Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2012/169/08

    Sejħa għall-proposti – EACEA/20/12 – skont il-Programm tat-Tagħlim tul il-Ħajja – Implimentazzjoni tal-objettivi strateġiċi Ewropej fl-Edukazzjoni u t-taħriġ (ET 2020) (kooperazzjoni tal-partijiet interessati, esperimentazzjoni u innovazzjoni)

    ĠU C 169, 15.6.2012, p. 19–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    15.6.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 169/19


    Sejħa għall-proposti – EACEA/20/12

    skont il-Programm tat-Tagħlim tul il-Ħajja

    Implimentazzjoni tal-objettivi strateġiċi Ewropej fl-Edukazzjoni u t-taħriġ (ET 2020) (kooperazzjoni tal-partijiet interessati, esperimentazzjoni u innovazzjoni)

    2012/C 169/08

    Parti A

    Appoġġ għall-implimentazzjoni u t-tqajjim ta’ sensibilizzazzjoni nazzjonali dwar l-objettivi tal-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (ET 2020)

    Parti B

    Appoġġ għall-implimentazzjoni ta’ ambjenti ta’ tagħlim innovattivi permezz tal-ICT (imsejħa “Klassijiet Kreattivi”) fil-qafas tal-kooperazzjoni transnazzjonali fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ kwistjonijiet trasversali relatati mal-politika tal-edukazzjoni u t-taħriġ marbutin mal-prijoritajiet stabbiliti fl-Ewropa 2020 u ET 2020

    1.   Objettivi u Deskrizzjoni

    L-għan ġenerali tas-sejħa għall-proposti huwa:

    Il-promozzjoni tal-implimentazzjoni tal-erba’ objettivi strateġiċi tal-“Qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (ET 2020)” (tagħlim tul il-ħajja u mobilità; kwalità u effiċjenza; ekwità, koeżjoni soċjali u ċittadinanza attiva; kreattività u innovazzjoni) u l-prijoritajiet strateġiċi maqbula għall-2012-14 permezz ta’ attivitajiet li jtejbu l-impenn istituzzjonali, il-koordinazzjoni u s-sħubija mal-partijiet interessati rilevanti kollha fil-livelli nazzjonali/ reġjonali/lokali, billi:

    jiġu appoġġjati t-tqajjim ta’ sensibilizzazzjoni u l-impenn istituzzjonali, il-koordinazzjoni u s-sħubija mal-partijiet interessati kollha, b’enfasi fuq ir-rwol tal-edukazzjoni u t-taħriġ fil-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-qgħad fost iż-żgħażagħ (Parti A);

    tiġi appoġġjata l-kooperazzjoni transnazzjonali (esperimentazzjoni bil-politiki, żvilupp konġunt tal-politiki, skambju ta’ prattiki tajbin u innovazzjoni) fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ approċċi ta’ politika innovattivi b’konformità mal-prijoritajiet stabbiliti fl-Ewropa 2020 u ET 2020, b’enfasi fuq il-“Klassijiet Kreattivi” (Parti B).

    Il-kooperazzjoni transnazzjonali tista’ sseħħ fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali; tista’ tkopri tipi differenti (formali, mhux formali, informali) u livelli (qabel l-iskola, primarju, sekondarju, terzjarju, tal-adulti, inizjali u t-tkomplija ta’ edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali) ta’ tagħlim u tista’ tinkludi rabtiet ma’ setturi oħrajn (eż. l-impjiegi u n-negozji).

    2.   Organizzazzjonijiet eliġibbli

    Is-sejħa hija miftuħa għall-organizzazzjonijiet stabbiliti fil-pajjiżi li jipparteċipaw fil-Programm tat-Tagħlim Tul il-Ħajja.

    L-applikazzjonijiet iridu jiġu sottomessi minn persuna legali li għandha kapaċità legali. Persuni fiżiċi ma jistgħux japplikaw għal għotja.

