This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document C2009/018/09
Call for proposals — Joint Harmonised European Union Programme of Business and Consumer Surveys
Sejħa għal proposti — Programm Konġunt Armonizzat tal-Unjoni Ewropea ta' Stħarriġiet fl-Impriżi u l-Konsumaturi
Sejħa għal proposti — Programm Konġunt Armonizzat tal-Unjoni Ewropea ta' Stħarriġiet fl-Impriżi u l-Konsumaturi
ĠU C 18, 24.1.2009, p. 22–30
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
24.1.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 18/22 |
Sejħa għal proposti — Programm Konġunt Armonizzat tal-Unjoni Ewropea ta' Stħarriġiet fl-Impriżi u l-Konsumaturi
(2009/C 18/09)
1. KUNTEST
Il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tniedi sejħa għal proposti (ref. ECFIN/2008/A3-042) biex isir stħarriġ bħala parti mill-Programm Konġunt Armonizzat tal-Unjoni Ewropea ta' Stħarriġiet fl-Impriżi u l-Konsumaturi (approvat mill-Kummissjoni fit-12 ta' Lulju 2006 COM(2006)379) fl-Irlanda. Din il-kooperazzjoni għandha tieħu l-forma ta' qafas ta' ftehim ta' sħubija bejn il-Kummissjoni u l-korpi speċjalizzati fuq perjodu ta' sentejn.
Il-programm huwa mfassal sabiex jiġbor informazzjoni dwar il-qagħda tal-ekonomiji fl-Istati Membri tal-UE u fil-pajjiżi kandidati bl-għan li jkun jista' jsir tqabbil taċ-ċikli tan-negozju tagħhom għall-iskopijiet ta' ġestjoni tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM). Dan sar għodda indispensabbli fil-proċess ta' sorveljanza ekonomika tal-UEM, kif ukoll għal skopijiet ġenerali ta' politika ekonomika.
2. GĦAN U SPEĊIFIKAZZJONIJIET TAL-AZZJONI
2.1. Għanijiet
Il-programm konġunt armonizzat tal-UE jinvolvi korpi/istituzzjonijiet li jwettqu stħarriġiet tal-opinjoni fuq bażi ta' finanzjament konġunt. Il-Kummissjoni bħalissa qed tfittex li tikkonkludi ftehimiet ma' korpi u istituzzjonijiet li jkunu kkwalifikati kif jixraq biex għas-sentejn li ġejjin iwettqu wieħed jew aktar mill-istħarriġiet li ġejjin:
— |
Stħarriġ dwar l-investiment |
— |
Stħarriġ dwar il-kostruzzjoni |
— |
Stħarriġ dwar il-kummerċ bl-imnut |
— |
Stħarriġ dwar is-servizzi |
— |
Stħarriġ dwar l-industrija |
— |
Stħarriġ dwar il-konsumaturi |
Barra minn hekk, stħarriġiet ad hoc dwar suġġetti ekonomiċi attwali qed jitwettqu flimkien mal-istħarriġiet li jsiru kull xahar, bl-użu tal-istess kampjuni stabbiliti bħall-istħarriġ li jsir kull xahar, sabiex jinkiseb tagħrif dwar kwistjonijiet speċifiċi ta' politika ekonomika. Dawn l-istħarriġiet ad hoc fihom infushom huma aktar okkażjonali.
L-istħarriġiet huma mmirati lejn il-maniġers fis-setturi tal-industrija, l-investiment, il-kostruzzjoni, il-kummerċ bl-imnut u s-servizzi kif ukoll il-konsumaturi.
