EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2013/200/05

Wiċċ nazzjonali ġdid fuq muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni

ĠU C 200, 12.7.2013, p. 9–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

12.7.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 200/9


Wiċċ nazzjonali ġdid fuq muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni

2013/C 200/05

Image

Wiċċ nazzjonali tal-munita l-ġdida kommemorattiva taż-2 euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni u maħruġa mis-Slovakkja

Il-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni huma valuta legali fiż-żona tal-euro kollha. Il-Kummissjoni tippubblika deskrizzjoni tad-disinji tal-muniti l-ġodda kollha bl-għan li tinforma lill-pubbliku u lill-partijiet kollha li jużaw il-muniti (1). Skont il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2009 (2), l-Istati Membri u l-pajjiżi taż-żona tal-euro li kkonkludew ftehim monetarju mal-Komunità li jipprevedi l-ħruġ ta’ muniti tal-euro, għandhom il-permess joħorġu muniti tal-euro kommemorattivi maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni, dejjem jekk jiġu rrispettati ċerti kundizzjonijiet, partikolarment li tintuża biss id-denominazzjoni taż-2 euro. Dawn il-muniti għandhom l-istess karatteristiċi tekniċi bħall-muniti l-oħra taż-2 euro, iżda l-wiċċ nazzjonali tagħhom ikun fih disinn kommemorattiv li jkun tassew simboliku f’termini nazzjonali jew Ewropej.

Il-pajjiż li qiegħed joħroġ il-munita: Is-Slovakkja

Is-suġġett tal-kommemorazzjoni: l-1150 anniversarju tas-seħħ tal-Missjoni ta' Kostantinu u Metodju fil-Moravja l-Kbira

Deskrizzjoni tad-disinn: Id-disinn juri lill-aħwa, Kostantinu u Metodju, mill-belt ta' Tessalonika, flimkien mas-simboliku salib doppju fuq tliet għoljiet. Is-salib qed iservi fl-istess ħin ta' baklu tal-Isqof, biex b’hekk jorbot flimkien is-simboli tal-istat u l-Kristjanità u kif ukoll jenfasizza s-sinifikat tal-missjoni taż-żewġ aħwa, li għenet sabiex tiġi żgurata s-sovranità u l-leġittimità sħiħa tal-Moravja Kbira – l-ewwel stat Slav fl-Ewropa Ċentrali. Il-figura ta’ Kostantinu qiegħda żżomm ktieb li jirrappreżenta l-edukazzjoni u l-fidi, filwaqt li Metodju jidher ma' knisja bħala simbolu tal-fidi u l-Kristjanità istituzzjonali. Tul ix-xifer t’isfel tal-parti ta’ ġewwa tal-wiċċ tal-munita hemm l-isem tal-pajjiż li qed joħroġ il-munita “SLOVENSKO”, is-sena “863” u s-sena “2013”, b’marka diviżorja bejn kull wieħed. Tul ix-xifer ta’ fuq tal-parti ta’ ġewwa hemm l-ismijiet “KONŠTANTÍN” u “METOD”. Fuq ix-xellug tal-aħwa hemm l-ittri “mh” stilizzati, l-inizjali tad-disinjatur tal-munita Miroslav Hric, u fuq il-lemin hemm il-marka taz-zekka taz-Zekka ta' Kremnica, li tinkludi l-ittri “MK” mqiegħda bejn żewġ marki.

Iċ-ċirku ta’ barra tal-munita juri t-tnax-il stilla tal-bandiera Ewropea.

Numru ta’ muniti li għandhom jinħarġu: 1 miljun

Id-data tal-ħruġ: Lulju 2013


(1)  Ara ĠU C 373, 28.12.2001, p. 1 għall-uċuħ nazzjonali tal-muniti kollha li nħarġu fl-2002.

(2)  Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-10 ta’ Frar 2009 u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Diċembru 2008 dwar linji gwida komuni għall-uċuħ nazzjonali u l-ħruġ ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni (ĠU L 9, 14.1.2009, p. 52).


Top