Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2020/219/08

    Sejħa għall-proposti L-Istitut tal-Bank Ewropew tal-Investiment jipproponi sponsorship ġdid ta’ EIBURS taħt il-Programm ta’ Tagħrif tiegħu 2020/C 219/08

    ĠU C 219, 3.7.2020, p. 13–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    3.7.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 219/13


    Sejħa għall-proposti

    L-Istitut tal-Bank Ewropew tal-Investiment jipproponi sponsorship ġdid ta’ EIBURS taħt il-Programm ta’ Tagħrif tiegħu

    (2020/C 219/08)

    Il-Programm ta’ Tagħrif tal-Istitut tal-Bank tal-Investiment Ewropew jiffinanzja l-għotjiet għar-riċerka tiegħu permezz ta’ skemi differenti. Wieħed minnhom huwa:

    EIBURS, il-Programm ta’ Sponsorship għar-Riċerka Universitarja tal-BEI (EIB University Research Sponsorship Programme)

    EIBURS jipprovdi għotjiet lil dipartimenti universitarji jew ċentri ta’ riċerka assoċjati ma’ universitajiet fl-UE, f’pajjiżi kandidati jew f’pajjiżi kandidati potenzjali li jkunu qegħdin jaħdmu fuq suġġetti ta’ riċerka li huma ta’ interess kbir għall-Bank. L-isponsorships tal-EIBURS — li jilħqu mal-EUR 100 000 fis-sena għal perjodu ta’ tliet snin — jingħataw permezz ta’ proċess kompetittiv lil dipartimenti universitarji interessati jew ċentri ta’ riċerka b’ħila esperta rikonoxxuta fil-qasam magħżul. Proposti li jirnexxu jinvolvu l-kisba ta’ diversi riżultati li jkunu soġġetti għal ftehim kuntrattwali mal-Bank Ewropew tal-Investiment.

    Għas-sena akkademika 2020/2021, il-programm EIBURS qiegħed ifittex proposti fuq tema ta’ riċerka ġdida:

    “Kompetittività, tkabbir u diġitalizzazzjoni tad-ditti”

    1.   Punt Fokali tal-Proġett

    Matul dawn l-aħħar 20 sena, it-tendenza kienet li t-tkabbir ekonomiku kien qiegħed inaqqas ir-ritmu fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi żviluppati, u b’mod partikolari f’ħafna pajjiżi tal-UE. Parti minn dan it-tnaqqis fir-ritmu hija attribwita għal investiment dgħajjef fid-deċennju ta’ wara l-kriżi finanzjarja fl-2008. Id-dekompożizzjonijiet standard tal-kontabilità tat-tkabbir juru, madankollu, li t-tnaqqis fir-ritmu tat-tkabbir totali tal-fatturi tal-produttività kellu rwol ferm akbar mill-investiment fl-ispjegazzjoni tat-tnaqqis fir-ritmu tat-tkabbir ekonomiku madwar l-UE.

    Il-kompetittività hija ddeterminata mill-prestazzjoni tal-produttività. Ir-riċerka eżistenti turi li t-tkabbir aggregat fil-produttività huwa l-kanal ewlieni għall-kisba ta’ titjib sostnut fil-kompetittività, it-tkabbir ekonomiku, il-benesseri u l-istandards tal-għajxien. Fl-aħħar mill-aħħar, il-produttività aggregata ta’ ekonomija hija s-somma tal-produttivitajiet tad-ditti u n-negozji tagħha. B’hekk huwa importanti li nifhmu aħjar id-determinanti tal-kompetittività u t-tkabbir sodi.

    It-teknoloġiji ġodda jipprovdu opportunitajiet għal qabżiet kbar fil-produttività, u d-diġitalizzazzjoni tal-attività ekonomika tista’ tagħti l-ispinta meħtieġa għall-produttività fl-UE. L-investiment korporattiv fid-diġitalizzazzjoni aktarx li jsir mutur ewlieni fil-kompetittività korporattiva. L-organizzazzjoni tan-negozji madwar teknoloġiji diġitali tipprovdi opportunitajiet biex jiżdied il-fatturat, l-espansjoni ferm rapida, il-qbid ta’ swieq kbar u t-titjib tal-vantaġġ kompetittiv.

    It-tibdil fil-klima jista’ jkollu impatt negattiv fuq l-assi fissi u l-produttività, biex ikompli jżid mal-fatturi li jżommu l-produttività milli tavvanza. Il-politiki li jindirizzaw it-tibdil fil-klima jistgħu jwasslu biex ċerti assi u saħansitra industriji sħaħ jispiċċaw skaduti. B’hekk, it-tibdil fil-klima u l-politiki ta’ mitigazzjoni jżidu l-isfidi għall-kompetittività u t-tkabbir ekonomiku. Madankollu, it-tfittxija riżultanti għal teknoloġiji ġodda u soluzzjonijiet innovattivi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra (GHG) u stokks eżistenti ta’ GHG, biex isir adattament għall-klima li qiegħda tinbidel u biex tittejjeb ir-reżiljenza għandha tagħti spinta għall-innovazzjoni u l-progress teknoloġiku.

    Huwa ta’ importanza kbira għal dawk li jfasslu l-politika li jifhmu s-sorsi tat-tnaqqis fir-ritmu tat-tkabbir tal-produttività. Il-BEI jagħti attenzjoni speċjali biex jistudja l-kompetittività, it-tkabbir sod, l-innovazzjoni, l-aċċess għall-finanzjament u l-investiment. Il-biċċa l-kbira ta’ dawn l-istudji jidhru fir-rapport ta’ investiment annwali tal-BEI. Barra minn hekk, sabiex dejjem jifhem aħjar l-investiment u l-finanzjament tal-investiment, il-BEI kull sena jwettaq stħarriġ kbir ta’ korporazzjonijiet mhux finanzjarji fl-Istati Membri kollha tal-UE, u sa mill-2018, fl-Istati Uniti.

