Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2015/415/08

    Sejħa għal proposti — EACEA/34/2015 taħt il-programm Erasmus+ azzjoni ewlenija 3: appoġġ għar-riforma politika — inizjattivi għall-innovazzjoni tal-politika — Esperimentazzjonijiet tal-politika Ewropea fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ taħt it-tmexxija ta’ awtoritajiet pubbliċi ta’ livell għoli

    ĠU C 415, 15.12.2015, p. 20–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    15.12.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 415/20


    SEJĦA GĦAL PROPOSTI — EACEA/34/2015

    taħt il-programm Erasmus+

    azzjoni ewlenija 3: appoġġ għar-riforma politika — inizjattivi għall-innovazzjoni tal-politika

    Esperimentazzjonijiet tal-politika Ewropea fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ taħt it-tmexxija ta’ awtoritajiet pubbliċi ta’ livell għoli

    (2015/C 415/08)

    1.   Id-Deskrizzjoni, l-Għanijiet u t-Temi Prijoritarji

    L-esperimentazzjonijiet tal-politika Ewropea taħt Azzjoni Ewlenija 3 ta’ Erasmus+ (Appoġġ għar-riforma tal-politika) — Inizjattivi għall-innovazzjoni tal-politika  (1) huma proġetti ta’ kooperazzjoni transnazzjonali li jappoġġjaw l-implimentazzjoni tal-aġendi ta’ politika tal-Unjoni Ewropea dwar l-Edukazzjoni, it-Taħriġ u ż-Żgħażagħ, li jinkludu l-aġendi speċifiċi għas-setturi bħall-proċessi ta’ Bologna u ta’ Kopenħagen.

    L-għan ġenerali tas-sejħa għall-proposti huwa li jitħeġġeġ it-titjieb tal-effikaċja u l-effiċjenza tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ u l-politiki taż-żgħażagħ permezz tal-ġbir u l-evalwazzjoni ta’ evidenza dwar l-impatt sistemiku tal-miżuri ta’ politika innovattivi. Din is-sejħa teħtieġ l-involviment tal-awtoritajiet pubbliċi ta’ livell għoli tal-pajjiżi eliġibbli u l-użu ta’ metodi ta’ evalwazzjoni tajbin u rikonoxxuti b’mod wiesgħa bbażati fuq provi fuq il-post (proċess ta’ esperiment).

    L-għanjiet speċifiċi ta’ din is-sejħa huma:

    il-promozzjoni tal-kooperazzjoni transnazzjonali u t-tagħlim reċiproku bejn l-awtoritajiet kompetenti fl-ogħla livell istituzzjonali tal-pajjiżi eliġibbli sabiex irawwmu titjib sistemiku u innovazzjoni fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ,

    it-titjib tal-ġbir u l-analiżi ta’ evidenza sostantiva li tippermetti l-implimentazzjoni b’suċċess ta’ miżuri innovattivi,

    il-faċilitazzjoni tat-trasferibbiltà u l-iskalabilità ta’ miżuri innovattivi.

    It-temi prijoritarji għal din is-sejħa huma:

    Il-qasam tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ

    1.

    Il-promozzjoni tal-valuri fundamentali permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ li tindirizza d-diversità fl-ambjent tat-tagħlim.

    2.

    Ix-xogħol u l-ħiliet: validazzjoni ta’ tagħlim mhux formali u informali fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

    3.

    It-tisħiħ tat-taħriġ tal-għalliema u l-edukazzjoni bl-użu ta’ opportunitajiet ta’ teknoloġiji ġodda (Edukazzjoni skolastika)

    4.

    L-avvanz lejn istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla aktar innovattivi u intraprenditorjali permezz tal-bidla istituzzjonali (L-edukazzjoni sekondarja).

    5.

    Għalliema u ħarrieġa tal-VET f’tagħlim/apprentistat ibbażat fuq ix-xogħol (VET).

    6.

    L-implementazzjoni ta’ qafas li jevalwa l-effikaċja tal-politiki ta’ tagħlim għall-adulti.

    Il-qasam taż-żgħażagħ

    7.

    L-ilħuq: l-iżvilupp tal-kapaċità għat-trattament u l-prevenzjoni tal-marġinalizzazzjoni u r-radikalizzazzjoni vjolenta fost iż-żgħażagħ.

