Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2007/129/08

    Kawża C-157/07: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesfinanzhofes (il-Ġermanja) fil- 21 ta' Marzu 2007 — Finanzamt für Körperschaften III in Berlin vs Krankenheim Ruhesitz am Wannsee-Seniorenheimstatt GmbH

    ĠU C 129, 9.6.2007, p. 5–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    9.6.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    C 129/5


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesfinanzhofes (il-Ġermanja) fil-21 ta' Marzu 2007 — Finanzamt für Körperschaften III in Berlin vs Krankenheim Ruhesitz am Wannsee-Seniorenheimstatt GmbH

    (Kawża C-157/07)

    (2007/C 129/08)

    Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

    Qorti tar-rinviju

    Bundesfinanzhofes (il-Ġermanja)

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrent: Finanzamt für Körperschaften III in Berlin

    Konvenuta: Krankenheim Ruhesitz am Wannsee-Seniorenheimstatt GmbH

    Domandi preliminari

    1.

    L-Artikolu 31 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (1), jipprekludi leġiżlazzjoni ta' Stat Membru li permezz tagħha persuna taxxabbli, stabbilita fl-istess Stat Membru u hemmhekk kompletament suġġetta għal obbligu fiskali, tista', f'ċerti ċirkustanzi, tnaqqas meta jkun qed jiġi stabbilit l-ammont tad-dħul taxxabbli finali telf eżentat mit-taxxa fuq id-dħul magħmul minn stabbiliment permanenti li jinsab fi Stat Membru ieħor skond konvenzjoni sabiex tiġi evitata t-taxxa doppja,

    iżda, li taħtha, l-ammont imnaqqas, sa fejn dan jirriżulta kollu kemm huwa, f'wieħed mill-perijodi ta' tassazzjoni iktar 'il quddiem' ammont pożittiv fir-rigward tal-profitti ta' attività kummerċjali magħmula minn stabbilimenti permanenti fi Stat Membru ieħor, suġġetti għal eżenzjoni skond il-konvenzjoni sabiex tiġi evitata t-taxxa doppja, għandhomx jerġgħu jingħaddu meta jkun qed jiġi stabbilit l-ammont tad-dħul taxxabbli finali tal-perijodu tat-taxxa in kwistjoni,

    iżda dan ma jkunx il-każ fejn il-persuna taxxabbli turi li, skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Istat Membru l-ieħor applikabbli għaliha, ma tistax tikseb “b'mod ġenerali ”tnaqqis tat-telf fi snin differenti mis-sena li fiha sar it-telf, ħaġa li ma sseħħx meta tnaqqis mit-telf jingħata b'mod ġenerali mill-Istat Membru l-ieħor skond il-liġi fis-seħħ, iżda mhux diġà fil-każ konkret li fiha tinsab il-persuna taxxabbli?

    2.

    Fil-każ ta' risposta pożittiva għall-ewwel domanda, hemm konsegwenzi għall-Istat ta' stabbiliment fejn il-limitazzjonijiet fit-tnaqqis tat-telf fl-Istat Membru l-ieħor (differenti mill-Istat ta' oriġini) jikkostitwixxu minn naħa tagħhom ksur ta' l-Artikolu 31 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, billi dawn iqegħdu f'sitwazzjoni ta' żvantaġġ il-persuna taxxabbli suġġetta għal obbligu fiskali relattivament limitat għat-taxxa fuq id-dħul ta' l-istabbiliment permanenti tagħha fir-rigward tal-persuna taxxabbli suġġetta għal obbligu fiskali illimitat?

    3.

    Fil-każ ta' risposta pożittiva ukoll għat-tieni domanda, l-Istat ta' stabbiliment għandu jirrinunzja għall-irkupru tat-tnaqqis għat-telf ta' l-istabbiliment permanenti barrani fejn dawn ma jistgħux jitnaqqsu b'mod ieħor fl-ebda Stat Membru għaliex l-istabbiliment permanenti fl-Istat Membru l-ieħor ikun inbiegħ?


    (1)  ĠU 1994 L 1, p. 1.


    Top