Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C/2024/01724

    Avviż ta’ pożizzjoni vakanti CONS/AD/192/24

    ĠU C, C/2024/1724, 5.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/1724/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/1724/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Serje C


    C/2024/1724

    5.3.2024

    Avviż ta’ pożizzjoni vakanti CONS/AD/192/24

    (C/2024/1724)

     

    TAGĦRIF ĠENERALI

    Dipartiment

    LIFE.4 Impjiegi u Politika Soċjali

    Post tax-xogħol

    Brussell, il-Bini Justus Lipsius

    Titlu tal-pożizzjoni

    Direttur

    Grupp tal-funzjoni u grad

    AD 14

    Approvazzjoni tas-sigurtà meħtieġa

    LE

    SKADENZA GĦALL-APPLIKAZZJONIJIET

    26 ta’ Marzu 2024 — 12.00 (nofsinhar) ħin ta’ Brussell

    Min aħna

    Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill (SĠK) jassisti lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill tal-UE u l-korpi preparatorji tagħhom fl-oqsma kollha tal-attivitajiet tagħhom. Taħt l-awtorità tas-Segretarju Ġenerali, jipprovdi pariri u sostenn lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill u lill-Presidenti tagħhom fl-oqsma kollha ta’ attività, inkluż pariri politiċi u legali, koordinazzjoni ma’ istituzzjonijiet oħra, tfassil ta’ kompromessi u abbozzar, superviżjoni kif ukoll trattament tal-aspetti prattiċi kollha li huma meħtieġa għat-tħejjija u t-tmexxija bla xkiel tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill.

    Id-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura, is-Sajd, l-Affarijiet Soċjali u s-Saħħa (DG LIFE) jikkoordina l-organizzazzjoni tal-konfigurazzjonijiet tal-Kunsill “Agrikoltura u Sajd” u “Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur” (EPSCO), li kull waħda minnhom tiltaqa’, rispettivament, madwar għaxar u erba’ darbiet fis-sena.

    DG LIFE huwa magħmul minn ħames direttorati: LIFE.1, li jittratta l-Agrikoltura (KSA – Kumitat Speċjali dwar l-Agrikoltura); LIFE.2, li jittratta s-Sajd; LIFE.3, li jittratta Kwistjonijiet Veterinarji u ta’ Saħħa tal-Pjanti, Ikel u Forestrija; LIFE.4, li jittratta l-Impjiegi u l-Politika Soċjali; LIFE.5 li jittratta s-Saħħa; kollha kemm huma jaqgħu taħt id-Direttur Ġenerali.

    Id-Direttorat LIFE.4 huwa responsabbli għat-trattament ta’ proposti leġiżlattivi u inizjattivi politiċi u joffri konsulenza lill-presidenza tal-Kunsill fl-oqsma tal-Impjiegi u l-Politika Soċjali. Id-Direttorat jassisti lill-Presidenza fit-tħejjija tal-Kunsill EPSCO (Impjiegi/Politika Soċjali/Saħħa) li normalment jiltaqa’ erba’ darbiet f’sena. Barra minn hekk, id-Direttorat jgħin fit-tħejjija tal-pożizzjonijiet tal-UE li għandhom jittieħdu fl-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti, bħall-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol.

    Id-Direttorat LIFE.4 huwa magħmul minn 15-il membru tal-persunal: L-ekwivalenti ta’ kap ta’ unità, 8 amministraturi, 5 assistenti/segretarji u trainee.

    X’qed noffru

    Il-kariga ta’ Direttur f’LIFE.4 hija pożizzjoni li toffri sfida f’ambjent politikament interessanti, b’varjetà ta’ partijiet ikkonċernati u persunal bi kwalifiki għolja.

    Taħt l-awtorità tad-Direttur Ġenerali int ser tkun qed tmexxi u tikkoordina d-Direttorat tiegħek u r-riżorsi tiegħu b’mod professjonali, torganizza l-attivitajiet tiegħu u tappoġġa u timmotiva lill-persunal fil-ħidma tiegħu. Ser tiżgura l-kwalità tas-servizzi u tal-prodotti pprovduti mid-Direttorat kif ukoll il-komunikazzjoni effettiva u l-kooperazzjoni fid-Direttorat, fi ħdan id-Direttorat Ġenerali kollu u ma’ servizzi oħra tas-SĠK, mal-Istati Membri u mal-istituzzjonijiet tal-UE, bħall-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni, korpi u partijiet ikkonċernati esterni oħra.

