Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2008/141/13

Sejħa għal proposti 2008 — Programm Kultura (2007–2013) — Implimentazzjoni ta' l-azzjonijiet tal-programm: proġetti multiannwali ta' kooperazzjoni; miżuri ta' kooperazzjoni; azzjonijiet speċjali (pajjiżi terzi); u appoġġ għall-istituzzjonijiet attivi fil-qasam tal-kultura fil-livell Ewropew

ĠU C 141, 7.6.2008, p. 27–31 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

7.6.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 141/27


Sejħa għal proposti 2008 — Programm Kultura (2007–2013)

Implimentazzjoni ta' l-azzjonijiet tal-programm: proġetti multiannwali ta' kooperazzjoni; miżuri ta' kooperazzjoni; azzjonijiet speċjali (pajjiżi terzi); u appoġġ għall-istituzzjonijiet attivi fil-qasam tal-kultura fil-livell Ewropew

(2008/C 141/13)

Introduzzjoni

Din is-sejħa għal proposti hija bbażata fuq id-Deċiżjoni Nru 1855/2006/KE (1) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006, li tistabbilixxi l-Programm Kultura (2007 — 2013), aktar 'il quddiem imsejjaħ “il-Programm Kultura”. Il-kondizzjonijiet dettaljati ta' din is-sejħa għal proposti jinsabu fil-Gwida għall-Programm dwar il-Programm Kultura (2007 — 2013) ippubblikata fuq il-websajt ta' l-Ewropa (ara l-punt VIII). Il-Gwida għall-Programm tikkostitwixxi parti integrali minn din is-sejħa għal proposti.

I.   Għanijiet

Il-Programm Kultura twaqqaf biex ikabbar l-ispazju kulturali kondiviż mill-Ewropej, li huwa bbażat fuq il-wirt kulturali komuni, permezz ta' l-iżvilupp ta' attivitajiet ta' kooperazzjoni fost operaturi kulturali minn pajjiżi eliġibbli (2), bl-għan li tiġi mħeġġa l-feġġa ta' ċittadinanza Ewropea.

Il-Programm jimmira lejn tliet għanijiet speċifiċi:

il-promozzjoni tal-mobilità transnazzjonali ta' nies li jaħdmu fis-settur kulturali,

l-appoġġ għaċ-ċirkolazzjoni transnazzjonali ta' xogħlijiet u prodotti kulturali u artistiċi,

il-promozzjoni ta' djalogu interkulturali.

Il-Programm għandu approċċ flessibbli, interdixxiplinarju u jiffoka fuq il-bżonnijiet espressi minn operaturi kulturali fil-konsultazzjonijiet pubbliċi li wasslu għat-tfassil tiegħu.

II.   Linji

Din is-sejħa tkopri l-linji tal-Programm Kultura li ġejjin:

1.

Appoġġ għal proġetti kulturali (l-ewwel linja)

Organizzazzjonijiet kulturali jingħataw appoġġ biex jaħdmu flimkien fi proġetti mwettqa bejn il-fruntieri u biex joħolqu u jimplimentaw attivitajiet kulturali u artistiċi.

L-enfasi ta' din il-linja hi li tgħin organizzazzjonijiet, bħal teatri, mużewijiet, assoċjazzjonijiet professjonali, ċentri ta' riċerka, universitajiet, istituti kulturali u awtoritajiet pubbliċi minn pajjiżi differenti jipparteċipaw fil-Programm Kultura u jikkooperaw sabiex is-setturi differenti jkunu jistgħu jaħdmu flimkien u jestendu l-firxa kulturali u artistika tagħhom bejn il-fruntieri.

Din il-linja tinqasam f'erba' kategoriji, iddettaljati hawn taħt.

Linja 1.1: Proġetti Multiannwali ta' Kooperazzjoni (li jdumu minn tlieta sa ħames snin)

L-ewwel kategorija tfittex li trawwem rabtiet kulturali transnazzjonali multiannwali billi tinkoraġġixxi minimu ta' sitt operaturi kulturali ġejjin minn talanqas sitt pajjiżi eliġibbli biex jikkooperaw u jaħdmu f'setturi partikolari u f'setturi diversi fl-iżvilupp ta' attivitajiet kulturali konġunti fuq perjodu ta' minn tlieta sa ħames snin. Hemm fondi disponibbli bejn minimu ta' EUR 200 000 u massimu ta' EUR 500 000 fis-sena, iżda l-appoġġ mill-UE huwa limitat għal massimu ta' 50 % ta' l-ispiża totali eliġibbli. Il-fondi huma maħsuba biex jgħinu jwaqqfu jew jestendu l-firxa ġeografika ta' proġett u jagħmluh sostenibbli wara l-perjodu tal-finanzjament.

