Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2019/104/05

    Sejħa għal espressjoni ta' interess fil-ħatra ta' sostituti/membri addizzjonali bi kwalifiki tekniċi tal-bord tal-appell tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi

    ĠU C 104, 19.3.2019, p. 5–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    19.3.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 104/5


    Sejħa għal espressjoni ta' interess fil-ħatra ta' sostituti/membri addizzjonali bi kwalifiki tekniċi tal-bord tal-appell tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi

    (2019/C 104/05)

    Deskrizzjoni tal-Aġenzija

    L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (l-Aġenzija) imwaqqfa fl-1 ta' Ġunju 2007 u li tinsab f'Helsinki, il-Finlandja, taqdi rwol ċentrali fl-implimentazzjoni tar-Regolamenti REACH, CLP, BPR u PIC.

    REACH (1) hu r-Regolament dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta' Sustanzi Kimiċi. Dan daħal fis-seħħ fl-1 ta' Ġunju 2007. Id-dispożizzjonijiet skont l-Artikoli 75 sa 111 tar-REACH jirregolaw il-funzjonament tal-Aġenzija u jiddeskrivu l-kompiti li għandha twettaq.

    Is-CLP (2) hu r-Regolament dwar il-Klassifikazzjoni u t-Tikkettar u l-Imballaġġ ta' sustanzi kimiċi. Dan daħal fis-seħħ fl-20 ta' Jannar 2009. L-Artikolu 50 tar-Regolament jiddeskrivi l-kompiti tal-Aġenzija.

    Il-BPR (3) hu r-Regolament dwar il-Prodotti Bijoċidali, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Settembru 2013 u jikkonċerna t-tqegħid fis-suq u l-użu ta' prodotti bijoċidali. Id-dispożizzjonijiet skont l-Artikolu 74 tal-BRP jiddeskrivu r-rwol tal-Aġenzija.

    Il-PIC (4) hu r-Regolament dwar il-Kunsens Infurmat minn Qabel, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Marzu 2014 u jamministra l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta' ċerti sustanzi kimiċi perikolużi u jixħet obbligu fuq il-kumpaniji li jixtiequ jesportaw dawn is-sustanzi kimiċi lejn pajjiżi li mhumiex fl-UE. Id-dispożizzjonijiet skont l-Artikolu 6 tal-PIC jiddeskrivu l-kompiti li għandhom jitwettqu mill-Aġenzija.

    Għal aktar informazzjoni kkonsulta s-sit web li ġej: https://www.echa.europa.eu/

    Il-Bord tal-Appell

    L-Artikoli minn 89 sa 94 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) jistabbilixxu d-dispożizzjonijiet rilevanti fir-rigward tal-appelli. L-Artikolu 89 jistipula t-twaqqif ta' Bord tal-Appell. Il-Bord hu responsabbli biex jiddeċiedi dwar l-appelli kontra ċerti deċiżjonijiet individwali tal-Aġenzija, kif definit fl-Artikolu 91 tar-Regolament imsemmi hawn fuq.

    Il-Bord hu responsabbli wkoll biex jiddeċiedi dwar l-appelli kontra deċiżjonijiet tal-Aġenzija, kif definit fl-Artikolu 77 tar-Regolament dwar il-Prodotti Bijoċidali (UE) Nru 528/2012 (6).

    Il-Bord tal-Appell jikkonsisti fi President u f'żewġ membri oħra li jkunu membri tal-persunal tal-Aġenzija. Fl-assenza tagħhom għandu jkollhom sostituti li jirrappreżentawhom. Is-sostituti ma jkunux membri tal-persunal tal-Aġenzija. Il-kwalifiki tal-President u tal-membri huma definiti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1238/2007 tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar l-istipular ta' regoli fir-rigward tal-kwalifiki tal-membri tal-Bord tal-Appell tal-Aġenzija Ewropea tas-Sustanzi Kimiċi (7). Skont dan ir-Regolament, il-Bord tal-Appell għandu jikkonsisti f'membri kwalifikati fil-qasam tekniku u dak legali.

    Il-President u l-membri l-oħra tal-Bord tal-Appell għandhom ikunu indipendenti. Fit-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom, huma m'għandhom ikunu marbuta bl-ebda struzzjoni. Huma m'għandhom iwettqu l-ebda dmir ieħor fl-Aġenzija.

