Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2013/353/06

    Sejħa pubblika għall-applikazzjonijiet għall-ħatra ta' mħallfin fit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea

    ĠU C 353, 3.12.2013, p. 11–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    3.12.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 353/11


    Sejħa pubblika għall-applikazzjonijiet għall-ħatra ta' mħallfin fit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea

    2013/C 353/06

    1.

    Il-Kunsill iddeċieda, permezz tad-Deċiżjoni 2004/752/KE, Euratom (1), li jistabbilixxi t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea. It-Tribunal, li jifforma parti mill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, u li għandu s-sede tiegħu fil-Qorti Ġenerali, għandu ġurisdizzjoni ta’ Prim'Istanza f’tilwim bejn l-Unjoni u l-aġenti tagħha skont l-Artikolu 270 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, inkluż tilwim bejn il-korpi jew l-aġenziji kollha u l-persunal tagħhom li fir-rigward tagħhom il-ġurisdizzjoni hija mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

    2.

    It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku huwa magħmul minn seba’ mħallfin, li minnhom jintgħażel il-president. Il-mandat tagħhom hu għal perijodu ta’ sitt snin li jista’ jiġġedded. L-imħallfin jinħatru mill-Kunsill li jaġixxi b'mod unanimu, wara konsultazzjoni ma' kumitat ta’ seba’ persuni magħżula minn fost ex-membri tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea u avukati ta’ kompetenza rikonoxxuta. Il-kumitat jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-idoneità tal-kandidati sabiex iwettqu d-dmirijiet ta’ mħallef fit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Huwa jehmeż ma' din in-nota lista ta’ kandidati li għandhom l-esperjenza ta’ livell għoli l-aktar adattata. Il-lista tinkludi numru ta' persuni li huwa mill-inqas id-doppju ta’ kemm għandhom jinħatru mħallfin.

    3.

    L-Istatut u l-kondizzjonijiet ġenerali għat-twettiq tad-dmirijiet ta’ mħallef huma stabbiliti bl-Artikolu 5 tal-Anness I tal-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Ir-remunerazzjonijiet, il-pensjonijiet u l-allowances tagħhom huma stabbiliti bir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 202/2005 tat-18 ta' Jannar 2005 li jemenda r-Regolament Nru 422/67/KEE, Nru 5/67/Euratom li jistabbilixxi l-emolumenti tal-President u l-Membri tal-Kummissjoni, tal-President, tal-Imħallfin, tal-Avukati Ġenerali u tar-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll tal-President, tal-Membri u tar-Reġistratur tal-Qorti tal-Prim'Istanza (2).

    4.

    Billi ntemm il-mandat ta' żewġ imħallfin fit-30 ta' Settembru 2014, tnediet sejħa għall-applikazzjonijiet bil-ħsieb li jinħatru żewġ imħallfin ġodda għal perijodu ta' sitt snin mill-1 ta' Ottubru 2014 sat-30 ta' Settembru 2020.

    5.

    Jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 257 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b'mod konġunt mal-Artikolu 3 tal-Anness I tal-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li l-kandidati għall-ħatra ta’ mħallef jeħtieġ jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin:

    għandhom joffru garanzija assoluta ta' indipendenza,

    ikollhom il-kapaċità meħtieġa għall-eżerċizzju ta' funzjonijiet ġudizzjarji,

    ikunu ċittadini tal-Unjoni.

    Tinġibed l-attenzjoni tal-kandidati għall-fatt li minbarra dawk il-kondizzjonijiet minimi, il-kumitat imsemmi hawn fuq għandu jikkunsidra b’mod partikolari l-kapaċità tal-kandidati li jaħdmu fi ħdan struttura kolleġjali f’ambjent multinazzjonali u multilingwistiku, kif ukoll in-natura, l-importanza u t-tul ta’ żmien tal-esperjenza tagħhom adatta għall-qadi tad-dmirijiet li għandhom jitwettqu.

    6.

    L-applikazzjonijiet għandhom ikollhom mehmuża magħhom curriculum vitae u ittra ta' motivazzjoni, kif ukoll kopji tad-dokumenti ta’ appoġġ.

