EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2011/017/02

Sejħa għal espressjoni ta' interess fil-ħatra bħala membri tal-Bord tal-Appell Konġunt tat-tliet Awtoritajiet Superviżorji Ewropej għas-settur tas-servizzi finanzjarji (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq, Awtorità Bankarja Ewropea, Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol)

ĠU C 17, 19.1.2011, p. 2–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

19.1.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 17/2


Sejħa għal espressjoni ta' interess fil-ħatra bħala membri tal-Bord tal-Appell Konġunt tat-tliet Awtoritajiet Superviżorji Ewropej għas-settur tas-servizzi finanzjarji (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq, Awtorità Bankarja Ewropea, Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol)

2011/C 17/02

1.   Deskrizzjoni tal-Awtoritajiet

L-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE), l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (AEAPX), u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (AETS), huma maħluqa bir-Regolament (UE) Nru 1093/2010, ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010, u r-Regolament (UE) Nru 1095/2010 rispettivament (1). Flimkien, huma jikkostitwixxu l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej għas-setturi tas-servizzi finanzjarji, u se jkunu membri futuri tas-Sistema Ewropea tas-Superviżuri Finanzjarji.

Bħala għanijiet għas-setturi tal-kompetenza rispettiva tagħhom, huma se jkollhom, fost oħrajn:

Jiksbu livell tajjeb, effettiv u konsistenti ta' regolazzjoni u superviżjoni,

jiżguraw l-integrità, it-trasparenza, l-effiċjenza u t-tħaddim ordnat tas-swieq finanzjarji,

isaħħu l-koordinazzjoni internazzjonali fir-rigward tas-sorveljanza,

jevitaw l-arbitraġġ regolatorju u jippromwovu l-kundizzjonijiet ugwali ta' kompetizzjoni,

jiżguraw li t-teħid tar-riskji huwa rregolat u taħt superviżjoni kif xieraq, u

itejbu l-protezzjoni tal-konsumatur.

Barra minn hekk, huwa previst li l-AETS se twettaq ukoll is-superviżjoni tal-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu fi ħdan l-UE, u twettaq kompiti rilevanti għad-derivattivi “Over The Counter” (OTC) u għall-bejgħ bin-nieqes ta' titoli.

Għal dan l-għan, apparti mill-adozzjoni tal-atti mhux vinkolanti bħal linji gwida u rakkomandazzjonijiet, u abbozz ta' standards tekniċi, kull Awtorità tista' tadotta wkoll deċiżjonijiet vinkolanti f'xi wħud miċ-ċirkostanzi indirizzati lill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali jew lill-istituzzjonijiet finanzjarji individwali, li, flimkien ma' ċerti deċiżjonijiet oħra jkunu atti appellabbli.

L-AETS għandha s-sede tagħha f'Pariġi, Franza; L-ABE għandha s-sede tagħha f'Londra, ir-Renju Unit, u l-AEAPX għandha s-sede tagħha fi Frankfurt, il-Ġermanja. Kull Awtorità se tiġi stabbilita fl-1 ta' Jannar 2011.

2.   Il-Bord tal-Appell konġunt

L-Artikoli 60 u 61 tat-tliet Regolamenti stipulaw id-drittijiet rilevanti ta' azzjoni ta' regress kontra d-deċiżjonijiet tal-Awtoritajiet. L-Artikoli 58 u 59 tat-tliet Regolamenti jipprovdu għall-istabbiliment ta' Bord tal-Appell konġunt tat-tliet Awtoritajiet. Il-Bord huwa responsabbli li jiddeċiedi dwar appelli kontra ċerti deċiżjonijiet individwali tal-Awtoritajiet. Id-deċiżjonijiet tiegħu jistgħu fihom infushom jiġu appellati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Il-Bord tal-Appell konġunt għandu jkun magħmul minn sitt membri u minn sitt sostituti, li għandhom ikunu individwi ta' reputazzjoni tajba b'rekord ippruvat ta' għarfien rilevanti u esperjenza professjonali, inkluża dik superviżorja, fuq livell għoli biżżejjed fl-oqsma tas-servizzi bankarji, tal-assigurazzjoni, tal-pensjonijiet tax-xogħol, dawk tas-swieq tat-titoli jew servizzi finanzjarji oħrajn. Huwa eskluż il-persunal attwali tal-awtoritajiet kompetenti jew ta' istituzzjonijiet nazzjonali jew tal-Unjoni involut fl-attivitajiet tal-Awtoritajiet.

Il-Bord tal-Appell għandu jkollu biżżejjed għarfien espert fil-qasam legali biex jagħti konsulenza legali esperta dwar il-legalità tal-eżerċizzju min-naħa tal-Awtorità tal-poteri tagħha. Il-membri tal-Bord tal-Appell għandhom jaġixxu b’mod indipendenti fit-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom. Huma ma għandhomx ikunu marbutin b’ebda istruzzjoni.