    Il-President u l-membri l-oħra tal-Bord tal-Appell, meta jiddeċiedu dwar l-appelli, josservaw ir-regoli dwar l-organizzazzjoni u jsegwu l-proċedura stabbilita mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 771/2008 (8) kif modifikat mir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/823 (9).

    Biex jiġi żgurat li l-Bord tal-Appell ikun jista' jopera b'mod mexxej, il-Bord tal-Appell hu assistit fl-eżerċizzju ta' dmirijietu minn Reġistru, li jitmexxa minn Reġistratur. Ir-Reġistratur jinħatar direttament mill-President tal-Bord tal-Appell.

    Nipproponu

    Il-kompiti tas-sostitut bi kwalifiki tekniċi tal-Bord tal-Appell għandhom b'mod partikolari jinkludu dawn li ġejjin:

    l-eżaminar u t-teħid ta' deċiżjoni dwar l-appelli b'mod indipendenti u imparzjali,

    ir-rispett tal-prinċipji legali u r-regoli fil-proċedimenti,

    li jaġixxu ta' relatur għall-appelli,

    it-twettiq ta' studji preliminari tal-appelli,

    li jiddeċiedu dwar l-ammissibbiltà tal-appelli,

    it-tħejjija ta' komunikazzjonijet għall-partijiet;

    il-parteċipazzjoni ta' seduti bil-fomm,

    it-tfassil ta' deċiżjonijiet dwar l-appelli mingħajr dewmien u b'mod sħiħ.

    Forniment ta' Għarfien speċjalizzat tas-sustanzi kimiċi jew sustanzi analogi

    Aktar informazzjoni dwar il-Bord tal-Appell tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi tista' tinsab fuq: https://echa.europa.eu/about-us/who-we-are/board-of-appeal

    Il-kandidati eliġibbli (il-kriterji tal-eliġibbiltà)

    Biex jiġu kkunsidrati għall-fażi tal-għażla, il-kandidati jridu jilħqu l-kriterji formali li ġejjin sad-data tal-għeluq tal-applikazzjonijiet:

    ikunu ċittadini ta' Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew ċittadini taż-Żona Ekonomika Ewropea (l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja);

    ikollhom lawrea rikonoxxuta, jew

    wara li jkunu lestew b'suċċess l-istudji universitarji meta d-durata normali tal-edukazzjoni universitarja tkun ta' erba' snin jew aktar u tagħti aċċess għal studji postlawreali; jew

    wara li jkunu lestew b'suċċess l-istudji universitarji attestati minn lawrea meta d-durata normali tal-edukazzjoni universitarja tkun ta' tliet snin, u sena addizzjonali ta' esperjenza professjonali rilevanti (din is-sena esperjenza professjonali ma tistax tkun inkluża fl-esperjenza professjonali postlawreali meħtieġa hawn taħt).

    minimu ta' 12-il sena esperjenza professjonali f'oqsma xjentifiċi jew tekniċi rilevanti għar-REACH, inkluża valutazzjoni tal-periklu, valutazzjoni tal-esponiment jew ġestjoni tar-riskju fir-rigward tas-saħħa tal-bniedem jew riskji ambjentali ta' sustanzi kimiċi jew oqsma relatati (miksuba wara l-għoti tal-lawrja universitarja jew il-lawrja u l-esperjenza jew kwalifika ekwivalenti msemmija hawn fuq), inkluża esperjenza professjonali ta' mill-inqas ħames snin fil-ġestjoni regolatorja tas-sustanzi kimiċi jew sistemi regolatorji analogi.

    ikunu jafu sewwa waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (10) u tal-anqas ikunu jafu b'mod sodisfaċenti lingwa uffiċjali oħra tal-Unjoni Ewropea sa fejn ikun meħtieġ għall-qadi ta' dmirijiethom.

    Huwa mixtieq li l-kandidati jkunu f'pożizzjoni li jservu mill-inqas terminu ta' ħames (5) snin.

    Barra minn hekk, il-kandidati jridu jilħqu l-kriterji formali li ġejjin sad-data tal-għeluq tal-applikazzjonijiet:

    igawdu d-drittijiet kollha bħala ċittadini;

    ikunu ssodisfaw kwalunkwe obbligu impost mil-liġijiet dwar is-servizz militari;

    jipprovdu r-referenzi xierqa dwar il-karattru rigward l-adegwatezza tagħhom biex iwettqu dmirijiethom (11);

    X'qed infittxu (il-kriterji tal-għażla)

    Għarfien u fehim tajbin ħafna tal-aspetti tekniċi tar-REACH u l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-bijoċidi jew sistemi regolatorji analogi (12),

    l-abbiltà ta' teħid ta' deċiżjonijiet u l-ħidma kolleġġjali ma' oħrajn;

    ħiliet tajbin ta' komunikazzjoni orali u bil-miktub (il-lingwa predominanti tal-komunikazzjoni fi ħdan l-Aġenzija hija l-Ingliż).