    2.   L-applikanti eliġibbli

    L-applikanti meqjusin eliġibbli biex iwieġbu għal din is-sejħa huma:

    (a)

    Awtoritajiet pubbliċi (Ministeru jew ekwivalenti) responsabbli għall-edukazzjoni, it-taħriġ jew iż-żgħażagħ fl-ogħla livell fil-kuntest nazzjonali jew reġjonali rilevanti (li jikkorrispondi għall-kodiċi 1 jew 2 tan-NUTS; għall-pajjiżi fejn il-kodiċi 1 u 2 tan-NUTS mhumiex disponibbli, japplika l-ogħla kodiċi tan-NUTS disponibbli (2)). L-awtoritajiet pubbliċi fl-ogħla livell responsabbli għas-setturi li mhumiex tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ (eż. l-impjiegi, il-finanzi, l-affarijiet soċjali, ġustizzja u affarijiet interni, is-saħħa, eċċ.) jitqiesu eliġibbli sakemm juru li għandhom kompetenza speċifika fil-qasam li fih se jitwettaq il-proċess ta’ esperimenti. L-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jiddelegaw li jkunu rrappreżentati minn organizzazzjonijiet pubbliċi jew privati oħrajn, kif ukoll minn netwerks jew assoċjazzjonijiet ta’ awtoritajiet pubbliċi stabbiliti legalment, bil-kundizzjoni li d-delega tkun bil-miktub u tagħmel referenza espliċita għall-proposta li tkun qed titressaq.

    (b)

    Organizzazzjonijiet jew istituzzjonijiet pubbliċi jew privati attivi fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ jew iż-żgħażagħ

    (c)

    Organizzazzjonijiet jew istituzzjonijiet pubbliċi jew privati li jwettqu attivitajiet marbuta mal-edukazzjoni, it-taħriġ u/jew iż-żgħażagħ f’setturi soċjoekonomiċi oħrajn (eż. awtoritajiet pubbliċi, aġenziji jew servizzi responsabbli għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ, l-affarijiet soċjali, l-affarijiet interni, il-ġustizzja, l-assigurazzjoni tal-kwalità, ir-rikonoxximent u/jew il-validazzjoni, il-gwida dwar il-karrieri, kmamar tal-kummerċ, organizzazzjonijiet tal-kummerċ, l-imsieħba soċjali, is-soċjetà ċivili, għaqdiet sportivi jew organizzazzjonijiet kulturali, entitajiet tal-evalwazzjoni jew tar-riċerka, il-media eċċ)

    Huma eliġibbli proposti minn entitajiet ġuridiċi stabbiliti f’wieħed mill-pajjiżi eliġibbli li ġejjin:

    it-28 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea,

    il-pajjiżi tal-EFTA/ŻEE: l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja,

    il-pajjiżi kandidati tal-UE: it-Turkija, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja.

    Il-kompożizzjoni minima tas-sħubija

    Ir-rekwiżit minimu tas-sħubija għal din is-sejħa huwa: 4 entitajiet li jirrappreżentaw 3 pajjiżi eliġibbli. B’mod speċifiku:

    Tal-inqas awtorità pubblika waħda (Ministeru jew ekwivalenti) jew korp delegat (kif deskritt fi 2a) minn 3 pajjiżi eliġibbli differenti, jew netwerk/assoċjazzjoni ta’ awtoritajiet pubbliċi stabbiliti legalment li jirrappreżentaw tal-inqas tliet pajjiżi eliġibbli differenti. In-netwerk jew l-assoċjazzjoni għandu jkollhom mandat mill-inqas minn 3 awtoritajiet pubbliċi responsabbli (kif deskritt fi 2a) biex joperaw f’isimhom għall-proposta ta’ proġett speċifika.

    Is-sħubiji għandhom jinkludu tal-inqas awtorità pubblika responsabbli waħda kif indikat taħt il-punt 2(a) minn Stat Membru tal-UE.

    Tal-inqas entità pubblika jew privata waħda bil-kompetenza fl-analiżi kontrofattwali u l-evalwazzjoni tal-impatt tal-politika (“ir-riċerkatur”). Tali entità għandha tkun responsabbli għall-aspetti metodoloġiċi u l-protokolli tal-provi fuq il-post. Il-proposta tista’ tinvolvi aktar minn entità waħda bħal din, sakemm ix-xogħol ikun ikkoordinat u konsistenti.

    Proposta tista’ tkun ikkoordinata u ppreżentata biss - f’isem l-applikanti kollha — minn waħda minn dawn li ġejjin:

    awtorità pubblika kif deskritt taħt 2(a),

    netwerk jew assoċjazzjoni ta’ awtoritajiet pubbliċi stabbiliti legalment kif deskritt taħt 2a),

    entità pubblika jew privata ddelegata biex twieġeb għas-sejħa minn awtorità pubblika deskritta taħt 2(a). L-entitajiet iddelegati għandu jkollhom approvazzjoni espliċita bil-miktub minn awtorità pubblika kif deskritt taħt 2a), biex iressqu u jikkordinaw il-proposta ta’ proġett f’isimhom.

