Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2008/071/02

    Kultura (2007-2013) — Sejħa għall-proposti — EACEA/05/08 — Azzjonijiet speċjali ta' kooperazzjoni kulturali ma' u u f'pajjiżi terzi

    ĠU C 71, 18.3.2008, p. 2–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    18.3.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    C 71/2


    KULTURA (2007-2013)

    Sejħa għall-proposti — EACEA/05/08

    Azzjonijiet speċjali ta' kooperazzjoni kulturali ma' u u f'pajjiżi terzi

    (2008/C 71/02)

    1.   Bażi legali

    Din is-sejħa għal proposti hija bbażata fuq id-Deċiżjoni 1855/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 li tistabbilixxi l-programm Kultura (2007-2013) (1) (minn issa 'l quddiem issir referenza għalih bħala “il-Programm”).

    2.   Objettivi u deskrizzjoni

    Il-Programm hu parti mill-impenn kontinwu ta' l-Unjoni Ewropea biex tkattar l-ispazju kulturali komuni fost l-Ewropej u huwa bbażat fuq wirt kulturali komuni permezz ta' l-iżvilupp ta' kooperazzjoni kulturali bejn dawk li joħolqu l-kultura, dawk li jieħdu sehem fiha u l-istituzzjonijiet kulturali tal-pajjiżi li qed jipparteċipaw fil-Programm. Dan qed isir bil-għan li tiġi promossa l-idea ta' ċittadinanza Ewropea.

    Il-Programm jipprovdi għall-intervent tal-Komunità biex jappoġġja “miżuri speċjali” u f'dan il-qafas, jista' jingħata appoġġ għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi u għal organizzazzjonijiet internazzjonali.

    B'mod aktar speċifiku, il-Programm jista' jkun miftuħ ukoll għal kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi, li kkonkludew ftehim ta' assoċjazzjoni jew ftehim ta' kooperazzjoni mal-Komunità, dejjem jekk dawn ta' l-aħħar ikun fihom klawsoli relatati mal-kultura, u dan fuq il-bażi ta' approprijazzjonijiet supplimentari u proċeduri speċifiċi li jridu jiġu definiti.

    3.   Għan tas-sejħa għal proposti

    Sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-Programm, din is-sejħa għall-proposti għandha l-għan li tagħti appoġġ lil proġetti ta' kooperazzjoni kulturali mmirati lejn l-iskambji kulturali bejn il-pajjiżi li jieħdu sehem fil-Programm u pajjiż terz magħżul, il-Brażil.

    Il-proġetti ta' kooperazzjoni huma bi-annwali (2008-2010) u għandhom jinvolvu kooperazzjoni kulturali ma' l-organizzazzjonijiet tal-pajjiż terz magħżul u/jew jinvolvu attivitajiet kulturali mwettqa fil-Brażil.

    L-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura (minn issa 'l quddiem issir referenza għaliha bħala l-“Aġenzija Eżekuttiva”) hi responsabbli għat-twettiq tas-sejħa għall-proposti.

    4.   Baġit disponibbli u tul tal-proġett

    Il-baġit totali mogħti għal din is-sejħa għall-proposti huwa ta' EUR 1 miljun.

    Il-livell tal-kofinanzjament tal-Komunità m'għandux jaqbeż il-50 % ta' l-ispejjeż eliġibbli assoċjati ma' kull proġett (limitu massimu ta' EUR 200 000 għal kull proġett).

    It-tul massimu tal-proġetti huwa ta' 24 xahar.

