EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2010/030/10

MEDIA 2007 – Żvilupp, distribuzzjoni, promozzjoni u taħriġ – Sejħa għall-proposti – EACEA/02/10 – Appoġġ għan-netwerking u l-mobilità ta’ studenti u ħarrieġa fl-Ewropa

ĠU C 30, 6.2.2010, p. 19–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

6.2.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 30/19


MEDIA 2007 – ŻVILUPP, DISTRIBUZZJONI, PROMOZZJONI U TAĦRIĠ

Sejħa għall-proposti – EACEA/02/10

Appoġġ għan-netwerking u l-mobilità ta’ studenti u ħarrieġa fl-Ewropa

2010/C 30/10

1.   Għanijiet u deskrizzjoni

Dan l-avviż ta’ Sejħa għall-Proposti huwa bbażat fuq id-Deċiżjoni Nru 1718/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Novembru 2006 dwar l-implimentazzjoni ta’ programm ta’ appoġġ lis- settur awdjoviżiv Ewropew (MEDIA 2007).

Wieħed mill-għanijiet tal-programm huwa li jħeġġeġ l-iskambji u l-kooperazzjoni, li jappoġġja n-netwerking ta’ dawk l-Ewropej involuti fit-taħriġ, b’mod partikolari l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni ogħla, l-organizzazzjonijiet ta’ taħriġ u l-imsieħba tas-settur awdjoviżiv. Għandu l-għan ukoll li jħeġġeġ il-mobilità tal-istudenti u l-ħarrieġa fl-Ewropa.

2.   Applikanti eliġibbli

Dan l-avviż huwa immirat lejn konsorzji pan-Ewropej ta’ istituzzjonijiet tal-edukazzjoni ogħla, l-organizzazzjonijiet ta’ taħriġ u l-imsieħba tas-settur awdjoviżiv li l-attivitajiet tagħhom jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-għanijiet tal-programm MEDIA msemmija hawn fuq kif deskritt fid-Deċiżjoni tal-Kunsill.

Il-kandidati għandhom ikunu stabbiliti f’wieħed mill-pajjiżi li ġejjin:

Is-27 pajjiż tal-Unjoni Ewropea;

il-pajjiżi tal-EFTA u ż-ŻEE: l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja;

l-Iżvizzera u l-Kroazja.

3.   Azzjonijiet eliġibbli

Dawn l-azzjonijiet li ġejjin u l-attivitajiet tagħhom, li jseħħu fil-pajjiżi MEDIA, huma eliġibbli.

Azzjonijiet immirati lejn l-iżvilupp tal-kapaċità tal-professjonisti awdjoviżivi futuri biex jifhmu u jintegraw dimensjoni Ewropea f’xogħolhom billi jtejbu l-għarfien espert fl-oqsma li ġejjin:

Taħriġ fil-ġestjoni ekonomika, finanzjarja u kummerċjali

Taħriġ f’teknoloġiji awdjoviżivi ġodda

Taħriġ fl-iżvilupp tal-proġett tal-iskripts

It-tul tal-azzjoni (= kemm iddum l-eliġibilità tal-ispejjeż) huwa ta’ 12-il xahar (sa massimu ta’ 18-il xahar meta jkun hemm ġustifikazzjoni xierqa).

L-azzjoni trid issir bejn l-1.9.2010 u t-30.6.2012.

4.   Kriterji għall-għoti

Il-punti għall-applikanti eliġibbli se jiġu allokati minn total ta' 100 abbażi tal-kunsiderazzjonijiet li jmiss:

Il-kwalità tal-kontenut tal-attività (20 punt)

Il-ġestjoni tal-proġett (20 punt)

Il-kwalità tal-konsorzju (20 punt)

Id-dimensjoni Ewropea (20 punt)

L-impatt (20 punt)

5.   Baġit

L-ammont massimu disponibbli fl-ambitu ta’ din is-sejħa għall-proposti huwa EUR 2 000 000.

L-appoġġ finanzjarju mill-Kummissjoni ma jistax jaqbeż il-50 %/75 % tal-ispejjeż totali eliġibbli.

L-Aġenzija żżomm il-possibbiltà li ma tattribwix il-fondi kollha disponibbli.

6.   Skadenza għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet

Id-dati ta’ skadenza għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet ser ikunu 30.4.2010. L-applikazzjonijiet għandhom jintbagħtu fl-indirizz li ġej:

Education, Audiovisual and Culture Agency (EACEA)

Call For Proposals EACEA/02/10 ‘MEDIA Support for the networking and mobility of students and trainers in Europe’

Mr. Constantin Daskalakis

BOUR 03/30

Avenue du Bourget 1

1140 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

L-applikazzjonijiet ippreżentati fuq il-formola adegwata, mimlijin kif xieraq, datati u ffirmati mill-persuna bis-setgħa li tirrappreżenta legalment il-korp li qiegħed jagħmel it-talba biss jistgħu jiġu aċċettati.

L-applikazzjonijiet li jintbagħtu bil-feks jew bil-posta elettronika ma jiġux aċċettati.

7.   Tagħrif sħiħ

It-test kollu tal-linji gwida flimkien mal-formoli tal-applikazzjoni huma disponibbli f’dan l-indirizz: http://ec.europa.eu/information_society/media/training/forms/initial/index_en.htm

L-applikazzjonijiet għandhom jikkonformaw mat-termini kollha tal-linji gwida, jintbagħtu fuq il-formoli pprovduti u jkun fihom l-informazzjoni u l-annessi kollha speċifikati fit-test tas-sejħa.


Top