    Il-benefiċjarji jistgħu jkunu ministeri nazzjonali jew reġjonali inkarigati mill-edukazzjoni u t-taħriġ u l-politiki ta’ tagħlim tul il-ħajja, u awtoritajiet/korpi oħrajn u organizzazzjonijiet ta’ partijiet interessati attivi fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ politiki ta’ tagħlim tul il-ħajja. L-organizzazzjonijiet ta’ partijiet interessati jinkludu l-assoċjazzjonijiet jew l-organizzazzjonijiet Ewropej, nazzjonali u reġjonali li l-attivitajiet ewlenin jew ir-responsabbiltajiet ewlenin tagħhom huma direttament marbutin ma’ kwalunkwe settur tal-edukazzjoni u t-taħriġ, b’mod partikolari l-organizzazzjonijiet tal-imsieħba soċjali u assoċjazzjonijiet nazzjonali jew reġjonali oħrajn li jirrappreżentaw l-interessi ta’ grupp soċjetarju fit-twaqqif u l-implimentazzjoni ta’ politiki ta’ tagħlim tul il-ħajja.

    Għall-finijiet ta’ din is-sejħa, l-istituzzjonijiet kollha ta’ edukazzjoni għolja akkreditati mill-Istati Membri (pajjiżi parteċipanti), u l-istituzzjonijiet jew l-organizzazzjonijiet kollha li jipprovdu opportunitajiet ta’ tagħlim li rċivew aktar minn 50 % tad-dħul annwali tagħhom minn sorsi pubbliċi matul l-aħħar sentejn (għotjiet oħrajn tal-Unjoni Ewropea għal azzjoni eskluża), jew li huma kkontrollati minn korpi pubbliċi jew ir-rappreżentanti tagħhom, huma meqjusin li huma korpi pubbliċi. Dawn l-organizzazzjonijiet huma meħtieġa jistipulaw f’dikjarazzjoni fuq l-unur ffirmata (inkluża fil-pakkett ta’ applikazzjoni) li l-organizzazzjoni tagħhom tikkonforma mad-definizzjoni ta’ korp pubbliku msemmija hawn fuq. L-Aġenzija tirriżerva d-dritt li titlob dokumentazzjoni sabiex tintwera l-verità ta’ din id-dikjarazzjoni.

    Parti A.1 –   Appoġġ għall-implimentazzjoni u t-tqajjim ta’ sensibilizzazzjoni nazzjonali dwar l-objettivi tal-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (ET 2020) b’enfasi fuq l-involviment tal-awtoritajiet pubbliċi

    L-applikazzjonijiet għal finanzjament jistgħu jsiru minn awtorità nazzjonali jew reġjonali waħda jew aktar mill-istess pajjiż responsabbli għall-edukazzjoni u t-taħriġ u l-politiki ta’ tagħlim tul il-ħajja (qabel il-primarja, skejjel, VET, edukazzjoni għolja u tagħlim lill-adulti), jew korpi u organizzazzjonijiet ta’ partijiet interessati oħrajn magħżula mit-tali awtorità(jiet) sabiex iwieġbu għas-sejħa. Trid tintbagħat ittra/i ta’ għażla ffirmata/i mill-awtorità involuta flimkien mal-verżjoni tal-proposta stampata.

    Parti A.2 –   Appoġġ għall-implimentazzjoni u t-tqajjim ta’ sensibilizzazzjoni nazzjonali dwar l-objettivi tal-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (ET 2020) b’enfasi fuq l-involviment tal-organizzazzjonijiet ta’ partijiet interessati

    Applikazzjonijiet għal finanzjament jistgħu jsiru biss minn sħubijiet nazzjonali magħmulin minn tal-inqas tliet organizzazzjonijiet involuti direttament fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ politiki ta’ tagħlim tul il-ħajja.

    Parti B –   Appoġġ għall-implimentazzjoni ta’ ambjenti ta’ tagħlim innovattivi permezz tal-ICT (imsejħa “Klassijiet Kreattivi”) fil-qafas tal-kooperazzjoni transnazzjonali fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ kwistjonijiet trasversali relatati mal-politika tal-edukazzjoni u t-taħriġ marbutin mal-prijoritajiet stabbiliti fl-Ewropa 2020 u ET 2020

    L-applikazzjonijiet għal finanzjament jistgħu jsiru biss minn ministeru nazzjonali jew reġjonali involut direttament fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ politiki ta’ tagħlim tul il-ħajja, jew organizzazzjoni oħra magħżula minn ministeru bħal dan biex twieġeb għas-sejħa.

    Is-sħubijiet transnazzjonali jridu jkunu komposti minn tal-inqas 5 organizzazzjonijiet li jinvolvu 3 pajjiżi eliġibbli jew aktar. Tal-inqas imsieħeb wieħed skont il-pajjiż irid ikun ministeru nazzjonali jew reġjonali direttament involut fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni ta’ politiki ta’ tagħlim tul il-ħajja, jew organizzazzjoni oħra magħżula minn ministeru bħal dan biex twieġeb għas-sejħa.

