EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2011/339A/01

Avviż ta' post battal għal Direttur (m/f)

ĠU C 339A, 19.11.2011, p. 1–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

19.11.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CA 339/1


AVVIŻ TA' POST BATTAL GĦAL DIRETTUR (M/F)

(2011/C 339 A/01)

Il-Bord ta' Tmexxija taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Professjonali (cedefop) jistieden applikazzjonijiet għall-Kariga ta' Direttur

I.   Min iħaddem

Is-Cedefop huwa l-Aġenzija Ewropea li tippromwovi l-iżvilupp tal-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali (VET) fl-Unjoni Ewropea. Huwa jipprovdi analiżi u riċerka tal-politika u jappoġġja l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika tal-VET Ewropea u huwa msieħeb rikonoxxut fid-dibattiti ta' politika u xjentifiċi dwar il-VET.

Cedefop jipprovdi konsulenza, riċerka, analiżi, informazzjoni u jistimula kooperazzjoni Ewropea u tagħlim reċiproku. Huwa jappoġġja l-iżvilupp tal-VET u t-tfassil ta' politika mibnija fuq l-evidenza f'oqsma bħal, pereżempju, l-implimentazzjoni tal-għodod Ewropej u l-monitoraġġ tal-“proċess ta' Kopenħagen”, antiċipazzjoni tal-ħtiġijiet ta' ħila, titjib tal-fehim dwar kwalifiki u ħiliet għall-appoġġ tal-mobilità transkonfinali u investimenti fil-VET.

Cedefop għandu Bord ta' Tmexxija li fih huma rrappreżentati l-gvernijiet nazzjonali tal-Istati Membri tal-UE, min iħaddem, ħaddiema u l-Kummissjoni Ewropea. Cedefop jaħdem mill-qrib mal-Kummissjoni Ewropea, gvernijiet, rappreżentanti ta' min iħaddem u trejdunjins, kif ukoll ma' riċerkaturi u prattikanti. Huwa jipprovdilhom informazzjoni aġġornata u analiżi dwar żviluppi, esperjenza u innovazzjoni fil-VET u forums għad-dibattitu tal-politika.

Cedefop twaqqaf fl-1975 u ilu mill-1995 stabbilit ġewwa Tessaloniki fil-Greċja. Għandu madwar 130 membru tal-persunal u baġit ta' 17 400 000 euro. Il-lingwa ta' ħidma ta' Cedefop hija l-Ingliż.

Għal aktar informazzjoni dwar l-Aġenzija, ara http://www.cedefop.europa.eu/MT/

II.   Profil tal-post tax-xogħol

Responsabbiltajiet ewlenin

Id-Direttur huwa r-rappreżentant legali u l-wiċċ pubbilku ta' Cedefop u jrid iwieġeb lill-Bord ta' Tmexxija. Id-Direttur għandu r-responsabbiltajiet li ġejjin:

id-direzzjoni u l-ġestjoni ta' Cedefop u l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Bord ta' Tmexxija;

jiżviluppa u jimplimenta l-istrateġija u l-programm ta' ħidma (1) ta' Cedefop f'konformità mal-missjoni ta' Cedefop u d-deċiżjonijiet tal-Bord ta' Tmexxija;

iħejji l-ħidmiet tal-Bord ta' Tmexxija u jwieġeb lill-Bord ta' Tmexxija għat-tħaddim ta' Cedefop;

jiżgura l-kwalità tax-xogħol ta' Cedefop u l-iżvilupp tar-reputazzjoni tiegħu bħala mexxej rikonoxxut fil-qasam tat-tagħrif espert tiegħu;

iwieġeb lill-awtorità baġitarja u lill-Qorti Ewropea tal-Verifika għall-baġit ta' Cedefop u huwa responsabbli għall-preparazzjoni u għall-implimentazzjoni tal-baġit kif ukoll għal ġestjoni finanzjarja soda u kontroll intern sod (2);