2.2. Speċifikazzjonijiet tekniċi
2.2.1. Kalendarju tal-istħarriġ u rappurtar tar-riżultati
It-tabella li ġejja tagħti ħarsa ġenerali tal-isħarriġiet mitluba fil-kuntest ta' din is-sejħa għal proposti:
Isem l-istħarriġ |
Numru ta' attivitajiet/kategoriji tad-daqs |
Numru ta' aggregati |
Numri ta' mistoqsijiet kull xahar |
Numru ta' mistoqsijiet kull trimestru |
Industrija |
40/– |
16 |
7 |
9 |
Investiment |
6/6 |
2 |
2 mistoqsijiet f'Marzu/April 4 mistoqsijiet f'Ottubru/Novembru |
|
Kostruzzjoni |
3/– |
2 |
5 |
1 |
Kummerċ bl-imnut |
7/v |
2 |
6 |
- |
Servizzi |
18/– |
1 |
6 |
1 |
Konsumatur |
24 analiżi |
1 |
14 (inklużi 2 mistoqsijiet fakultattivi) |
3 |
— |
L-istħarriġiet ta' kull xahar għandhom isiru fl-ewwel ġimagħtejn sa tliet ġimgħat ta' kull xahar u r-riżultati għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni bl-e-mail mill-inqas minn ħamsa sa sebat ijiem tax-xogħol qabel l-aħħar tax-xahar u skont il-kalendarju li jkun inkluż fil-ftehim speċifiku tal-għotja. |
— |
L-istħarriġiet trimestrali għandhom isiru fl-ewwel ġimagħtejn sa tliet ġimgħat tal-ewwel xahar ta' kull trimestru (Jannar, April, Lulju u Ottubru) u r-riżultati għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni bl-e-mail mill-inqas minn ħamsa sa sebat ijiem tax-xogħol qabel l-aħħar ta' Jannar, April, Lulju u Ottubru rispettivament u skont il-kalendarju li jkun inkluż fil-ftehim speċifiku tal-għotja. |
— |
L-istħarriġiet ta' kull sitt xhur dwar l-investiment għandhom jitwettqu f'Marzu/April u f'Ottubru/Novembru u r-riżultati għandhom jintbagħtu permezz ta' email lill-Kummissjoni mill-inqas ħames sa sebat ijiem qabel tmiem April u Novembru rispettivament, u skont il-kalendarju li se jiġi inkluż fil-ftehim ta' għotja. |
— |
Fil-każ tal-istħarriġiet ad hoc, il-benefiċjarju għandu jintrabat li jikkonforma ruħu mal-kalendarji stabbiliti għalihom. |
Deskrizzjoni dettaljata tal-azzjoni (Anness I tal-ftehim tal-għotja partikolari) tista' titniżżel mill-indirizz tal-websajt li ġej:
http://ec.europa.eu/economy_finance/procurements_grants/grants7989_en.htm
2.2.2. Metodoloġija u kwestjonarji
Dettalji dwar il-metodoloġija, il-kwestjonarji u l-linji gwida internazzjonali dwar it-tmexxija tal-impriżi jinsabu fil-gwida għall-utent dwar il-Programm Konġunt Armonizzat tal-Unjoni Ewropea ta' Stħarriġiet fl-Impriżi u l-Konsumaturi fl-indirizz tal-websajt li ġej:
http://ec.europa.eu/economy_finance/indicators/business_consumer_surveys/userguide_en.pdf
3. DISPOŻIZZJONIJIET AMMINISTRATTIVI U TUL TA' ŻMIEN
3.1. Dispożizzjonijiet amministrattivi
Il-korp jew l-istitut għandu jintgħażel għal perjodu massimu ta' sentejn. Il-Kummissjoni tixtieq tistabbilixxi kooperazzjoni fit-tul mal-applikanti magħżula. Għal dan il-għan, se jkun konkluż qafas ta' ftehim ta' sħubija bejn il-partijiet mifrux fuq sentejn. Fl-ambitu ta' dan il-qafas ta' ftehim ta' sħubija, li se jispeċifika l-għanijiet komuni u n-natura tal-azzjonijiet ippjanati, jistgħu jkunu konklużi żewġ ftehimiet ta' għotja annwali speċifiċi bejn il-partijiet. L-ewwel wieħed minn dawn il-ftehimiet ta' għotja speċifiċi se jikkonċerna l-perjodu minn Mejju 2009 sa April 2010.
3.2. Tul ta' żmien
L-istħarriġ jibda jiddekorri mill-1 ta' Mejju sat-30 ta' April. It-tul ta' żmien tal-azzjoni ma jistax jaqbeż it-12-il xahar.
4. QAFAS FINANZJARJU
4.1. Sorsi ta' fondi Komunitarji
L-azzjonijiet magħżula se jkunu ffinanzjati mil-linja tal-baġit 01.02.02 — Il-koordinament u s-sorveljanza tal-unjoni ekonomika u monetarja.
4.2. Total stmat tal-baġit Komunitarju għal din is-sejħa
— |
Il-baġit annwali totali disponibbli għall-perjodu Mejju 2009 — April 2010 għal dawn l-istħarriġiet huwa ta' EUR 75 000,00. |
— |
L-ammonti għas-sena ta' wara jistgħu jiżdiedu, bla ħsara għall-mezzi finanzjarji disponibbli, b'madwar 2 %. |
4.3. Perċentwali tal-kofinanzjament Komunitarju
Sehem il-Kummissjoni fil-finanzjament konġunt ma jistax jaqbeż il-50 % tal-ispejjeż eliġibbli sostnuti mill-benefiċjarju għal kull stħarriġ. Il-Kummissjoni tiddetermina l-perċentwal tal-kofinanzjament fuq bażi individwali.
