Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2010/085/08

    Sejħa għal proposti – EACEA/08/10 – Bħala Parti Mill-Programm għall-Edukazzjoni u T-Taħriġ Tul Il-Ħajja (Llp) – Programm Leonardo da Vinci – Għotjiet għall-appoġġ ta’ proġetti ta’ inizjattiva nazzjonali għall-ittestjar u l-iżvilupp tas-sistema ta’ kredits ta’ tagħlim għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (SEKETV)

    ĠU C 85, 31.3.2010, p. 14–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    31.3.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 85/14


    SEJĦA GĦAL PROPOSTI – EACEA/08/10

    Bħala Parti Mill-Programm għall-Edukazzjoni u T-Taħriġ Tul Il-Ħajja (Llp) – Programm Leonardo da Vinci

    Għotjiet għall-appoġġ ta’ proġetti ta’ inizjattiva nazzjonali għall-ittestjar u l-iżvilupp tas-sistema ta’ kredits ta’ tagħlim għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (SEKETV)

    2010/C 85/08

    1.   Għanijiet u deskrizzjoni

    Din is-sejħa għal proposti għandha l-għan li tipprovdi għotjiet għal proposti li jirrigwardaw l-organizzazzjoni ta’ żewġ tipi ta’ azzjoni, li għandhom ikunu magħquda fi proġett wieħed, jiġifieri:

    azzjonijiet ta’ ħolqien jew ta’ tisħiħ ta’ sħubijiet bejn l-istituzzjonijiet kompetenti, bil-ħsieb li jinħoloq qafas operattiv, għall-iżvilupp ta’ testijiet, tas-sistema Ewropea ta’ kredits għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (SEKETV);

    azzjonijiet fil-qasam tas-sistema Ewropea ta’ kredits ta’ tagħlim għall-ETV (SEKETV), kif deskritt fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li jinsabu annessi mar-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, sabiex din tiġi applikata u implimentata fil-prattika.

    L-għanijiet ġenerali tas-sejħa huma orjentati b’mod deċiżiv u strett lejn l-implimentazzjoni prattika tas-SEKETV u t-tħejjija tal-miżuri meħtieġa għall-adozzjoni tagħha mill-Istati Membri.

    2.   Applikanti eliġibbli

    Din is-sejħa għal proposti hija miftuħa għall-korpi, l-istabbilimenti, l-istituzzjonijiet jew l-awtoritajiet kompetenti, responsabbli b’mod dirett, jew permezz ta’ delega minn awtorità superviżorja, għall-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni dwar l-istabbiliment tas-sistema Ewropea ta’ kredits ta’ tagħlim fl-ETV (2009/C 155/02) (1) fil-livell nazzjonali, reġjonali, lokali jew settorjali. Tirrigwarda, b’mod partikolari, l-istituzzjonijiet u l-awtoritajiet pubbliċi u privati responsabbli mid-disinn, l-amministrazzjoni u l-ħruġ ta’ kwalifiki professjonali.

    Fi kwalunkwe każ, l-organizzazzjoni li tapplika u l-imsieħba tagħha għandhom juru li għandhom il-leġittimità istituzzjonali sabiex jimpenjaw irwieħhom u jintervjenu, fil-livell tekniku, politiku u operattiv, fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali kif ukoll tal-kwalifiki u, b’mod speċifiku, tal-ittestjar u l-iżvilupp u tal-applikazzjoni tas-sistema SEKETV, b’referenza għar-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

    L-applikanti għandhom ikunu entitajiet legali stabbiliti għal aktar minn tliet snin.

    L-applikazzjonijiet għall-finanzjament jistgħu jsiru biss minn konsorzji magħmula minn minimu ta’ 4 korpi minn ta’ mill-inqas 4 pajjiżi eliġibbli differenti.

    L-applikanti (inklużi l-organizzazzjonijiet imsieħba kollha) għandhom ikunu stabbiliti f’wieħed mill-pajjiżi li ġejjin:

    is-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea,

    it-3 pajjiżi tal-EFTA/ŻEE (l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja),

    it-Turkija.

    Mill-inqas wieħed mill-pajjiżi msieħba għandu jkun Stat Membru tal-UE.

    Fil-preżent għaddejjin negozjati mal-Kroazja, mal-eks Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja u mal-Iżvizzera bl-għan li fil-futur jipparteċipaw fil-programm SEKETV, liema parteċipazzjoni hija soġġetta għall-eżitu ta’ dawn in-negozjati. Jekk jogħġbok ikkonsulta s-sit elettroniku tal-Aġenzija eżekuttiva għall-edukazzjoni, l-awdjoviżiv u l-kultura li għandha taġġorna l-lista tal-pajjiżi parteċipanti.

    3.   Azzjonijiet eliġibbli

    It-twaqqif ta’ sħubijiet u netwerks kif ukoll l-organizzazzjoni ta’ azzjonijiet ta’ kooperazzjoni jinkludu attivitajiet speċifiċi għall-fażijiet suċċessivi ta’ tħejjija, implimentazzjoni, evalwazzjoni u monitoraġġ.

