Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2013/148/03

Sejħa għall-proposti – EACEA/06/13 – Il-Programm Iż-Żgħażagħ fl-Azzjoni – Azzjoni 4.6 – Sħubiji

ĠU C 148, 28.5.2013, pp. 4–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

28.5.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 148/4


SEJĦA GĦALL-PROPOSTI – EACEA/06/13

Il-Programm Iż-Żgħażagħ fl-Azzjoni

Azzjoni 4.6 – Sħubiji

2013/C 148/03

1.   Objettivi u deskrizzjoni

Din is-sejħa għall-proposti għandha l-għan li tappoġġja s-sħubijiet ma’ korpi pubbliċi reġjonali jew lokali jew ma' partijiet interessati oħrajn attivi fis-settur relatat maż-żgħażagħ fil-livell Ewropew sabiex maż-żmien jiġu żviluppati proġetti li jgħaqqdu bosta miżuri tal-Programm Żgħażagħ fl-Azzjoni.

Dan il-mekkaniżmu għandu l-għan li jħeġġeġ sinerġiji u kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni Ewropea – permezz tal-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura – u l-atturi differenti li jaħdmu fil-qasam relatat maż-żgħażagħ billi jiġbru r-riżorsi u l-prattiki bil-għan li jimmassimizzaw l-impatt tal-Programm u sabiex jilħqu numru akbar ta’ benefiċjarji.

Din is-sejħa għandha tipprovdi għotjiet għall-proġetti.

1.1.   Objettivi u prijoritajiet speċifiċi

L-objettivi speċifiċi ta’ sħubijiet bħal dawn huma li:

Iħeġġu l-involviment tal-korpi pubbliċi fil-livell reġjonali jew lokali jew partijiet interessati oħrajn attivi fis-settur relatat maż-żgħażagħ fl-attivitajiet għaż-żgħażagħ Ewropej u ta’ edukazzjoni mhux formali;

Jappoġġaw il-kapaċità tagħhom bħala korpi atttivi fil-qasam taż-żgħożija bl-għoti ta’ opportunitajiet edukattivi nonformali liż-żgħażagħ u lill–ħaddiema żgħażagħ;

Jippromwovu l-iżvilupp ta’ netwerks sostenibbli, l-iskambju tal-aqwa pratttiċi kif ukoll l-għarfien ta' edukazzjoni nonformali.

Sejra tingħata preferenza lil dawk il-proġetti li jirriflettu l-prijoritajiet li ġejjin bl-aħjar mod:

(i)

Prijoritajiet permanenti tal-Programm Iż-Żgħażagħ fl-Azzjoni

Il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ;

Id-diversità kulturali;

Iċ-ċittadinanza Ewropea;

L-inklużjoni taż-żgħażagħ b’inqas opportunitajiet.

(ii)

Prijoritajiet annwali tal-Programm Iż-Żgħażagħ fl-Azzjoni

Titqajjem kuxjenza dwar id-drittijiet marbuta maċ-ċittadinanza tal-UE;

Tkabbir ekonomiku inklussiv;

Il-kreattività, l-intraprenditorija u l-impjegabbiltà;

Imġibiet f’saħħithom.

Barra minn hekk, ser tingħata preferenza lil proġetti maħduma tajjeb li jġorru perspettivi iktar fit-tul u ppjanati b’ċertu mod li jkollhom effett multiplikattiv u impatt sostenibbli.

1.2.   Karatteristiċi tas-sħubija

Din is-sejħa għall-proposti sejra tappoġġja l-iżvilupp ta’ programm li jinkludi attività waħda jew li jgħaqqad bosta attivitajiet u li jkun ispirat mill-Programm Żgħażagħ fl-Azzjoni.

Programm ta’ attività bħal dan jista’ jkun:

Jew implimentat direttament mill-applikant stess (proċedura A);

Jew implimentat f’kooperazzjoni ma’ ‘sieħeb/imsieħba koorganizzatur(i)’ li huma involuti b’mod estensiv fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tal-proġett u magħżula mill-applikant fi żmien is-sottomissjoni tal-applikazzjoni (proċedura B).

Fiż-żewġ każijiet (proċedura A jew proċedura B), il-programm ta’ attività jista’ jinvolvi ‘imsieħba assoċjati’.

L-imsieħba assoċjati jieħdu sehem fl-implimentazzjoni tal-attivitajiet proposti tal-proġett, iżda mhux fl-istess mod u fl-istess livell ta’ parteċipazzjoni tal-imsieħba ko-organizzattivi.

