiet ta’ operazzjoni normali fi żmien l-investiment, m’humiex f’pożizzjoni li ma jirċievu l-ebda għajnuna. It-tħassib ta’ l-Awtorità konsegwentement ittieħed in konsiderazzjoni.

    2.   Miżuri li jiffrankaw l-enerġija

    L-awtoritajiet Norveġiżi jissuġerixxu li jemendaw is-sistema notifikata (ara t-Taqsima I. 9.2 ta’ din id-Deċiżjoni) u għandhom intenzjoni li japplikaw, għas-sostenn tal-miżuri li jiffrankaw l-enerġija, il-“metodu ta’ spejjeż żejda” kif stipulat fit-Taqsima D.1.3 (25), it-Taqsima D.1.6 (30), (31), u t-Taqsima D.1.7 (32) tal-Linji Gwida Ambjentali. L-intensitajiet ta’ għajnuna ta’ 40 % mill-ispejjeż eliġibbli bil-possibbiltà ta’ żieda ta’ 10 punti perċentwali għal intrapriżi żgħar u medji.

    L-Awtorità tirrimarka li dan il-metodu huwa konformi mal-Linji Gwida Ambjentali u għalhekk kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE.

    3.   Teknoloġiji ġodda ta’ enerġija

    L-awtoritajiet Norveġiżi jikkonfermaw li s-sostenn li jaqa’ taħt din il-kategorija huwa biss grupp taħt il-klassifikazzjonijiet ta’ sostenn għall-investiment f’enerġija li tiġġedded u miżuri biex jiffrankaw l-enerġija rispettivament.

    Sakemm il-kriterji għall-kalkulazzjoni użati għas-sostenn ta’ l-investiment għal enerġija li tiġġedded (it-Taqsima I.9.1) u miżuri biex jiffrankaw l-enerġija (ara I.9.2 ta’ din id-Deċiżjoni) iridu jiġu użati għal din il-kategorija ta’ għajnuna, is-sostenn għal din il-kategorija jista’ jiġi vvalutat skond l-istess kriterji. B’hekk tkun kompatibbli mal-Linji Gwida Ambjentali.

    4.   Verifika ta’ l-Enerġija

    L-Awtortità hi tal-ħsieb li l-ispejjeż għall-verifika ta’ l-enerġija u l-analiżi ta’ l-enerġija jistgħu jkunu sostnuti skond it-Taqsima D.1.3 (25) flimkien mat-Taqsima D.1.6 (31) u t-Taqsima D.1.7 (32) tal-Linji Gwida Ambjentali. L-Awtorità taċċetta li l-verifika ta’ l-enerġija, l-istudji ta’ probabbiltà u l-analiżijiet ta’ l-enerġija huma spiss valutazzjonijiet neċessarji biex jinstab liema miżuri għall-iffrankar ta’ l-enerġija ħaqqhom investiment u liema le (73). Sakemm direttament relatati ma’ investiment biex tiġi ffrankata l-enerġija, l-Awtorità taċċetta li l-ispejjeż tal-verifika ta’ l-enerġija huma eliġibbli. Għajnuna mogħtija fuq din il-bażi ma tistax taqbeż il-limitu ta’ 40 % ta’ l-ispejjeż eliġibbli kkonċernati, bil-possibbiltà ta’ żieda ta’ 10 punti perċentwali għal intrapriżi żgħar u medji, ara t-Taqsima D.1.5 (30) tal-Linji Gwida Ambjentali.

    Fejn tidħol il-verifika ta’ l-enerġija, li ssir sabiex titpoġġa f’postha bidla ta’ mġiba jew fis-sistema, l-Awtorità ma taħsibx li hemm xi possibbiltà biex sostenn ta’ dan it-tip jiġi awtorizzat, li mhux direttament relatat ma’ investiment għall-iffrankar ta’ l-enerġija. Possibbiltà ta’ dan it-tip tista’ biss isseħħ għal kumpaniji żgħar u medji. D.2 (36) tal-Linji Gwida Ambjentali jippermettu sostenn ta’ servizzi ta’ pariri u konsultattivi għal intrapriżi żgħar u medji flimkien ma’ l-Artikolu 5 ta’ l-Att riferut fil-punt 1(e) ta’ l-Anness XV tal-Ftehim ŻEE (għajnuna lill-kumpaniji żgħar u medji) (74).

    3.2.2    Tagħlim u miżuri edukattivi

    L-Awtorità tinnota li għalissa l-ebda skema ta’ sostenn m’hi stabbilita u li kwalunkwe skema ġdida tiġi notifikata lill-Awtorità, biex ma jkun hemm l-ebda bżonn li tiġi deskritta l-aċċettabbiltà ta’ miżuri ta’ sostenn futuri u, għalissa ipotetiċi, skond id-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat taż-ŻEE.

    3.2.3    Il-mekkaniżmi li jiffinanzjaw

    Skond il-ġurisprudenza stabbilita, ma tistax tifred miżura ta’ għajnuna mill-metodu li bih qed tiġi ffinanzjata. Kif irriteniet il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, il-mekkaniżmu li jiffinanzja skema ta’ sostenn jista’ jagħmel l-għajnuna kollha inkompatibbli mas-suq komuni (75), b’mod partikolari jekk jinvolvi aspetti diskriminatorji. Il-bżonn li jiġi kkunsidrat il-mekkaniżmu ta’ finanzjament flimkien ma’ l-iskema ta’ għajnuna huwa, b’mod partikolari, meħtieġ meta taxxa ġiet maħluqa b’mod espliċitu biex tiġi ffinanzjata l-iskema ta għajnuna, kif inhu l-każ tal-Fond ta’ l-Enerġija. Ħlas ta’ dan it-tip jista’ jiġi kkunsidrat bħala miżura li għandha l-effett ekwivalenti ta’ restrizzjoni kwantitattiva, jekk ipatti billi jitfa’ l-piż fuq il-prodott domestiku (li mhux il-każ hawnekk) jew jista’ jikkostitwixxi taxxa interna diskriminatorja jekk ipatti parzjalment b’dan il-piż (76). Għall- valutazzjoni ta’ effett li jpatti b’dan il-mod, l-ekwivalenza finanjarja bejn il-ħlas u l-vantaġġi akkwistati għal prodott domestiku jridu jiġu stabbiliti (77). F’ċerti każijiet, il-Qorti mhux biss analizzat it-taxxa tal-ħlas, iżda wkoll l-użu tagħha (78). Peress li l-Fond ta’ l-Enerġija huwa ffinanzjat minn taxxa fuq it-tariffa ta’ distribuzzjoni li taffettwa wkoll l-enerġija importata, il-finanzjar ta’ l-iskema ta’ għajnuna bħala ħlas parafiskali jkun jeħtieġ jiġi valutat f’dan il-każ.