    Trid tintbagħat ittra/i ta’ għażla ffirmata/i mill-ministeru/i li jiddelega(w) flimkien mal-verżjoni tal-proposta stampata.

    L-applikazzjonijiet iridu jiġu sottomessi mill-organizzazzjonijiet (inklużi l-imsieħba tal-organizzazzjonijiet kollha) stabbiliti fil-pajjiżi li jieħdu sehem fil-Programm tat-Tagħlim Tul il-Ħajja:

    is-27 Stat Membru tal-UE

    it-tliet pajjiżi taż-ŻEE/EFTA: l-Islanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja

    il-pajjiżi kandidati: il-Kroazja, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, is-Serbja, it-Turkija

    l-Isvizzera

    Il-parteċipazzjoni minn pajjiżi terzi mhijiex permessa għal din l-azzjoni.

    Tal-inqas pajjiż wieħed tas-sħubija jrid ikun Stat Membru tal-UE (japplika biss għall-Parti B ta’ din is-sejħa).

    3.   Attivitajiet Eliġibbli

    Parti A.1 –   Appoġġ għall-implimentazzjoni u t-tqajjim ta’ sensibilizzazzjoni nazzjonali dwar l-objettivi tal-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (ET 2020) b’enfasi fuq l-involviment tal-awtoritajiet pubbliċi

    L-attivitajiet li jridu jiġu ffinanzjati f’din il-parti tas-sejħa jinkludu (objettivi speċifiċi)

    Attivitajiet ta’ tqajjim ta’ sensibilizzazzjoni li jappoġġjaw dibattiti u djalogi nazzjonali marbutin mal-implimentazzjoni tal-erba’ objettivi strateġiċi tal-ET 2020 (bħal konferenzi, seminars jew workshops nazzjonali jew reġjonali), b’enfasi fuq kif jistgħu jintużaw l-għodod u s-servizzi ta’ tagħlim tul il-ħajja għaż-żgħażagħ sabiex jiksbu l-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa għas-suq tax-xogħol.

    L-istabbiliment ta’ fora għall-partijiet interessati u attivitajiet oħrajn li sejrin jikkontribwixxu għal koerenza u koordinazzjoni aħjar fil-livell nazzjonali fil-proċess ta’ twaqqif u implimentazzjoni ta’ strateġiji koerenti u komprensivi għat-tagħlim tul il-ħajja, b’enfasi fuq l-għoti tal-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa liż-żgħażagħ għas-suq tax-xogħol.

    Attivitajiet ta’ tixrid u sensibilizzazzjoni skont l-ET 2020 ta’ għodod jew materjal ta’ referenza (eż. attivitajiet ta’ tagħrif, inklużi kampanji tal-midja, avvenimenti ta’ reklamar, eċċ.), b’enfasi fuq l-għodod u s-servizzi ta’ tagħlim tul il-ħajja li jtejbu l-kapaċità ta’ mezzi ta’ tagħlim alternattivi għaż-żgħażagħ u adulti bi kwalifiki baxxi sabiex jiksbu l-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa għas-suq tax-xogħol permezz ta’, pereżempju, validazzjoni ta’ tagħlim mhux formali u informali, gwida fil-karrieri, oqfsa ta’ kwalifiki, mobilità, eċċ.

    Azzjonijiet ta’ segwitu marbutin ma’ programmi nazzjonali eżistenti bil-għan li jiġi stabbilit u jiġi implimentat il-Metodu Miftuħ ta’ Edukazzjoni u Taħriġ ta’ attivitajiet ta’ Koordinazzjoni skont l-istrateġija ET 2020 fil-livell nazzjonali, b’enfasi speċjali fuq iż-żgħażagħ u l-adulti bi ftit jew ebda kwalifiki.

    Parti A.2 –   Appoġġ għall-implimentazzjoni u t-tqajjim ta’ sensibilizzazzjoni nazzjonali dwar l-objettivi tal-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (ET 2020) b’enfasi fuq l-involviment ta’ organizzazzjonijiet ta’ partijiet interessati

    L-attivitajiet li jridu jiġu ffinanzjati f’din il-parti tas-sejħa jinkludu (objettivi speċifiċi):

    Attivitajiet ta’ tqajjim ta’ sensibilizzazzjoni li jappoġġjaw dibattiti u djalogu nazzjonali marbutin mal-implimentazzjoni tal-erba’ objettivi strateġiċi tal-ET 2020 (bħal konferenzi, seminars jew workshops nazzjonali jew reġjonali), b’enfasi fuq kif jistgħu jintużaw l-għodod u s-servizzi ta’ tagħlim tul il-ħajja għaż-żgħażagħ sabiex jiksbu l-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa għas-suq tax-xogħol.