Linja 1.2.1: Proġetti ta' Kooperazzjoni (li jdumu sa 24 xahar)

It-tieni kategorija hija dwar azzjonijiet kondiviżi minn minimu ta' tliet operaturi kulturali, li jaħdmu f'settur partikolari jew f'diversi setturi, ġejjin minn talanqas tliet pajjiżi eliġibbli fuq perjodu massimu ta' sentejn. L-azzjonijiet indikati b'mod speċjali huma dawk li jesploraw mezzi ta' kooperazzjoni fit-tul. Hemm fondi disponibbli ta' bejn EUR 50 000 u EUR 200 000, iżda l-appoġġ ta' l-UE huwa limitat għal massimu ta' 50 % ta' l-ispiża totali eliġibbli.

Linja 1.2.2: Proġetti ta' Traduzzjoni Letterarja (li jdumu sa 24 xahar)

It-tielet kategorija tikkonċerna l-appoġġ għal proġetti ta' traduzzjoni. L-appoġġ ta' l-UE għat-Traduzzjoni Letterarja huwa mmirat sabiex itejjeb l-għarfien ta' l-Ewropej tal-letteratura u l-wirt letterarju ta' xulxin permezz tal-promozzjoni taċ-ċirkolazzjoni ta' xogħlijiet ta' immaġinazzjoni (fiction) bejn il-pajjiżi. Djar tal-pubblikazzjoni jistgħu jingħataw għotjiet għat-traduzzjoni u l-pubblikazzjoni ta' xogħlijiet letterarji minn lingwa Ewropea għal oħra. Hemm fondi disponibbli ta' bejn EUR 2 000 u EUR 60 000, iżda l-appoġġ ta' l-UE huwa limitat għal massimu ta' 50 % ta' l-ispiża totali eliġibbli.

Linja 1.3: Proġetti ta' Kooperazzjoni ma' Pajjiżi Terzi (li jdumu sa 24 xahar)

Ir-raba' kategorija tfittex li tappoġġja proġetti ta' kooperazzjoni kulturali immirati lejn skambji kulturali bejn pajjiżi li qed jieħdu sehem fil-Programm u Pajjiżi Terzi li għandhom ftehim ta' assoċjazzjoni jew kooperazzjoni ma' l-UE, sakemm dan ta' l-aħħar ikun jinkludi klawżoli kulturali. Kull sena jintgħażel Pajjiż Terz wieħed jew aktar għal dik is-sena partikolari. Il-pajjiż jew pajjiżi jiġu eventwalment indikati kull sena fuq il-websajt ta' l-Aġenzija Eżekuttiva qabel id-data ta' l-għeluq tas-sottomissjoni.

L-azzjoni tkun teħtieġ li tiġġenera dimensjoni internazzjonali ta' kooperazzjoni konkreta. Il-proġetti ta' kooperazzjoni jinvolvu mill-anqas tliet operaturi kulturali, ġejjin minn talanqas tliet pajjiżi eliġibbli b'kooperazzjoni kulturali ma' mill-anqas organizzazzjoni waħda mill-Pajjiż Terz magħżul u/jew jinvolvu attivitajiet kulturali mwettqa fil-Pajjiż Terz magħżul. Hemm fondi disponibbli ta' bejn EUR 50 000 u massimu ta' EUR 200 000, iżda l-appoġġ mill-UE huwa limitat għal massimu ta' 50 % ta' l-ispiża totali eliġibbli.

2.

Appoġġ għall-Organizzazzjonijiet Attivi fil-Qasam tal-Kultura fil-Livell Ewropew (Linja 2)

Organizzazzjonijiet kulturali li jaħdmu, jew jixtiequ jaħdmu, fil-livell Ewropew fil-qasam tal-kultura jistgħu jirċievu appoġġ għall-ispejjeż operattivi tagħhom. Din il-linja hija mmirata lejn organizzazzjonijiet li jippromwovu sens ta' esperjenza kulturali kondiviża b'dimensjoni verament Ewropea.

L-għotja maħruġa taħt din il-linja hija b'appoġġ għall-ispejjeż operattivi magħmula fir-rigward ta' l-attivitajiet permanenti ta' organizzazzjonijiet benefiċjarji. Din hija ferm differenti minn kull tip ta' għotja oħra li tista' tingħata taħt il-linji l-oħra tal-Programm.

