Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2005/039A/01

    Notifika ta' Kompetizzjoni Miftuħa: Kap tat-Teknoloġija ta' l-Informatika u ta' Komunikazzjoni Referenza: ef 04/11

    ĠU C 39A, 16.2.2005, p. 1–s010 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)

    16.2.2005   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    CA 39/1


    NOTIFIKA TA' KOMPETIZZJONI MIFTUĦA:

    KAP TAT-TEKNOLOĠIJA TA' L-INFORMATIKA U TA' KOMUNIKAZZJONI

    Referenza: ef 04/11

    (2005/C 39 A/01)

    Il-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet ta' l-Għixien u tax-Xogħol f'Dublin hija korp awtonomu stabbilit permezz ta' regolament tal-Kunsill tal-Ministri tal-Komunitajiet Ewropej. Il-Fondazzjoni Ewropea qiegħda torganizza kompetizzjoni miftuħa sabiex timla post vakanti u tifformola lista ta' riżerva għal reklutaġġ ta':

    KAP TAT-TEKNOLOĠIJA TA' L-INFORMATIKA U TA' KOMUNIKAZZJONI (raġel jew mara)

    Il-Fondazzjoni hija intrapriża ekwitabbli fir-rigward ta' l-impieg.

    Il-kandidati huma mitluba jagħtu attenzjoni bir-reqqa lil din in-notifika ta' kompetizzjoni u jużaw biss il-formola uffiċjali ta' applikazzjoni:

    I.   DMIRIJIET

    Il-Kap tat-Teknoloġija ta' l-Informatika u ta' Komunikazzjoni (il-Kap ta' l-ICT) jagħti pariri lid-Direttur fl-iżvilupp tal-kapaċità ta' l-ICT tal-Fondazzjoni u jirrapporta direttament lid-Direttur tal-Fondazzjoni li għandu responsabbiltà globali għal deċiżjonijiet dwar l-istrateġija tal-Fondazzjoni. Il-persuna li tokkupa l-pożizzjoni tmexxi tîm ta' professjonisti fl-ICT u tiżvolġi rwol prinċipali fl-assigurazzjoni li l-istrateġija u l-infrastruttura ta' l-ICT huma mmirati lejn is-sostenn ta' l-effiċjenza u l-effettività tal-Fondazzjoni.

    Din il-pożizzjoni għandha profil kemm tekniku kif ukoll ta' servizz. Min-naħa teknika il-persuna li tokkupa l-pożizzjoni se jkollha r-responsabbiltà sabiex tassigura li tkun imwaqqfa infrastruttura xierqa ta' ICT, flimkien mal-provvediment ta' konsulenza dwar l-applikazzjonijiet ta' software li jissodisfaw il-ħtiġiet ta' l-utenti, jikkontribwixxu għall-effettività ta' l-organizzazzjoni u jżidu valur għal attivitajiet tal-fondazzjoni. Min-naħa tas-servizz ikun hemm enfasi fuq il-provvediment ta' sistemi effettivi ta' informazzjoni u fuq sostenn għall-klijent.

    Il-persuna li tokkupa l-pożizzjoni tkun responsabbli sabiex:

    tiżviluppa u timplimenta strateġija għal żmien medju jew twil għal infrastruttura u servizz li huma allinejati mal-ħtiġiet kummerċjali tal-fondazzjoni;

    taħdem f'kooperazzjoni mill-qrib ma' l-oqsma ta' l-amministrazzjoni, ir-riċerka u l-informazzjoni fil-fondazzjoni,

    tipprovdi informazzjoni dwar il-ġestjoni kif meħtieġ;

    iġġesti sistemi interni ta' informazzjoni, infrastruttura u proġetti għall-iżvilupp ta' l-internet;

    tappoġġa u teduka utenti ta' l-IT, permezz ta' provviżjoni ta' tagħrif u kapaċitajiet neċessarji;

    iġġesti l-esternalizzazzjoni ta' soluzzjonijiet ta' ICT, fejn jixraq;

    tkun responsabbli għall-baġit ta' l-ICT;

    tidħol għal dmirjiet u responsabbiltajiet oħra li jistgħu ikunu mitluba;

    b'suċċess ikun mistenni li tistabbilixxi u żżomm relazzjonijiet effettivi ta' xogħol ma' kontropartijiet fil-Kummissjoni Ewropea fl-Istati Membri u istituzzjonijiet oħra.