    Dawn li ġejjin huma kkunsidrati vantaġġużi ħafna:

    għarfien u fehim ta' proċeduri regolatorji jew prattiki ġudizzjarji,

    esperjenza ppruvata fil-liġi tal-Unjoni Ewropea, fir-rigward tal-kimiċi, jew f'qasam regolatorju analogu ieħor,

    esperjenza ta' xogħol f'korp kolleġġjali,

    esperjenza ta' xogħol f'ambjent multikulturali u multilingwistiku,

    Għażla, ħatra u kundizzjonijiet tal-impjieg

    Skont it-termini tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, il-Bord tat-Tmexxija jiddeċiedi dwar il-ħatra tas-sostitut/membru addizzjonali bi kwalifiki tekniċi abbażi ta' lista ta' kandidati kwalifikati proposta mill-Kummissjoni.

    L-għan ta' din is-sejħa għal espressjonijiet ta' interess hu li l-Kummissjoni tkun tista' tistabbilixxi lista ta' kandidati biex tiġi proposta lill-Bord tat-Tmexxija għall-pożizzjoni ta' sostitut/membru addizzjonali bi kwalifiki tekniċi. Il-kandidati għandhom jinnotaw li l-inklużjoni fil-lista tal-Kummissjoni Ewropea ma tiggarantix ħatra.

    Is-sostituti/membri addizzjonali magħżula se jitpoġġew fuq lista ta' riserva u jissejħu mill-Bord tal-Appell biex jittrattaw il-każijiet fin-nuqqas tal-membri full-time jew jekk ikun meħtieġ sabiex jiġi żgurat li l-appelli jistgħu jiġu proċessati f'rata sodisfaċenti. Is-sostituti/membri addizzjonali mhumiex maħtura bħala membri tal-persunal tal-Aġenzija. Għaldaqstant, is-sostituti/membri addizzjonali mhumiex obbligati jissospendu l-attivitajiet professjonali attwali tagħhom, iżda dawn l-attivitajiet iridu jkunu kumpatibbli mar-rekwiżiti li l-membri tal-Bord tal-Appell iridu jkunu indipendenti.

    Il-mandat tal-Bord tal-Appell huwa ta' ħames (5) snin. Dan jista' jiġġedded darba.

    Il-Kummissjoni Ewropea se torganizza l-għażla għall-pożizzjoni ta' sostitut/membru addizzjonali bi kwalifiki tekniċi tal-Bord tal-Appell. Għal dan l-għan, twaqqaf panil tal-għażla li jistieden lill-kandidati li jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha ta' eliġibbiltà elenkati hawn fuq u bl-aħjar profil possibbli għar-rekwiżiti speċifiċi fuq il-bażi tal-merti tagħhom u tal-kriterji stabbiliti hawn fuq għal intervista.

    Wara din l-intervista, dan il-bord tal-għażla jfassal lista tal-aktar kandidati xierqa. Din il-lista tiġi adottata mill-Kummissjoni Ewropea u komunikata lill-Bord tat-Tmexxija tal-Aġenzija. Dan tal-aħħar se jintervista lill-kandidati fuq il-lista mqassra tal-Kummissjoni Ewropea u jaħtar sostitut/membru addizzjonali bi kwalifiki tekniċi tal-Bord tal-Appell.

    Għal raġunijiet prattiċi u biex il-proċedura tal-għażla titlesta malajr kemm jista' jkun fl-interess tal-kandidati kif ukoll tal-Aġenzija, il-proċedura tal-għażla ssir bl-Ingliż biss. Minkejja dan, matul l-intervista/intervisti, il-bordijiet tal-għażla jivverifikaw jekk il-kandidati jikkonformawx mar-rekwiżit ta' għarfien sodisfaċenti ta' lingwa uffiċjali oħra tal-UE.