    Il-proposti għandhom jitressqu mir-rappreżentant legali tal-awtorità ta’ koordinazzjoni f’isem l-applikanti kollha. Il-persuni fiżiċi ma jistgħux japplikaw għal għotja. Huma biss l-organizzazzjonijiet li huma f’pożizzjoni li juru l-eżistenza tagħhom bħala persuna ġuridika għal mill-inqas 3 snin (3) fid-data tal-iskadenza għall-preżentazzjoni tal-informazzjoni ta’ qabel il-proposti, jitqiesu eliġibbli bħala “koordinatur” għal din is-sejħa.

    3.   Perjodu ta’ eliġibilità u attivitajiet eliġibbli

    Il-proġett irid jibda bejn l-1 ta’ Jannar 2017 u t-28 ta’ Frar 2017.

    It-tul tal-proġett għandu jkun ta’ bejn 24 u 36 xahar. Madankollu, jekk wara l-iffirmar tal-ftehim u l-bidu tal-proġett, għal raġunijiet kompletament iġġustifikati li mhumiex fil-kontroll tal-benefiċjarju, isir impossibbli għall-benefiċjarju li jtemm il-proġett fi żmien il-perjodu skedat, tista’ tingħata estensjoni għall-perjodu ta’ eliġibilità. Tingħata estensjoni massima ta’ 6 xhur oħra, jekk it-talba ssir qabel l-iskadenza speċifikata fil-ftehim. It-tul massimu mbagħad ikun ta’ 42 xahar.

    L-attivitajiet eliġibbli għandhom ikunu konformi mal-Anness 1 tal-Linji Gwida għall-applikanti. Il-provi fuq il-post għandhom iseħħu tal-inqas fi tliet pajjiżi li l-ministeri (jew entitajiet delegati) tagħhom huma involuti fil-proġett.

    4.   Il-Kriterji tal-Għoti

    Il-proposti sejrin jiġu ppreżentati u evalwati f’żewġ stadji, li jinvolvu l-fażi ta’ qabel il-proposta (Stadju I) u l-istadju sħiħ tal-proposta (Stadju II).

    L-informazzjoni ta’ qabel il-proposta se tiġi vvalutata fuq il-bażi tal-kriterju tal-għoti “Ir-rilevanza tal-proġett” (massimu ta’ 20 punt). L-applikanti eliġibbli li jilħqu l-livell limitu minimu ta’ tnax-il punt fuq il-punteġġ għall-kriterju ta’ għoti “Rilevanza tal-proġett” se jkunu mistednin biex iressqu proposta sħiħa li tiżviluppa b’mod elaborat u komprensiv il-ħarsa ġenerali mogħtija fl-informazzjoni ta’ qabel il-proposta.

    L-applikanti kollha li jkunu ressqu informazzjoni qabel il-proposta se jkunu notifikati dwar ir-riżultati ta’ qabel l-għażla u se jirċievu sommarju tal-evalwazzjoni tal-informazzjoni ta’ qabel il-proposta tagħhom.

    Il-proposti sħaħ se jiġu vvalutati fuq il-bażi tal-eliġibilità, l-esklużjoni, l-għażla u t-tliet kriterji tal-għoti li jifdal: “il-kwalità tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-proġett”, “il-kwalità tas-sħubija u l-arranġamenti ta’ kooperazzjoni”, u “l-impatt, id-disseminazzjoni, u s-sostenibbiltà”.

    Il-kriterji tal-għoti (ara t-Taqsima 14 tal-Linji Gwida għall-Applikanti) għall-finanzjament ta’ proposta huma:

    1.

    ir-rilevanza tal-proġett (massimu ta’ 20 punt);

    2.

    il-kwalità tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-proġett (massimu ta’ 30 punt);

    3.

    il-kwalità tas-sħubija u l-arranġamenti ta’ kooperazzjoni (massimu ta’ 20 punt);

    4.

    l-impatt, id-disseminazzjoni u s-sostenibbiltà (massimu ta’ 30 punt).

    Il-kalkolu tal-punteġġ totali għall-proposta sħiħa se jinkludi l-punteġġ miksub “għar-Rilevanza tal-proġett” fl-istadju ta’ qabel il-proposta. Huma biss il-proposti sħaħ li jkunu laħqu l-livell ta’ 60 punt tal-punteġġ totali (jiġifieri il-punteġġ fuq il-kriterju tal-għoti “għar-Rilevanza tal-proġett” ivvalutat fl-ewwel stadju flimkien mal-punteġġi fuq it-tliet kriterji ta’ għoti l-oħra vvalutati fit-tieni stadju) li se jitqiesu għall-finanzjament tal-UE.

