EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2007/170/30

Kawża C-262/07 P: Appell imressaq fl- 1 ta' Ġunju 2007 minn Tokai Europe GmbH kontra d-digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza (Ir-Raba' Awla) fid- 19 ta' Marzu 2007 fil-Kawża T-183/04, Tokai Europe GmnH vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

ĠU C 170, 21.7.2007, p. 16–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

21.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 170/16


Appell imressaq fl-1 ta' Ġunju 2007 minn Tokai Europe GmbH kontra d-digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza (Ir-Raba' Awla) fid-19 ta' Marzu 2007 fil-Kawża T-183/04, Tokai Europe GmnH vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

(Kawża C-262/07 P)

(2007/C 170/30)

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Tokai Europe GmbH (rappreżentant: G. Kroemer, avukat)

Il-parti l-oħra fil-kawża: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej fid-19 ta' Marzu 2007 fil-Kawża T-183/04 (1) u tiddikjara l-appell ammissibbli;

sussidjarjament, tannulla d-digriet, imsemmi aktar 'il fuq, tal-Qorti tal-Prim'Istanza u terġa' tibgħat il-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza,

tikkudanna l-Kummissjoni tbati l-ispejjeż ta' l-appell.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta' l-appell tagħha, ir-rikorrenti tinvoka l-ilmenti segwenti, ibbażati fuq ksur tar-regoli proċedurali tad-dritt Komunitarju mid-digriet ikkontestat li, allegatament ippreġudika l-interessi tagħha u li effettivament kellu impatt fuq il-kontenut tad-digriet ikkontestat. Dan il-ksur jikkonċerna l-ħarsien tad-drittijiet tad-difiża u l-miżuri istruttorji.

Ir-rikorrenti ssostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li d-deċiżjoni dwar l-eċċezzjoni ta' inammissibbiltà, imqajma mill-Kummissjoni, għandha tiġi rriżervata sas-sentenza finali. Hija żżid tgħid li, wara l-preżentata tar-risposta tal-Kummissjoni, il-Qorti tal-Prim'Istanza għalqet il-proċedura bil-miktub u indikat li d-data tas-seduta kienet ser tkun ikkomunikata lill-partijiet aktar tard. Konsegwentament, billi ħasbet li kienet ser tinżamm seduta u, barra minn hekk, abbażi tad-digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza dwar l-eċċezzjoni ta' inammissibiltà, ir-rikorrenti rrinunzjat għad-dritt tagħha li tippreżenta talba taħt l-Artikolu 47(1) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex jiġi kkompletat il-proċess. Minkejja dak li kien ġie indikat qabel, il-Qorti tal-Prim'Istanza finalment tat id-digriet ikkontestat mingħajr ma nżammet seduta.

Ir-rikorrenti ħasbet li, fis-seduta nnotifikata, hija kienet ser tkun tista' turi mill-ġdid li fis-suq ma kien jeżisti l-ebda prodott simili għar-roti żgħar tal-metall ipprovduti mill-kumpanija parent Ġappuniża lill-manifatturi ta' Hong Kong u tal-Messiku. Minbarra dan, hija kellha l-intenzjoni terġa' tispjega li r-roti żgħar tal-metall in kwistjoni ma kinux “roti li jikkawżaw frizzjoni”, kif kienet iddeskriviethom ħażin il-Kummissjoni fir-risposta tad-difiża. Fis-seduta, ir-rikorrenti xtaqet tispeċifika wkoll li r-roti żgħar tal-metall deskritti fir-regolament ta' klassifikazzjoni setgħu jiġu manifatturati biss mill-kumpannija parent Ġappuniża u li dawn ir-roti żgħar ma kinux ta' natura ġenerika, kuntrarjament għal dak li l-Qorti tal-Prim'Istanza kienet indikat fid-digriet ikkontestat. Hija kellha wkoll l-intenzjoni li tirribatti l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni li hija mhijiex l-importatriċi esklużiva tal-lighters tas-sigarretti Tokai.

Madankollu, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata stess, il-Qorti tal-Prim'Istanza segwiet l-argumentazzjoni żviluppata mill-Kummissjoni fir-risposta tad-difiża dwar l-eċċezzjoni ta' l-ammissibiltà, mingħajr ma tat lir-rikorrenti l-possibbiltà li tikkontesta l-verżjoni tal-fatti ppreżentata mill-Kummissjoni fil-kuntest ta' seduta, kuntrarjament għal dak li kien ġie nnotifikat. Ir-rikorrenti tikkunsidra li dan in-nuqqas jikkostitwixxi ksur tad-dritt tagħha għal smigħ xieraq.

Minbarra dan, ir-rikorrenti tqis li l-Qorti tal-Prim'Istanza għandha l-obbligu li tistabbilixxi l-fatti. F'dan ir-rigward, hija mhijiex marbuta li tillimita lilha nnifisha li teżamina l-fatti tal-kawżi li tkun adita bihom billi ssegwi esklużivament it-talbiet għal miżuri istruttorji magħmula mill-partijiet u li tiddeċiedi abbażi tal-prova li jiġu ppreżentati quddiemha biss. Għaldaqstant, hija mhux biss għandha l-possibbiltà li taġixxi ex officio, iżda għandha l-obbligu li tagħmel dan jekk hemm bżonn. Konsegwentement, il-Qorti tal-Prim'Istanza kellha teżamina l-fatti ppreżentati fl-osservazzjonijiet tar-rikorrenti u kellha titlob lill-partijiet jippreżentaw id-dokumenti u provi rilevanti, billi tieħu l-miżuri xierqa. Billi ma ħaditx dawn il-miżuri, il-Qorti tal-Prim'Istanza kisret l-Artikolu 64(3)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha.


(1)  Mhux ippublikat.


Top