iħejji r-Rapporti Annwali dwar l-attivitajiet tal-Aġenzija u jippreżentah lill-Parlament Ewropew;

il-ġestjoni ta' kuljum taċ-Ċentru u tal-membri tal-persunal tiegħu kollha, inkluż ir-reklutaġġ, is-superviżjoni u l-iżvilupp ta' persunal u t-trawwim ta' spirtu ta' tim u ta' ambjent tax-xogħol tajbin;

jiżgura r-rappreżentazzjoni u r-relazzjonijiet pubbliċi effettivi ta' Cedefop fuq l-aktar livell għoli fix-xogħol tiegħu mal-istituzzjonijiet u l-korpi Ewropej madwar l-Unjoni Ewropea, inkluża r-rappreżentazzjoni ta' Cedefop f'konferenzi, seminars u avvenimenti fuq il-mezzi tax-xandir;

jiffaċilita kooperazzjoni bejn l-Aġenzija, il-Kummissjoni u l-Istati Membri u l-partijiet interessati tal-Aġenzija biex jippromwovu l-VET;

jikkoopera mal-korpi kompetenti fl-Istati Membri li jwettqu kompiti simili għal dawk tal-Aġenzija.

Id-dmirijiet tad-Direttur huma deskritti aktar fil-fond fir-Regolament Bażiku, b'mod speċjali fl-Artikoli 2, 3 u 7 (3).

III.   Kriterji ta' eliġibbiltà

Il-kandidati sejrin jiġu kkunsidrati għall-fażi tal-għażla fuq il-bażi tal-kriterji formali li ġejjin, li għandhom jiġu rrispettati sal-iskadenza għall-applikazzjonijiet:

Nazzjonalità: ikunu ċittadini ta' Stat Membru tal-Unjoni Ewropea;

Grad jew diploma universitarja:

ikollhom livell ta' edukazzjoni li jikkorrispondi ma' studji universitarji mwettqa, attestati b'diploma meta l-perjodu normali tal-edukazzjoni jkun erba' snin jew aktar, jew

ikollhom livell ta' edukazzjoni li jikkorrespondi għal studji universitarji mwettqa attestati b'diploma u esperjenza professjonali adegwata ta' mill-inqas sena meta l-perjodu normali ta' edukazzjoni universitarja huwa mill-inqas tliet snin (din l-esperjenza professjonali ta' sena ma tistax tiġi inkluża fl-esperjenza professjonali post-graduate meħtieġa hawn taħt);

Esperjenza professjonali: ikollhom mill-inqas 15-il sena ta' esperjenza professjonali full-time ekwivalenti għal livell postgraduate miksuba wara li nkiseb il-grad universitarju;

Esperjenza professjonali rilevanti: mill-15-il sena ta' esperjenza professjonali, ikunu kisbu mill-inqas 5 snin f'setturi relatati mal-attivitajiet ta' Cedefop (politiki għall-VET, l-impjiegi, l-edukazzjoni u l-iżvilupp tal-kompetenzi);

Esperjenza ta' ġestjoni: ikollhom mill-inqas 5 snin ta' esperjenza professjonali miksuba f'funzjoni ta' ġestjoni ta' livell għoli li tinvolvi responsabbilità għall-ġestjoni tal-persunal u l-finanzi (4);

Lingwi: ikollhom għarfien fil-fond ta' waħda mill-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għarfien sodisfaċenti ta' lingwa uffiċjali oħra tal-Unjoni Ewropea. Għarfien tajjeb tal-Ingliż huwa neċessarju, minħabba li hija l-lingwa ta' ħidma ta' Cedefop;

L-applikant irid ukoll:

ikun kapaċi jippreżenta referenzi dwar il-karattru rigward kemm huwa adegwat sabiex iwettaq d-dmirijiet tal-kariga;

ikun fiżikament f'saħħtu biex iwettaq id-dmirijiet relatati mal-pożizzjoni (5);

ikun kapaċi jwettaq il-perijodu kollu tal-mandat ta' ħames snin qabel ma jilħaq l-età ta' rtirar, li hija definita bħala l-aħħar tax-xahar li fih il-persuna tilħaq l-età ta' 65 sena għal aġenti temporanji.

