EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2010/238A/01

DĠ Ċentru Konġunt tar-Riċerka — Pubblikazzjoni ta' post vakanti għal Direttur Ġenerali (Grad AD 15) (L-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal) — COM/2010/10279

ĠU C 238A, 3.9.2010, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

3.9.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CA 238/1


DĠ ĊENTRU KONĠUNT TAR-RIĊERKA

Pubblikazzjoni ta' post vakanti għal Direttur Ġenerali (Grad AD 15)

(L-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal)

COM/2010/10279

(2010/C 238 A/01)

Min aħna

Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) jipprovdi konsulenza xjentifika-teknika u appoġġ partikolarment lil dawk li jfasslu l-politika fid-Direttorati Ġenerali l-oħra, minn kif jinbtu l-politiki sas-sorveljanza tal-implimentazzjoni tagħhom. Huwa jinkludi seba' istituti ta' riċerka mifruxa f'5 lokalitajiet fl-Ewropa; il-kwartieri ġenerali qegħdin fi Brussell. Għandu persunal ta' 2 750 persuna u baġit operattiv ta' EUR 340 miljun fis-sena. Il-JRC jopera faċilitajiet kbar ta' riċerka u huwa responsabbli għall-infrastruttura tiegħu stess. L-attivitajiet ta' riċerka tal-JRC jiffukaw fuq seba' Oqsma Tematiċi:

Lejn ekonomija miftuħa u kompetittiva

Żvilupp ta' soċjetà b'użu baxx ta' karbonju

Amministrazzjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali

Sikurezza tal-ikel u tal-prodotti tal-konsumatur

Is-sigurtà u s-sikurezza nukleari

L-immaniġġjar tas-sigurtà u tal-kriżijiet

Materjal u kejl ta' referenza

Aħna nipproponu

Il-pożizzjoni ta' Direttur Ġenerali li l-ħidmiet tiegħu jkunu li jmexxi l-organizzazzjoni, li jimplimenta l-istrateġija multiannwali tagħha u jippromwovi r-relazzjonijiet tagħha mal-imsieħba interessati u l-konsumaturi, b'mod partikolari fost id-Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni. Id-Direttur Ġenerali hu responsabbli għas-salvagwardja u ż-żieda tar-reputazzjoni għolja tal-JRC kemm fil-komunitajiet xjentifiċi u dawk tal-politika.

Qed infittxu

Tingħata preferenza lill-kandidati li għandhom:

esperjenza ppruvata f'maniġment ta' livell għoli, li tinkludi responsabbiltà diretta ta' numri ta' persunal u baġits imdaqqsa, preferibbilment f'korp ta' riċerka kbir jew organizzazzjoni simili fil-kollegament bejn ix-xjenza u l-politika.

kwalifiki xjentifiċi ta' livell għoli (PhD jew esperjenza ekwivalenti) u kompetenza ppruvata f'dixxiplina li hi relevanti għall-JRC;

għarfien eċċellenti tal-politiki rilevanti tal-Unjoni Ewropea u tad-Direttorati Ġenerali;

ħiliet interpersonali, ta' teħid ta' deċiżjonijiet, ta' komunikazzjoni u ta' negozjar eċċellenti.

L-applikanti għandhom (kriterji ta' eliġibbiltà):

1.

Ikunu ċittadini ta' wieħed mill-Istati Membri tal-UE.

2.

Ikollhom:

i)

jew livell ta' edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji li tlestew, iċċertifikati b'diploma, fejn il-perjodu normali tal-edukazzjoni universitarja jkun ta' erba' snin jew aktar.

(ii)

jew livell ta' edukazzjoni li jikkorrispondi ma' studji universitarji li tlestew, iċċertifikati b'diploma, u esperjenza professjonali xierqa ta' mill-inqas sena, fejn il-perjodu normali tal-edukazzjoni universitarja jkun mill-inqas ta' tliet snin.

3.

Ikollhom mill-inqas 15-il sena esperjenza professjonali ta' wara l-lawrja f'livell li l-kwalifiki msemmija hawn fuq jagħtu aċċess għalih. Mill-inqas 5 snin minn din l-esperjenza professjonali għandhom ikunu f'funzjoni maniġerjali ta' livell għoli (1) u għandu jkollhom ukoll xi esperjenza diretta f'settur relatat ma' dan il-post.

4.