    Il-Fond ta’ l-Enerġija ma jiddiskriminax bejn produtturi barranin jew nazzjonali ta’ l-enerġija li tiġġedded jew intrapriżi li jkunu jixtiequ jinvestu f’miżuri biex jiffrankaw l-enerġija, teknoloġija ġdida għall-enerġija jew jagħmlu verifika ta’ l-enerġija. Awtoritajiet Norveġiżi wrew li s’issa tmien proġetti minn produtturi oħra ŻEE irċevew sostenn mill-Fond ta’ l-Enerġija. Barra minn hekk, m’hemm l-ebda ekwivalenza awtomatika bejn l-attività mitluba tħallas it-taxxa (produzzjoni ta’ enerġija li ġejja minn idroenerġija u importazzjoni) u proġetti megħjuna taħt il-Fond ta’ l-Enerġija. Il-ħlas tat-taxxa jiġi mfassal fuq il-livell ta’ distribuzzjoni ta’ l-enerġija, jiġifieri mhux direttament fuq il-produzzjoni (79). Madankollu, anki jekk wieħed jargumenta li dan indirettament jaffetwa l-ispejjeż tal-produzzjoni, l-għajnuna mogħtija minn Enova ma tiffavurixxix awtomatikament lil dawk il-produtturi li l-prezz għall-enerġija tagħhom huwa indirettament mitlub fil-ħlas. L-għajnuna tmur prinċipalment għal enerġiji li jiġġeddu ġodda, bħalissa bl-esklużjoni ta’ l-idro-enerġija. Għal miżuri li jiffrankaw l-enerġija u għall-verifika ta’ l-enerġija, kull intrapriża tista’ tieħu vantaġġ minn dawk il-miżuri ta’ sostenn. Gġalhekk, ma jistax jiġi stabbilit li enerġija importata tħallas għall-vantaġġi ta’ produtturi domestiċi u li bħala riżultat it-taxxa mħallsa minn produtturi ta’ (idro) enerġija domestika hija bbilanċjata mill-vantaġġi korrispondenti.

    L-użu tal-qligħ mit-taxxa huwa relatat ma’ għajnuna li l-Awtorità tqis kompatibbli, kif jista’ jidher fit-Taqsima II 3.2 ta’ din id-Deċiżjoni hawn fuq. Ġie aċċettat li taxxa bbażata fuq volum hija konformi mal-prinċipju “min iħammeġ iħallas” u tista’, għalhekk, tiġi aċċettata taħt l-Artikolu 61(3)(ċ) tal-Ftehim ŻEE flimkien mal-Linji Gwida Ambjentali, li jispjegaw dak il-prinċipju. L-Awtorità konsegwentement ma ssib l-ebda difett f’sistema li tibbaża fuq volum (80).

    3.2.4    Konklużjoni dwar il-Fond ta’ l-Enerġija bl-emendi ssuġġeriti mill-awtoritajiet Norveġiżi

    L-Awtorità hi tal-fehma li s-sostenn għall-investiment għall-produzzjoni ta’ enerġija li tiġġedded, għall-miżuri li jiffrankaw l-enerġija u għat-teknoloġiji ġodda ta’ enerġija kif ukoll sostenn għall-verifika ta’ l-enerġija, huwa kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE, suġġett għall-kondizzjoni li l-awtoritajiet Norveġiżi japplikaw l-iskema tal-Fond ta’ l-Enerġija kif spjegat:

    fit-Taqsima I 9.1, numru (1)-(12) ta’ din id-Deċiżjoni għal sostenn għall-investiment għall-produzzjoni ta’ enerġija li tiġġedded;

    fit-Taqsima I.9.2, numru (1)-(5) ta’ din id-Deċiżjoni għall-miżuri li jiffrankaw l-enerġija;

    fit-Taqsima I.9.3 ta’ din id-Deċiżjoni għat-teknoloġija ġdida għall-enerġija;

    fit-Taqsima II.3.2.1 (4) ta’ din id-Deċiżjoni dwar l-verifika ta’ l-enerġija.

    4.   L-irkupru

    Kif l-Awtorità sabet, taħt t-Taqsima II 3.1.3 ta’ din id-Deċiżjoni, il-miżuri ta’ sostenn għall-miżuri għall-produzzjoni ta’ enerġija li tiġġedded, iffrankar ta’ l-enerġija u teknoloġiji ġodda ta’ enerġija, kif ukoll sostenn għall-verifika ta’ l-enerġija kif notifikat, m’humiex kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE.

    Skond l-Artikolu 14 tal-Parti II tal-Protokoll 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti, f’każijiet ta’ għajnuna kontra l-liġi, jekk tinsab inkompatibbli, l-Awtorità tordna, bħala regola, li l-Istat EFTA kkonċernat jitlob lura l-għajnuna mingħand ir-riċevitur.