    L-istabbiliment ta’ fora għall-partijiet interessati u attivitajiet oħrajn li jikkontribwixxu għal koerenza u koordinazzjoni aħjar fil-livell nazzjonali fil-proċess ta’ stabbiliment u implimentazzjoni ta’ strateġiji koerenti u komprensivi għat-tagħlim tul, il-ħajja, b’enfasi fuq l-għoti tal-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa liż-żgħażagħ għas-suq tax-xogħol.

    Azzjonijiet ta’ segwitu marbutin ma’ programmi nazzjonali eżistenti bil-għan li jiġi stabbilit u jiġi implimentat il-Metodu Miftuħ ta’ Edukazzjoni u Taħriġ ta’ attivitajiet ta’ koordinazzjoni skont l-istrateġija ET 2020 fil-livell nazzjonali, b’enfasi speċjali fuq iż-żgħażagħ u l-adulti bi ftit jew ebda kwalifiki.

    Parti B –   Appoġġ għall-implimentazzjoni ta’ ambjenti ta’ tagħlim innovattivi permezz tal-ICT (imsejħa “Klassijiet Kreattivi”) fil-qafas tal-kooperazzjoni transnazzjonali fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ kwistjonijiet trasversali relatati mal-politika tal-edukazzjoni u t-taħriġ marbutin mal-prijoritajiet stabbiliti fl-Ewropa 2020 u ET 2020

    L-attivitajiet li għandhom jiġu ffinanzjati f’din il-parti jinkludu (objettivi speċifiċi):

    L-esperimentazzjonijiet bil-politiki minn sħubijiet transnazzjonali, li jinvolvu l-awtoritajiet rilevanti, il-partijiet interessati u l-istituzzjonijiet ta’ riċerka. L-azzjonijiet m’humiex sejrin jindirizzaw suġġetti wisgħin, iżda mmirati lejn kwistjonijiet politiċi komuni konkreti. Trid tingħata l-importanza xierqa lill-iżvilupp ta’ bażi ta’ provi robusta u lill-involviment ta’ proċeduri ta’ monitoraġġ, evalwazzjoni u rapportar affidabbli tal-bosta esperimentazzjonijiet tal-kuntesti ta’ ‘Klassijiet Kreattivi’.

    It-tfassil u l-ittestjar konġunt ta’ għodod u prattiki innovattivi permezz ta’ esperimentazzjonijiet li jinvolvu numru għoli biżżejjed ta’ istituzzjonijiet edukattivi sabiex tintlaħaq massa rappreżentattiva kritika.

    Azzjonijiet li jimmiraw lejn l-analiżi minn perspettiva politika tal-effikaċja, l-effiċjenza u l-kundizzjonijiet ta’ ġeneralizzazzjoni tal-esperimentazzjonijiet, kif ukoll it-trasferiment transnazzjonali tal-lezzjonijiet miksuba u l-prattika tajba (tagħlim fost pari) li jistgħu jinkludu analiżijiet, konferenzi u seminars li għandhom l-għan li jappoġġjaw b’mod dirett it-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ politiki.

    Azzjonijiet li jiżguraw it-tixrid sistematiku fil-livell nazzjonali u internazzjonali u li jrawwmu t-trasferibilità bejn sistemi u politiki edukattivi u ta’ taħriġ differenti.

    Għall-Partijiet A u B:

    L-attivitajiet iridu jibdew bejn l-1 ta’ Marzu 2013 u l-31 ta’ Mejju 2013.

    It-tul obbligatorju tal-proġetti huwa ta' 12-il xahar għall-Parti A u 24 xahar għall-Parti B. Ma hija sejra tiġi aċċettata l-ebda applikazzjoni għal proġetti skedati li joperaw f’perjodu differenti minn dak speċifikat f’din is-sejħa għall-proposti.