4.4. Finanzjament tal-azzjoni mill-benefiċjarju u l-ispejjeż sostnuti
Il-benefiċjarju għandu jintalab jibgħat baġit dettaljat (f'euro) għall-ewwel sena, li jkun fih stima tal-ispejjeż u tal-finanzjament tal-azzjoni. Se jiġi pprovdut baġit dettaljat għat-tieni sena, fl-ambitu tal-qafas ta' ftehim ta' sħubija skont sejħa mill-Kummissjoni.
L-ammont ibbaġitjat tal-għotja mitluba mill-Kummissjoni għandu jkun imqarreb sal-eqreb gћaxra. Il-baġit għandu jiddaħħal fil-ftehim speċifiku tal-għotja bħala anness. Sussegwentement, il-Kummissjoni tista' tuża dawn iċ-ċifri għal finijiet ta' verifika.
L-ispejjeż eliġibbli jistgħu jiġu sostnuti biss wara li jsir l-iffirmar tal-ftehim speċifiku tal-għotja mill-partijiet kollha, ħlief f'każi eċċezzjonali u, taħt l-ebda ċirkostanza, qabel ma tkun intbagħtet l-applikazzjoni għal għotja. Kontributi f'oġġetti mhumiex meqjusa bħala spejjeż eliġibbli.
4.5. Arranġamenti għall-ħlas
Talba għal finanzjament minn qabel ta' 40 % tal-ammont massimu tal-għotja tista' tintbagħat mill-benefiċjarju fix-xahar ta' Settembru. Talba għall-ħlas tal-bilanċ flimkien ma' rendikont finanzjarju u lista dettaljata tal-ispejjeż għandhom jintbagħtu fi żmien xahrejn mid-data tal-għeluq tal-azzjoni (ara d-dettalji sħaħ fl-Artikoli 5 u 6 tal-ftehim speċifiku tal-għotja).
Kemm it-talba għal finanzjament minn qabel kif ukoll it-talba għall-ħlas tal-bilanċ għandhom ikunu preċeduti mis-sottomissjoni fi żmien xieraq tad-dejta li toħroġ mill-istħarriġiet tan-negozji u tal-konsumaturi.
Jiġu meqjusa bħala spejjeż eliġibbli dawk l-ispejjeż biss li jkunu rintraċċabbli u identifikabbli fis-sistema ta' kontabilità tal-ispiża tal-benefiċjarju.
4.6. Subkuntrattar
— |
Meta fi proposta l-ammont tas-servizzi mwettqa minn subkuntrattur ikun daqs jew iktar minn 50 % tax-xogħol, is-subkuntrattur għandu jipprovdi d-dokumenti kollha meħtieġa għall-valutazzjoni b'mod integrali tal-proposta tal-applikant fir-rigward tal-kriterji ta' esklużjoni, tal-għażla u ta' aġġudikazzjoni (ara l-punti 5, 6 u 7 hawn taħt). Dan jimplika li s-subkuntrattur għandu jagħti prova li huwa jissodisfa l-kriterju ta' esklużjoni, kif ukoll il-kriterji ta' għażla u ta' aġġudikazzjoni li jirrigwardaw il-kompiti li huwa se jwettaq. |
— |
L-applikant għall-għotja għandu jaġġudika l-kuntratt lil dawk li jitfgħu offerti li jkunu ppreżentaw l-offerta li toffri l-aħjar proporzjon bejn prezz u kwalità, waqt li joqgħod attent li ma jkunx hemm kunflitt ta' interessi. Fil-każ li s-subkuntrattar jaqbeż l-ammont ta' EUR 60,000.00, l-applikant ikun irid jiddokumenta, ladarba jintgħażel, li s-subkuntrattur intgħażel fuq il-bażi tal-aħjar proporzjon bejn prezz u kwalità. |
4.7. Proposti konġunti
Fil-każijiet kollha ta' proposti konġunti, il-kompiti u l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-membri kollha li jieħdu sehem fil-proposta għandhom jiġu identifikati sew. Il-membri kollha għandhom jipprovdu d-dokumenti kollha meħtieġa għall-valutazzjoni b'mod integrali tal-proposta fir-rigward tal-kriterji ta' esklużjoni, ta' għażla u ta' aġġudikazzjoni (ara l-punti 5, 6 u 7 hawn taħt) relatati magħhom.