    L-Awtorità hi ta’ l-opinjoni li l-ebda prinċipji ġenerali ma jipprekludi l-ħlas lura fil-każ preżenti. Skond Il-ġurisprudenza stabbilita, it-tneħħija ta’ għajnuna kontra l-liġi permezz ta’ l-irkupru hija konsegwenza loġika ta’ konklużjoni li hi kontra l-liġi. Konsegwentement, l-irkupru ta’ għajnuna ta’ l-istat mogħtija kontra l-liġi, għall-iskop li titranġa s-sitwazzjoni li kienet teżisti qabel, ma jistax fil-prinċipju jitqies sproporzjonat ma’ l-oġġetivi tal-Ftehim ŻEE rigward l-għajnuna mill-Istat. Bil-ħlas lura ta’ l-għajnuna, ir-riċevitur jitlef il-vantaġġ li kellu fuq il-kompetituri tiegħu fis-suq, u s-sitwazzjoni ta’ qabel il-ħlas ta’ l-għajnuna terġa’ tkun stabbilita. (81) Isegwi wkoll mill-funzjoni tal-ħlas lura ta’ l-għajnuna li, bħala regola ġenerali, barra f’ċirkostanzi eċċezzjonali, l-Awtorità ma taqbiżx il-limiti ta’ diskrezzjoni, rikonoxxuti mill-ġurisprudenza tal-Qorti, jekk tistaqsi lill-Istat ta’ l-EFTA kkonċertat li jirkupra s-somom mogħtija b’għajnuna kontra l-liġi ladarba qiegħda biss terġa’ tagħti s-sitwazzjoni preċedenti. (82) Barra minn dan, minħabba n-natura mandatorja tas-superviżjoni ta’ l-għajnuna mill-Istat mill-Awtorità skond il-Protokoll 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti, intrapriżi li ġiet mogħtija lilhom għajnuna ma jistgħux, fil-prinċipju, jkollhom stennija leġittma li l-għajnuna hija skond il-liġi sakemm ma kinitx konformi mal-proċedura stabbilita fid-dispożizzjonijiet ta’ dak il-Protokoll (83). M’hemm l-ebda ċirkustanzi eċċezzjonali viżibbli f’dan il-każ, li kienu jwasslu għal stennijiet leġittmi min-naħa tal-benfiċjarji ta’ l-għajnuna.

    Il-ħlas lura għandu jinkludi l-interessi komposti, skond l-Artikolu 14 (2) tal-Parti II mill- Protokoll 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti u l-Artikoli 9 u 11 tad-Deċiżjoni ta’ l-Awtorità 195/04/COL ta’ l-14 ta’ Lulju 2004.

    L-Awtorità tixtieq tiġbed l-attenzjoni li l-ordni għall-ħlas lura ta’ din id-Deċiżjoni hija bla preġudizzju dwar jekk l-għotjiet individwali taħt l-erba’ miżuri msemmija hawn fuq jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat jew, jistgħux jiġu meqjusa, kompletament jew parzjalment, bħala kompatibbli mal-Ftehim ŻEE fuq il-merti tagħhom waħidhom jew taħt regolamenti ta’ eżenzjoni.

    Jekk l-għotjiet individwali mogħtija taħt il-miżuri msemmija hawn fuq, kif notifikat fl-ittra tal-5 ta’ Ġunju 2003, kienet diġà tirrispetta l-kondizzjonijiet, li l-Awtorità timponi fuq il-miżuri ta’ sostenn notifikati f’din id-deċiżjoni (ara hawn isfel l-Artikolu 4 ta’ din id-Deċiżjoni), dawn huma kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE u m’humiex suġġetti għall-ordni ta’ ħlas lura.

    5.   Obbligu ta’ rappurtar annwali/Linji Gwida tal-Fond ta’ l-Enerġija

    L-awtoritajiet Norveġiżi għandhom jissottomettu rapporti annwali lill-Awtorità skond l-Artikolu 21 (1) fil-Parti II tal-Protokoll 3 tal-Ftehin dwar is-Sorveljanza u l-Qorti u l-Artikolu 5 (1) f’konġunzjoni ma’ l-Anness III tad-Deċiżjoni Proċedurali ta’ l-Awtorità 195/04/COL ta’ l-14 ta’ Lulju 2004.

    L-awtoritajiet Norveġiżi għandhom jipprovdu aktar informazzjoni skond l-Artikolu 5 (2) tad-Deċiżjoni Proċedurali 195/04/COL ta’ l-14 ta’ Lulju 2004 dwar kull wieħed mill-akbar ħames proġetti sostnuti għal:

    (a)

    sostenn għall-investiment fi produzzjoni ta’ enerġija li tiġġedded,

    (b)

    investiment għall-iffrankar ta’ l-enerġija,

    (ċ)

    teknoloġija ġdida ta’ enerġija, u

    (d)

    verifika ta’ l-enerġija.

    Dan ir-rapport, b’mod partikolari, għandu jkollu l-kalkulazzjoni rispettiva tal-valur preżenti nett u juri kif il-prezz tas-suq ta’ dik l-enerġija ġie stabbilit. Barra minn hekk, lista ta’ spejjeż ta’ investiment tal-proġetti għandha tkun ipprovduta.

    Sa fejn hu kkonċernat is-sostenn għall-proġetti tal-bijomassa, ir-rapport għandu jinkludi wkoll informazzjoni li turi li l-ispejjeż kollha miġruba mill-kumpanija wara d-deprezzament ta’ l-impjant xorta għadhom ogħla mill-prezz tas-suq ta’ l-enerġija.

    Linji Gwida għas-sostenn minn Enova/ il-Fond ta’ l-Enerġija

    L-Awtorità hi wkoll tal-fehma li l-kondizzjonijiet stipulati mill-Awtorità f’din id-Deċiżjoni għandhom jidħlu fil-ktieb ta’ għajnuna ta’ Enova/il-Fond ta’ l-Enerġija, li jispjega r-regoli biex jingħata sostenn jew impoġġija fi kwalunkwe forma xierqa oħra ta’ linji gwida dwar il-miżuri ta’ sostenn. Verżjoni ta’ dawn il-linji gwida għandha tingħata lill-Awtorità mhux aktar tard minn sitt xhur wara l-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-miżuri li ġejjin taħt il-Fond ta’ l-Enerġija, kif notifikat mill-awtoritajiet Norveġiżi fl-ittra datata l-5 ta’ Ġunju 2003 (Dok. Nru 03-3705-A, reġistrat taħt il-Kawża SAM 030.03006), jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 61 (1) tal-Ftehim ŻEE:

    (a)

    is-sostenn ta’ l-investiment għall-produzzjoni ta’ enerġija li tiġġedded;

    (b)

    is-sostenn ta’ l-investiment għal miżuri li jiffrankaw l-enerġija;

    (ċ)

    is-sostenn ta’ l-investiment għal teknoloġiji ġodda għall-enerġija;

    (d)

    is-sostenn għall-verifika ta’ l-enerġija; u

    (e)

    is-sostenn ta’ materjal ta’ tagħlim u edukazzjoni mill-1 ta’ Jannar 2002 sal-31 ta’ Diċembru 2003.