    Is-sostituti/membri addizzjonali jitħallsu għal kull każ fuq bażi ta' miżata ta' kuljum. Bħalissa r-remunerazzjoni ma taqbiżx l-EUR 400 għal kull jum attwali tax-xogħol (8,0 sigħat) għal sostitut/membru addizzjonali li jkun ġie maħtur mill-President bħala relatur għal appell partikolari, b'ammont massimu ta' EUR 6 000 għal kull każ, jew sa EUR 300 għal kull jum attwali tax-xogħol għal sostitut/membru addizzjonali li mhux appuntat bħala relatur, b'ammont massimu ta' EUR 4 500 għal kull każ. Minbarra dan fiż-żewġ każijiet se jingħata rimbors tal-ispejjeż tal-ivjaġġar u konċessjoni ta' kuljum li tkopri l-għajxien u l-akkomodazzjoni (13).

    Is-sostitut/membru addizzjonali se jkunu meħtieġa jiddikjaraw kwalunkwe interess, li jista' jidħol f'kunflitt ma' dmiru, lill-Bord tal-Appell b'konformità mal-Artikolu 90(5) u (6) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006.

    Il-listi ta' riżerva għal dawn il-karigi se jkunu validi għal perjodu ta' ħames snin mid-data tad-deċiżjoni tal-Bord tat-Tmexxija dwar il-ħatra tal-membri.

    Sottomissjoni ta' applikazzjonijiet

    Qabel ma tippreżenta l-applikazzjoni tiegħek, għandek tiċċekkja b'attenzjoni jekk tissodisfax il-kriterji ta' eliġibbiltà kollha (“Il-kandidati eliġibbli”), b'mod partikolari dawk rigward it-tip ta' diplomi u l-esperjenza professjonali meħtieġa, kif ukoll dawk rigward il-kompetenza lingwistika tiegħek. Min ma jissodisfax dawn il-kriterji tal-eliġibbiltà jiġi eskluż awtomatikament mill-proċedura tal-għażla.

    Il-kandidati jrid ikollhom indirizz tal-posta elettronika validu. Dan jintuża biex tiġi kkonfermata r-reġistrazzjoni tagħhom u biex jinżamm kuntatt magħhom tul l-istadji differenti tal-proċess tal-għażla. Jekk tul il-proċess tal-għażla jinbidel l-indirizz tal-posta elettronika tal-kandidat, dan jenħtieġ jiġi indikat.

    Biex jimlew l-applikazzjoni, il-kandidati jridu jibagħtu s-CV tagħhom u ittra ta' motivazzjoni f'dan l-indirizz: GROW-ECHA-BOA-TQM@ec.europa.eu.

    Il-kandidati huma mistiedna jispeċifikaw kull lingwa tal-UE li huma jafu u l-livell korrispondenti ta' għarfien skont il-Qafas ta' Referenza Ewropew Komuni għal-Lingwi (14). Il-kandidati se jirċievu email li jikkonferma li l-applikazzjoni tagħhom ġiet reġistrata. Jekk il-kandidati ma jirċevix l-email ta' konferma, dan ikun ifisser li l-applikazzjoni ma tkunx ġiet reġistrata. Għal aktar informazzjoni u/jew jekk jinqalgħu xi problemi tekniċi, ibgħat email lil: grow-d1@ec.europa.eu.

    Data tal-għeluq

    L-iskadenza għar-reġistrazzjoni hija s-26 ta' April 2019, f'12.00 (nofsinhar) ħin ta' Brussell. Ir-reġistrazzjonijiet li jaslu tard ma jiġux aċċettati.

    Informazzjoni importanti għall-kandidati

    Il-kandidati huma mfakkra li l-ħidma tal-kumitati ta' selezzjoni hi kunfidenzjali. Huwa pprojbit li l-applikanti jagħmlu kuntatt dirett jew indirett mal-membri ta' dawn il-kumitati, jew li xi ħadd ieħor jagħmel dan f'isimhom.

    Biex l-applikazzjonijiet ikunu validi, il-persuni interessati jridu jtellgħu curriculum vitae f'format PDF u jimlu ittra ta' motivazzjoni onlajn (massimu ta' 8,000 karattru). Il-kandidati jridu jindikaw fl-ittra ta' motivazzjoni għal liema kariga qed japplikaw.

    Preferibbilment, il-curriculum vitæ għandha titfassal skont il-format tas-CV Ewropea. Jekk xi wieħed minn dawn id-dokumenti ma jkunx bl-Ingliż, trid tiġi pprovduta traduzzjoni bl-Ingliż. Kopji ċċertifikati ta' gradi/diplomi, ta' referenzi, ta' prova ta' esperjenza, eċċ. ma għandhomx jintbagħtu f'dan l-istadju iżda jridu jiġu ppreżentati aktar 'il quddiem fil-proċedura, jekk jintalbu.