Il-Bord tal-Appell jaħtar il-President tiegħu.

Il-mandat tal-membri tal-Bord tal-Appell għandu jkun ta’ ħames snin. Dan il-mandat jista’ jiġi estiż darba.

3.   Kriterji ta’ eliġibbiltà

Mid-data tal-għeluq tal-applikazzjonijiet, il-kandidati għandhom:

Ikunu ċittadini ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea (2);

Ma jagħmlux parti mill-persunal attwali tal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali kompetenti jew ta' istituzzjonijiet nazzjonali jew tal-Unjoni involut fl-attivitajiet tal-Awtoritajiet;

Ma jkunux membru ta' Gruppi tal-Partijiet Interessati tal-Awtorità;

Jew (a) ikunu wettqu b'suċċess kors sħiħ ta' studji universitarji fil-liġi jew fl-ekonomija jew f'suġġett ieħor rilevanti għax-xogħol tal-Awtoritajiet, attestat b'lawrja fejn it-tul normali tal-edukazzjoni universitarja huwa ta' erba' snin jew aktar li jagħtu aċċess għal studji ta' wara l-lawrja; jew (b) ikunu lestew b'suċċess kors sħiħ ta' studji universitarji fil-liġi jew fl-ekonomija jew f'suġġett ieħor rilevanti għax-xogħol tal-Awtoritajiet attestat b'lawrja, fejn it-tul normali tal-edukazzjoni universitarja hu ta' tliet snin, u sena oħra ta' esperjenza professjonali relevanti; jew (c) ikun irnexxielhom jikkwalifikaw biex jeżerċitaw attivitajiet professjonali bħala avukat fi Stat Membru;

Ikollhom tal-anqas 20 sena ta' esperjenza professjonali li tkun rilevanti għas-servizzi bankarji, l-assigurazzjoni, il-pensjonijiet ix-xogħol, dawk tas-swieq tat-titoli jew servizzi finanzjarji oħrajn (miksuba wara l-għotja tal-lawrja universitarja jew il-lawrja u l-esperjenza msemmija aktar 'il fuq). Din l-esperjenza tista' tinkludi t-tfassil ta’ politika u s-superviżjoni.

4.   Kriterji tal-għażla

Se jiġu kkunsidrati l-kriterji li ġejjin:

Rekord ippruvat ta' għarfien rilevanti u esperjenza professjonali, inkluża dik superviżorja, fuq livell għoli fl-oqsma tas-servizzi bankarji, tal-assigurazzjoni, tal-pensjonijiet tax-xogħol, dawk tas-swieq tat-titoli jew servizzi finanzjarji oħrajn;

Xogħol legali jew akkademiku relatat ma' superviżjoni jkun ta' vantaġġ kbir;

Għarfien u fehim tajbin ħafna tal-leġiżlazzjoni tal-UE fl-oqsma tas-servizzi bankarji, tal-assigurazzjoni, tal-pensjonijiet tax-xogħol, jew dawk tas-swieq tat-titoli;

Għarfien u fehim tajbin ħafna tal-funzjoni tas-servizzi bankarji, tal-assigurazzjoni, tal-pensjonijiet tax-xogħol, jew dawk tas-swieq tat-titoli;

Għarfien u fehim tajbin ħafna tal-proċeduri regolatorji u l-prattika ġudizzjarja fil-kuntest tal-appell regolatorju u/jew il-proċeduri tal-arbitraġġ;

Il-kapaċità li wieħed ikun disponibbli fi żmien qasir għas-smigħ tal-appelli kontra d-deċiżjonijiet tal-Awtoritajiet;

Il-potenzjal għal kunflitti ta' interess li jistgħu jillimitaw l-abbiltà ta' kandidat li jisma' l-appelli;

Għarfien tal-lingwi tal-Unjoni (il-linwga predominanti ta' komunikazzjoni fi ħdan l-Awtoritajiet se tkun l-Ingliż iżda jistgħu jitressqu appelli fi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (3)).

5.   Il-proċedura tal-għażla u l-kundizzjonijiet tax-xogħol

Skont it-termini tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 1094/2010, u (UE) Nru 1095/2010, il-Bord tat-Tmexxija ta' kull Awtorità għandu jiddeċiedi (wara l-konsultazzjoni mal-Bordijiet ta' Superviżuri rispettivi tagħhom) dwar il-ħatra ta' żewġ membri u żewġ sostituti abbażi ta' lista mqassra proposta mill-Kummissjoni Ewropea.