    Artikolu 2

    (a)

    Il-linja bit-telefown għall-informazzjoni u l-programm ta’ żjarat fuq il-post taħt il-Fond ta’ l-Enerġija, kif notifikat fl-ittra datata l-5 ta’ Ġunju 2003 (Dok. Nru 03-3705-A), ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 61(1) tal-Ftehim ŻEE.

    (b)

    Il-programm għall-effiċjenza ta’ l-enerġija fil-muniċipji ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, sakemm is-sostenn huwa limitat għall-funzjoni ta’ entità pubblika tal-muniċipju.

    Artikolu 3

    Il-miżura li hemm referenza għaliha taħt l-Artikolu 1 il-punt e) ta’ din id-Deċiżjoni hi kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE.

    Artikolu 4

    Is-sostenn għall-miżuri ta’ investiment għall-produzzjoni ta’ enerġija li tiġġedded, iffrankar ta’ l-enerġija, teknoloġija ġdida ta’ enerġija u verifika ta’ l-enerġija huma kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 61(1) tal-Ftehim ŻEE, suġġett għall-kondizzjonijiet imniżżla f’dan l-Artikolu.

    (a)

    Sostenn għall-investiment għall-produzzjoni ta’ enerġija li tiġġedded

    L-għajnuna trid tissodisfa b’mod kumulattiv il-kriterji kif stabbiliti fit-Taqsima I.9.1, numru (1)-(12) ta’ din id-Deċiżjoni sabiex tkun konformi mat-Taqsima D.3.3.1 (54) tal-Linji Gwida Ambjentali.

    (b)

    Sostenn għall-investiment għall-iffranfar ta’ l-enerġija

    L-għajnuna trid tissodisfa b’mod kumulattiv il-kriterji kif stabbiliti fit-Taqsima I.9.2, numru (1)-(5) ta’ din id-Deċiżjoni sabiex tkun konformi mat-Taqsimiet D.1.3 (25), D.1.6. (30), (31) u D.1.7 (32) tal-Linji Gwida Ambjentali.

    (ċ)

    Sostenn għall-teknoloġiji ġodda għall-enerġija

    Għajnuna għas-sostenn tat-teknoloġija ġdida għall-enerġija tista’ tiġi mogħtija skond il-kriterji mniżżla fl-Artikolu 4 a) ta’ din id-Deċiżjoni, sa fejn it-teknoloġija tinvolvi sostenn ta’ investiment għall-produzzjoni ta’ enerġija li tiġġedded hija kkonċernata u l-Artikolu 4 b) ta’ din id-Deċiżjoni, sa fejn is-sostenn għat-teknoloġija ġdida għall-enerġija tkun relatata ma’ investiment għall-iffrankar ta’ l-enerġija.

    (d)

    Sostenn għall-verifika ta’ l-enerġija/ analiżi ta’ l-enerġija

    Għajnuna għall-verifika ta’ l-enerġija trid tkun direttament relatata ma’ investiment relatat ma’ l-iffrankar ta’ l-enerġija u ma taqbiżx l-40 % ta’ l-ispejjeż eliġibbli, bil-possibbiltà ta’ żieda ta’ 10 punti perċentwali għal intrapriżi żgħar u medji. Spejjeż eliġibbli huma l-ispejjeż definiti fit-Taqsima I. 9.1, nota tal-qiegħ 35 ta’ din id-Deċiżjoni.

    Sostenn mogħti għall-verifika ta’ l-enerġija li mhux relatat ma’ investiment għall-iffrankar ta’ l-enerġija u pereżempju li jikkonċerna bidliet fl-imġiba jew fis-sistema, jista’ biss jiġi sostnut skond il-kondizzjonijiet stipulati fit-Taqsima D.2. (36) tal-Linji Gwida Ambjenalti f’konġunzjoni ma’ l-Att referut taħt il-punt 1 (e) ta’ l-Anness XV tal-Ftehim ŻEE.

    Artikolu 5

    (a)

    L-awtoritajiet Norveġiżi għandhom jagħtu rapport annwali lill-Awtorità skond l-Artikolu 21 (1) fil-Parti II tal-Protokoll 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti u l-Artikolu 5 (1) flimkien ma’ l-Anness III tad-Deċiżjoni Proċedurali ta’ l-Awtorità 195/04/COL ta’ l-14 ta’ Lulju 2004.

    (b)

    L-awtoritajiet Norveġiżi għandhom jipprovdu aktar informazzjoni skond l-Artikolu 5 (2) tad-Deċiżjoni Proċedurali ta’ l-Awtorità 195/04/COL ta’ l-14 ta’ Lulju 2004, fuq kull wieħed mill-akbar ħames proġetti sostnuti għal:

    (1)

    sostenn għall-investiment għall-produzzjoni ta’ enerġija li tiġgedded,

    (2)

    investiment għall-iffrankar ta’ l-enerġija,

    (3)

    teknoloġija ġdida għall-enerġija, u

    (4)

    verifika ta’ l-enerġija.

    Ir-rapport għandu, b’mod partikolari, jkollu fih il-kalkulazzjoni tal-valur preżenti nett rispettiva, inkluż ir-rata ta’ skont applikata mill-Fond ta’ l-Enerġija, u juri kif il-prezz tas-suq ta’ dik l-enerġija ġie stabbilit. Barra minn hekk, lista ta’ spejjeż għall-investiment għall-proġetti taħt l-Artikolu 5 b) ta’ din id-Deċiżjoni għandha tkun ipprovduta.

    Safejn jirrigwarda l-proġetti tal-bijomassa li qed jirċievu sostenn, ir-rapport għandu jinkludi wkoll informazzjoni li turi li l-ispejjeż komplessivi mġarrba mill-kumpaniji wara d-deprezzament ta’ l-impjant għadhom ogħla mill-prezz tas-suq ta’ l-enerġija.

    (ċ)

    L-awtoritajiet Norveġiżi għandhom jagħtu wkoll verżjoni ġdida tal-linji gwida dwar l-applikazzjoni tas-sostenn mill-Fond ta’ l-Enerġija lill-Awtorità, sa sitt xhur mill-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

    Artikolu 6

    (a)

    Il-miżuri riferuti fl-Artikolu 1 a)-d) ta’ din id-Deċiżjoni kif notifikat bl-ittra datata l-5 ta’ Ġunju 2003 (Dok. Nru. 03-3705-A) m’humiex kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE.