    Indipendenza u dikjarazzjoni tal-interessi

    Membru tal-Bord tal-Appel, is-sostitut tiegħu/membri addizzjonali jaġixxu b'mod indipendenti fl-interess pubbliku u jiddikjara kwalunkwe interess li jista' jitqies ta' preġudizzju għall-indipendenza tiegħu. Il-kandidati jridu jikkonfermaw ir-rieda tagħhom li jagħmlu dan fl-applikazzjoni tagħhom.

    Minħabba n-natura partikolari tal-funzjonijiet, il-kandidati mistiedna għall-intervisti tal-għażla ser ikunu meħtieġa jiffirmaw dikjarazzjoni relatata mal-interessi kurrenti jew futuri tagħhom li jistgħu jitqiesu ta' preġudizzju għall-indipendenza tagħhom.

    Il-kandidati jridu jkunu wkoll konformi mal-kriterji tal-eliġibbiltà stabbiliti mill-Bord tat-Tmexxija tal-ECHA (15).

    Opportunitajiet indaqs

    L-Unjoni Ewropea tapplika politika ta' opportunitajiet indaqs u ta' nondiskriminazzjoni f'konformità mal-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal (16). Toqgħod ferm attenta li tevita kwalunkwe forma ta' diskriminazzjoni fil-proċeduri ta' reklutaġġ tagħha u tħeġġeġ b'mod attiv applikazzjonijiet mingħand in-nisa.

    Protezzjoni tad-data personali

    Il-Kummissjoni u l-ECHA se jiżguraw li d-data personali tal-kandidati tiġi pproċessata kif jeżiġi r-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (17). Dan japplika b'mod partikolari għall-kunfidenzjalità u għas-sigurtà ta' din id-data.


    (1)  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/PDF/?uri=CELEX:02006R1907-20140410&from=MT

    (2)  https://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2008:353:0001:1355:mt:PDF

    (3)  https://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2012:167:0001:0123:mt:PDF

    (4)  https://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2012:201:0060:0106:mt:PDF

    (5)  ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.

    (6)  Ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1).

    (7)  ĠU L 280, 24.10.2007, p. 10.

    (8)  ĠU L 206, 2.8.2008, p. 5.

    (9)  ĠU L 137, 26.5.2016, p. 4.

    (10)  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:01958R0001-20130701&qid=1408533709461&from=MT

    (11)  Qabel il-ħatra, l-applikanti li jirnexxu se jkun jeħtiġilhom jipproduċu dokument uffiċjali li juri li dawn ma għandhomx rekord kriminali.

    (12)  Dan ifisser sistemi regolatorji bħal dawk li jirregolaw il-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti, il-bijoċidi, l-addittivi tal-ikel, il-farmaċewtiċi jew kożmetiċi, id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, id-Direttiva dwar il-Prevenzjoni u l-Kontroll tat-Tniġġis, id-Direttiva Seveso, jew id-dispożizzjonijiet regolatorji dwar is-sikurezza u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol fir-rigward tal-kimiċi.

    (13)  Ara d-Deċiżjoni tal-Bord tat-Tmexxija (id-dokument MB/10/2014 tal-20/03/2014)

    https://echa.europa.eu/documents/10162/21678309/final_mb_10_2014_remuneration_of_aams_of_boa_annexes_included_en.pdf/79489824-0381-4364-a73c-7118fd5ee130

    (14)  https://www.coe.int/en/web/common-european-framework-reference-languages/table-1-cefr-3.3-common-reference-levels-global-scale

    (15)  Ara d-dokument MB/45/2013 final: https://echa.europa.eu/documents/10162/13555/final_mb_45_2013_eligibility_crit_guid_en.pdf

    Innota li bħalissa qed issir reviżjoni ta' dawn il-kriterji ta' eliġibbiltà, u l-verżjoni aġġornata se tiġi ppubblikata waqt il-Proċedura PRO-0067 dwar il-Prevenzjoni u l-Ġestjoni ta' Kunflitti ta' Interess potenzjali fuq is-siti web tal-ECHA, fil-ġimgħat li ġejjin, hawnhekk: https://echa.europa.eu/web/guest/about-us/the-way-we-work/procedures-and-policies/conflicts-of-interest

    (16)  Ir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni:

    https://eur-lex.europa.eu/%20LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CONSLEG:1962R0031:20140101:MT:PDF

    (17)  ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39.


    Top