2.   Applikanti eliġibbli

Il-proposti jridu jiġi sottomessi minn:

Korp pubbliku fil-livell reġjonali jew lokali

Assoċjazzjoni jew netwerk ta’ korpi pubbliċi reġjonali u/jew lokali

Raggruppament Ewropew ta’ Kooperazzjoni Territorjali (1);

Korp mingħajr skop ta’ qligħ attiv fil-livell Ewropew fil-qasam relatat maż-żgħażagħ (ENGO) li għandu organizzazzjonijiet ta’ msieħba f’tal-inqas 8 Pajjiżi tal-Programm tal-Programm Żgħażagħ fl-Azzjoni;

Fondazzjoni attiva fil-livell tal-UE fil-qasam taż-żgħażagħ;

Kumpanija/impriża/korp bi skop ta’ qligħ attivi fir-Responsabilità Soċjali Korporattiva favur iż-żgħażagħ.

Jekk il-proġett jindika li l-programm ta’ attivitajiet irid jiġi implimentat b’mod konġunt ma’ koorganizzatur wieħed jew iktar (proċedura B) din/dawn l-organizzazzjoni(jiet) jistgħu jkunu:

Korp pubbliku fil-livell reġjonali jew lokali

Assoċjazzjoni jew netwerk ta’ korpi pubbliċi reġjonali u/jew lokali

Raggruppament Ewropew ta’ Kooperazzjoni Territorjali;

Organizzazzjoni mhux governattiva mingħajr skop ta’ qligħ (NGO)

Korp mingħajr skop ta’ qligħ attiv fil-livell Ewropew fil-qasam relatat maż-żgħażagħ (ENGO) li għandu organizzazzjonijiet ta’ msieħba f’tal-inqas 8 Pajjiżi tal-Programm tal-Programm Żgħażagħ fl-Azzjoni;

Fondazzjoni attiva fil-livell tal-UE fil-qasam taż-żgħażagħ;

Kumpanija/impriża/korp bi skop ta’ qligħ attivi fir-Responsabilità Soċjali Korporattiva favur iż-żgħażagħ.

L-applikanti jrid ikollhom status legali u – sad-data ta’ skadenza speċifikata għas-sottomissjoni tal-proposti tagħhom – ikunu ilhom irreġistrati legalment għal tal-inqas sentejn f’wieħed mill-Pajjiżi li jieħdu sehem fil-Programm.

Il-Pajjiżi li jieħdu sehem fil-Programm huma dawn:

l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea: l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, l-Isvezja, ir-Renju Unit (2);

dawk il-pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA): l-Islanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Isvizzera;

il-pajjiżi kandidati li għalihom ġiet stabbilita strateġija ta’ qabel l-adeżjoni, b’konformità mal-prinċipji ġenerali u mat-termini u l-kondizzjonijiet ġenerali stabbiliti fil-ftehimiet ta’ qafas konklużi ma’ dawn il-pajjiżi sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw fi programmi tal-UE: il-Kroazja u t-Turkija.

3.   Temi u proposti eliġibbli

Il-proġett għandu jinkludi attivitajiet li ma jkollhomx l-għan li jagħmlu profitt u li jkunu relatati mal-qasam taż-żgħażagħ u mal-edukazzjoni mhux formali.

L-attivitajiet li ġejjin huma eliġibbli għal din is-sejħa:

Skambji Transnazzjonali taż-Żgħażagħ;

Inizjattivi Nazzjonali jew Transnazzjonali għaż-Żgħażagħ;

Servizz Volontarju Ewropew;

Taħriġ u Netwerking.

L-applikanti jridu jissottomettu programm tal-attivitajiet li jikkonforma mal-kriterji speċifiċi applikabbli għal kull waħda mill-attivitajiet eliġibbli.

Barra minn hekk, il-programm tal-attivitajiet irid ikopri attivitajiet li għandhom l-għan li jiżguraw il-koordinazzjoni tal-proġett u l-viżibilità tas-sħubija.

Il-programm tal-attvitajiet irid jibda bejn l-1 ta’ Marzu 2014 u l-1 ta’ Settembru 2014 u jista’ jibqa’ għaddej għal tul ta' żmien massimu ta’ sentejn (24 xahar).

Jekk jogħġbok kun af li għal din is-sejħa għall-proposti ma tistax tiġi sottomessa aktar minn proposta waħda għal proġett mill-istess applikant.