Indipendenza u dikjarazzjoni ta' interessi

Id-Direttur ikun mitlub jagħmel dikjarazzjoni ta' impenn li jaġixxi b'mod indipendenti fl-interess pubbliku u jagħmel dikjarazzjoni fir-rigward ta' kwalunkwe interess li jista' jkun kkunsidrat ta' preġudizzju għall-indipendenza tiegħu/tagħha. L-applikanti jridu jikkonfermaw ir-rieda tagħhom li jagħmlu dan fl-applikazzjoni tagħhom.

IV.   Kriterji għall-għażla

Il-kandidati għandu jkollhom:

ħiliet ta' ġestjoni u ta' tmexxija żviluppati tajjeb, inkluża esperjenza soda fil-ġestjoni baġitarja, finanzjarja u tar-riżorsi umani ta' skwadri/organizzazzjonijiet ta' daqs medju jew kbir, preferibbilment ma' persunal internazzjonali;

esperjenza professjonali rilevanti fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali;

esperjenza fil-ġestjoni ta' relazzjonijiet kumplessi, inkluża fil-komunikazzjoni u fit-trattativi ma' partijiet interessati differenti f'kuntest internazzjonali;

il-kapaċità li jagħtu konsulenza politika f'livell Ewropew fil-qasam tal-VET u li jiżviluppaw u jimplimentaw viżjoni strateġika għal Cedefop;

livell għoli ta' ħiliet interpersonali u ta' preżentazzjoni inklużi ħiliet ta' komunikazzjoni/negozjar bil-miktub u orali.

Il-kandidati għandu jkollhom ukoll:

il-kapaċità li jinteraġġixxu u jinnegozjaw fuq livell ta' ġestjoni għoli mal-istituzzjonijiet Ewropej, awtoritajiet pubbliċi u ma' għadd ta' msieħba soċjali u preferibbilment ikollhom esperjenza f'dan il-qasam;

għarfien tajjeb ħafna tal-politika tal-UE dwar il-VET, l-istituzzjonijiet tal-UE u kif jaħdmu u jinteraġixxu, u viżjoni għall-iżvilupp ta' politika tal-UE rilevanti għall-attivitajiet ta' Cedefop u għar-rwol ta' Cedefop;

għarfien tajjeb ta' lingwi oħra tal-Unjoni Ewropea sabiex ikunu kapaċi jaħdmu b'mod effettiv ma' Cedefop u mal-imsieħba istituzzjonali u personali tiegħu.

V.   Għażla u ħatra

Id-Direttur jinħatar mill-Kummissjoni Ewropea minn lista ta' kandidati ppreżentata mill-Bord ta' Tmexxija taċ-Ċentru. Il-kandidati għandhom jinnotaw li din il-lista tista' ssir pubblika u l-inklużjoni f'din il-lista mhijiex garanzija ta' ħatra.

Il-proċess għall-għażla sejjer ikun ibbażat fuq eżami tal-formoli ta' applikazzjoni segwit minn serje ta' intervisti u testijiet, kif spjegat hawn taħt:

1.

Kumitat ta' Preselezzjoni, assistit minn konsulent estern, sejjer jeżamina l-applikazzjonijiet u jfassal abbozz ta' lista tal-aktar kandidati kwalifikati li jissodisfaw il-kriterji ta' eliġibblità kollha (Taqsima III) u l-aktar li jissodisfaw mill-qrib il-kriterji għall-għażla (Taqsima IV) għall-kariga.

2.