    L-Istħarriġ tal-BEI dwar l-Investiment (EIBIS) jiġbor informazzjoni kwalitattiva u kwantitattiva dwar attivitajiet ta’ investiment minn impriżi żgħar u ta’ daqs medju u korporazzjonijiet akbar, il-ħtiġijiet ta’ finanzjament tagħhom u d-diffikultajiet li jiffaċċjaw. L-istħarriġ ikopri xi 12 000 ditta u firxa wiesgħa ta’ mistoqsijiet dwar l-investiment korporattiv u l-finanzi tal-investiment. Fuq il-bażi ta’ qafas ta’ kampjunar mill-bażi ta’ data ORBIUS ta’ Bureau van Dijk, dawk li jwieġbu għal EIBIS jiġu kkollegati mal-informazzjoni finanzjarja tagħha minn ORBIS u d-data anonimizzata titpoġġa għad-dispożizzjoni ta’ riċerkaturi li għandhom proġetti ta’ riċerka ddefiniti sew.

    2.   Pjan ta’ Azzjoni Propost

    Il-BEI qiegħed ifittex proposta ta’ riċerka komprensiva biex jiġu analizzati dawn is-suġġetti billi tintuża data fuq il-livell tad-ditti u l-EIBIS, f’koordinazzjoni u b’kooperazzjoni mad-Dipartiment tal-Ekonomija tal-BEI, fejn tinsab id-data tal-EIBIS. Il-proġett ta’ riċerka ser jinkludi bosta analiżijiet u dokumenti, li jiffokaw fuq l-UE jew membri speċifiċi tal-UE, li jindirizzaw:

    L-importanza ta’ assi intanġibbli sabiex jiżdiedu l-produttività u t-tkabbir tad-ditti. Huwa diffiċli biex jiġu mkejla u kkwantifikati l-assi intanġibbli u għalhekk l-attribuzzjoni tal-gwadanji fil-produttività għall-użu tagħhom jibqa’ kompitu diffiċli iżda importanti. Dan jippermetti li wieħed jifhem kif l-assi intanġibbli huma akkwistati u miżmuma, il-motivazzjoni tan-negozji biex jinvestu f’kapital intanġibbli, id-differenza fir-redditi fuq dawn l-assi u kapital tanġibbli, u l-inċertezza intrinsika biex isir investiment fihom.

    Id-diffikultajiet fil-kwantifikazzjoni u l-ivvalutar ta’ assi intanġibbli jnaqqsu l-aċċess għall-finanzjament estern f’sistema finanzjarja li hija ddominata mill-banek. Dawn jenfasizzaw l-importanza li jsir studju ulterjuri tal-bżonnijjet u l-istruttura tal-finanzjament korporattiv fi żminijiet ta’ sehem li qiegħed jikber ta’ assi intanġibbli.

    Xogħol empiriku u teoretiku dwar l-importanza tar-regolamentazzjoni u l-istituzzjonijiet għat-tkabbir u l-kompetittività tad-ditti.

    Xogħol empiriku u teoretiku dwar l-importanza tar-regolamentazzjoni u l-istituzzjonijiet għat-tixrid tal-għarfien, l-innovazzjoni u t-teknoloġiji.

    L-irwol tal-politiki ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-isforzi biex tingħata spinta għall-innovazzjoni u, fl-aħħar mill-aħħar, il-kompetittività tad-ditti Ewropej.

    Il-kumpaniji Ewropej, b’mod speċjali fis-settur tas-servizzi, jinsabu lura meta mqabbla mal-pari globali fil-qasam tad-diġitalizzazzjoni. L-investiment fid-diġitalizzazzjoni huwa differenti minn investiment ġenerali? Id-daqs tas-suq, il-finanzjament, il-ħila esperta fil-ġestjoni ta’ proġetti u d-disponibbiltà ta’ manodopera tas-sengħa kif jiddeterminaw il-ħeffa u l-grad tad-diġitalizzazzjoni tan-negozji f’ekonomija?

    Ħoll in-ness tad-diġitalizzazzjoni u l-produttività - xprunaturi u relazzjonijiet ta’ kawżalità. Id-diġitalizzazzjoni kif hija importanti għall-produttività?

    Minħabba l-fatt li b’mod inerenti n-negozji diġitalizzati jistgħu jespandu kważi mingħajr spejjeż, id-diġitalizzazzjoni spiss tirriżulta f’konċentrazzjoni tas-suq u qawwa fis-suq akbar. Il-qawwa fis-suq fi swieq diġitalizzati għandha l-istess effetti ta’ ħsara li huma osservati f’industriji tradizzjonali? X’inhu r-rwol tar-regolaturi?

    Il-proposti għandhom jintbagħtu bl-Ingliż sat-30 ta’ Settembru 2020 24.00 (CET). Proposti mibgħuta wara din id-data ma jiġux ikkunsidrati. Il-proposti għandhom jintbagħtu bl-email lil:

    Events.EIBInstitute@eib.org

    Għal informazzjoni aktar kompluta dwar il-proċess ta’ għażla tal- EIBURS u dwar l-Istitut tal-BEI, jekk jogħġbok żur: http://institute.eib.org/


    Top