    Ma hi se tingħata l-ebda estensjoni għall-perjodu ta’ eliġibilità lil hinn mit-tul massimu. Madankollu, jekk wara l-iffirmar tal-ftehim u l-bidu tal-proġett, għal raġunijiet kompletament ġustifikati li mhumiex fil-kontroll tiegħu, isir impossibbli għall-benefiċjarju li jtemm il-proġett fi żmien il-perjodu skedat, tista’ tingħata estensjoni għall-perjodu ta’ eliġibilità. Tista’ tingħata estensjoni massima ta’ 3 xhur addizzjonali għall-Parti A u 6 xhur addizzjonali għall-Parti B, jekk tintalab qabel id-data ta’ skadenza speċifikata fil-ftehim. Imbagħad, it-tul massimu jsir 15-il xahar għall-Parti A u 30 xahar għall-Parti B.

    Fil-baġits u fid-dispożizzjonijiet tal-ippjanar tagħhom, il-konsorzji jridu jippjanaw għal żewġ laqgħat fi Brussell matul l-eżistenza tal-proġett: laqgħa ta’ bidu li tgħaqqad flimkien il-proġetti kollha ta' suċċess, u laqgħa ta’ monitoraġġ oħra (tista’ tkun mitluba mill-Aġenzija matul l-eżistenza tal-proġett). Hu mistenni li kull konsorzju jiġi mistieden jibgħat massimu ta’ żewġ rappreżentanti.

    4.   Kriterji tal-Għoti

    L-applikazzjonijiet eliġibbli sejrin jiġu vvalutati fuq il-bażi tal-kriterji li ġejjin:

    Parti A –   Appoġġ għall-implimentazzjoni u t-tqajjim ta’ sensibilizzazzjoni nazzjonali dwar l-objettivi tal-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (ET 2020)

    1.   Ir-rilevanza: fuq il-bażi tas-sejħa għall-proposti, l-objettivi huma ċari, realistiċi u jindirizzaw kwistjonijiet u gruppi fil-mira rilevanti, inkluża firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati ewlenin fil-livelli kollha kkonċernati mill-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji ta’ tagħlim tul il-ħajja, inklużi dawk li jfasslu l-politiki u li jieħdu d-deċiżjonijiet, dawk li jagħmlu użu minnhom, il-fornituri, l-imsieħba soċjali, ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u dawk li jitgħallmu (30 %).

    2.   Il-kwalità tal-pjan ta’ azzjonijiet: l-organizzazzjoni tal-ħidma hija ċara u xierqa sabiex jinkisbu l-objettivi; il-kompiti/l-attivitajiet huma definiti b’tali mod li r-riżultati sejrin jinkisbu fil-ħin u ma jaqbżux il-baġit (10 %).

    3.   Il-kwalità tal-metodoloġija: l-għodod u l-approċċi prattiċi proposti huma koerenti u xierqa sabiex jindirizzaw il-bżonnijiet identifikati għal gruppi fil-mira identifikati b’mod ċar (10 %).

    4.   Il-kwalità tat-tim tal-proġett: it-tim tal-proġett jinkludi l-ħiliet kollha, l-għarfien espert u l-kompetenzi rikonoxxuti meħtieġa biex jiġu eżegwiti l-aspetti kollha tal-pjan tal-azzjonijiet, u hemm tqassim ta’ kompiti xieraq fost il-membri tiegħu (10 %).

    5.   Il-Proporzjon ta’ Spejjeż u Benefiċċji: l-applikazzjoni tal-għotja turi l-valur għall-flus f’termini tal-attivitajiet ippjanati relatati mal-baġit previst (10 %).

    6.   L-impatt: l-effetti previsti tal-attivitajiet tal-proġett fuq il-gruppi u s-sistemi fil-mira kkonċernati huma definiti b’mod ċar u konsistenti mas-sett ta’ objettivi; il-miżuri huma ppjanati sabiex jiżguraw li dawk l-effetti jistgħu jintlaħqu. Ir-riżultati tal-attivitajiet aktarx li jkunu sinifikanti (20 %).

    7.   Il-kwalità tal-pjan ta’ valorizzazzjoni (tixrid u użu tar-riżultati): sa fejn l-attivitajiet ippjanati ta’ tixrid u użu jiżguraw użu ottimali tar-riżultati lil hinn mill-parteċipanti fil-proposta, matul u wara l-eżistenza tal-proġett (10 %).