L-aktar kandidati kwalifikati jistgħu jiġu mistiedna għal intervista, li tista' ssir bit-telefown, u għal ittestjar li jsir minn konsulenti esterni f'isem il-Kumitat ta' Preselezzjoni. Abbażi tar-riżultati ta' dawn l-intervisti u t-testijiet, il-Kumitat ta' Preselezzjoni jfassal lista ta' kandidati l-aktar adegwati. Dawn il-kandidati l-iktar adegwati sejrin jiġu mistiedna għal intervista mal-Kumitat ta' Preselezzjoni li jistabbilixxi lista mqassra ta' kandidati. Il-kandidati jiġu ttestjati fuq il-profiċjenza tagħhom f'uħud mil-lingwi jew fil-lingwi kollha elenkati fl-applikazzjoni tagħhom. Il-lista mqassra tingħata lill-Bord ta' Tmexxija ta' Cedefop għall-approvazzjoni u l-kandidati fuq il-lista mqassra jiġu mistiedna jagħtu preżentazzjoni lill-Bord ta' Tmexxija. Il-Bord ta' Tmexxija jippreżenta l-aħħar verżjoni tal-lista mqassra lill-Kummissjoni.

3.

Il-kandidati li jitpoġġew fuq il-lista mqassra mill-Bord ta' Tmexxija tas-Cedefop imbagħad jissejħu għal intervista mal-Kumitat Konsultattiv dwar il-Ħatriet (CCA) tal-Kummissjoni u mbagħad jgħaddu mill-ittestjar minn ċentru ta' valutazzjoni mmexxi minn konsulenti esterni tar-reklutaġġ. Imbagħad, il-kandidati li jintgħażlu mis-CCA jiġu intervistati mill-Kummissarji rilevanti.

4.

Wara dawn l-intervisti, il-Kummissjoni taħtar lid-Direttur ta' Cedefop. Il-kandidat magħżul ikun mistenni li jieħu l-kariga fi żmien 3 xhur minn nominazzjoni mill-Kummissjoni.

Opportunitajiet indaqs

Cedefop japplika politika ta' opportunitajiet indaqs u jagħti kas sabiex jevita kwalunkwe forma ta' diskriminazzjoni.

VI.   Kundizzjonijiet ta' impjieg

Id-Direttur jinħatar bħala aġent temporanju fi grad AD 14 (6) skont l-Artikolu 2a tal-Kundizzjonijiet ta' Impjieg ta' Impjegati Oħra, għal perijodu ta' ħames snin. Il-mandat jista' jiġġedded.

Id-Direttur ikollu perijodu ta' prova ta' 6 xhur.

Post tal-impjieg

Il-post tal-impjieg huwa Tessaloniki, fil-Greċja.

Rimunerazzjoni

Ir-rimunerazzjoni sejra tkun ibbażata fuq l-iskala tas-salarji tal-Unjoni Ewropea. Il-paga hija soġġetta għat-taxxa tal-Komunità u għal tnaqqis ieħor stabbilit bir-Regolamenti tal-Persunal. Hija madankollu eżenti minn kull tassazzjoni nazzjonali.

Għal kwalunkwe informazzjoni oħra dwar il-kundizzjonijiet kuntrattwali u tax-xogħol irreferi għar-Regolamenti tal-Persunal ta' Uffiċjali u għall-Kundizzjonijiet ta' Impjieg ta' Impjegati Oħra, li huma disponibbli minn dan l-indirizz:

http://ec.europa.eu/civil_service/docs/toc100_en.pdf

VII.   Proċedura ta' applikazzjoni u data ta' għeluq

Sabiex l-applikazzjonijiet ikunu validi, il-kandidati għandhom jissottomettu:

1.

ittra ta' motivazzjoni;

2.

curriculum vitae (CV), preferibbilment abbozzat skont il-format tas-CV tal-Europass (7). L-applikanti huma mitluba b'mod ċar li jagħtu rendikont tal-esperjenza u t-tagħrif espert rilevanti għax-xogħol kif ukoll dettalji dwar id-daqs — numru ta' persunal — baġit u natura tad-dipartimenti li kienu jmexxu preċedentement.