    L-applikazzjonijiet għandhom jintbagħtu fl-indirizz li ġej:

    Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

    Sejħa għall-applikazzjonijiet fit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

    Office 20 40 LM 15

    Rue de la Loi/Wetstraat 175

    1048 Bruxelles/Brussel

    BELGIQUE/BELGIË

    L-applikazzjonijiet għandhom jintbagħtu esklussivament b’ittra reġistrata, sa mhux aktar tard mis-17 ta' Jannar 2014 (bit-timbru tal-posta kkunsidrat bħala prova).

    Sabiex ikun faċilitat l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet, l-applikanti huma mitlubin jibagħtu l-curriculum vitae u l-ittra ta' motivazzjoni tagħhom bil-posta elettronika, preferibbilment fil-format Word (mingħajr ma jintuża l-format PDF) fl-indirizz li ġej:

    cdstfp@consilium.europa.eu

    Il-fatt li d-dokumenti jintbagħtu bil-posta elettronika ma jissostitwixxix l-ittra reġistrata u lanqas m'għandu impatt fuq l-ammissibbiltà tal-applikazzjonijiet.

    7.

    Protezzjoni tad-data personali – Informazzjoni għall-persuni kkonċernati – ipproċessar tal-proċeduri għall-ħatra tal-membri tat-Tribunal tas-servizz pubbliku.

    Tinġibed l-attenzjoni tal-persuni kkonċernati lejn l-informazzjoni li ġejja, mogħtija skont l-Artikoli 11 u 12 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001:

    (a)

    Identità tal-persuna responsabbli u s-servizz responsabbli mill-ipproċessar

    Id-Direttur tad-Direttorat 4, (Kwistjonijiet Istituzzjonali, Baġit u Statut) tas-Servizz Legali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea – Email: sj.fop-coj@consilium.europa.eu

    (b)

    Skopijiet tal-ipproċessar

    L-ipproċessar għandu bħala skop li jippermetti lill-Kunsill li jgħaddi għall-ħatra tal-membri tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku filwaqt li tiġi żgurata l-kunfidenzjalità u t-twettiq korrett tal-proċeduri.

    (c)

    Kategoriji tad-data kkonċernata u l-oriġini tad-data

    Data personali varja mibgħuta lill-Kunsill mill-kandidat.

    (d)

    Riċevituri jew il-kategoriji ta’ riċevituri tad-data

    Is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill u l-kabinett tiegħu; id-Direttorat 4, u d-Direttur Ġenerali tas-Servizz Legali tal-Kunsill; ir-rappreżentanti permanenti tal-Istati Membri u l-persunal tagħhom, il-membri tal-kumitat kif previst fl-Artikolu 3(3) tal-Anness I tal-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. Ċerta data, b'mod partikolari is-CVs tal-kandidati, tista' titqassam lill-korpi preparatorji tal-Kunsill u lill-Kunsill.

    (e)

    Proċeduri li jiggarantixxu d-drittijiet tal-persuni kkonċernati

    Il-proċeduri li jiggarantixxu d-drittijiet tal-persuni kkonċernati huma dawk previsti fit-Taqsima 5 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/644/KE.

    (f)

    Bażi legali tal-ipproċessar

    L-Artikolu 257(3) TFUE u l-Artikolu 3 tal-Anness I għall-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja; L-Artikolu 240(2) TFUE u l-Artikolu 23 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill.

    (g)

    Limitu ta’ żmien għall-ħażna tad-data

    Id-data li tikkonċerna lill-persuni nnominati bħala mħallfin ser tinżamm għal perijodu ta' sitt xhur li jibda mid-data li tidħol fis-seħħ id-deċiżjoni tal-ħatra. Id-data li tikkonċerna lill-kandidati li ma jintgħażlux waqt il-proċedura tal-għażla ser tinżamm għal tliet xhur mill-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tad-deċiżjoni tal-Kunsill li fiha tinsab il-ħatra tal-imħallfin fit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea.

    (h)

    Id-dritt li wieħed jirrikorri għand il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

    Il-persuni kkonċernati jistgħu jirrikorru għand il-kontrollur Ewropew għall-protezzjoni tad-data b'konformità mar-Regolament (KE) Nru 45/2001.


    (1)  ĠU L 333, 9.11.2004, p. 7.

    (2)  ĠU L 33, 5.2.2005, p. 1.


    Top