    (b)

    Għotjiet individwali mogħtija taħt il-miżuri ta’ hawn fuq, li diġà jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 4 ta’ din id-Deċiżjoni huma kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE.

    Artikolu 7

    Fejn għadha m’għamlitx hekk, in-Norveġja għandha tirrevoka l-miżuri riferuti fl-Artikolu 6 a) ta’ din id-Deċiżjoni b’effett immedjat u tibdilhom b’miżuri li jissodisfaw il-kondizzjonjiet imfissra fl-Artikolu 4 ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 8

    L-awtoritajiet Norveġiżi għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jirkupraw mingħand il-benefiċjarju l-għajnuna riferuta fl-Artikolu 6 a) ta’ din id-Deċiżjoni u li kienet illegalment disponibbli għall-benefiċjarji, wara li jitnaqqas kwalunkwe ħlas lura li sar.

    L-irkupru għandu jsir bla dewmien u skond il-proċeduri tal-liġi nazzjonali pprovduti li jippermettu esekuzzjoni immedjata u effettiva tad-deċiżjoni. L-għajnuna li ser tiġi rkuprata trid tinkludi l-interessi u l-interessi komposti mid-data ta’ meta kienet disponibbli għall-benefiċjarju ta’ l-għajnuna sad-data ta’ l-irkupru tagħha. L-interessi ser ikunu kkalkulati fuq il-bażi ta’ l-Artikoli 9 u 11 fid-Deċiżjoni ta’ l-Awtorità ta’ Sorveljanza ta’ l-EFTA Nru 195/04/COL.

    Artikolu 9

    L-awtoritajiet Norveġiżi għandhom jinformaw lill-Awtorità ta’ Sorveljanza ta’ l-EFTA fi żmien xahrejn min-notifikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, dwar il-miżuri li ttieħdu biex jikkonformaw magħha.

    Artikolu 10

    Din id-Deċiżjoni hi indirizzata lir-Renju tan-Norveġja.

    Artikolu 11

    Il-verżjoni Ingliża biss hija awtentika.

    Magħmula fi Brussell, it-3 ta’ Mejju 2006

    Għall-Awtorità ta’ Sorveljanza ta’ l-EFTA,

    Bjørn T. GRYDELAND

    President

    Kurt JÄGER

    Membru tal-Kulleġġ


    (1)  Minn hawn ‘il quddiem riferuta bħala l-Awtorità.

    (2)  Minn hawn ‘il quddiem riferut bħala l-Ftehim ŻEE.

    (3)  Minn hawn ‘il quddiem riferut bħala l-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti.

    (4)  Linji Gwida dwar l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 61 u 62 tal-Ftehim ŻEE u l-Artikolu 1 tal-Protokoll 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti, adottat u maħruġ mill-Awtorità tal-Sorveljanza EFTA fid-19 ta’ Jannar 1994, ippubblikat fil-ĠU L 231, 3.9.1994, p. 1 Supplimenti ŻEE Nru 32, p.1. Il-Linji Gwida ġew l-aħħar emendati fid-19 ta’ April 2006. Minn hawn ‘il quddiem riferuti bħala l-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat.

    (5)  ĠU C 196, 11.8.2005, p. 5.

    (6)  Il-Kapitolu 6 kien sussegwentement imħassar bid-Deċiżjoni ta’ l-Awtorità Nru 195/04/COL tal-14 ta’ Lulju 2004. Id-definizzjoni ta’ għajnuna illegali issa tinsab fl-Artikolu 1 (f) fil-Parti II mill-Protokoll 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti.

    (7)  Għal informazzjoni aktar dettaljata dwar il-korrispondenza varja bejn l-awtoritajiet Norveġiżi u l-Awtorità, issir referenza għad-deċiżjoni ta’ l-Awtorità li tiftaħ proċedura formali ta’ investigazzjoni, Nru tad-Deċiżjoni 122/05/COL, ara n-nota tal-qiegħ 5 fuq.

    (8)  Ara n-nota tal-qiegħ 5 fuq.

    (9)  Skond l-awtoritajiet Norveġjiżi, din it-taxxa kienet introdotta fl-1990 fil-kors ta’ deregulazzjoni fis-suq ta’ l-elettriku. Qabel l-2002, il-kumpaniji tat-tqassim ta’ l-elettriku kienu jikkontrollaw it-taxxa biex tkopri l-ispejjeż tagħhom b’konnessjoni ma’ informazzjoni dwar l-effiċjenza ta’ l-enerġija.

    (10)  “Forskrift om innbetaling av påslag på nettariffen til Energifondet” (regolament relatat mal-pagament ta’ taxxa fuq it-tariffi tad-distribuzzjoni ta’ l-elettriku lill- Fond ta’ l-Enerġija; minn hawn ‘il quddiem riferut bħala “Ir-Regolament tal-Fond ta’ l-Enerġija”).

    (11)  Lov av 29 Juni 1990 nr. 50 om produksjon, omforming, overføring, omsetning og fordeling av energi m.m, energiloven.

    (12)  Il-ħsibijiet inizjali dwar it-twaqqif ta’ korp ċentrali li jieħu ħsieb l-effiċjenza ta’ l-enerġija kienu diġà ġew ippreżentati minn kumitat espert fl-1998, NOU 1998:11. Il-Gvern tan-Norveġja uża din l-idea fil-White Paper St.meld.nr.29 (1998-99). Il-kambjament minn NVE għall-Fond ta’ l-Enerġija kien imbagħad finalment ippreżentat fil-baġit fiskali tal-2001, St.prp.nr.1 (2000-2001).

    (13)  Lov av 30 August 1991 om statsforetak.

    (14)  Ftehim irrevedut fit-22 ta’ Settembru 2004, “Avtale mellom den norske stat v/Olje- og energidepartementet og Enova SF om forvaltningen av midlene fa Energifondet i perioden 2002-2005”.

    (15)  Odelstingets vedtak til lov om endringar i lov 29. juni 1990 nr. 50 om produksjon, omforming, overføring, omsetning og fordeling av energi m.m. (energilova). (Besl.O.nr.75 (2000-2001), jf. Innst.O.nr.59 (2000-2001) og Ot.prp.nr.35 (2000-2001)).

    (16)  Ot.prp.nr.35 (2000-2001).

    (17)  Ara n-nota tal-qiegħ 15 fuq.