Wieħed mill-membri parteċipanti għandu jassumi r-rwol ta' koordinatur u għandu:
— |
jassumi r-responsabbiltà ġenerali tas-sħubija fir-rigward tal-Kummissjoni, |
— |
jissorvelja l-attivitajiet tal-membri parteċipanti l-oħra, |
— |
jiżgura l-koerenza globali u s-sottomissjoni fil-ħin tar-riżultati tal-istħarriġ, |
— |
jiċċentralizza l-firma tal-kuntratt u jagħti lill-Kummissjoni l-kuntratt iffirmat kif suppost mill-parteċipanti kollha (anki permezz ta' prokura), |
— |
jiċċentralizza l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Kummissjoni u jqassam il-pagamenti lill-parteċipanti, |
— |
jiġbor id-dokumenti ta' sostenn tan-nefqa sostnuta minn kull parteċipant u jippreżentahom f'sottomissjoni waħda. |
5. KRITERJI TA' ELIĠIBBILTÀ
5.1. Status ġuridiku tal-applikanti
Is-sejħa għal proposti hija miftuħa għall-korpi u istituzzjonijiet (entitajiet ġuridiċi) bi status ġuridiku f'wieħed mill-Istati Membri tal-UE, il-Kroazja, l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja jew it-Turkija. L-applikanti għandhom juru li huma jeżistu bħala entità ġuridika u jipprovdu d-dokumentazzjoni meħtieġa permezz tal-formola standard ta' entità ġuridika.
5.2. Raġunijiet għall-esklużjoni
Applikazzjonijiet għal għotja minn applikanti li jinsabu f'xi waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin ma jiġux ikkunsidrati (1):
(a) |
huma falluti jew qed jiġu stralċjati, għandhom l-attivitajiet tagħhom amministrati mill-qrati, daħlu f'arranġament mal-kredituri, issospendew l-attivitajiet tan-negozju tagħhom, huma s-suġġett ta' proċeduri dwar dawn l-affarijiet, jew jinsabu f'xi sitwazzjoni analoga li tirriżulta minn proċedura simili pprovduta fil-leġiżlazzjoni jew regolamenti nazzjonali; |
(b) |
huma ġew misjuba ħatja ta' reat li jikkonċerna l-kondotta professjonali tagħhom b'sentenza li hija res judicata; |
(c) |
kienu ħatja ta' kondotta professjonali ħażina serja ppruvata bi kwalunkwe mezz li l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jiġġustifikaw; |
(d) |
huma ma ssodisfawx l-obbligi li jirrigwardaw il-pagament ta' kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali jew il-pagament ta' taxxi skont id-dispożizzjonijiet ġuridiċi tal-pajjiż li fih huma stabbiliti jew ta' dawk tal-pajjiż tal-awtorità kontraenti jew ta' dawk tal-pajjiż fejn il-kuntratt għandu jiġi eżegwit; |
(e) |
kienu s-suġġett ta' sentenza li għandha s-saħħa ta' res judicata għal frodi, korruzzjoni, involviment f'organizzazzjoni kriminali, jew kwalunkwe attività illegali oħra li hi ta' detriment għall-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet; |
(f) |
wara proċedura oħra ta' akkwist jew ta' aġġudikazzjoni ta' għotja iffinanzjati mill-baġit Komunitarju, huma kienu ġew iddikjarati fi ksur kuntrattwali gravi minħabba li jkunu naqsu milli josservaw l-obbligi kuntrattwali tagħhom; |
(g) |
ikunu f'sitwazzjoni ta' kunflitt ta' interess; |
(h) |
instabu ħatja ta' miżrappreżentazzjoni meta jagħtu l-informazzjoni mitluba jew jonqsu milli jagħtu din l-informazzjoni. |
Mal-eliġibbiltà l-applikanti għandhom jiċċertifikaw, permezz tal-formola ta' dikjarazzjoni standard, li mhumiex f'waħda mis-sitwazzjonijiet elenkati taħt il-punt 5.2.
