EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2007/183/29

Kawża C-237/07: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Ġermanja) fl- 14 ta' Mejju 2007 — Dieter Janacek vs Freistaat Bayern

ĠU C 183, 4.8.2007, p. 18–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

4.8.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 183/18


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Ġermanja) fl-14 ta' Mejju 2007 — Dieter Janacek vs Freistaat Bayern

(Kawża C-237/07)

(2007/C 183/29)

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesverwaltungsgericht

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Dieter Janacek

Konvenuta: Freistaat Bayern

Domandi preliminari

1)

L-Artikolu 7(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 96/62/KE tas-27 ta' Settembru 1996, dwar l-istima u l-immaniġġar tal-kwalità ta' l-arja ċirkostanti (1), għandu jiġi interpretat fis-sens li lil terza persuna, li sostniet ħsara għal saħħitha, jingħata dritt suġġettiv għat-tfassil ta' pjan għall-azzjoni anki meta, indipendentement mill-pjan għall-azzjoni, din il-persuna hija fil-pożizzjoni li tinvoka d-dritt tagħha għall-ħarsien minn effetti ta' ħsara għas-saħħa minħabba li jintlaħaq il-valur limitu ta' emissjoni stabbilit għall-partiċelli rqaq ta' trab PM10, billi tagħmel rikors sabiex tikseb l-intervent ta' awtorità kompetenti?

2)

Fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta fil-pożittiv: terza persuna, li hija esposta għal effetti ta' ħsara għas-saħħa prodotti minn partiċelli rqaq ta' trab PM10, għandha dritt għat-tfassil ta' pjan għall-azzjoni li jistipula l-miżuri li għandhom jittieħdu fuq medda qasira, sabiex jiżguraw osservanza stretta tal-valur limitu ta' emmissjoni stabbilit għall-partiċelli rqaq ta' trab PM10?

3)

Fil-każ li t-tieni domanda tingħata risposta fin-negattiv, f'liema miżura, permezz tal-miżuri stabbiliti fil-pjan għall-azzjoni, għandu jitnaqqas ir-riskju li jintlaħaq il-valur limitu u għandu jiġi limitat t-tul tiegħu? Il-pjan għall-azzjoni jista', permezz ta' programm gradwali, ikun limitat għal miżuri li, minkejja li ma jiggarantixxux ir-rispett tal-valur limitu, jikkontribwixxu madankollu għat-titjib fuq medda qasira fil-kwalità ta' l-arja?


(1)  ĠU L 296, p. 55.


Top