Ikollhom għarfien tajjeb ħafna ta' waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għarfien adegwat ta' lingwa uffiċjali oħra minn fost dawn il-lingwi.

5.

Ikunu ta' età li taqa' taħt dik tal-irtirar, li għal uffiċjali tal-Unjoni Ewropea hi definita bħala l-aħħar tax-xahar li fih il-persuna tilħaq l-età ta' 65 sena (Ara Art.52 lit (a) tar-Regolamenti tal-Persunal).

L-indipendenza u d-dikjarazzjoni tal-interessi

Il-kandidati huma mitluba jikkonfermaw il-volontà tagħhom li jagħmlu dikjarazzjoni tal-impenn tagħhom li jaġixxu b'mod indipendenti fl-interess pubbliku u dikjarazzjoni ta' kwalunkwe interess li jista' jiġi kkunsidrat li jippreġudika l-indipendenza tagħhom.

Il-ħatra u l-kundizzjonijiet tal-impjieg

Id-Direttur Ġenerali jintgħażel u jinħatar mill-Kummissjoni skont il-proċeduri ta' selezzjoni u reklutaġġ (ara wkoll id-Dokument ta' Kompilazzjoni dwar il-Politika dwar Uffiċjali f'Kariga Għolja). Bħala parti minn dan il-proċess tal-għażla, il-kandidati li jissejħu għal intervista mill-Kumitat Konsultattiv tal-Kummissjoni għall-Ħatriet, ikollhom, qabel din l-intervista, jipparteċipaw f'ċentru ta' valutazzjoni ta' ġurnata sħiħa mmexxi minn konsulenti esterni ta' reklutaġġ. Il-kandidati jkunu intervistati wkoll minn rappreżentanti tal-Bord tal-Gvernaturi tal-JRC.

Il-kandidati huma ġentilment mgħarrfa li l-proċeduri tal-għażla ser isiru bl-Ingliż, bil-Franċiż u/jew bil-Ġermaniż biss (2).

Is-salarji u l-kundizzjonijiet tal-impjieg huma dawk stipulati fir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali fil-grad AD15 tal-Unjoni Ewropea. Il-kandidati għandhom iqisu r-rekwiżit, skont ir-Regolamenti tal-Persunal, li kull membru ġdid tal-persunal irid jgħaddi b'suċċess minn perjodu ta' prova ta' disa' xhur.

Opportunitajiet indaqs

L-Unjoni Ewropea tapplika politika ta' opportunitajiet indaqs.

Proċedura tal-applikazzjoni

Din il-pożizzjoni tista' tiġi ppubblikata b'mod parallel ma' numru ta' pożizzjonijiet oħra għal uffiċjali għolja. Il-kandidati li jixtiequ japplikaw għal iżjed minn pożizzjoni waħda jridu jissottomettu applikazzjoni separata għal kull kariga.

Qabel ma tissottometti l-applikazzjoni tiegħek, għandek tiċċekkja b'attenzjoni jekk tissodisfax il-kriterji ta' eliġibilità kollha (“L-applikanti għandhom”), b'mod partikolari dawk rigward it-tipi ta' diplomi u l-esperjenza professjonali meħtieġa. Min ma jissodisfax dawn il-kriterji tal-eliġibbiltà jiġi eskluż awtomatikament mill-proċedura tal-għażla.

Jekk trid tapplika, għandek tirreġistra permezz tal-Internet billi tmur fil-websajt https://ec.europa.eu/dgs/human-resources/seniormanagementvacancies/

u ssegwi l-istruzzjonijiet li jikkonċernaw id-diversi stadji tal-proċedura.

Hija responsabbiltà tiegħek li r-reġistrazzjoni onlajn issir fil-ħin (3). Nirrakkomandaw bil-qawwa li ma tistenniex sal-aħħar ftit jiem biex tapplika, għaliex konġestjoni kbira fuq l-Internet jew xi difett fil-konnessjoni tal-Internet tiegħek jistgħu jwasslu biex ir-reġistrazzjoni onlajn tiġi tterminata qabel ma tkun lestejtha, u b'hekk ikollok tirrepeti l-proċess kollu. Ladarba jiskadi ż-żmien għas-sottomissjoni tar-reġistrazzjonijiet, ma tkunx tista' tibdel jew iżżid xi dejta. Bħala regola ġenerali, ir-reġistrazzjonijiet bil-posta elettronika normali li jaslu tard mhumiex ser jiġu aċċettati.