5.3. Penali amministrattivi u finanzjarji
1. |
Bla ħsara għall-applikazzjoni ta' penali stipulati fil-kuntratt, kandidati jew dawk li jitfgħu offerti u kuntratturi li nstabu ħatja li għamlu dikjarazzjonijiet foloz, jew ikunu nstabu fi ksur serju tal-obbligi kuntrattwali tagħhom fi proċedura ta' akkwist li tkun saret qabel, jistgħu jiġu esklużi mill-kuntratti u għotjiet kollha ffinanzjati mill-baġit Komunitarju għal perjodu massimu ta' sentejn mid-data li fiha jkun ġie stabbilit il-ksur, kif ikkonfermat wara proċedura kontenzjuża mal-kuntrattur. Dak il-perjodu jista' jiġi estiż għal tliet snin fil-każ ta' offiża oħra fi żmien ħames snin minn meta jkun sar l-ewwel ksur. Dawk li jitfgħu offerti jew kandidati li għamlu dikjarazzjonijiet foloz jistgħu jkunu suġġetti wkoll għal penali finanzjarji li jirrappreżentaw minn 2 % sa 10 % tal-valur totali stmat tal-kuntratt li jkun qed jiġi aġġudikat. Kuntratturi li nstabu fi ksur serju tal-obbligi kuntrattwali tagħhom jistgħu jirċievu penali finanzjarji li jirrappreżentaw minn 2 % sa 10 % tal-valur totali tal-kuntratt ikkonċernat. Din ir-rata tista' tiżdied għal 4 % sa 20 % fil-każ ta' offiża oħra fi żmien ħames mid-data tal-ewwel ksur. |
2. |
Fil-każijiet msemmija fil-punti 5.2 (a), (c) u (d) il-kandidati jew dawk li jitfgħu offerti għandhom ikunu esklużi mill-kuntratti u għotjiet kollha għal perjodu massimu ta' sentejn mid-data li fiha jkun ġie stabbilit il-ksur, kif ikkonfermat wara proċedura kontenzjuża mal-kuntrattur. Fil-każijiet msemmija fil-punti 5.2 (b) u (e), il-kandidati jew dawk li jitfgħu offerti għandhom ikunu esklużi mill-kuntratti u għotjiet kollha għal perjodu minimu ta' sena u massimu ta' erba' snin mid-data tan-notifika tas-sentenza. Dawk il-perjodi jistgħu jiġu estiżi għal ħames snin fil-każ ta' ksur ripetut fi żmien ħames snin tal-ewwel ksur jew l-ewwel sentenza. |
3. |
Il-każijiet msemmija fil-punt 5.2. (e) għandhom ikunu dawn li ġejjin:
|
6. KRITERJI TAL-GĦAŻLA
L-applikanti għandhom ikollhom sorsi finanzjarji sodi u biżżejjed biex isostnu l-attività tagħhom tul iż-żmien li fih se ssir l-azzjoni. L-applikanti għandhom ikollhom il-kompetenzi u l-kwalifiki professjonali meħtieġa biex ilestu l-azzjoni proposta jew il-programm ta' xogħol.
6.1. Kapaċità finanzjarja tal-applikanti
L-applikanti għandu jkollhom il-kapaċitajiet finanzjarji li jlestu l-azzjoni proposta u għandhom jipprovdu l-karti tal-bilanċ u l-kontijiet ta' qligħ u telf, għall-aħħar sentejn finanzjarji li fihom ngħalqu l-kontijiet. Din id-dispożizzjoni ma tgħoddx għal entitajiet pubbliċi u għal organizzazzjonijiet internazzjonali.
6.2. Kapaċità operattiva tal-applikanti
L-applikanti għandu jkollhom il-kapaċità operattiva li jlestu l-azzjoni proposta u għandhom jipprovdu d-dokumentazzjoni ta' sostenn xierqa.
Għandhom jintużaw il-kriterji li ġejjin biex tiġi vvalutata l-kapaċità tal-applikant:
— |
Mill-inqas tliet snin esperjenza ppruvata fit-tħejjija u t-twettiq tal-istħarriġiet. |
— |
Esperjenza ppruvata fl-evalwazzjoni tar-riżultati tal-istħarriġ u l-indirizzar ta' kwistjonijiet metodoloġiċi (kampjuni, kwestjonarji u ppjanar). |
— |
Kapaċità li japplikaw il-metodoloġija tal-Programm Konġunt Armonizzat tal-Unjoni Ewropea ta' Stħarriġiet fl-Impriżi u l-Konsumaturi u li jikkonformaw mal-linji gwida internazzjonali dwar it-tmexxija ta' stħarriġiet dwar l-impriżi u l-konsumaturi żviluppati b'mod konġunt mill-Kummissjoni Ewropea u l-OECD (ara l-punt 2.2.2), kif ukoll mal-istruzzjonijiet tal-Kummissjoni: li jilħqu ż-żmien għar-rappurtaġġ ta' kull xahar, li jimplimentaw titjib u tibdil fil-programm tal-istħarriġ hekk kif jitolbu s-servizzi tal-Kummissjoni, skont il-ftehimiet milħuqa fil-laqgħat ta' koordinament mar-rappreżentanti tal-entitajiet/istituzzjonijiet kollaboraturi. |