    II.   KONDIZZJONIJIET GĦAD-DĦUL

    Il-Kompetizzjoni hija miftuħa għal kandidati li, sad-data ta' l-egħluq ta' l-applikazzjonijiet, jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin:

    A.   KONDIZZJONIJIET ĠENERALI

    Jeħtieġ li tkun ċittadin ta' wieħed mill-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea;

    tkun intitolat għad-drittijiet kollha tiegħek bħala ċittadin;

    tkun issodisfajt kwalunkwe obbligi imposti fuqek mil-liġijiet li jikkonċernaw is-servizzi militari;

    tagħti r-referenzi neċessarji dwar il-karattru fir-rigward ta' l-adattabilità tiegħek għal prestazzjoni tad-dmirijiet speċifikati.

    B.   KONDIZZJONIJIET SPEĊJALI

    1.   Kwalifiki u esperjenza professjonali meħtieġa:

    lawrea universitarja jew kwalifika ekwivalenti, rilevanti għall-pożizzjoni;

    minimu ta' 12-il sena esperjenza post-universitarja li minnhom mill-inqas 5 snin kienu fil-ġestjoni f'livell għoli fil-qasam tat-teknoloġija ta' l-informatika u tal-komunikazzjoni, b'rekord ippruvat ta' suċċess fil-qasam ta' l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' politika;

    esperjenza u tagħrif tekniku aġġornati ta' hardware u software;

    kapaċitajiet avvanzati interpersonali u ta' preżentazzjoni.

    2.   Għarfien tal-lingwi

    Għandu jkollok tagħrif tajjeb ta' waħda mil-lingwi uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea (iċ-Ċek, id-Daniż, l-Olandiż, l-Ingliż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ungeriż, it-Taljan, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, il-Pollakk, il-Portugiż, is-Slovakk, is-Sloven, l-Ispanjol, l-Iżvediż) u tagħrif soddisfċenti ta' mill-inqas lingwa waħda oħra uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea, inkluż tagħrif soddisfaċenti ta' l-Ingliż. Għarfien ta' lingwi uffiċjali addizzjonali ta' l-Unjoni Ewropea huma ta' vantaġġ.

    Għandek tkun tista' tipprova li tissodisfa l-kondizzjonijiet għal ammissjoni permezz ta' dokumenti xierqa (kopji ta' diplomi, ċertifikati minn awtoritajiet universitarji u persuni li jimpjegaw, eċċ.)

    Bħala l-kandidat b'suċċess, barra milli tissodisfa l-ħtiġiet ta' hawn fuq, tkun mistenni żżomm ruħek aġġornat ma' l-iżviluppi l-iktar reċenti fit-teknoloġija u l-applikazzjonijiet tagħhom. Jeħtieġ li tadotta approċċ strateġiku u innovattiv għax-xogħol u s-soluzzjoni ta' problemi waqt li tidentifika u tanalizza l-elementi ewlenin ta' kwistjoni malajr sabiex wieħed jaħdem lejn riżultat xieraq u effettiv. Jeħtieġ li turi kapaċitajiet b'saħħithom ta' tmexxija, inkluża l-viżjoni strateġika, l-istruzzjoni u l-kapaċità fejn jidħlu d-deċiżjonijiet. Jeħtieġ li turi kapaċità fil-ġestjoni ta' xogħol u proġetti b'mod ippjanat u strutturat. Teħtieġ ukoll servizz b'saħħtu fir-rigward tal-klijenti u orjentazzjoni ta' kwalità. Teħtieġ kapaċitajiet b'saħħithom fir-rigward ta' influwenzar u tkun kapaċi tikkomunika idejat, ħsibijiet u kunċetti b'mod ċar u b'faċilità, kemm verbalment kif ukoll bil-miktub, lill-kollegi, lill-partijiet interessati tal-fondazzjoni u lil udjenzi oħra. Jeħtieġ li turi professjonalità, kapaċitajiet tajbin ta' xogħol f'tim u flessibiltà fir-rigward ta' l-approċċ tiegħek għal xogħol u fit-trattament ma' persuni.