    Parti B –   Appoġġ għall-implimentazzjoni ta’ ambjenti ta’ tagħlim innovattivi permezz tal-ICT (imsejħa “Klassijiet Kreattivi”) fil-qafas tal-kooperazzjoni transnazzjonali fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ kwistjonijiet trasversali relatati mal-politika tal-edukazzjoni u t-taħriġ marbutin mal-prijoritajiet stabbiliti fl-Ewropa 2020 u ET 2020

    1.   Ir-rilevanza: fuq il-bażi tas-sejħa għall-proposti, l-objettivi huma ċari, realistiċi u jindirizzaw kwistjonijiet u gruppi fil-mira rilevanti, inkluża firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati ewlenin fil-livelli kollha kkonċernati mill-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji ta’ tagħlim tul il-ħajja, inklużi dawk li jfasslu l-politiki u jieħdu d-deċiżjonijiet, dawk li jagħmlu użu minnhom, il-fornituri, l-imsieħba soċjali, ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u dawk li jitgħallmu (30 %).

    2.   Il-kwalità tal-pjan ta’ azzjonijiet: l-organizzazzjoni tal-ħidma hija ċara u xierqa sabiex jintlaħqu l-objettivi; il-kompiti/l-attivitajiet huma mqassma fost l-imsieħba b’tali mod li r-riżultati jinkisbu fil-ħin u ma jaqbżux il-baġit (10 %).

    3.   Il-kwalità tal-metodoloġija: l-għodod u l-approċċi prattiċi proposti huma koerenti, innovattivi u xierqa sabiex jindirizzaw il-bżonnijiet identifikati għal gruppi fil-mira identifikati b’mod ċar (10 %).

    4.   Kwalità tal-Konsorzju: il-konsorzju jinkludi l-ħiliet kollha, l-għarfien espert u l-kompetenzi rikonoxxuti meħtieġa biex jiġu eżegwiti l-aspetti kollha tal-pjan tal-azzjonijiet, u hemm tqassim ta’ kompiti xieraq fost l-imsieħba tiegħu (10 %).

    5.   Il-Proporzjon ta’ Spejjeż u Benefiċċji: l-applikazzjoni tal-għotja turi l-valur għall-flus f’termini tal-attivitajiet ippjanati relatati mal-baġit previst (10 %).

    6.   Impatt u Valur Miżjud Ewropew: l-effetti prevedibbli tal-attivitajiet tal-proġett fuq il-gruppi u s-sistemi fil-mira kkonċernati huma definiti b’mod ċar u konsistenti mal-objettivi stabbiliti; il-miżuri huma ppjanati sabiex jiġi żgurat li dawk l-effetti jistgħu jinkisbu. Aktarx li r-riżultati tal-attivitajiet ikunu sinifikanti u l-benefiċċji u l-bżonn tal-kooperazzjoni Ewropea (li tkompli żżid mal-approċċi nazzjonali, reġjonali jew lokali) jintwerew b’mod ċar (20 %).

    7.   Il-kwalità tal-Pjan ta’ Valorizzazzjoni (Tixrid u Użu tar-Riżultati): sa fejn l-attivitajiet ippjanati ta’ tixrid u użu sejrin jiżguraw użu ottimali tar-riżultati lil hinn mill-parteċipanti fil-proposta, matul u wara l-eżistenza tal-proġett (10 %).

    5.   Baġit

    Il-baġit totali allokat għall-kofinanzjament ta’ proġett jammonta għal EUR 3,8 miljun.

    Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni Ewropea ma tistax taqbeż il-75 % tal-ispejjeż eliġibbli totali.

    L-għotja massima għal kull proġett sejra tkun ta’ EUR 120 000 għall-Parti A (A.1 u A.2) u EUR 800 000 għall-Parti B.

    L-Aġenzija tippjana li talloka l-ammont disponibbli skont il-proporzjon indikattiv li ġej: EUR 1 500 000 għall-Parti A u EUR 2 300 000 għall-Parti B. Madankollu, l-allokazzjoni finali tiddependi min-numru u mill-kwalità tal-proposti riċevuti għall-partijiet A u B.

    L-Aġenzija tirreżerva d-dritt li ma tqassamx il-fondi kollha disponibbli.

    6.   Data ta’ skadenza għas-sottomissjoni

    Sejrin jiġu aċċettati biss l-applikazzjonijiet sottomessi fuq il-formola l-korretta, mimlija kif suppost, datata, li turi baġit ibbilanċjat (dħul/infiq), sottomessa online (oriġinali) u ffirmata mill-persuna awtorizzata sabiex tidħol f’impenji legalment vinkolanti f’isem l-organizzazzjoni applikanti.