3.

formola ta' applikazzjoni mimlija u ffirmata. Il-kandidati għandhom jużaw il-formola ta' applikazzjoni uffiċjali assoċjata ma' dan l-avviż ta' post battal fuq il-websajt ta' Cedefop fuq www.cedefop.europa.eu. Il-formola ta' applikazzjoni għandha timtela bl-Ingliż.

Dokumenti oħrajn (eż. kopji ċċertifikati ta' gradi/diploma, referenzi, prova ta' esperjenza, eċċ.) ma għandhomx jintbagħtu f'dan il-punt iżda jridu jingħataw fi stadju ieħor aktar 'il quddiem tal-proċedura jekk ikunu mitluba.

L-applikazzjonijiet, preferibbilment bl-Ingliż, bil-Franċiż jew bil-Ġermaniż għandhom jikkwotaw in-numru ta' referenza tal-post battal b'mod ċar fuq l-envelopp: Cedefop/2011/7/AD

Applikazzjonijiet li ma jimtlewx korrettament mhumiex sejrin jiġu aċċettati.

L-applikazzjoni għandha tintbagħat fl-indirizz postali hawn taħt, b'posta reġistrata, sa mhux aktar tard mid-9 ta' Jannar 2012 fil-23:59 Ħin tal-Ewropa Ċentrali (data tar-reġistrazzjoni tal-posta).

Għall-attenzjoni ta':

The Chairman of the Governing Board of Cedefop

Ref.: CEDEFOP/2011/7/AD

Cedefop

PO Box 22427

GR-55102 Finikas-Thessaloniki

Greece

Il-kandidati għandhom ikunu kapaċi jipproduċu prova ta' reġistrazzjoni jekk ikun mitlub minnhom.

Applikazzjonijiet mibgħuta bis-servizz tal-kurrier bieb bieb għandhom jitwasslu fl-indirizz postali hawn taħt, qabel l-16.30 tad-9 ta' Jannar 2012:

Għall-attenzjoni ta':

The Chairman of the Governing Board of Cedefop

Ref.: CEDEFOP/2011/7/AD

Cedefop

Europe 123

GR-57001 Pylea, Thessaloniki

Greece

L-applikazzjonijiet għandhom jintbagħtu f'format elettroniku (Word jew pdf) f'dan l-indirizz elettroniku (email): HR_Director@cedefop.europa.eu sal-23:59 Ħin tal-Ewropa Ċentrali sa mhux iżjed tard mid-9 ta' Jannar 2012. Applikazzjonijiet li jintbagħtu b'email biss mhumiex sejrin jiġu aċċettati.

Sabiex jiġi ffaċilitat il-proċess ta' għażla, kull komunikazzjoni mal-applikanti rigward dan il-post battal sejra ssir bl-Ingliż.

Informazzjoni importanti għall-kandidati

l-applikanti huma mitluba li jirrappurtaw kwalunkwe bidla fl-indirizz, numru tat-telefown jew email bil-miktub u mill-aktar fis possibbli lis-Segretarja tal-Kompetizzjoni: is-Sinjura Ginette Manderscheid, Kap tar-Riżorsi Umani, Cedefop, email: HR_Director@cedefop.europa.eu;

fil-preparazzjoni tal-applikazzjonijiet tagħhom, il-kandidati ma jistgħu fl-ebda ċirkostanza jagħmlu referenza għal dokumenti, applikazzjonijiet jew formoli oħra mibgħuta b'rabta ma' applikazzjonijiet preċedenti;

il-kandidati li jiġu mistiedna għal intervista sejrin jintalbu jipproduċu kopji tad-diplomi, kwalifiki akkademiċi u ċertifikati ta' impjieg, flimkien ma' prova tan-nazzjonalità u ritratt tal-passaport reċenti;

id-dokumenti ta' appoġġ mhumiex sejrin jingħataw lura lill-kandidati;

jekk jogħġbok agħmel żgur li l-indirizz elettroniku pprovdut fl-applikazzjoni tiegħek huwa korrett (u li l-kaxxa postali tiegħek mhijiex mimlija), għax ħafna mill-korrispondenza sejra tintbagħat permezz ta' email.