    5.   Kriterji ta' eliġibbiltà u kriterji ta' l-għażla

    Applikanti eliġibbli għandhom ikunu organizzazzjonjiet kulturali pubbliċi jew privati bi stejtus legali, li l-attività prinċipali tagħhom tkun fil-qasam kulturali, u li huma kapaċi juru esperjenza li għallinqas tkun twila sentejn fil-qasam ta' tfassil u ġestjoni ta' proġett kulturali fuq livell internazzjonali, b'mod partikulari fil-Brażil. Dawk l-organizzazzjonijiet għandhom ikunu involuti kemm fid-disinn kif ukoll fl-implimentazzjoni tal-proġett, u jagħmlu wkoll kontribuzzjoni reali u sinjifikanti għall-baġit tal-proġett. Dawk l-organizzazzjonijiet għandhom jipprovdu għallinqas 50 % tal-baġit totali tal-proġett

    Dawk l-organizzazzjonijiet għandu jkollhom is-sede legali reġistrat tagħhom f'wieħed mill-pajjiżi li jkun qed jieħu sehem fil-Programm (2). Dawk l-organizzazzjonijiet għandu jkollhom ukoll il-kapaċità finanzjarja u l-kapaċità operattiva biex itemmu b'suċċess il-proġetti ta' kooperazzjoni.

    Proġetti eliġibbli jikkorrispondu ma' proġetti ta' kooperazzjoni kulturali bi-annwali li jinvolvu kooperazzjoni bejn mill-inqas tliet (3) operaturi kulturali minn għallinqas 3 pajjiżi eliġibbli differenti. Il-proġett eliġibbli għandu jinvolvi wkoll għallinqas sieħeb assoċjat wieħed jew mill-Brażil. Il-kooperazzjoni għandha tkun appoġġjata b'dikjarazzjoni ta' sħubija ffirmata bejn l-operaturi kulturali Ewropej u s-sieħeb (sħab) assoċjati fil-Brażil. Għallinqas 50 % ta' l-attivitajiet imwettqa taħt il-proġetti ta' kooperazzjoni kulturali għandhom iseħħu fuq it-territorju tal-pajjiż terz in kwistjoni (Brażil). Tista' tingħata prijorità għal proġetti ta' kooperazzjoni ma' imsieħba assoċjati li għandhom is-sede legali tagħhom reġistrata fil-Brażil.

    6.   Kriterji ta' l-aġġudikazzjoni

    L-aġġudikazzjoni ta' għotja mhux biss hija dipendenti fuq l-analiżi tal-kriterji ta' l-eliġibbiltà, l-esklużjoni u l-għażla. Id-deċiżjoni hija stabbilita fuq il-bażi tal-kriterji ta' l-għoti.

    Il-kriterji ta' l-għoti jistgħu jkunu deskritti kif ġej:

    (1)

    kemm il-proġett jista' jiġġenera valur miżjud Ewropew reali;

    (2)

    kemm il-proġett jista' jiġġenera dimensjoni ta' kooperazzjoni internazzjonali reali;

    (3)

    il-kwalità tas-sħubija bejn l-imsieħba u l-imsieħba assoċjati fil-pajjiż terz;

    (4)

    kemm il-proġett jista' juri livell xieraq ta' innovazzjoni u kreattività;

    (5)

    kemm l-attivitajiet jistgħu jiġġeneraw livell xieraq ta' sostenibbiltà;

    (6)

    kemm ir-riżultati ta' l-attivitajiet proposti jistgħu jiġu komunikati u promossi b'mod xieraq — viżibilità.

    7.   Data ta' għeluq għas-sottomissjoni ta' l-applikazzjonijiet

    1 ta' Ġunju 2008.

    8.   Iktar informazzjoni

    L-ispeċifikazzjonijiet relatati ma' din is-sejħa għall-proposti EACEA/05/08 huma parti minnha. L-applikazzjonijiet għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-ispeċifikazzjonijiet u għandhom jiġu sottomessi billi jintużaw il-formoli ta' l-applikazzjoni provduti għal dan il-għan.

    L-ispeċifikazzjonijiet, il-pakkett ta' l-applikazzjoni u l-formoli kollha rilevanti huma disponibbli fuq is-sit ta' l-Internet ta' l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura: http://eacea.ec.europa.eu


    (1)  ĠU L 372, 27.12.2006, p. 1.

    (2)  Is-27 Stat Membru ta' l-Unjoni Ewropea; il-pajjiżi taż-ŻEE (l-Iżlanda, il-Lichtenstein, in-Norveġja); il-pajjiżi kandidat (il-Kroazja, FYROM u t-Turkija); is-Serbja.


    Top