    III.   ORGANIZZAZZJONI TAL-KOMPETIZZJONI

    Il-kompetizzjoni tkun ibbażata fuq il-kontroll ta' formoli ta' applikazzjoni segwit minn eżami u intervisti ma' kandidati magħżula.

    A.   Il-Kontroll ta' Applikazzjonijiet

    1.

    Titfassal lista ta' kandidati li ssottomettew l-applikazzjonijiet tagħhom (billi wżaw formola uffiċjali ta' applikazzjoni u sad-data ta' l-egħluq meħtieġa — ara t-Taqsima V) u li jissodisfaw il-kondizzjonijiet ġenerali stabbiliti fit-Taqsima II A. Il-lista u l-formoli ta' applikazzjoni jintbagħtu lill-Kumitat ta' Selezzjoni. Sabiex jassistu fl-amministrazzjoni ta' l-applikazzjonijiet, il-kandidati huma mitluba jissottomettu curriculum vitae bl-Ingliż, flimkien ma' l-applikazzjoni tagħhom.

    2.

    Il-Kumitat ta' Selezzjoni jeżamina l-applikazzjonijiet u jfassal lista ta' kandidati li jissodisfaw il-kondizzjonijiet speċjali stabbiliti fit-Taqsima II B.

    Huwa jibbaża d-deċiżjoni tiegħu esklussivament fuq l-informazzjoni mogħtija fil-formola ta' applikazzjoni mehmuża minn dokumenti ta' sostenn. Kandidati li ma jissodisfawx il-kondizzjonijiet rekwiżiti għal ammissjoni taħt it-Taqsima II jew li ma pprovdewx provi dokumentati rilevanti b'sostenn għat-talbiet tagħhom sad-data ta' l-egħluq jiġu eliminati f'dan l-istadju. Curriculum vitae ma jitqiesx bħala dokument ta' sostenn.

    Il-kandidati l-iktar adattati jiġu mistiedna għal eżami u intervista(i) mal-Kumitat ta' Selezzjoni.

    3.

    Informazzjoni lil kandidati:

    Fl-aħħar ta' kull stadju l-kandidati jirċievu ittra personali li tinfurmahom bid-deċiżjonjiet meħuda fil-każ tagħhom.

    B.    Lista ta' Riżerva

    Titfassal lista ta' riżerva ta' kandidati adattati mill-fondazzjoni.

    Il-lista tista' tintuża bħala riżerva għal reklutaġġ fil-każ li jkun hemm iktar pożizzjonijiet. Tkun valida sa sentejn mid-data ta' l-egħluq għal din il-kompetizzjoni u tista' tiġi estiża. Kandidati ta' suċċess jiġu infurmati kif dovut bi kwalunkwe estenzjoni.

    IV.   KONDIZZJONIJIET TA' L-IMPIEG

    Il-Kategorija u l-grad:

    Il-kandidat ta' suċċess jiġi reklutat għall-grad A5 (A*9).

    Il-Post ta' l-impieg:

    Dublin, l-Irlanda. Tkun meħtieġa residenza f'distanza raġjonevoli mill-uffiċċji tal-fondazzjoni.

    Remunerazzjoni:

    Is-salarju bażiku inizjali fix-xahar ikun skond il-Grad A5, skala 1, sa A5, skala 3 tat-tabella tas-salarji taħt l-Artikolu 66 tar-Regolamenti tal-Personal ta' Uffiċjali ta' l-UE, skond it-taħriġ u l-esperjenza professjonali tal-kandidat, jew sa Grad A*9 skond id-dispożizzjonijiet riveduti stabbiliti fir-Regolamenti emendati tal-Personal tal-Komunitajiet, kif approprjat (1). Dan jiżdied, meta jkun xieraq, bil-gratifiki stabbiliti fir-Regolamenti tal-Personal rilevanti.