7. KRITERJI TAL-AĠĠUDIKAZZJONI
Għandhom jintużaw il-kriterji li ġejjin fl-aġġudikazzjoni tal-ftehim lill-kandidati magħżula:
— |
Il-livell ta' kompetenza u esperjenza tal-kandidat fl-oqsma msemmija taħt il-punt 6.2. |
— |
Il-livell ta' kompetenza u esperjenza tal-kandidat fit-tiswir ta' indikaturi bbażati fuq ir-riżultati tal-istħarriġ u fl-użu tar-riżultati tal-istħarriġ għall-analiżi u r-riċerka ċiklika u ekonomika, inkluża l-analiżi skont is-settur. |
— |
L-effikaċja tal-metodoloġija tal-istħarriġ propost inkluż l-iskema tat-teħid tal-kampjun, id-daqs tal-kampjun, il-limiti ta' kemm tkopri r-rata ta' kopertura, ir-rata ta' rispons, eċċ. |
— |
Il-livell ta' kompetenza u għarfien tal-kandidat tal-karatteristiċi speċjali tal-istħarriġ tas-settur u l-pajjiż fejn bi ħsiebhom iwettqu l-istħarriġ. |
— |
L-effiċjenza tal-kandidat fl-organizzazzjoni tax-xogħol, fejn jirrigwarda l-flessibbiltà, l-infrastruttura, il-persunal kwalifikat u l-faċilitajiet għat-twettiq tax-xogħol, ir-rappurtar tar-riżultati, is-sħubija fit-tħejjija tal-istħarriġ fl-ambitu tal-programm konġunt armonizzat u l-komunikazzjoni mal-Kummissjoni. |
8. PROĊEDURI PRATTIĊI
8.1. Tfassil u preżentazzjoni ta' proposti
Il-proposti għandu jkollhom formola standard ta' applikazzjoni għal għotja mimlija u ffirmata u d-dokumenti ta' sostenn kollha msemmija fil-formola. L-applikanti jistgħu jibagħtu proposti għal stħarriġ wieħed jew aktar.
Il-proposti għandhom jiġu ppreżentati fi tliet taqsimiet:
— |
proposta amministrattiva |
— |
proposta teknika |
— |
proposta finanzjarja |
Fil-każ ta' preżentazzjoni ta' proposti għal diversi stħarriġiet, huwa biżżejjed li tiġi inkluża fl-applikazzjoni proposta amministrattiva waħda biss u, fejn xieraq, proposta teknika biss, jew parti komuni minnha.
Il-formoli standard li ġejjin jistgħu jinkisbu mill-Kummissjoni:
— |
formola standard ta' applikazzjoni għal għotja |
— |
rendikont standard ta' baġit biex jiġu pprovduti stimi tal-ispejjeż u l-pjan finanzjarju tal-istħarriġ |
— |
formola standard ta' identifikazzjoni finanzjarja |
— |
formola standard ta' entità ġuridika |
— |
formola standard ta' dikjarazzjoni dwar l-eliġibbiltà |
— |
formola standard ta' dikjarazzjoni li turi l-kunsens għall-iffirmar tal-qafas ta' ftehim ta' sħubija u l-ftehim ta' għotja speċifika |
— |
formola standard dwar is-subkuntrattar |
— |
formola standard għad-deskrizzjoni tal-metodoloġija tal-istħarriġ |
kif ukoll dokumentazzjoni li tirrigwarda l-aspetti finanzjarji tal-għotja:
— |
aide-mémoire għat-tfassil ta' stimi finanzjarji u rendikonti finanzjarji |
— |
mudell tal-qafas ta' ftehim ta' sħubija |
— |
mudell tal-ftehim ta' għotja annwali speċifika |
(a) |
billi tniżżilhom mill-indirizz tal-Internet li ġej: http://ec.europa.eu/economy_finance/procurements_grants/grants7989_en.htm |
(b) |
f'każ li l-ewwel għażla mhijiex possibbli, billi tikteb lill-Kummissjoni fl-indirizz postali:
|
Il-Kummissjoni tirriżerva d-dritt li temenda dawn id-dokumenti standard skont il-ħtiġijiet tal-programm konġunt armonizzat tal-UE u/jew restrizzjonijiet tal-ġestjoni baġitarja.
Il-proposti għandhom jintbagħtu f'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Komunità Ewropea flimkien ma' traduzzjoni fil-lingwa Ingliża, fil-lingwa Franċiża jew fil-lingwa Ġermaniża, fejn xieraq.