Il-membri tal-Bord tal-Appell ma għandhomx iwettqu kompiti oħra fl-Awtorità, fil-Bord tat-Tmexxija tagħha jew fil-Bord tas-Superviżuri tagħha. Dawn għandhom jirċievu kumpens xieraq għall-ispejjeż skont il-limiti baġitarji tal-ASEs għall-kompiti mwettqa abbażi ta' kuntratt bħala fornituri ta' servizz, iżda ma għandhomx ikunu impjegati permanenti tal-Awtoritajiet. Il-Membri tal-Bord tal-Appelli jistgħu għalhekk jkunu f'impjieg full-time, jekk dan ikun kompatibbli mal-abbiltà tagħhom li jisimgħu l-appelli fi żmien qasir. Ladarba l-Bord tal-Appelli jkun stabbilixxa r-regoli tal-proċedura tiegħu, il-livell ta' attività tal-Bord tal-Appell ikun jiddependi fuq l-għadd ta' appelli li jkun hemm kontra d-deċiżjonijiet tal-Awtoritajiet.

Il-membri tal-Bord tal-Appell għandhom jimpenjaw ruħhom biex jaġixxu b’mod indipendenti u fl-interess pubbliku. Għal dak il-għan, għandhom jagħmlu dikjarazzjoni tal-impenji u dikjarazzjoni tal-interessi fejn jindikaw jew in-nuqqas ta’ kwalunkwe interess li jista’ jitqies bħala preġudizzjali għall-indipendenza tagħhom jew in-natura ta’ kwalunkwe interess dirett jew indirett li jista’ jitqies bħala preġudizzjali għall-indipendenza tagħhom. Dawk id-dikjarazzjonijiet għandhom isiru pubbliċi, kull sena u bil-miktub.

6.   Preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet

Għandha tintbagħat ittra ta' motivazzjoni u curriculum vitæ fl-indirizz indikat hawn isfel. Il-curriculum vitæ għandu preferibbilment isir skont il-format tas-CV Ewropew. Kopji ċċertifikati ta' lawrji/diplomi, referenzi, provi ta' esperjenza, eċċ ma għandhomx jintbagħtu f'dan il-punt iżda għandhom jiġu ppreżentati fi stadju aktar tard tal-proċedura jekk mitluba.

L-applikazzjoni mimlija, li tikkonsisti mill-ittra ta' motivazzjoni u s-CV, għandha tintbagħat bil-posta rreġistrata mhux aktar tard mit-18 ta’ Frar 2011, kif attestat mill-marka postali, f'dan l-indirizz:

The European Commission

Internal Market and Services Directorate-General

ESAs — Board of Appeal

Office: SPA2 03/020

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Jew tasal permezz ta' servizz tal-kurjer mhux aktar tard mit-18 ta’ Frar 2011 f'dan l-indirizz:

The European Commission

Internal Market and Services Directorate-General

ESAs — Board of Appeal

Office: SPA2 03/020

c/o Courrier Central

Avenue du Bourget 3

1140 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Dan l-envelop għandu jkollu fuqu l-kliem “CONFIDENTIAL — DO NOT OPEN” miktuba ċar fuq barra tal-envelop.

Jew jasal fil-kaxxa postali ddedikata MARKT-ESA-BOARD-OF-APPEAL@ec.europa.eu mhux aktar tard minn nofs il-lejl tat-18 ta’ Frar 2011, kif attestat min-notifika tal-kunsinja (f'każ li jintbagħtu applikazzjonijiet bil-posta elettronika huwa rrakkomandat ukoll li tintbagħat kopja permezz tal-posta reġistrata f'każ li ma tasalx notifika tal-kunsinja.

7.   Opportunitajiet indaqs

L-istituzzjonijiet u l-kopri oħra tal-Unjoni Ewropea japplikaw politika ta' opportunitajiet indaqs u jaċċettaw applikazzjonijiet mingħajr distinzjoni abbażi ta' sess, razza, kulur, oriġini soċjali jew etnika, karatteristiċi ġenetiċi, lingwa, reliġjon, opinjoni politika jew ta' natura oħra, appartenenza għal minoranza nazzjonali, propjetà, twelid, diżabbiltà, età jew orjentament sesswali.

8.   Protezzjoni ta’ dejta personali

Il-Kummissjoni tiżgura li d-dejta personali tal-kandidati tiġi proċessata f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dik dejta. Dan japplika b'mod partikolari għall-kunfidenzjalità u s-sigurtà ta' din id-dejta (4).


(1)  Ippubblikati fil GU L 331, 15.12.2010.

(2)  L-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea huma: l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, il-Ġermanja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, l-Isvezja, u r-Renju Unit.

(3)  Il-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Olandiż, l-Ingliż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, l-Irlandiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ungeriż, it-Taljan, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, l-Ispanjol u l-Isvediż.

(4)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


Top