EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2007/297/35

Kawża C-423/07: Rikors imressaq fit- 13 ta' Settembru 2007 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Renju ta' Spanja

ĠU C 297, 8.12.2007, p. 21–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

8.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 297/21


Rikors imressaq fit-13 ta' Settembru 2007 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Renju ta' Spanja

(Kawża C-423/07)

(2007/C 297/35)

Lingwa tal-kawża: L-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: D. Kukovec, bħala aġent u M. Canal Fontcuberta, avukat)

Konvenut: Ir-Renju ta' Spanja

Talbiet tar-rikorrenti

Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jogħġobha:

tiddikjara li r-Renju ta' Spanja, billi ma inkludiex fost ix-xogħlijiet suġġetti għal konċessjoni, fis-sejħa għal offerti u fid-dokumenti tas-sejħa għall-offerti li jirrigwardaw l-għoti ta' konċessjoni amministrattiva għall-kostruzzjoni, iż-żamma u l-ġestjoni ta' parti tat-triq A-6 li twassal għal Segovia u Ávila, kif ukoll għall-kostruzzjoni, iż-żamma u l-ġestjoni tal-parti ta' l-imsemmija triq minn Villalba sa Adanero, xogħlijiet allokati iktar tard, naqas mill-obbligi imposti fuqu skond l-Artikoli 3 u 11(3), (6), (7), (11) u (12) tad-Direttiva 93/37/KEE (1), kif ukoll il-prinċipji tat-Trattat KE, b'mod partikolari il-prinċipju ta' trattament ugwali u ta' non-diskriminazzjoni

tikkundanna lir-Renju ta' Spanja jbati l-ispejjeż

Motivi u argumenti prinċipali

Skond id-digriet irjali tal-5 ta' Novembru 1999, Nru 1724, il-Ministerio de Fomento (Ministeru għall-Infrastruttura) ta konċessjoni għall-kostruzzjoni, iż-żamma u l-ġestjoni ta' parti ta' triq li l-użu tagħha huwa bi ħlas: it-triq bi ħlas A-6 li twassal għal Segovia, u t-triq bi ħlas A-6 li twassal għal Ávila, kif ukoll l-għoti għaż-żamma u l-ġestjoni mill-2018 tat-triq bi ħlas A-6 fil-parti minn Villalba sa Adanero. Fl-okkażjoni ta' l-għoti ta' din il-konċessjoni ngħataw xogħlijiet oħra li ma kinux parti mis-sejħa għall-offerti, ta' valur ogħla mill-valur totali tax-xogħlijiet li kienu suġġetti għall-pubblikazzjoni u li kienu jinsabu barra miż-żona kkonċernata mill-konċessjoni.

Minn naħa, il-Kummissjoni ssostni li r-Renju ta' Spanja, billi ta x-xogħlijiet mingħajr ma ġew ippubblikati minn qabel, kiser l-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/37, u għaldaqstant l-Artikolu 11(3), (6), (7), (11) u (12) ta' din id-Direttiva. Il-Kummissjoni tosserva li x-xogħlijiet mogħtija kellhom ikunu suġġetti għal pubblikazzjoni fil-Ġurnal Ufficjali, skond id-Direttiva 93/37.

Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tikkunsidra li ma kien hemm l-ebda indikazzjoni, la fis-sejħa għall-offerti, u lanqas fid-dokumenti tas-sejħa għall-offerti ppubblikati li kien jagħti lill-offerenti l-possibbiltà li jipproponu xogħlijiet għal partijiet barra mit-triq bi ħlas A-6 li twassal għal Segovia u Ávila bħal dawk mogħtija iktar tard. Fid-dawl ta' dan, il-Kummissjoni tqis li l-awtoritajiet Spanjoli kisru l-prinċipju ta' trattament ugwali billi laqgħu proposta li hija manifestament differenti mill-kundizzjonijiet fundamentali stabbiliti fis-sejħa għall-offerti u fid-dokumenti tas-sejħa għall-offerti.


(1)  Direttiva tal-Kunsill 93/37/KEE, ta' l-14 ta' Ġunju 1993, li tikkonċerna l-koordinament tal-proċeduri għall-għoti ta' kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi (ĠU L 199, p. 54).


Top