L-applikant għandu jipprovdi proposta waħda oriġinali ffirmata u tliet kopji, jekk jista' jkun mhux stejpiljati. Dan iħaffef ix-xogħol amministrattiv meta jitħejjew il-kopji/id-dokumenti kollha meħtieġa għall-kumitat(i) ta' għażla.
Il-proposti għandhom jintbagħtu b'mod issiġillat ġewwa envelop ieħor issiġillat.
L-envelop ta' barra għandu jkollu l-indirizz mogħti fil-punt 8.3 hawn taħt.
L-envelop issiġillat ta' ġewwa li jkun fih il-proposta għandu jiġi mmarkat bil-kliem “Sejħa għal proposti — ECFIN/2008/A3-042, not to be opened by the internal mail department”.
Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-kandidati li rċeviet il-proposta tagħhom billi tibgħatilhom lura l-avviż ta' wasla li tkun intbagħtet mal-proposta.
8.2. Kontenut tal-proposti
8.2.1. Proposta amministrattiva
Il-proposta amministrattiva għandha tinkludi:
— |
Formola standard ta' applikazzjoni għal għotja ffirmata kif xieraq. |
— |
Formola standard ta' entità ġuridika mimlija u ffirmata kif xieraq u d-dokumentazzjoni ta' sostenn mitluba li tipprova l-istatus ġuridiku tal-korp jew istituzzjoni. |
— |
Formola standard ta' indentifikazzjoni finanzjarja mimlija u ffirmata kif xieraq. |
— |
Formola standard ta' dikjarazzjoni dwar eliġibbiltà ffirmata kif xieraq. |
— |
Formola standard ta' dikjarazzjoni li turi l-kunsens għall-iffirmar tal-qafas ta' ftehim ta' sħubija u l-ftehim ta' għotja speċifika ffirmata kif xieraq, jekk il-proposta tkun magħżula. |
— |
L-organigramma tal-korp jew l-istitut, li turi l-ismijiet u l-pożizzjonijiet tad-direzzjoni u tas-servizz operattiv responsabbli mit-tmexxija tal-istħarriġ. |
— |
Prova ta' qagħda finanzjarja soda: għandhom jiġu mehmużin karti tal-bilanċ u kontijiet ta' qligħ u telf mis-sentejn finanzjarji ta' qabel, jiġifieri l-2007 u l-2006 li fihom ingħalqu l-kontijiet. |
8.2.2. Proposta teknika
Il-proposta teknika għandha tinkludi:
— |
Deskrizzjoni tal-attivitajiet tal-korp jew l-istitut li tippermetti li ssir il-valutazzjoni tal-kwalifiki tagħha u l-iskop u t-tul tal-esperjenza tagħha fl-oqsma mitluba taħt il-punt 6.2. Dan għandu jfisser kwalunkwe studju, kuntrattu ta' servizz, xogħol ta' konsulenza, stħarriġ, pubblikazzjoni jew xogħol ieħor imwettaq qabel, bl-indikazzjoni tal-isem tal-klijent u anki jiġi ddikjarat liema, jekk hemm, kienu saru għall-Kummissjoni Ewropea. Għandhom jiġu mehmuża l-iktar studji u/jew riżultati rilevanti. |
— |
Deskrizzjoni dettaljata tal-organizzazzjoni operattiva biex jitwettqu l-istħarriġiet. Għandha tiġi mehmuża d-dokumentazzjoni rilevanti dwar l-infrastruttura, il-faċilitajiet, ir-riżorsi u l-persunal kwalifikat (CV's konċiżi tal-persunal li l-iktar huma involuti fit-twettiq tal-istħarriġ(iet)) għad-dispożizzjoni tal-applikant. |
— |
Formoli standard mimlija b'mod korrett li jagħtu deskrizzjoni dettaljata tal-metodoloġija tal-istħarriġ: skema tat-teħid tal-kampjun, żball ta' kampjunar, daqs tal-kampjun, limiti ta' kemm tkopri r-rata ta' kopertura, rata ta' rispons, eċċ. |
— |
Formola standard mimlija b'mod korrett dwar is-subkuntratturi involuti fl-azzjoni, inkluża deskrizzjoni dettaljata tax-xogħlijiet li għandhom jiġu subkuntrattati. |
8.2.3. Proposta finanzjarja
Il-proposta finanzjarja għandha tinkludi:
— |
Rendikont standard ta' baġit mimli b'mod korrett (f'euro), li jkopri perjodu ta' 12-il xahar, għal kull stħarriġ, li jkun fih pjan finanzjarju tal-azzjoni u analiżi dettaljata tal-ispejjeż eliġibbli globali u ta' unitajiet biex jitmexxa l-istħarriġ, inklużi spejjeż ta' subkuntrattar. |
— |
Ċertifikat ta' eżenzjoni mill-VAT, jekk applikabbli. |
— |
Dokument li jiċċertifika l-kontribuzzjoni finanzjarja minn organizzazzjonijiet oħra (kofinanzjament), jekk applikabbli. |
8.3. Indirizz u data tal-għeluq għas-sottomissjoni tal-proposti
L-applikanti li huma interessati f'dawn l-għotjiet huma mistiedna jibagħtu l-applikazzjonijiet tagħhom lill-Kummissjoni Ewropea.