    5.   Baġit

    Il-baġit totali allokat għall-kofinanzjament tal-proġetti taħt din is-sejħa għal proposti huwa ta’ EUR 14 000 000. Dan huwa maqsum bil-mod li ġej bejn iż-żewġ oqsma ta’ operat:

    —   L-Edukazzjoni u t-Taħriġ: EUR 12 000 000

    —   Iż-Żgħażagħ: EUR 2 000 000

    Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Aġenzija ma tistax taqbeż 75 % tal-ispejjeż totali eliġibbli.

    L-għotja massima għal kull proġett se tkun ta’ EUR 2 000 000.

    L-Aġenżija tirriżerva d-dritt li ma tqassamx il-fondi kollha disponibbli.

    6.   Il-Proċedura għas-Sottomissjoni u l-Iskadenzi

    Qabel iressqu l-applikazzjoni elettronika, l-applikanti se jkollhom jirreġistraw l-organizzazzjoni tagħhom fil-Portal tal-Parteċipanti għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv, il-Kultura, iċ-Ċittadinanza u l-Volontarjat u jirċievu Kodiċi ta’ Identifikazzjoni tal-Parteċipant (PIC). Il-PIC se jkun mitlub fil-formola tal-applikazzjoni.

    Il-Portal tal-Parteċipant hija l-għodda li permezz tagħha se tiġi ġestita l-informazzjoni legali u finanzjarja kollha marbuta mal-organizzazzjonijiet. L-informazzjoni dwar kif tirreġistra tista’ tinsab fil-portal fl-indirizz li ġej: http://ec.europa.eu/education/participants/portal

    Il-preżentazzjoni u l-għażla tal-proposti sejrin jitwettqu f’żewġ stadji: l-istadju ta’ qabel il-proposta u l-istadju sħiħ tal-proposta.

    L-applikanti huma mitlubin jaqraw sew l-informazzjoni kollha dwar is-sejħa għal proposti u l-proċedura ta’ preżentazzjoni, u jużaw id-dokumenti li jifformaw parti mill-applikazzjoni (Pakkett ta’ Applikazzjoni) fuq: https://eacea.ec.europa.eu/erasmus-plus/funding/key-action-3-initiatives-for-policy-innovation-european-policy-experimentation-eacea-342015_en

    Il-Pakkett tal-Applikazzjoni għandu jitressaq online bl-użu tal-formola elettronika korretta, jimtela kif suppost u jkun fih l-annessi u d-dokumenti ta’ appoġġ kollha rilevanti u applikabbli. Il-formoli tal-applikazzjoni huwa disponibbli fuq l-Internet fl-indirizz li ġej: https://eacea.ec.europa.eu/PPMT/

    Il-formoli tal-applikazzjoni li ma jinkludux l-informazzjoni kollha meħtieġa u li ma jitressqux online sal-iskadenza mhumiex se jitqiesu.

    L-applikazzjonijiet għall-għoti għandhom jitfasslu f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-UE.

    Data ta’ għeluq għas-sottomissjoni:

    —   l-informazzjoni ta’ qabel il-proposta: 14 ta’ April 2016 — 12.00 nofsinhar CET

    —   il-proposti sħaħ: 13 ta’ Ottubru 2016 — 12.00 nofsinhar CET

    7.   Aktar informazzjoni

    Għal aktar dettalji jekk jogħġbok irreferi għal-Linji Gwida għall-applikanti.

    Il-Linji Gwida għall-applikanti u l-Pakkett tal-Applikazzjoni huma disponibbli fis-sit elettroniku li ġej:

    https://eacea.ec.europa.eu/erasmus-plus/funding/key-action-3-initiatives-for-policy-innovation-european-policy-experimentation-eacea-342015_en

    Kuntatt bil-posta elettronika: EACEA-Policy-Support@ec.europa.eu


    (1)  Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi “Erasmus+”: il-Programm tal-Unjoni għall-Edukazzjoni, Taħriġ, Żgħażagħ u Sport, b’mod partikolari l-Artikoli 9 u 15 - L-appoġġ għar-riforma tal-politika - jikkostitwixxi l-bażi legali għal din is-sejħa.

    (2)  http://ec.europa.eu/eurostat/web/nuts/overview

    (3)  “Data tar-reġistrazzjoni ewlenija” fil-formola tal-entità ġuridika: http://ec.europa.eu/budget/contracts_grants/info_contracts/legal_entities/legal_entities_en.cfm#en


    Top