Erba' kategoriji ta' organizzazzjonijiet huma eliġibbli taħt din il-linja:

(a)

ambaxxaturi;

(b)

netwerks ta' l-advocacy;

(c)

festivals;

(d)

strutturi ta' appoġġ għall-Politika dwar l-Aġenda Kulturali, maqsuma ulterjorment f'żewġ sottokategoriji:

(i)

pjattaformi ta' djalogu strutturat;

(ii)

gruppi għall-Analiżi tal-Politika.

Hemm fondi massimi disponibbli, skond il-kategorija li għaliha ssir l-applikazzjoni, iżda l-appoġġ ta' l-UE huwa limitat għal massimu ta' 80 % ta' l-ispejjeż totali eliġibbli.

III.   Azzjonijiet u Applikanti Eliġibbli

Il-Programm Kultura jappoġġa proġetti, organizzazzjonijiet, attivitajiet promozzjonali u riċerka fil-friegħi kollha tal-kultura, minbarra l-fergħa awdjoviżiva li għaliha hemm programm separat bl-isem MEDIA (3). L-operaturi kulturali, li jinkludu intrapriżi kulturali, jistgħu jipparteċipaw fil-Programm Kultura sakemm dawn ikunu joperaw f'kapaċità kulturali mhux għall-profitt.

Applikanti eliġibbli għandhom:

ikunu organizzazzjonijiet pubbliċi (4) jew privati bi status legali, li l-attività prinċipali tagħhom tkun fl-isfera kulturali (setturi kulturali u kreattivi), u

jkollhom is-sede legali irreġistrata f'wieħed mill-pajjiżi eliġibbli.

Persuni fiżiċi mhumiex eliġibbli biex japplikaw għal għotja taħt dan il-Programm.

IV.   Pajjiżi Eliġibbli

Pajjiżi eliġibbli taħt dan il-Programm huma:

l-istati Membri ta' l-UE (5),

pajjiżi taż-ŻEE (6) (l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja),

pajjiżi kandidati għas-sħubija fl-UE (il-Kroazja, it-Turkija u dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja) u s-Serbja.

Il-pajjiżi tal-Balkani tal-punent (l-Albanija, l-Bożnija u l-Ħerzegovina, u l-Montenegro) jistgħu jsiru eliġibbli fil-futur, soġġetti għall-konklużjoni ta' Memorandum ta' Ftehim dwar il-parteċipazzjoni ta' kull wieħed minn dawk il-pajjiżi fil-Programm (7).

V.   Kriterji ta' l-għoti

(1)

kemm jista' l-proġett jiġġenera valur miżjud Ewropew reali (0-5 punti totali);

(2)

ir-relevanza ta' l-attivitajiet għall-għanijiet speċifiċi tal-Programm (0-5 punti totali);

(3)

kemm huma mfassla tajjeb l-attivitajiet proposti, u kemm jistgħu jitwettqu b'suċċess b'livell ta' eċċellenza għoli (0-5 punti totali);

(4)

il-kwalità ta' sħubija (għal-linji 1.1, 1.2.1, u 1.3 biss) (0-5 punti totali);

(5)

kemm jistgħu l-attivitajiet jipproduċu riżultati li jiksbu l-għanijiet tal-Programm (0-5 punti totali);

(6)

kemm se jkunu kkomunikati u promossi b'mod xieraq ir-riżultati ta' l-attivitajiet (0-5 punti totali);

(7)

l-impatt fit-tulis-sostenibbiltà (mhux għal-linja 1.2.2) (0-5 punti totali);

(8)

id-Dimensjoni Internazzjonali tal-Kooperazzjoni (għal-linja 1.3 biss: Proġetti ta' Kooperazzjoni Kulturali ma' Pajjiżi Terzi) (0-5 punti totali).

VI.   Baġit

Il-Programm għandu baġit totali ta' EUR 400 miljun (8) għall-perjodu 2007-2013.

L-approprjazzjonijiet annwali totali, inklużi għal dawk l-azzjonijiet li ma jiffurmawx parti mill-Gwida għall-Programm, jistgħu jvarjaw minn madwar EUR 43 miljun għal madwar EUR 58 miljun, jiddependi mis-sena. Fuq proposta mill-Kummissjoni, l-analiżi tal-baġit annwali għal kull linja (konformi mal-previżjonijiet indikati aktar 'l isfel) hija approvata mill-Kumitat tal-Programm.

