Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2008/253/07

Sejħa għal proposti — EACEA/30/08 — Azzjoni 4.6 — Sħubija — Programm Żgħażagħ Attivi

ĠU C 253, 4.10.2008, p. 19–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

4.10.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 253/19


SEJĦA GĦAL PROPOSTI — EACEA/30/08

Azzjoni 4.6 — Sħubija — Programm “Żgħażagħ Attivi”

(2008/C 253/07)

1.   GĦANIJIET U PRIJORITAJIET

Bl-azzjoni 4.6 tal-Programm Żgħażagħ Attivi, il-Kummissjoni Ewropea, permezz tal-Aġenzija Eżekuttiva tal-Edukazzjoni, Awdjoviżwali u l-Kultura, għandha l-għan li tappoġġa l-proġetti ta' sħubija ma' entitajiet pubbliċi reġjonali jew lokali jew ma' korpi li huma attivi fis-settur taż-żgħażagħ f'livell Ewropew.

Waqt li sezzjonijiet oħra tal-programm għandhom l-għan li jagħtu bosta sussidji lill-proġetti żgħar ta' skambju taż-żgħażagħ, lill-inizjattivi taż-żgħażagħ jew lit-tagħlim u l-inklużjoni fin-nisġa ta' nies li jaħdmu fil-qasam taż-żgħażagħ, din is-sejħa għandha l-għan li tippermetti l-għaqda ta' dawn il-proġetti żgħar fi proċess strutturali, li jkun propost minn entità pubblika jew korp ta' livell Ewropew. Għalhekk din toffri l-possibbiltà lill-benefiċjarju li jagħti dimensjoni u viżibiltà Ewropea lill-azzjoni tiegħu favur iż-żgħażagħ u/jew li jintervjeni flimkien mal-Unjoni Ewropea fl-appoġġ tal-proġetti favur iż-żgħażagħ li huma mmexxija minn terzi persuni (per eżempju, xi assoċjazzjonijiet ta' żgħażagħ stabbiliti fir-reġjun tal-benefiċjarju). Fil-fatt, il-proġetti magħquda b'dan il-mod għandhom jiġu implimentati direttament mill-benefiċjarju tas-sussidju, jew implimentati minn entitajiet oħra li huma appoġġati konġuntament mill-benefiċjarju u l-Unjoni. B'hekk, dan l-approċċ jagħmel parti minn proċess ta' sħubija bl-għan li jassigura l-akbar effett multiplikatur possibbli għall-azzjonijiet favur iż-żgħażagħ.

Din is-sejħa għandha l-għan li tappoġġa msieħba li jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' stateġiji u ta' programmi ta' attivitajiet maħduma flimkien ta' dimensjoni Ewropea għaż-żgħażagħ.

Konkretament, proġett appoġgat skont din is-sejħa jkun jikkonsisti fi programm ta' attivitajiet:

li jikkombina waħda jew bosta attivitajiet rilevanti mas-sub-Azzjonijiet 1.1, 1.2 u/jew 4.3 (minbarra l-inklużjoni fin-netwerk) tal-programm Żgħażagħ Attivi,

li huwa propost minn korp applikant eliġibbli li jintervjeni fil-proġett skont waħda biss minn dawn iż-żewġ proċeduri li ġejjin (waħda teskludi l-oħra):

(a)

jew l-implimentazzjoni diretta tal-programm ta' attivitajiet mill-korp applikant stess (proċedura A);

(b)

Jew l-organizzazzjoni li tapplika (il-koordinatur) għandha tassigura l-koordinazzjoni ta' l-implimentazzjoni tal-programm ta' attività li se jkun fil-fatt implimentat minn organizzazzjonijiet oħrajn (imsieħba) li jkunu jissodisfaw il-kriterji ta' eliġibilità speċifiċi għas-sotto-azzjonijiet tal-programm 'Żgħażagħ Attivi' (proċedura B). F'dan il-każ, l-organizzazzjonijiet imsieħba se jintgħażlu mill-organizzazzjoni li tapplika meta tiddaħħal l-applikazzjoni.

2.   APPLIKANTI ELIĠIBBLI

Il-proposti għandhom jiġu ppreżentati minn entitajiet pubbliċi lokali jew reġjonali jew minn korpi li huma attivi fis-settur taż-żgħażagħ f'livell Ewropew (ENGO) li għandhom organizzazzjonijiet membri f'ta mill-inqas 8 Pajjiżi tal-Programm Żgħażagħ Attivi.

L-applikazzjonijiet ta' dawk li jkollhom personalità ġuridika u li jkunu stabbiliti f'wieħed mill-pajjiżi tal-Programm minn mhux inqas minn sena mid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni biss huma eliġibbli. Il-Pajjiżi tal-Programm huma dawn li ġejjin:

l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea: il-Ġermanja, l-Awstrija, il-Belġju, l-Bulgarija, Ċipru, id-Danimarka, Spanja, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, l-Olanda, il-Polonja, il-Portugall, ir-Repubblika Ċeka, ir-Rumanija, ir-Renju Unit, is-Slovakkja, is-Slovenja, l-Iżvezja,

l-Istati tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) li huma parti mill-Ftehim taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE): l-Iżlanda, Liechtenstein u n-Norveġja,

il-pajjiżi kandidati li jibbenefikaw minn strateġija ta' qabel l-adeżjoni, b'mod konformi mal-prinċipji ġenerali, il-kondizzjonijiet u l-proċeduri ġenerali stabbiliti fil-ftehim ta' qafas konkluż ma' dawn il-pajjiżi għall-finijiet tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-programmi Komunitarji: t-Turkija.

