Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2007/129/04

Kawża C-103/07 P: Appell imressaq fil- 21 ta' Frar 2007 minn Angel Angelidis kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (Il-Ħames Awla) mogħtija fil- 5 ta' Diċembru 2006 fil-Kawża T-416/03, Angelidis vs Il-Parlament Ewropew

ĠU C 129, 9.6.2007, p. 3–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

9.6.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 129/3


Appell imressaq fil- 21 ta' Frar 2007 minn Angel Angelidis kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (Il-Ħames Awla) mogħtija fil- 5 ta' Diċembru 2006 fil-Kawża T-416/03, Angelidis vs Il-Parlament Ewropew

(Kawża C-103/07 P)

(2007/C 129/04)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Angel Angelidis (rappreżentant: E. Boigelot, avukat)

Parti oħra fil-kawża: Il-Parlament Ewropew

Talbiet

li l-appell jiġi ddikjarat ammissibbli u fondat u, konsegwentement,

li tiġi annullata s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tal-5 ta' Diċembru 2006, fil-kawża T-416/03, Angelidis vs Il-Parlament;

li tiddeċiedi hija stess il-kontroversja u, filwaqt li tilqa r-rikors inizzjali tar-rikorrenti fil-kawża T-416/03:

tannulla d-deċiżjoni tas-segretarju ġenerali tal-Parlament Ewropew ta' l-4 ta' Marzu 2003, li tadotta definittivament ir-rapport ta' evalwazzjoni tar-rikorrenti għas-sena 2001;

tannulla l-imsemmi rapport ta' evalwazzjoni għas-sena 2001;

tagħti d-danni bħala kumpens għal dannu morali u theddid għall-karriera, kemm minħabba irregolaritajiet sostanzjali kif ukoll minħabba dewmien kunsiderevoli fit-tfassil ta' l-imsemmi rapport 2001 f'kuntest partikolarment ta' tbatija għalih, liema danni huma stmati li jammontaw, ex aequo et bono, għal EUR 2 000, b'riżerva għal żieda jew tnaqqis waqt l-istanza;

tikkundanna lill-konvenut ibati l-ispejjeż, skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta' l-appell tiegħu, ir-rikorrenti essenzjalment jakkuża lill-Qorti tal-Prim'Istanza li għamlet diversi żbalji ta' dritt fl-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 26 u 43 tar-Regolamenti tal-Persunal u ta' l-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej kif ukoll tad-dispożizzjonijet ġenerali ta'eżekuzzjoni dwar l-applikazzjoni ta' dawn l-Artikoli. Dawn l-iżbalji jikkonċernaw, b'mod partikolari, l-evalwazzjoni estensiva li l-Qorti tal-Prim'Istanza għamlet fuq il-każijiet, limitati, fejn tista' ssir deroga mir-regola li tgħid li l-evalwazzjoni u l-konvalidazzjoni ta' rapport ta' evalwazzjoni għandhom jiġu żgurati minn żewġ membri differenti tal-ġerarkija ta' l-uffiċjal evalwat u l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza fir-rigward tan-nuqqas ta' ħtieġa li jiġi kkonsultat is-superjur ġerarkiku dirett preċedenti ta' dan l-uffiċjal. Is-sentenza kkontestata tippreżenta, fuq dawn iż-żewġ punti, numru ta' lakuni fil-motivazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Prim'Istanza, li barra minn hekk żnaturat il-portata ta' diversi elementi ppreżentati quddiemha mir-rikorrenti.


Top