Irid ikollok indirizz tal-posta elettronika validu. Dan l-indirizz jintuża biex tiġi identifikata r-reġistrazzjoni tiegħek kif ukoll biex tkun infurmat bir-riżultat tal-proċedura. Għalhekk, għandek tinforma lill-Kummissjoni Ewropea f'każ ta' xi bidla fl-indirizz tal-posta elettronika tiegħek.

Biex l-applikazzjoni tiegħek tkun kompluta, jeħtieġ li ttella' CV fil-format WORD jew PDF u li timla', onlajn, ittra ta' motivazzjoni (massimu ta' 8 000 karattru). Kemm is-CV kif ukoll l-ittra għandhom ikunu bl-Ingliż, bil-Franċiż jew bil-Ġermaniż.

Meta tlesti r-reġistrazzjoni onlajn tiegħek, inti tirċievi fuq l-iskrin in-numru tar-reġistrazzjoni li għandek tniżżel u tiftakar — dan ikun in-numru ta' referenza tiegħek f'kull kwistjoni li tirrigwarda l-applikazzjoni tiegħek. Meta tirċievi dan in-numru, il-proċess tar-reġistrazzjoni jkun intemm — in-numru huwa l-konferma li aħna nkunu rreġistrajna l-informazzjoni li tkun daħħalt. Jekk ma tirċievi l-ebda numru, l-applikazzjoni tiegħek ma tkunx ġiet irreġistrata!

Jekk jogħġbok innota li mhuwiex possibbli li tissorvelja l-progress tal-applikazzjoni tiegħek onlajn. Inti tiġi kkuntattjat/a dwar l-istat tal-applikazzjoni tiegħek direttament mid-DĠ li qiegħed jirrekluta.

Jekk għandek diżabbiltà li ma tippermettilekx tirreġistra onlajn, tista' tibgħat l-applikazzjoni (is-CV u l-ittra ta' motivazzjoni) fuq il-karta permezz ta' posta rreġistrata  (4) , b'timbru postali b'data li ma tkunx aktar tard mid-data meta tagħlaq ir-reġistrazzjoni. Kull komunikazzjoni sussegwenti bejnek u bejn il-Kummissjoni Ewropea tkun bil-posta. F'dan il-każ, mal-applikazzjoni tiegħek għandek tehmeż ċertifikat li jiċċertifika d-diżabbiltà tiegħek, maħruġ minn entità rikonoxxuta. Għandek issemmi wkoll, fuq karta separata, kwalunkwe arranġamenti speċjali li taħseb li jkunu meħtieġa biex jiffaċilitaw l-parteċipazzjoni tiegħek fl-għażla.

Jekk teħtieġ aktar tagħrif u/jew tiltaqa' ma' problemi tekniċi, jekk jogħġbok ibgħat email lil: HR-MANAGEMENT-ONLINE@ec.europa.eu

Data tal-għeluq

Id-data tal-għeluq tar-reġistrazzjoni hi l-1 ta' Ottubru 2010. Ir-reġistrazzjoni onlajn mhux se tkun possibbli wara nofsinhar (12.00) ħin ta' Brussell.


(1)  Fis-CV tagħhom, l-applikanti għandhom jindikaw għall-inqas għal dawn il-5 snin li fihom kisbu l-esperjenza maniġerjali: (1) it-titolu u r-rwol tal-pożizzjonijiet maniġerjali li kienu fihom, (2) in-numru ta' persunal li kienu jmexxu f'dawn il-pożizzjonijiet, (3) id-daqs tal-baġits ġestiti, u (4) in-numru ta' livelli ġerarkiċi 'l fuq u l-isfel u n-numru ta' persunal fl-istess livell.

(2)  Il-bord tal-għażla ser jiżgura li ma jingħata l-ebda vantaġġ lill-kelliema nattivi ta' dawn il-lingwi

(3)  Mhux aktar tard min-nofsinhar (12:00), ħin ta' Brussell, tal-1.10.2010.

(4)  

Il-Kummissjoni Ewropea

Direttorat Ġenerali Riżorsi Umani u Sigurtà

Unità għall-Persunal Eżekuttiv u Segretarjat CCA

COM/2010/10279

SC 11 8/30

B-1049 Brussels.


Top