    (18)  ĠU L 283, 27.10.2001, p. 33. Id-Direttiva fiha nnifisha għadha ma ġietx inkorporata fil-Ftehim ŻEE.

    (19)  Ir-Regolament għall-Fond ta’ l-Enerġija (Vedteker for Energifondet, § 4) jgħid illi l-Fond ta’ l-Enerġija għandu jintuża biex tiġi ffrankata l-enerġija, għall-produzzjoni ta’ enerġija ġdida li tiġġedded u għal enerġija li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent.

    (20)  Ara d-Deċiżjoni ta’ l-Awtorità 302/05/COL, illi approvat skema ta’ għajnuna għal riċerka u żvilupp ta’ teknoloġija bil-gass.

    (21)  Klijenti kbar spiss jiggwadanjaw minn skontijiet minħabba l-kuntratti ta’ konsenja kbar tagħhom. Dan jiġi meqjus minn Enova meta jiġu mqabbla l-prezzijiet ta’ l-għejun ta’ l-enerġija kompetittivi.

    (22)  Ara l-eżempju f’paġna 7 tad-deċiżjoni ta’ l-Awtorità biex tiftaħ proċedura formali ta’ investigazzjoni (Deċiżjoni 122/05/COL) kif ukoll paġna 9 ta’ dan, b’mod partikolari n-nota tal-qiegħ 17.

    (23)  Skond il-fehma tal-Awtorità, m’hemm l-ebda aġġustament ‘il fuq fil-każ ta’ żvantaġġ lejn l-applikant.

    (24)  Ara, madankollu, is-suġġeriment tal-awtoritajiet Norveġiżi dwar it-trattament ta’ miżuri biex tiġi ffrankata l-enerġija fil-futur, it-Taqsima I.9.2 ta’ din id-Deċiżjoni.

    (25)  Dwar 0,4 %, l-awtoritajienet Norveġiżi speċifikaw li jikkonċernaw l-ispejjeż amministrativi ta’ l-Enova stess biex jieħdu ħsieb l-applikazzjonijiet ta’ proġetti ta’ dan it-tip.

    (26)  N 75/2002 – il-Finlandja, Modifika ta’ l-iskema ta’ għajnuna għas-settur ta’ l-enerġija.

    (27)  Il-programm kien imsemmi “materjal ta’ tagħlim u kunċetti ta’ edukazzjoni” fl-2003 u l-isem ġie mibdul għal “programm ta’ edukazzjoni” fl-2004.

    (28)  Li jinkorpora r-Regolament tal-Kummisjoni (KE) Nru 69/2001 tat-12 ta’ Jannar 2001 fuq l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għall-għajnuna de minimis, ĠU L 10, 13.1.2001, p. 30, fil-Ftehim ŻEE.

    (29)  Li jinkorpora r-Regolament tal-Kummisjoni (KE) Nru 70/2001 tat-12 ta’ Jannar 2001 dwar l-għajnuna għal intrapriżi żgħar u medji ĠU L 10, 13.1.2001, p. 33, kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 364/2004 tal-25 ta’ Frar 2004, ĠU L 63, 28.2.2004, p. 22, fil-Ftehim ŻEE.

    (30)  Li jinkorpora r-Regolament tal-Kummisjoni (KE) Nru 68/2001 tat-12 ta’ Jannar 2001 fuq l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għall-għajnuna għat-taħriġ, ĠU L 10, 13.1.2001, p. 20, kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 363/2004 tal-25 ta’ Frar 2004, ĠU L 63, 28.2.2004, p. 20, fil-Ftehim ŻEE.

    (31)  Rati ta’ kambju (NOK/Euro) użati mill-awtoritajiet Norveġiżi: 2002:7.51, 2003:8.00, 2004:8.37, 2005:8.20.

    (32)  L-ispejjeż fl-investiment li jsiru fil-bidu tas-sena 0

    (33)  Ikun hemm dħul għall-ewwel darba fl-aħhar tas-sena 1

    (34)  First Securities huwa parteċipant important fis-suq tat-titoli tan-Norveġja.

    (35)  Metodu li juri l-qligħ fuq il-kapital aġġustat għar-riskju bħala funzjoni tar-riskju tal-portafoll tas-suq u riskju ta’ l-attiv (proġett) in kwistjoni.

    (36)  Il-formula wżata minn First Securities hi RE = RF +β (RM – RF), fejn RF tkun bonds fuq terminu twil tan-Norveġja, β tikkostitwixxi r-riskju individwali tal-proġett, RM huwa l-qligħ mistenni fuq il-portafoll tas-suq, (RM – RF) huwa il-primjum tar-riskju ta’ l-ishma). RE huwa l-qligħ meħtieġ – fuq il-kapital investit.

    (37)  A) Spejjeż ta’ disinn u preparazzjoni, B) spejjeż ta’ bini, makkinarju u tagħmir, spejjeż ta’ installazzjoni u spejjeż minfuqa għall-aġġustament u t-tiswija ta’ bini, makkinarju u tagħmir li diġà jeżisti C) Sal-limitu ta’ 10 % ta’ l-ispiża tal-proġetti eliġibbli, spejjeż li jinħolqu minħabba xiri ta’ art direttament relatata ma’ l-investiment u mill-kostruzzjoni ta’ linji ta’ l-elettriku. D) Spejjeż li jirriżultaw mill-kostruzzjoni ta’ kanna biex tkun konnessa man-netwerk ta’ tisħin tad-distrett. Spejjeż minfuqa mill-kostruzzjoni ta’ netwerk biex tqassam is-sħana huma eliġibbli biss fi proġetti ta’ netwerk li jinvolvu teknoloġija ġdida, E) Spejjeż ta’ xogħol ta’ inġinerija ċivili u superviżjoni ta’ xogħol ta’ kostruzzjoni, F) Spejjeż ta’ tindif u xogħol fl-art, G) Spejjeż ta’ kummissjoni u spejjeż minħabba tħarriġ ta’ persunal operattiv meħtieġ għall-kummissjoni. F’dan il-kuntest kummissjoni tirreferi għall-att ta’ tħaddim, ittestjar u aġġustament ta’ sistema ta’ unità għall-ewwel darba biex jiġi assigurat li taħdem skond l-eżekuzzjoni speċifikata, Ħ) Spejjeż ta’ disseminazjoni ta’ informazzjoni relatata mal-proġett, I) Spejjeż ta’ monitorjar ta’ l-investiment J) Spejjeż relatati ma’ studji ta’ probabbiltà dwar id-diversi tipi ta’ proġetti (pagi tal-parteċipanti fil-proġett u spejjeż moħbija ta’ xogħol, tagħmir, aċċessorji, softwer, ivvjaġġjar, disseminazzjoni ta’ informazzjoni, u spejjeż oħra diretti u ġenerali). L-ispejjeż ġenerali tar-riċevitur ta’ l-għajnuna, l-interessi mħallsa waqt il-kostruzzjoni, spejjeż ta’ adeżjoni u taxxi li jistgħu jitnaqqsu mhux se jkunu eliġibbli. Ara nota tal-qiegħ 26 fuq.