L-applikazzjonijiet jistgħu jintbagħtu:
(a) |
jew bil-posta rreġistrata jew bis-servizz ta' konsenja indipendenti bit-timbru tal-posta li ma jkunx iktar tard mill-20 ta' Frar 2009. Il-prova tad-data ta' li fiha ntbagħtet l-applikazzjonijiet għandha tiġi stabbilita bit-timbru tal-posta jew bid-data tal-karta ta' depożitu tas-servizz ta' kunsinna indipendenti fl-indirizz li ġej: Bil-posta reġistrata:
|
(b) |
jew bil-konsenja lis-servizz tal-posta ċentrali tal-Kummissjoni Ewropea (konsenja personali jew konsenja minn kwalunkwe rappreżentant awtorizzat tal-applikant, inkluż is-servizzi ta' konsenja personali) fl-indirizz li ġej:
|
mhux iktar tard mill-20 ta' Frar 2009 sal-16:00 (ħin ta' Brussell). F'dan il-każ, il-prova tas-sottomissjoni tkun permezz ta' rċevuta ddatata u ffirmata mill-uffiċjal li jilqa' l-offerti fid-dipartiment imsemmi iktar 'il fuq.
9. X'ISIR MILL-APPLIKAZZJONIJIET LI JASLU?
L-applikazzjonijiet kollha jiġu verifikati sabiex jiġi aċċertat jekk jissodisfawx il-kriterji uffiċjali ta' eliġibbiltà.
Il-proposti li jiġu kkunsidrati bħala eliġibbli jiġu evalwati skont il-kriterji ta' aġġudikazzjoni speċifikati hawn fuq.
Il-proċess ta' għażla tal-proposti se jsir matul Frar/Marzu 2009. Għandu jitwaqqaf kumitat ta' għażla għal dan l-iskop taħt l-awtorità tad-Direttur Ġenerali għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji. Il-kumitat għandu jkun magħmul minn tal-inqas tliet persuni li jirrappreżentaw minn tal-inqas żewġ unitajiet mingħajr ebda rabta ġerarkika bejniethom u jkollu s-segretarjat tiegħu stess responsabbli mill-komunikazzjoni mal-kandidat magħżul wara li tkun saret il-proċedura ta' għażla. Dawk il-kandidati li ma ġewx magħżula jiġu nnotifikati wkoll individwalment.
10. IMPORTANTI
Din is-sejħa għal proposti ma tikkostitwixxix xi tip ta' obbligu kuntrattwali min-naħa tal-Kummissjoni lejn xi korp/istituzzjoni li jkun qed jissottometti/tissottometti proposta fuq il-bażi tagħha. Kull komunikazzjoni dwar din is-sejħa għandha ssir bil-miktub.
L-applikanti għandhom jieħdu nota tad-dispożizzjonijiet kuntrattwali li f'każ ta' aġġudikazzjoni jkunu obbligatorji.
Sabiex jiġu salvagwardjati l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet, id-dejta personali tiegħek tista' tkun trasferita lil servizzi interni ta' verifika, lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, lill-Bord ta' Irregolaritajiet Finanzjarji u/jew lill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF).
Id-dejta tal-operaturi ekonomiċi li jkunu f'waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 93, 94, 96(1)(b) u 96(2)(a) tar-Regolament Finanzjarju tista' tiġi inkluża f'database ċentrali u kkomunikata lill-persuni maħtura mill-Kummissjoni, minn istituzzjonijiet oħra, minn aġenziji, minn awtoritajiet u korpi msemmija fl-Artikolu 95(1) u (2) tar-Regolament Finanzjarju. Dan jirreferi wkoll għall-persuni b'setgħat ta' rappreżentanza, tat-teħid tad-deċiżjonijiet jew ta' kontroll fuq l-operaturi ekonomiċi msemmija. Kull parti li tiddaħħal fid-database għandha d-dritt li tiġi informata dwar id-dejta li tikkonċernaha, fuq talba lill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni.
(1) Skont l-Artikoli 93 u 94 tar-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej.