Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2008/328/07

    Sejħa għall-proposti — EACEA/35/08 għall-implimentazzjoni tat-Tieqa ta' Kooperazzjoni Esterna tal-Erasmus Mundus għas-sena akkademika 2009-2010 — Il-programm ta' Azzjoni Komunitarju għall-promozzjoni tal-kooperazjoni bejn istituzzjonijiet ta' edukazzjoni ogħla u għall-iskambju tal-istudenti, riċerkaturi u persunal akkademiku mill-Istati Membri tal-UE u Pajjiżi Terzi

    ĠU C 328, 23.12.2008, p. 24–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    23.12.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    C 328/24


    SEJĦA GĦALL-PROPOSTI — EACEA/35/08

    għall-implimentazzjoni tat-Tieqa ta' Kooperazzjoni Esterna tal-Erasmus Mundus għas-sena akkademika 2009-2010

    Il-programm ta' Azzjoni Komunitarju għall-promozzjoni tal-kooperazjoni bejn istituzzjonijiet ta' edukazzjoni ogħla u għall-iskambju tal-istudenti, riċerkaturi u persunal akkademiku mill-Istati Membri tal-UE u Pajjiżi Terzi

    (2008/C 328/07)

    1.   GĦANIJIET U DESKRIZZJONI

    It-Tieqa ta' Kooperazzjoni Esterna tal-Erasmus Mundus timmira lejn l-arrikkiment reċiproku u fehim aħjar bejn l-Unjoni Ewropea u Pajjiżi Terzi. Hija mfassla sabiex trawwem il-kooperazzjoni istituzzjonali fil-qasam tal-edukazzjoni ogħla bejn l-Unjoni Ewropea u Pajjiżi Terzi permezz ta' skema ta' mobilità li tindirizza l-iskambji tal-istudenti u tal-persunal akkademiku għall-istudju, tagħlim, taħriġ u riċerka.

    Jekk jogħġbok innota li t-tielet Sejħa għall-Proposti għat-Tieqa ta' Kooperazzjoni Esterna tal-EM (ECW) hija integrata fl-Azzjoni II “Sħubiji” fl-ambitu tal-programm il-ġdid Erasmus Mundus II li għandu l-għan li jippromwovi kooperazzjoni istituzzjonali u attivitajiet ta' mobilità.

    2.   APPLIKANTI U PAJJIŻI ELIĠIBBLI

    L-applikanti għandhom ikunu Universitajiet jew Istituzzjonijiet Ewropej tal-Edukazzjoni Ogħla li jirrappreżentaw sħubija ta' mhux aktar minn 20 istituzzjoni msieħba.

    Is-sħubija għandha tkun magħmula minn Istituzzjonijiet Ewropej tal-Edukazzjoni Ogħla, li qabel id-data tal-pubblikazzjoni tas-Sejħa preżenti jkollhom Karta tal-Erasmus, u Istituzzjonijiet tal-Edukazzjoni Ogħla ta' Pajjiżi Terzi li huma rikonoxxuti u akkreditati mill-awtoritajiet nazzjonali.

    L-attivitajiet għandhom isiru f'wieħed mill-pajjiżi eliġibbli koperti minn din is-Sejħa. Hemm tliet gruppi ta' pajjiżi/reġjuni eliġibbli:

    is-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea,

    il-Pajjiżi Kandidati Ewropej (il-Kroazja u t-Turkija) u l-pajjiżi taż-ŻEE (l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja),

    il-Pajjiżi Terzi u r-reġjuni ġeografiċi li ġejjin:

    l-Arġentina, il-Brażil, iċ-Ċina, ir-Russja, l-Indja, ir-reġjun tal-Asja, ir-Repubbliki tal-Asja Ċentrali, ir-reġjun tal-Amerika Latina, ir-reġjun tal-Lvant Nofsani, iż-żona tal-viċinat tan-Nofsinhar u tal-Lvant, ir-reġjun tal-Balkani tal-Punent.

    3.   ATTIVITAJIET ELIĠIBBLI

    L-għotjiet mingħand il-KE ser jikkontribwixxu għall-finanzjament tas-sħubijiji bbażati fuq l-Istituzzjonijiet bejn istituzzjonijiet tal-edukazzjoni ogħla Ewropej u dawk tal-Pajjiżi Terzi sabiex ikopru t-tipi ta' attivitajiet li ġejjin:

    l-organizzazzjoni tal-mobilità individwali tal-istudenti tal-edukazzjoni ogħla kif ukoll il-persunal akkademiku, u

    l-implimentazzjoni tal-mobilità individwali. It-tipi ta' mobilità u edukazzjoni li sejrin jiġu ffinanzjati f'din is-Sejħa huma:

    studenti: opportunitajiet ta' mobilità għal dawk li għadhom ma ggradwawx, għal dawk f'livell ta' masters, dottorat u postdottorat,

    persunal akkademiku: l-iskambju għat-tagħlim, taħriġ prattiku u riċerka.

    It-tul ta' żmien ippjanat għal proġett ma jistax jaqbeż 48 xahar.

    L-attivitajiet eliġibbli, inklużi l-attivitajiet ta' tħejjija, jistgħu jibdew fil-15 ta' Lulju 2009 bil-kundizzjoni li l-kuntratti jkunu diġà ffirmati. L-azzjonijiet għandhom jintemmu qabel il-15 ta' Lulju 2013.

    Ħlief f'każijiet ta' “forza maġġuri” ġustifikati kif xieraq u soġġetti għal awtorizzazzjoni minn qabel mill-Aġenzija, il-mobilità individwali kollha għandha tinbeda l-iktar tard fl-1 ta' Settembru 2010.

    4.   KRITERJI TAL-GĦOTI

    Il-kriterji tal-għoti jippermettu l-evalwazzjoni tal-kwalità tal-proposti preżentati b'relazzjoni mal-għanijiet u l-prijoritajiet stabbiliti sabiex, l-għotjiet jingħataw lill-azzjonijiet li l-iktar ikunu jirriflettu l-effikaċja tas-Sejħa għall-Proposti.

    L-applikazzjonijiet se jkunu valutati skont il-kriterji tal-għoti li ġejjin u jingħata punteġġ fuq skala ta' 100:

    il-kapaċità operattiva u l-għarfien espert tal-applikant u l-imsieħba (punteġġ: 10 minn 100),

    relevanza tal-attivitajiet skont l-għan tas-Sejħa tal-Proposti (punteġġ: 25 minn 100),

    metodoloġija tat-tmexxija tas-sħubija u tal-implimentazzjoni tal-attivitajiet tal-mobilità (punteġġ: 50 minn 100),

    sostenibbiltà( punteġġ: 15 minn 100).

    5.   BAĠIT DISPONIBBLI

    L-ammont kumplessiv indikattiv li huwa disponibbli fl-ambitu ta' din is-sejħa għall-proposti huwa ta' EUR 163,500 miljun għar-reġjuni ġeografiċi u l-pajjiżi li ġejjin:

    Twieqi ġeografiċi

    Strument ta' Kooperazzjoni

    Ammont Kumplessiv Indikattiv

    Għadd ta' proġetti mistennija li jkunu ffinanzjati

    In-Nofsinhar tal-Mediterran, il-Lvant tal-Ewropa u r-Russja

    ENPI

    EUR 29 miljun

    8

    Il-Jemen, l-Iran u l-Iraq

    DCI

    EUR 3 miljun

    1

    Ir-Repubbliki tal-Asja Ċentrali

    DCI

    EUR 5 miljun

    2

    Il-Balkani tal-Punent

    IPA

    EUR 8,5 miljun

    2

    Reġjun tal-Asja

    Reġjonali tal-Asja

    DCI

    EUR 20 miljun

    4

    L-Indja

    DCI

    EUR 19 miljun

    4

    Iċ-Ċina

    DCI

    EUR 26 miljun

    5

    Reġjun tal-Amerika Latina

    Il-Brażil

    DCI

    EUR 9,3 miljun

    3

    L-Arġentina

    DCI

    EUR 2,1 miljun

    1

    Reġjonali tal-Amerika Latina

    DCI

    EUR 41,6 miljun

    13

    6.   DATA TA' SKADENZA

    Id-data ta' skadenza għat-tressiq ta' proposti hija sa mhux iktar tard mit-13 ta' Marzu 2009. Il-proposti għandhom jintbagħtu lil dan l-indirizz:

    Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura

    Sejħa għall-proposti “Erasmus Mundus — Tieqa ta' Kooperazzjoni Esterna 08/”

    Unità P4

    Avenue du Bourget 1 (BOUR 00/37)

    B-1140 Brussell

    Il-verżjoni elettronika tal-applikazzjoni flimkien mad-dokumenti ta' sostenn għandhom jintbagħtu lil dan l-indirizz ta' posta elettronika:

    EACEA-EM-EXTCOOP@ec.europa.eu

    Se jkunu aċċettati biss il-proposti li jintbagħtu bl-użu tal-formola ta' applikazzjoni korretta, mimlija kif suppost u ttimbrata u verifikata mir-rappreżentant legali tal-istituzzjoni tal-edukazzjoni ogħla Ewropew li jkun applika.

    7.   AKTAR TAGĦRIF

    Il-Linji Gwida għall-applikanti għall-għotjiet u l-formola ta' applikazzjoni relevanti huma disponibbli fil-websajt li ġejja:

    http://eacea.ec.europa.eu/extcoop/call/index.htm

    L-applikazzjonijiet għandhom jintbagħtu bl-użu tal-formola ta' applikazzjoni relevanti u għandhom ikun fihom l-annessi kollha meħtieġa.


    Top