    Ir-Remunerazzjoni hija soġġetta għal taxxa Komunitarja u tnaqqis ieħor stabbilit fir-Regolamenti tal-Personal. Hija, madankollu, eżentata minn kwalunkwe tassazzjoni nazzjonali.

    Is-Salarju huwa soġġett għall-fattur ta' ppeżar Irlandiż li fil-preżent huwa ta'122,3 %.

    V.   APPLIKAZZJONIJIET

    Il-kandidati għandhom jużaw il-formola uffiċjali ta' applikazzjoni li tinsab fil-ħarġa tal-Ġurnal Uffiċjali jew kif titniżżel mis-sit ta' l-internet tal-fondazzjoni: www.eurofound.eu.int. Għandha tiġi mimlija, iffirmata u mpustata, flimkien mal-curriculum vitae bl-Ingliż u fotokopji ta' kwalunkwe dokumenti ta' sostenn (diplomi, ċertifikati ta' mpieg jew kwalunkwe dokumenti oħra għas-sostenn ta' dikjarazzjonijiet magħmula fuq il-formola ta' applikazzjoni), preferibbilment permezz tal-posta rreġistrata sa mhux iktar tard mid-30 ta' Marzu 2005, skond kif jixhed it-timbru postali, lil:

    Ms Aoife Caomhánach

    Secretary to Selection Committee

    (Reference EF 04/11)

    European Foundation for the Improvement of Living

    and Working Conditions

    Wyattville Road

    Loughlinstown

    Dublin 18

    Ireland

    email: recruit@eurofound.eu.int

    Fax (+ 353 1) 282 2530

    VI.   INFORMAZZJONI IMPORTANTI GĦAL KANDIDATI

    Il-kandidati għandhom jużaw il-formola uffiċjali ta' applikazzjoni kif kontenuta f'din in-notifika.

    Il-formola ta' applikazzjoni għandha timtela bl-Ingliż.

    Meta jippreparaw l-applikazzjonjiet tagħhom, il-kandidati ma jistgħu b'ebda mod jirreferu għal dokumenti, applikazzjonijiet jew formoli oħra sottomessi f'konnessjoni ma' applikazzjonijiet preċedenti.

    Il-kandidati b'suċċess li jirċievu offerta ta' mpieg ikunu meħtieġa jipproduċu l-oriġinali tad-diplomi, l-kwalifiki akkademiċi jew iċ-ċertifikati ta' l-impieg tagħhom.

    Dokumenti ta' sostenn ma jingħatawx lura lil kandidati.

    Il-kandidati huma mitluba jirrappurtaw kwalunkwe bidla fl-indirizz postali bil-miktub mingħajr dewmien, u jsemmu n-numru tal-kompetizzjoni.

    Infakkru lill-kandidati li x-xogħol u d-deliberazzjonijiet tal-Kumitat ta' Selezzjoni huma kunfidenzjali. Mhuwiex permess li l-kandidati jagħmlu kuntatt dirett jew indirett mal-Kumitat ta' Selezzjoni jew li xi ħadd jagħmel dan għan-nom tagħhom. Il-mistoqsijiet jew it-talbiet kollha għal informazzjoni jew dokumentazzjoni fir-rigward tal-kompetizzjoni għandhom jiġu indirizzati lis-Segretarja għall-Kumitat ta' Selezzjoni, Aoife Caomhánach (email: recruit@eurofound.eu.int).


    (1)  Il-Kunsill tal-Ministri qiegħed jikkunsidra proposta sabiex jinbidel l-istat tal-Fondazzjoni Ewropea. X'aktarx li din il-proposta tiġi approvata, f'liema każ, din il-pożizzjoni timtela fil-Grad A*9, fil-każ li l-ħatra sseħħ wara t-tranżizzjoni għar-Regolament tal-Personal tal-Komunitajiet.


    Image

    Image

    Image

    Image

    Image

    Image


    Top