    Għal dan il-għan, taħt din is-sejħa għal proposti jistgħu jiġu kkunsidrati l-attivitajiet li ġejjin:

    l-istabbiliment u t-tisħiħ ta’ konsorzji stabbli jew ta’ pjattaformi ta’ kooperazzjoni magħmula minn istituzzjonijiet, awtoritajiet u entitajiet kompetenti (l-istabbiliment ta’ programmi ta’ ħidma komuni, it-tfassil ta’ proċeduri ta’ kooperazzjoni, eċċ.);

    inġinerija u riċerka speċifikament iddedikati għall-applikazzjoni tal-prinċipji u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tas-SEKETV fil-kwalifiki;

    l-organizzazzjoni ta’ seminars, laqgħat jew workshops iddedikati għall-inġinerija u l-implimentazzjoni tas-SEKETV;

    il-ħolqien ta’ strumenti, pubblikazzjonijiet jew ta’ siti elettroniċi innovattivi, iffukati fuq l-aspetti operattivi tal-implimentazzjoni ta’ SEKETV u tal-kooperazzjoni transnazzjonali f’dan il-qasam;

    il-parteċipazzjoni f’workshops tematiċi u f’konferenzi;

    l-attivitajiet ta’ monitoraġġ (inklużi l-attivitajiet ta’ tixrid, l-analiżijiet tal-impatt, eċċ.), meħtieġa għall-konsolidazzjoni tar-riżultati, għall-appoġġ tas-sħubijiet, u għall-kontribut fil-ħolqien ta’ mudelli, il-promozzjoni u t-trasferiment tar-riżultati.

    L-attivitajiet kollha previsti għandhom ikunu parti minn proġett li jissodisfa l-objettivi kollha inseparabbli msemmija fil-linji gwida dettaljati tas-sejħa għal proposti. Il-proposti li jirrigwarda attività waħda jew aktar indipendentement minn kull proġett ġenerali m’humiex eliġibbli fihom infushom.

    It-tul tal-proġetti għandu jkun mill-inqas 18-il xahar sa massimu ta’ 36 xahar. L-attivitajiet għandhom jibdew bejn l-1 ta’ Jannar 2011 u l-31 ta’ Marzu 2011.

    4.   Kriterji ta’ għotja

    L-applikazzjonijiet/proġetti eliġibbli sejrin ikunu evalwati skont il-kriterji li ġejjin:

    ir-rilevanza tal-proġett, b’mod speċjali l-firxa u l-iskop tal-proposta (30 %);

    il-kwalità tal-metodi, l-għodda u l-passi konkreti proposti għall-ħolqien u l-implimentazzjoni ta’ kooperazzjoni sostenibbli u operattiva bejn l-imsieħba (20 %);

    il-kwalità tas-sħubija (20 %);

    il-kwalità tal-pjan ta’ ħidma, bi skeda tal-proġett u pjan ta’ żvilupp (ċarezza u konsistenza bejn l-objettivi u l-mezzi proposti) (15 %);

    iċ-ċarezza u l-koerenza tal-baġit mal-pjan ta’ ħidma u l-proporzjon bejn l-infiq/benefiċċji (15 %).

    5.   Baġit

    Il-baġit tal-UE disponibbli għall-kofinanzjament tal-proġetti huwa stmat għal EUR 2 miljun.

    L-ammont ta’ kull għotja huwa bejn EUR il-50 000 u t-300 000.

    L-għajnuna finanzjarja tal-Aġenzija ma tistax taqbeż il-75 % tal-ispejjeż kollha eliġibbli.

    L-Aġenzija tirriżerva d-dritt li ma tallokax il-fondi kollha disponibbli.

    6.   Data ta’ għeluq għas-sottomissjoni

    Id-data ta’ għeluq għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet hija ffissata għas-16 ta’ Lulju 2010. Il-formoli li jintbagħtu wara d-data ta’ għeluq ma jiġux ikkunsidrati.

    L-applikazzjonijiet għandhom jintbagħtu fl-indirizz li ġej:

    Education, Audiovisual and Culture Executive Agency

    Lifelong Learning Programme, Leonardo da Vinci

    Call for proposals EACEA/08/10

    Avenue du Bourget 1

    BOU2/02-145

    1140 Bruxelles/Brussel

    BELGIQUE/BELGIË

    Jiġu aċċettati biss l-applikazzjonijiet ippreżentati fuq il-formoli apposta, mimlija kif suppost (parti 1, 2 u 3 tal-fajl ta’ applikazzjoni), iddatati, u li jippreżentaw baġit bilanċjat (dħul/infiq), kompluti bl-annessi mitluba inklużi d-dokumenti li jixhdu l-kapaċità operattiva u finanzjarja tal-applikant, mibgħuta f’erba’ kopji (b’kopja oriġinali identifikata b’mod ċar u tliet kopji ċċertifikati konformi) u ffirmati mill-persuna awtorizzata li tidħol f’impenji li jorbtu ġuridikament f’isem l-organizzazzjoni applikanti.

    Minbarra l-verżjoni fuq karta, verżjoni elettronika tal-fajl ta’ applikazzjoni (formola ta’ applikazzjoni, tabelli finanzjarji, affidavit) mingħajr l-annessi għandha tintbagħat permezz tal-posta elettronika fl-indirizz li ġej: EACEA-ECVET@ec.europa.eu qabel l-iskadenza msemmija hawn fuq.

    L-applikazzjonijiet li jintbagħtu bit-telefaks jew bil-posta elettronika biss ma jiġux aċċettati.

    7.   Aktar informazzjoni

    Il-linji gwida dettaljati għall-applikanti, kif ukoll il-formoli ta’ applikazzjoni, jinsabu f’dan l-indirizz:

    http://eacea.ec.europa.eu/llp/funding/2010/call_ecvet_en.php

    L-applikazzjonijiet għandhom jiġu sottomessi fil-formola pprovduta u għandhom jinkludu l-annessi u l-informazzjoni mitluba.


    (1)  http://ec.europa.eu/education/lifelong-learning-policy/doc50_en.htm


    Top