    (38)  EBITDA huwa Dħul Qabel l-Interessi, it-Taxxi, id-Deprezzament u l-Ħlas bin-Nifs (Earnings Before Interest, Taxes, Depreciation and Amortization). Dan jinkludi d-dħul nett ta’ flus minn attivitajiet operattivi, qabel movimenti tal-kapital li jiċċirkola.

    (39)  Skond it-Taqsima D.3.3.1 (55) tal-Linji Gwida Ambjentali, il-bijomassa – li għandha spejjeż operattivi ogħla – tista’ tirċievi għajnuna operattiva li taqbeż l-ammont ta’ investiment, jekk l-Istat EFTA jista’ juri l-ispejjeż f’daqqa minfuqa minn ditti wara deprezzament ta’ l-impjant huma ogħla mill-prezz tas-suq ta’ l-enerġija.

    (40)  Skond it-Taqsima D.1.3 (25) tal-Linji Gwida Ambjentali, miżuri biex tiġi ffrankata l-enerġija jistgħu jkunu sostnuti bir-rata bażika ta’ l-40 % ta’ l-ispejjeż eliġibbli. Skond it-Taqsima D.1.7 (32) tal-Linji Gwida Ambjentali l-għajnuna trid tkun limitata għall-ispejjeż ta’ investiment żejda. L-ispejjeż eliġibbli huma kkalkulati bħala nett tal-benefiċċji li jakkumulaw minn żieda fil-kapaċità, ta’ l-ispejjeż ta’ tfaddil li jsir waqt l-ewwel ħames snin ħajja ta’ l-investiment u produzzjoni addizzjonali anċillari waqt il-perjodu ta’ ħames snin.

    (41)  Ara t-Taqsima I 9.1. numru (5) u n-nota tal-qiegħ 35 ta’ din id-Deċiżjoni.

    (42)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Novembru 2003 dwar l-għajnuna Statali li r-Renju Unit qed jippjana li jipprovdi taħt ir-WRAP Environmental Grant Fund u r-Wrap Lease Guarantee Fund, ĠU L 102, 7.4.2004, p. 59.

    (43)  Ara wkoll is-sezzjoni “informazzjoni sottomessa min-Norveġja” fid-Deciżjoni ta’ l-Awtorità 122/05/COL, paġna 12 seq.

    (44)  Għajnuna mill-Istat N 707/2002 – l-Olanda, MEP Stimulazzjoni ta’ l-Enerġija li Tiġġedded.

    (45)  Il-Kawża 173/73 Italja v Kummissjoni [1974] ECR 709, Kawża 78/76 Steinike v il-Ġermanja [1977] ECR 595, Deċiżjoni tal-Kummissjoni N 707/2002 – l-Olanda, ara hawn fuq, nota tal-qiegħ 42; N 490/2000 – Italja, Spejjeż mhux rekuperabbli tas-settur ta’ l-elettriku.

    (46)  Avukat Ġenerali Jacobs fil-Kawża C-379/98 Preussen Elektra v Schleswag AG [2001] ECR I-2099 il-paragrafu 165.

    (47)  Ara l-Kawża T-67/94 Ladbroke Racing Ltd v il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej [1998] ECR II-1, paragrafu 105 seq. F’dan ir-rigward m’hemm l-ebda dubju li l-miżura tista’ tkun mixħuta fir-responsabbiltà ta’ l-Istat li introduċa t-taxxa. Din hija sitwazzjoni differenti mis-sistema diskussa fil-Kawża C-345/02 Pearle BV, Hans Prijs Optiek Franchise BV u Rinck Opticiëns BV v Hoofdbedrijfschap Ambachten [2004] ECR I-7139, li kkonċerna ħlas deċiż minn bord ta’ nies professjonali.

    (48)  Iżda l-Awtorità tixtieq tirrimarka li biex jinstab jekk is-sostenn marx għand “intrapriża” ma għandux jiġi kkunsidrat l-istatus legali ta’ l-entità jew forma ta’ organizzazzjoni, imma jiddeċiedi l-kwalità ta’ intrapriża skond l-attività li hija sostnuta, Kawża C-41/90 Höfner u Elser v Macotron [1991] ECR, I-979; pereżempju, organizzazzjonijiet li ma jfittxux li jagħmlu profitt jistgħu jagħmlu attivitajiet ekonomiċi u jikkompetu ma’ oħrajn, ara eż. Kawża 78/76 Steinike &Weinlig, ara hawn fuq nota tal-qiegħ 43, u Kawża C-67/96 Albany, International BV v Stichting Bedrijfspensionfonds Textielindustrie, [1999] ECR I-5751.

    (49)  Jekk is-sostenn jikkostitwixxi għajnuna, li se tkun stabbilita taħt, il-Fond ta’ l-Enerġija jikkostitwixxi skema ta’ għajnuna. Ara d-definizzjoni ta’ skema ta’ għajnuna fl-Artikolu 1 (d) fil- Parti II tal-Protokoll 3 tal-Ftehim ta’ Sorveljanza u l-Qorti.

    (50)  Il-Kawża C-241/94 Il-Kummissjoni v Franza [1996] ECR I-4551, il-paragrafu 23.

    (51)  Ara wkoll l-Avukat Ġenerali Jacobs f’ Każ C-256/97 DM Transport S.A [1999] ECR I-3913, paragrafu 39 u 40.

    (52)  Dan huwa sostnut mill-valutazzjoni ta’ Enova stess fuq l-irwol tagħha fuq il-websajt tagħha, fejn kien iddikjarat li “Enova SF tgawdi minn libertajiet konsiderevoli fir-rigward ta’ l-għażla u l-kompożizzjoni tal-punti fokali strateġiċi u l-miżuri tal-politika”.

    (53)  Eż. f’konnessjoni ma’ produtturi ta’ elettriku li jiddependu fuq sorsi tradizzjonali – bħalissa – f’konnessjoni ma’ produtturi ta’ idro-enerġija jew produtturi ta’ sorsi oħra ta’ enerġija li tiġġedded li m’humiex sostnuti minn Enova, jew kumpaniji li m’humiex sostnuti talli japplikaw miżuri biex jiffrankaw l-enerġija.

    (54)  Id-Deċiżjoni 195/04/COL.

    (55)  Il-Kawża C-44/93 Namur-Les Assurances du Crédit v Office National du Duccroire u l-Istat tal-Belġju [1994] ECR I-3829.

    (56)  Rigward dan, ara l-interpretazzjoni mill-Avukat Ġenerali Fennely fil-Kawżi C-15/98 u C-105/99 f’ Repubblika ta’ l-Italja v il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej [2000] ECR II-8855, il-paragrafi 61 seq, li jisħqu li l-bdil leġislattiv għandu jibdel is-sistema b’mod sinifikattiv, jiġifieri aktar minn bidla formali biss.

    (57)  Fil-proposti tal-Gvern rispettivi, l-awtoritajiet Norveġiżi stess immarkaw il-mekkaniżmu ta’ finanzjar bħala “ġdid”.

    (58)  Il-Kawżi T-195/01 u T-207/01 Il-Gvern ta’ Ġibiltà u r-Renju ta’ Spanja v. Il-Kummissjoni Ewropea [2001] ECR II-3915, il-paragrafu 111.

    (59)  Ara hawn fuq, nota tal-qiegħ 40.

    (60)  Il-Kawża C-351/98 Spanja v. il-Kummissjoni Ewropea [2002] ECR I-8031, il-paragrafu 76.

    (61)  It-Taqsima II 3.1.1. tad-deċiżjoni ta’ l-Awtorità 122/05/COL.

    (62)  Ir-referenza għall-istandard tal-Komunità fil-kuntest tal-Ftehim ŻEE hija pprovduta b’mod espliċitu mill-Linji Gwida Ambjentali, ara t-Taqsima A (5) ta’ dawn.

    (63)  It-Taqsima II 3.1.2 tad-deċiżjoni ta’ l-Awtorità li tiftaħ proċedura formali ta’ investigazzjoni, Deċiżjoni 122/05/COL.

    (64)  It-Taqsima II 3.1.3 tad-deċiżjoni ta’ l-Awtorità li tiftaħ proċedura formali ta’ investigazzjoni, Deċiżjoni 122/05/COL.

    (65)  Għajnuna ta’ l-Istat N 75/2002 – il-Finlandja, ara hawn fuq nota tal-qiegħ 26 ta’ din id-Deċiżjoni.

    (66)  Ara nota tal-qiegħ 29 ta’ din id-Deċiżjoni.

    (67)  Ara nota tal-qiegħ 29 ta’ din id-Deċiżjoni.

    (68)  Ara nota tal-qiegħ 30 ta’ din id-Deċiżjoni.

    (69)  Rata tal-kambju kif ippubblikata fuq is-sit ta’ l-Awtorità f’7.23 għall-2003.

    (70)  Ittra mingħand First Securities lill-Enova bid-data tas-16 ta’ Diċembru 2004.

    (71)  Ara hawn fuq it-Taqsima I.6 ta’ din id-Deċiżjoni.

    (72)  “Green certificate” normalment ifisser il-prezz minimu stabbilit mill-Istat li produttur ta’ “green energy” jakkwista mingħand id-distributur. “Green certificates” ta’ dan it-tip jistgħu, skond il-każ individwali, ma jikkostitwixxux l-għajnuna mill-Istat skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 61 (1) tal-Ftehim ŻEE. L-awtoritajiet Norveġiżi rtiraw minn suq ta’ “green certificate” konġunt ma’ l-Iżvezja fi Frar 2006.

    (73)  Spejjeż ta’ dan it-tip huma wkoll aċċettati mill-Kummisjoni Ewropea fl-għajnuna mill-Istat N 75/2002 – Finlandja, ara hawn fuq nota tal-qiegħ 26.

    (74)  Ara hawn fuq, nota tal-qiegħ 29 ta’ din id-Deċiżjoni.

    (75)  Il-Kawża C-261/01 u C-262/0, Belgische Staat v Calster, Cleeren, Openbaar Slachthuis NV, [2003] ECR I-12249, il-paragrafu 46, il-Kawża C-47/69 Franza v Il-Kummissjoni [1970] ECR 487, il-paragrafu 4.

    (76)  Il-Kawża C-72/92 Firma Herbert Scharbatke GmbH v Repubblika Federali tal-Ġermanja [1993] ECR I-5509, b’referenza għall-Artikolu 95, issa 90 tat-Trattat tal-KE. L-Artikolu 14 tal-Ftehim ŻEE huwa identiku għall-Artikolu 90 tat-Trattat tal-KE.

    (77)  Il-Kawża C-266/91 Celulose Beira Industrial SA v Fazenda Pública [1993] ECR I-4337.

    (78)  Il-Kawża C-78/90 to C-83/90 Compagnie Commerciale de l’ Ouest u Oħrajn [1992] ECR I-1847.

    (79)  Il-Kummissjoni Ewropea awtorizzat struttura simili fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni N 707/2002, nota tal-qiegħ 42 hawn fuq

    (80)  Ara l-kummenti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, nota tal-qiegħ 42 fuq u N 533/01 – l-Irlanda, għajnuna biex jiġu promossi sorsi ta’ enerġija li tiġġedded fl-Irlanda.

    (81)  Il-Kawża C-350/93 Il-Kummissjoni v L-Italja [1995] ECR I-699, il-paragrafu 22.

    (82)  Il-Kawża C-75/97 Il-Belġju v Il-Kummissjoni [1999] ECR I-3671, il-paragrafu 66, u l-Kawża C-310/99 L-Italja v Il-Kummissjoni [2002] ECR I-2289, il-paragrafu 99.

    (83)  Il-Kawża C-169/95 Spanja v Il-Kummissjoni [1997] ECR I-135, il-paragrafu 51.


    Top