Il-kandidati huma mfakkra li l-proċeduri u d-deliberazzjonijiet tal-għażla huma kunfidenzjali. Huwa pprojbit li l-kandidati jagħmlu kuntatt dirett jew indirett ma' kwalunkwe individwu involut fil-proċess ta' għażIa jew li ħaddieħor jagħmel dan f'isimhom. Il-mistoqsijiet u t-talbiet kollha għal informazzjoni jew dokumentazzjoni fir-rigward tal-kompetizzjoni għandhom jiġu indirizzati lis-Segretarja tal-Kompetizzjoni: is-Sinjura Ginette Manderscheid (HR_Director@cedefop.europa.eu).

VIII.   Protezzjoni ta' dejta personali

Il-Kummissjoni u Cedefop sejrin jiżguraw li d-dejta personali tal-kandidati tkun ipproċessata kif mitlub mir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dak id-data (8). Jekk il-kandidat ikollu kwalunkwe mistoqsija rigward l-ipproċessar tad-dejta personali tiegħu/tagħha, hu/hi għandu jindirizzahom lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Dejta, Cedefop.

IX.   Proċeduri ta' appell

Jekk kandidat jikkunsidra li huwa/hija ġie affetwat b'mod negattiv minn deċiżjoni partikolari, huwa/hija jista' jagħmel ilment skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal ta' Uffiċjali u l-Kundizzjonijiet ta' impjieg ta' impjegati oħrajn, fl-indirizz hawn taħt:

Head of Human Resources

CEDEFOP

P.O. Box 22427

GR-55102 Finikas (Thessaloniki)

Greece

L-ilment irid jintbagħat fi żmien 3 xhur wara li l-kandidat ikun ġie infurmat bir-riżultat finali tal-proċedura.

Fil-każ ta' diskrepanzi bejn il-verżjonijiet lingwistiċi tal-avviż tal-post battal, il-verżjoni bl-Ingliż dejjem tipprevali fuq l-oħrajn.


(1)  Dan jinkludi l-prijoritajiet fuq żmien medju ((http://www.cedefop.europa.eu/EN/publications/18538.aspx) kif ukoll il-programm ta' ħidma annwali (http://www.cedefop.europa.eu/EN/about-cedefop/governance/work-programme.aspx).

(2)  Dawn il-kompiti huma deskritti aktar fid-dettall fir-regoli finanzjarji ta' Cedefop (www.cedefop.europa.eu), fir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002, fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003 tad-19 ta' Diċembru 2002 u fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1655/2003 tat-18 ta' Ġunju 2003.

(3)  http://www.cedefop.europa.eu/EN/about-cedefop/governance/cedefop-founding-regulation.aspx

(4)  Is-CVs tal-applikanti għandhom jindikaw tal-inqas b'riferenza għall-ħames snin li matulhom tkun inkisbet l-esperjenza maniġerjali: (1) it-titoli u l-pożizzjonijiet li kellhom, (2) l-għadd tal-persunal ġestit f'dawn il-pożizzjonijiet, (3) id-daqs tal-baġits ġestiti, u (4) l-għadd ta' livelli ġerarkiċi superjuri u inferjuri u l-għadd tal-pari.

(5)  Qabel il-ħatra, isir eżami mediku tal-kandidat magħżul biex jiġi stabbilit li huwa/hija fiżikament f'saħħtu biex iwettaq id-dmirjiet relatati mal-kariga.

(6)  Attwalment, is-salarju bażiku fix-xahar għall-grad AD 14 (l-ewwel pass) huwa ta' EUR 13 216.

(7)  Is-CV tal-Europass jista' jitniżżel minn dan is-sit elettroniku: http://europass.cedefop.europa.eu/

(8)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


Top