3.   ATTIVITAJIET ELIĠIBBLI

L-attivitajiet eliġibbli li jistgħu jidhru f'programm ta' attivitajiet huma dawn li ġejjin:

1.

skambju ta' żgħażagħ — li jaqa' taħt is-sub-Azzjoni 1.1 tal-Programm Żgħażagħ Attivi (għal dettalji dwar il-kriterji ta' eliġibbiltà u regoli ta' finanzjament, ara l-Anness I);

2.

inizjattivi ta' żgħażagħ — li jaqa' taħt is-sub-Azzjoni 1.2 tal-Programm Żgħażagħ Attivi (għal dettalji dwar il-kriterji ta' eliġibbiltà u regoli ta' finanzjament, ara l-Anness I);

3.

attivitajiet li jaqgħu taħt is-sub-Azzjoni 4.3 tal-Programm Żgħażagħ Attivi, apparti mill-Attivitajiet ta' inklużjoni fin-netwerk (għal dettalji dwar il-kriterji ta' eliġibbiltà u regoli ta' finanzjament, ara l-Anness I).

Ebda attività oħra m'hi eliġibbli.

Il-programmi għandhom jibdew bejn l-1 ta' April 2009 u l-1 ta' Settembru 2009.

Il-programmi ta' attivitajiet jistgħu jiġu mifruxa fuq sentejn (24 xahar).

4.   KRITERJI TA' ATTRIBUZZJONI

Il-kwalità tal-proġett tkun ivvalutata skont il-kriterji li ġejjin:

A.

Kwalità ġenerali tal-programm ta' attivitajiet u tal-koordinazzjoni tiegħu, li tkun ivvalutata skont:

(a)

l-adegwatezza mal-objettivi tal-programm Żgħażagħ Attivi u ma' din is-sejħa għal proposti;

(b)

il-kwalità tal-kostruzzjoni tal-programm ta' attivitajiet u b'mod partikolari kif inhu mqassam;

(c)

il-firxa tal-programm ta' attivitajiet (jiġifieri l-effett multiplikatur tiegħu, l-impatt tiegħu f'tul ta' żmien għal numru sinifikattiv ta' żgħażagħ, il-visibiltà tiegħu u l-promozzjoni u l-użu tar-riżultati tiegħu);

(d)

in-numru ta' żgħażagħ u ta' animaturi taż-żgħażagħ li għandhom x'jaqsmu direttament mal-implimentazzjoni tal-programm ta' attivitajiet.

Il-kriterji kollha hawn fuq imsemmija (punt A) se jiġu jingħataw l-istess piż waqt l-evalwazzjoni

B.

Kwalità ta' kull attività inkluża fil-programm ta' attivitajiet, li tkun ivvalutata skont:

(a)

il-kriterji ta' attribuzzjoni kollha relatati ma' din l-attività (Kwalità tal-proġett u l-metodi proposti, il-Profil ta' dawk li jieħdu sehem u tal-promoturi ta' proġetti), kif ukoll l-importanza tagħhom għall-finijiet tal-evalwazzjoni, kif hemm dettaljat fl-Anness I.

Iż-żewġ kategoriji ta' kriterji jkollhom l-istess importanza waqt l-evalwazzjoni.

5.   BAĠIT DISPONIBBLI

Il-baġit totali allokat għall-kofinanzjament tal-proġetti fil-qafas ta' din is-sejħa għal proposti huwa stmat li jkun ta' madwar EUR 750 000.

L-ammont ta' sussidju mogħti lil kull proġett ma jkunx aktar minn EUR 100 000.

Fil-qafas tas-sħubija l-benefiċjarju jaqsam il-kofinanzjament tal-proġett mal-Kummissjoni Ewropea.

L-Aġenzija għandha d-dritt li ma tallokax il-fondi kollha disponibbli.

6.   DATA TAL-GĦELUQ TAL-APPLIKAZZJONI

L-applikazzjonijiet għandhom jintbagħtu lill-Aġenzija Eżekuttiva tal-Edukazzjoni, Awdjoviżwali u l-Kultura (“l-Aġenzija”) sa mhux iktar tard mill-1 ta' Diċembru 2008, fl-indirizz li ġej:

Agence Exécutive «Éducation, Audiovisuel et Culture»

Programme «Jeunesse en action»

Appel à propositions EACEA/30/08

BOUR 01/001

Avenue du Bourget, 1

B-1140 Bruxelles

L-applikazzjonijiet ppreżentati fuq il-formula adegwata, mimlijin kif xieraq, bid-data u ffirmati mill-persuna bis-setgħa li tirrapreżenta legalment il-korp li qiegħed jagħmel it-talba biss jistgħu jkunu aċċettati.

L-applikazzjonijiet li jintbagħtu bil-faks jew posta elettronika ma jiġux aċċettati.

7.   TAGĦRIF SĦIĦ

Il-linji gwida ddettaljati għall-applikanti, kif ukoll il-formoli ta' applikazzjoni jistgħu jinkisbu mill-indirizz li ġej:

http://eacea.ec.europa.eu/youth/calls2008/action46/index_en.htm

Huwa obbligatorju li l-applikazzjonijiet jintbagħtu fuq il-formula pprovduta u jkollhom l-Annessi u l-informazzjoni kollha mitluba.


Top