    Data ta’ skadenza: It-Tnejn 1 ta’ Ottubru 2012 12:00 nofsinhar (Ħin tal-Ewropa Ċentrali)

    L-applikazzjonijiet li ma jinkludux id-dokumenti kollha stipulati u li ma jiġux sottomessi qabel id-data ta’ skadenza mhumiex sejrin jiġu kkunsidrati.

    Applikazzjoni sħiħa tikkonsisti f’dan li ġej:

    Pakkett ta’ Applikazzjoni oriġinali wieħed (Formola Elettronika u l-erba’ annessi). Irid jiġi sottomess online kif jingħad fil-Gwida tal-Utenti tal-Formola Elettronika. Din il-verżjoni, inklużi l-annessi tagħha huma meqjusa bħala l-verżjoni prinċipali.

    Verżjoni stampata waħda li trid tintbagħat eżatt wara d-data ta’ skadenza li jkun fiha:

    Kopja tal-pakkett ta’ Applikazzjoni: Formola Elettronika sottomessa (bin-numru ta’ referenza riċevut) bl-annessi tagħha (inkluża d-Dikjarazzjoni fuq l-Unur iffirmata b'mod oriġinali).

    Għall-Partijiet A1 u B (meta applikabbli): trid tintbagħat ittra ta’ għażla ffirmata kif suppost minn awtorità/ministeru pubbliku flimkien mal-verżjoni stampata tal-proposta. L-ittri jridu jużaw il-mudelli pprovduti. Sejrin jiġu aċċettati verżjonijiet bil-faks jew skenjati ffirmati tal-ittri ta’ għażla fl-istadju tal-proposta, iżda l-oriġinali ser ikollhom ikunu disponibbli fil-mument tal-istabbiliment tal-ftehim. Jekk ma tiġi pprovduta l-ebda ittra ta’ għażla, il-proposta tista’ tiġi ddikjarata ineliġibbli.

    L-ittri tal-mandat mill-imsieħba kollha (għal kull ftehim multibenefiċjarju kollu, jiġifieri meta jkun involut aktar minn parteċipant wieħed). L-ittri jridu jużaw il-mudell ipprovdut. Fl-istadju tal-proposta sejrin jiġu aċċettati verżjonijiet bil-faks jew skenjati ffirmati tal-ittri tal-mandat, iżda l-oriġinali jridu jkunu disponibbli fil-mument meta jiġi stabbilit il-ftehim.

    Prova ta’ eżistenza legali (kopja ta’ artikli ta’ assoċjazzjonijiet u/jew dokumenti ta’ reġistrazzjoni)

    Kont/dikjarazzjoni annwali għall-aktar sena finanzajrja reċenti.

    Formola tal-kapaċità finanzjarja (għal organizzazzjonijiet privati biss)

    Formola ta’ identifikazzjoni finanzjarja.

    Reġistrazzjoni tal-VAT (meta applikabbli)

    Il-verżjoni stampata trid tintbagħat permezz tal-posta rreġistrata jew ordinarja eżatt wara s-sottomissjoni online fuq l-indirizz li ġej:

    Education, Audiovisual and Culture Executive Agency

    Unit P9 — Lifelong Learning: Eurydice and Policy Support

    Key Activity 1 — ECET

    Call for proposals EACEA/20/12 — Part A.1/Part A.2/Part B (please specify)

    BOU2 01/055

    Avenue du Bourget/Bourgetlaan 1

    1140 Bruxelles/Brussel

    BELGIQUE/BELGIË

    L-applikazzjonijiet sottomessi wara d-data ta’ skadenza mhumiex sejrin jiġu kkunsidrati.

    Dawk l-applikazzjonijiet mibgħuta b’faks jew bil-posta elettronika biss mhumiex sejrin jiġu aċċettati.

    7.   Aktar tagħrif

    Linji gwida dettaljati dwar is-Sejħa għall-Proposti u l-Pakkett ta’ Applikazzjoni huma disponibbli fuq il-websajt li ġejja:

    http://eacea.ec.europa.eu/llp/funding/2012/call_ecet_2012_en.php

    L-applikazzjonijiet iridu jiġu sottomessi billi jintużaw il-formoli pprovduti u jrid ikun fihom l-annessi, l-annessi u l-informazzjoni kollha kif mitlub fil-linji gwida dettaljati.


    Top