Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2009/018/10

Sejħa għal proposti — DĠ EAC/01/09 — Tempus IV — Riforma tal-edukazzjoni ogħla permezz ta' kooperazzjoni internazzjonali bejn l-universitajiet

ĠU C 18, 24.1.2009, p. 31–32 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

24.1.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 18/31


SEJĦA GĦAL PROPOSTI — DĠ EAC/01/09

TEMPUS IV — RIFORMA TAL-EDUKAZZJONI OGĦLA PERMEZZ TA' KOOPERAZZJONI INTERNAZZJONALI BEJN L-UNIVERSITAJIET

(2009/C 18/10)

1.   GĦANIJIET U DESKRIZZJONI

Il-programm Tempus qiegħed ikompli għar-raba' fażi li tkopri l-perjodu 2007-2013.

L-għan ġenerali tal-programm se jkun li jikkontribwixxi lejn il-faċilitazzjoni tal-kooperazzjoni fil-qasam tal-edukazzjoni ogħla bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (UE) u l-pajjiżi sħab fiż-żona tal-madwar. Partikolarment, il-programm se jgħin fil-promozzjoni tal-konverġenza volontarja ma' żviluppi tal-UE fil-qasam tal-edukazzjoni ogħla li jirriżultaw mill-aġenda ta' Liżbona u l-proċess ta' Bolonja.

Tempus jippromwovi l-kooperazzjoni multilaterali fost l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni ogħla, l-awtoritajiet u l-organizzazzjonijiet mill-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi sħab u jiffoka fuq ir-riforma u l-modernizzazzjoni tal-edukazzjoni ogħla.

Il-proġetti nazzjonali għandhom jaderixxu ma' prijoritajiet nazzjonali li huma stabbiliti permezz ta' djalogu mill-qrib bejn id-Delegazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet rilevanti fil-pajjiżi sħab. Proġetti multilaterali għandhom jikkonformaw ma' prijoritajiet reġjonali li ġew definiti skont l-aġenda ta' modernizzazzjoni tal-UE fil-qasam tal-edukazzjoni ogħla u kif identifikat mid-dokumenti strateġiċi tal-Kummissjoni li jikkonċernaw il-pajjiżi ġirien, l-Ażja Ċentrali u dawk f'fażi ta' qabel l-adeżjoni fl-UE.

Iż-żewġ strumenti ewlenin għall-kooperazzjoni f'din is-sejħa għall-proposti Tempus huma:

Proġetti Konġunti: proġetti b'approċċ “minn isfel għal fuq” bil-għan li jimmodernizzaw u jirriformaw f'livell istituzzjonali (universitarju). Proġetti Konġunti għandhom l-għan li jimmodernizzaw il-kurrikuli universitarji u l-governanza permezz ta' trasferiment ta' għarfien bejn universitajiet, organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet mill-UE u mill-pajjiżi sħab kif ukoll bejn entitajiet mill-pajjiżi sħab skont kif ikun xieraq,

Miżuri Strutturali: proġetti li jfittxu li jikkontribwixxu lejn l-iżvilupp u r-riforma tas-sistemi ta' edukazzjoni ogħla fil-pajjiżi sħab, kif ukoll biex itejbu l-kwalità u r-rilevanza tagħhom, u biex iżidu l-konverġenza tagħhom ma' żviluppi tal-UE. Il-Miżuri Strutturali se jikkonċernaw interventi maħsuba biex jappoġġaw riforma strutturali tas-sistemi ta' edukazzjoni ogħla u żvilupp ta' qafas strateġiku fil-livell nazzjonali.

2.   APPLIKANTI ELIĠIBBLI

L-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet li jistgħu jieħdu sehem fil-Programm Tempus ivarjaw minn istituzzjonijiet tal-edukazzjoni ogħla għal istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet mhux akkademiċi bħalma huma għaqdiet mhux governattivi, kumpaniji, industriji u awtoritajiet pubbliċi.

Dawn l-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet għandhom ikunu bbażati fl-erba' gruppi ta' pajjiżi eliġibbli li ġejjin:

Is-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea,

6 pajjiżi tar-reġjun tal-Balkani tal-Punent: L-Albanija, il-Bożnja u Ħerzegovina, il-Kroazja, l-ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro u s-Serbja, kif ukoll il-Kosovo skont ir-Riżoluzzjoni UNSC 1244/99,

15-il pajjiż fiż-żona tan-Nofsinhar u l-Lvant fil-viċinat tal-Unjoni Ewropea: L-Alġerija, l-Eġittu, l-Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu, il-Marokk, it-Territorju Palestinjan okkupat, is-Sirja, it-Tuneżija, l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Belarus, il-Ġeorġja, il-Moldova u l-Ukrajna,

il-Federazzjoni Russa,

5 Repubbliki tal-Ażja Ċentrali: Il-Każakistan, il-Kirgistan, it-Taġikistan, it-Turkmenistan u l-Użbekistan.

3.   BAĠIT U TUL TAL-PROĠETT

Il-baġit totali allokat għall-kofinanzjament tal-proġetti jilħaq is-somma ta' EUR 53 miljun.

Il-kontribut finanzjarju mill-Kummissjoni ma jistax jaqbeż id-90 % tat-total tal-ispejjeż eliġibbli diretti.

Id-daqs minimu tal-għotja sew għall-Proġetti Konġunti kif ukoll għall-Miżuri Strutturali se jkun ta' Eur 500 000. Id-daqs massimu tal-għotja se jkun ta' EUR 1 500 000. Fil-każ tal-Kosovo  (1), il-Montenegro u l-ħames pajjiżi tal-Ażja Ċentrali, id-daqs minimu tal-għotja għal proġetti nazzjonali (taż-żewġ tipi) huwa stabbilit għal EUR 300 000.

It-tul massimu tal-proġetti huwa ta' 36 xahar.

4.   DATA TAL-GĦELUQ

L-applikazzjonijiet għall-Proġetti Konġunti u għall-Miżuri Strutturali għandhom jintbagħtu mhux aktar tard mit-28 ta' April 2009 fl-16:00 Ħin Ċentrali Ewropew tas-Sajf.

5.   GĦAL AKTAR TAGĦRIF

It-test sħiħ tas-sejħa għal proposti u l-formoli tal-applikazzjoni huma disponibbli fil-websajt li ġejja: http://ec.europa.eu/tempus

L-applikazzjonijiet għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti stipulati fit-test sħiħ u għandhom jitressqu fuq il-formoli pprovduti fil-websajt.


(1)  Skont UNSCR 1244/99


Top