4.   Kriterji għall-għoti

L-applikazzjonijiet eliġibbli sejrin jiġu evalwati fuq il-bażi tal-kriterji li ġejjin:

Relevanza tal-proġett fir-rigward tal-objettivi, il-prijoritajiet u t-temi tas-sejħa (30 %)

Il-kwalità tal-proġett u tal-metodi ta’ ħidma li jinkludi (50 %)

Il-profil u n-numru ta’ parteċipanti u ta’ promoturi involuti fil-proġett (20 %)

5.   Baġit disponibbli

Il-baġit totali allokat għall-kofinanzjament tal-proġetti taħt din is-sejħa għall-proposti huwa stmat EUR 2 500 000.

L-għotja massima allokata għal kull proġett ma tistax tkun ta’ aktar minn EUR 100 000.

L-assistenza finanzjarja mill-Aġenzija ma għandhiex tingħata għal aktar minn 50 % tal-ispejjeż eliġibbli totali ta’ proġett.

L-applikanti jistgħu jissottomettu baġit konformi mar-regoli finanzjarji applikabbli skont kull attività eliġibbli.

L-Aġenzija żżomm id-dritt li ma tqassamx il-fondi kollha disponibbli.

Barra minn hekk, għad li sejjer ikun hemm tentattiv biex tinkiseb rappreżentazzjoni ġeografika bbilanċjata fil-proġetti magħżulin, il-kwalità sejra tkun il-fattur determinanti ewlieni rigward in-numru ta’ proġetti ffinanzjati għal kull pajjiżi.

6.   Data ta’ skadenza għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet

L-applikazzjonijiet għal għotjiet għandhom isiru f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-UE, permezz tal-(e-Form) formola elettronika li tfasslet apposta għal dan il-għan.

Il-formola elettronika hija ppreżentata fuq l-Internet mill-indirizz li ġej:

http://eacea.ec.europa.eu/youth/index_en.htm

Il-formola ta’ applikazzjoni elettronika mimlija kif suppost trid tiġi sottomessa sa 12:00 (nofsinhar, Ħin ta’ Brussell) tal-5 ta’ Settembru 2013.

Sal-5 ta’ Settembru 2013 trid tintbagħat ukoll verżjoni tal-applikazzjoni fuq karta stampata fuq l-indirizz li ġej:

Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura

Youth in Action Programme — EACEA/06/13

BOUR 4/29

Avenue du Bourget/Bourgetlaan 1

1140 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

bil-posta (data tat-timbru),

permezz ta’ kumpanija b’servizz tal-kurrier express, id-data ta’ riċevuta mill-kumpanija tas-servizz courrier tittieħed bħala prova ta’ meta ntbagħtet (fil-formola ta’ applikazzjoni trid tkun inkluża kopja tal-irċevuta bid-data ta’ depożitu oriġinali).

L-applikazzjonijiet mibgħuta b’faks jew bil-posta elettronika mhumiex sejrin jiġu aċċettati.

F’każ ta’ inkonsistenza jew diskrepanza bejn il-formola elettronika jew il-verżjoni stampata, il-verżjoni elettronika tieħu preċedenza.

7.   Tagħrif addizzjonali

L-applikazzjonijiet iridu jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet li jinsabu fil-Linji gwida dwar l-Applikazzjoni – Sejħiet għall-proposti EACEA/06/2013, għandhom jiġu sottomessi bil-formola elettronika pprovduta għal dan il-għan u jrid ikun fihom l-annessi relevanti.

Id-dokumenti msemmija jistgħu jinstabu fuq l-Internet fl-indirizz li ġej:

http://eacea.ec.europa.eu/youth/index_en.htm


(1)  Ir-Regolament (KE) Nru 1082/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar raggruppament Ewropew ta' koperazzjoni territorjali (REKT) (ĠU L 210, 31.7.2006, p. 19).

(2)  Il-persuni minn pajjiżi u territorji barranin u, jekk applikabbli, istituzzjonijiet pubbliċi jew privati bbażati hemm, huma eliġibbli għall-Programm Żgħażagħ fl-Azzjoni, iżda dan jiddependi fuq ir-regoli tal-programm u dawk li japplikaw fl-Istat Membru li huma marbutin miegħu. Lista ta’ dawn il-pajjiżi u territorji barranin hija mogħtija fl-Anness 1A tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/822/KE tas-27 ta’ Novembru 2001 dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji barranin fil-Komunità Ewropea (“Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni ta’ Pajjiżi Barranin”) (ĠU L 314, 30.11.2001, p. 1):

http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CONSLEG:2001D0822:20011202:EN:PDF


Top