Baġit previst għall-2009 għal-linji li ġejjin:

Linja 1.1

Proġetti Multiannwali ta' Kooperazzjoni

EUR 18 200 000

Linja 1.2.1

Proġetti ta' Kooperazzjoni

EUR 17 049 440

Linja 1.2.2

Proġetti ta' Traduzzjoni Letterarja

EUR 2 000 000

Linja 1.3

Proġetti ta' Kooperazzjoni ma' Pajjiżi Terzi

EUR 1 024 000

Linja 2

Appoġġ għall-Organizzazzjonijiet Attivi fil-Qasam tal-Kultura fil-Livell Ewropew

EUR 7 100 000

VII.   Dati ta' l-għeluq ta' l-applikazzjonijiet

Linji

Data ta' l-għeluq għas-Sottomissjonijiet

Linja 1

Appoġġ għall-proġetti kulturali

 

Linja 1.1

Proġetti Multiannwali ta' Kooperazzjoni

1 ta' Ottubru 2008

Linja 1.2.1

Proġetti ta' Kooperazzjoni

1 ta' Ottubru 2008

Linja 1.2.2

Proġetti ta' Traduzzjoni Letterarja

1 ta' Frar 2009

Linja 1.3

Proġetti ta' Kooperazzjoni Kulturali ma' Pajjiżi Terzi

1 ta' Mejju 2009

Linja 2

Appoġġ għall-Organizzazzjonijiet Attivi fil-Qasam tal-Kultura fil-Livell Ewropew

1 ta' Novembru 2008

Jekk id-data ta' l-għeluq għas-sottomissjoni taħbat is-Sibt, il-Ħadd jew fi btala pubblika fil-pajjiż ta' l-applikant, l-ebda estensjoni ma tingħata, u dan għandu jitqies mill-applikanti fl-ippjanar tas-sottomissjoni tagħhom.

Id-dati ta' l-għeluq għas-sottomissjoni ta' l-applikazzjonijiet għas-snin ta' wara taħt il-Programm Kultura għandhom ikunu l-istess dati kalendarji indikati fil-Gwida għall-Programm.

VIII.   Aktar informazzjoni

Il-kondizzjonijiet dettaljati għall-applikazzjoni jinsabu fil-Gwida għall-Programm Kultura fuq il-websajts li ġejjin:

 

Direttorat Ġenerali għall-Edukazzjoni u Kultura

http://ec.europa.eu/culture/index_en.htm

 

Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, Awdjoviżiv u Kultura

http://eacea.ec.europa.eu/culture/index_en.htm


(1)  ĠU L 372, 27.12.2006.

(2)  Ara l-punt IV.

(3)  http://eacea.eu.europa.eu/media/index_en.htm

(4)  Organizzazzjoni pubblika hija kkunsidrata bħala kull organizzazzjoni li xi parti mill-ispejjeż tagħha huma ffinanzjati mill-baġit ta' l-Istat bħala dritt, mill-gvern ċentrali, reġjonali jew lokali. Jiġifieri, dawn l-ispejjeż huma ffinanzjati mill-fondi tas-settur pubbliku miġbura mit-tassazzjoni, multi jew ħlasijiet stabbiliti bil-liġi, mingħajr il-ħtieġa li jgħaddu minn proċess ta' applikazzjoni li jista' jirriżulta f'nuqqas ta' suċċess fil-ksib tal-fondi. Organizzazzjonijiet li jiddependu mill-fondi ta' l-Istat għall-eżistenza tagħhom u jirċievu għotjiet sena wara sena, imma li għalihom teżisti l-possibbiltà, anki jekk teoretika, li ma jirnexxilhomx jirċievu l-flus f'xi sena partikolari, huma meqjusa bħala organizzazzjonijiet privati.

(5)  Is-27 Stat Membru: l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, l-Olanda, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakja, is-Slovenja, Spanja, l-Iżvezja, ir-Renju Unit.

(6)  Żona Ekonomika Ewropea.

(7)  Aktar informazzjoni dwar żviluppi li jikkonċernaw dawn il-Pajjiżi Terzi tixxandar fil-websajt ta' l-Aġenzija Eżekuttiva: http://eacea.ec.europa.eu

(8)  Pajjiżi eliġibbli li mhumiex fl-UE jikkontribwixxu wkoll għall-baġit tal-Programm.


Top