Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2007/140/11

    Kawża C-139/07 P: Appell imressaq fit- 8 ta' Marzu 2007 mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (Il-Ħames Awla) mogħtija fl- 14 ta' Diċembru 2006 fil-Kawża T-237/02, Technische Glaswerke Ilmenau GmbH vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

    ĠU C 140, 23.6.2007, p. 6–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    23.6.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    C 140/6


    Appell imressaq fit-8 ta' Marzu 2007 mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (Il-Ħames Awla) mogħtija fl-14 ta' Diċembru 2006 fil-Kawża T-237/02, Technische Glaswerke Ilmenau GmbH vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

    (Kawża C-139/07 P)

    (2007/C 140/11)

    Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

    Partijiet

    Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: V. Kreuschitz, P. Aalto, aġenti)

    Partijiet oħra fil-kawża: Technische Glaswerke Ilmenau GmbH, Schott Glas, Ir-Renju ta' l-Iżvezja, Ir-Repubblika Finlandiża

    Talbiet tar-rikorrenti

    tannulla s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Diċembru 2006 (1) kawża T-237/02, Technische Glaswerke Ilmenau GmbH vs Il-Kummissjoni, li tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Mejju 2002, li tiċħad il-konsultazzjoni ta' dokumenti li jirrigwardaw il-proċedimenti ta' eżami ta' l-għajnuna mogħtija lil Technische Glaswerke Ilmenau GmbH, u

    tikkundanna lil Technische Glaswerke Ilmenau GmbH tbati l-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' 4 Diċembru 2006, kawża T-237/02, li annullat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Mejju 2002 sa fejn tiċħad l-aċċess għal ċerti dokumenti li jirrigwardaw il-proċedimenti ta' eżami ta' l-għajnuna mogħtija lil Technische Glaswerke Ilmenau GmbH.

    Skond il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Prim'Istanza, fil-proċedimenti ta' eżami fil-qasam ta' l-għajnuna, il-partijiet, u għaldaqstant anki l-benefiċjarji ta' l-għajnuna, m'għandhomx dritt għall-aċċess ta' l-inkartament. Għaldaqstant il-Qorti tal-Prim'Istanza wettqet żball fid-dritt meta ddikjarat, fil-punti 87 sa 89 tas-sentenza kkontestata, li ma jeżistux ċirkustanzi partikolari fil-każ innifsu li jippermettu li jiġi kkunsidrat li d-dritt ta' konsultazzjoni għandu jiġi miċħud. Skond il-ġurisprudenza huwa min-naħa l-oħra evidenti li d-dokumenti in kwistjoni għandhom kollha kemm huma jiġu kklassifikati taħt eċċezzjoni għad-dritt ta' aċċess għad-dokumenti u għaldaqstant m'għandux isir eżami ta' kull dokument.

    Barra minn hekk, il-proċediment ta' eżami fil-qasam ta' l-għajnuna huwa proċediment kontra l-Istat li jagħti l-għajnuna, wisq iżjed jekk il-benefiċjarji ta' l-għajnuna m'għandhomx dritt għal għajnuna mill-Istat. Għaldaqstant, f'dak li jikkonċerna l-kwistjoni ta' l-aċċess għall-inkartament għandu jgħodd dak li ddikjarat l-istess Qorti tal-Prim'Istanza fir-rigward tal-proċedura għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu, bħal per eżempju l-Artikolu 226 KE, u għaldaqstant fit-tali proċedimenti ma jeżistix dritt tal-pubbliku għall-konsultazzjoni tad-dokumenti.

    Is-sentenza kkontestata twassal imbagħad għall-konsegwenza assurda li l-pubbliku, billi jirreferi għal regola ddedikata għat-trasparenza, jiġifieri r-Regolament Nru 1049/2001 (2), ikollu drittijiet għall-konsultazzjoni ta' inkartamenti iżjed wiesgħa minn dawk tal-benefiċjarju ta' l-għajnuna direttament involut minn proċediment, li barra minn hekk — peress li huwa direttament u individwalment involut taħt ir-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 230 KE — jista' jipproponi appell kontra d-deċiżjoni li tikkonkludi l-proċediment. Wisq inqas spjegabbli hija, madankollu, il-konsegwenza ulterjuri li t-talba nnifisha tal-benefiċjarju ta' l-għajnuna tista' tiġi miċħuda fid-dawl tal-ġurisprudenza rilevanti filwaqt li talba tal-benefiċjarju ta' l-għajnuna jew ta' terza persuna mhux ikkonċernata, li tirreferi għar-regolament fuq it-trasparenza, ma tippermettix ċaħda simili.

    Permezz tat-tielet motiv il-Kummissjoni ssostni li fis-sentenza kkontestata tingħata tifsira differenti għall-istess espressjoni, jiġifieri l-kelma “dokument” fis-singular, li tintuża fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 u fl-Artikolu 6 ta' l-istess Regolament. Filwaqt li fl-Artikolu 4(2) din il-kelma tifsser li jeħtieġ li jiġi eżaminat kull dokument, il-Qorti tal-Prim'Istanza tinterpreta l-Artikolu 6 fis-sens li jista' jintalab li jiġi kkonsultat saħansitra pakkett ta' dokumenti kkunsidrat bħala att amministrattiv.

    Permezz tar-raba' motiv il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza kisret l-Artikolu 255 KE in kwantu d-deċiżjoni tagħha ma kinitx motivata abbażi ta' test legali, iżda huwa bbażat fuq argumenti elaborati minnha stess indipendentement mit-test normattiv.

    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza wettqet żball meta ddikjarat li ż-żewġ proċedimenti ta' eżami ta' l-għajnuna mogħtija lit-Technische Glaswerke Ilmenau GmbH kienu diġà ġew konklużi fil-mument li ttieħdet id-deċiżjoni li tirrigwarda t-talba għall-aċċess ta' l-att amministrattiv u li għaldaqstant l-awtoritajiet ma kellhomx interess li jżommuh sigriet, liema dikjarazzjoni mhijiex vera minħabba li l-proċediment quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza kien għadu ma ġiex fi tmiemu. Il-Qorti tal-Prim'Istanza wettqet żball ukoll meta ppreżumiet li r-Regolament Nru 1049/2001 iħassar il-ġurisprudenza preċedenti u d-dispożizzjonijiet proċedurali rilevanti fis-settur tal-kontroll ta' l-għajnuna.


    (1)  ĠU C 331 p. 29.

    (2)  ĠU L 145 p. 43.


    Top