    Ser toffri konsulenza politika u proċedurali strateġika u ta’ livell għoli lill-President tal-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill, lill-Coreper u korpi preparatorji oħra u l-Presidenzi tagħhom, u lis-Segretarju Ġenerali dwar l-aspetti kollha tad-dossiers fil-kompetenza tad-Direttorat. Ser tieħu sehem f’laqgħat u, fejn meħtieġ, f’laqgħat ta’ informazzjoni u/jew negozjati bil-ħsieb li jintlaħqu kompromessi u jinstabu soluzzjonijiet.

    Ser tinvolvi ruħek ukoll fin-negozjati tat-trilogu tal-Proċedura Leġiżlattiva Ordinarja mal-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni, u b’hekk tassisti lill-Presidenza fil-finalizzazzjoni tal-eżami tal-proposti leġiżlattivi.

    Ser tiddefinixxi l-objettivi li jridu jintlaħqu u tikkontribwixxi biex dawn jintlaħqu billi tistabbilixxi l-programm ta’ ħidma tad-Direttorat u tiżgura l-monitoraġġ xieraq tal-implimentazzjoni tiegħu.

    Ser tkun tista’ tippjana u torganizza l-ħidma b’mod flessibbli, skont il-ħinijiet tax-xogħol u l-iskeda tal-laqgħat fil-qasam ta’ attività tad-Direttorat. Int u l-persunal tiegħek ser tkunu tistgħu tgawdu mill-arranġamenti tax-xogħol tas-SĠK, inkluż it-telexogħol.

    Ikunu meħtieġa missjonijiet okkażjonali barra mill-pajjiż, pereżempju lejn il-Lussemburgu u Strasburgu, normalment ġewwa l-UE.

    Qed infittxu

    Qed infittxu maniġer b’esperjenza fit-tfassil tal-politika tal-UE u fil-proċess leġiżlattiv tal-UE, u b’għarfien tajjeb tal-kwistjonijiet istituzzjonali tal-UE. L-għarfien fl-oqsma koperti mid-direttorat u l-familjarità mar-rwol u l-funzjonament tal-Kunsill huma ta’ vantaġġ.

    Il-maniġers kollha tas-SĠK mistennija jagħtu pariri lill-ġerarkija tagħhom u lill-partijiet ikkonċernati, imexxu l-persunal u r-riżorsi finanzjarji tagħhom u jirrappreżentaw lis-SĠK. Dawn l-aspettattivi huma mfissra fil-profil orizzontali tal-maniġers tas-SĠK (1).

    Barra minn hekk, il-persuna impjegata jeħtieġ ikollha:

    il-kapaċità li taħseb u tippjana b’mod strateġiku, li tantiċipa u tidentifika problemi potenzjali u li tipproponi kompromessi u soluzzjonijiet fattibbli;

    ħila ta’ tmexxija u kapaċità li tippromwovi spirtu ta’ tim qawwi u li tiggwida, timmotiva u tawtonomizza lill-persunal f’ambjent ta’ diversità u multikulturali, b’enfasi qawwija fuq l-iżvilupp tal-persunal;

    sens ta’ diplomazija, tagħraf meta għandha tkun flessibbli u meta tkun soda waqt li toqgħod attenta għad-dettall mingħajr ma titlef l-istampa ġenerali;

    il-kapaċità li tippromwovi u żżomm relazzjonijiet tax-xogħol tajba ma’ firxa ta’ interlokuturi interni u esterni;

    il-kapaċità li tilħaq qbil u għanijiet komuni billi tagħti pariri speċifiċi lill-partijiet ikkonċernati u billi tiffaċilita d-diskussjoni b’mod effettiv u kostruttiv;

    il-kapaċità li torganizza x-xogħol ġenerali tad-Direttorat sabiex jintlaħqu l-iskadenzi kruċjali u li tiżgura t-tqassim ġust tax-xogħol fost il-membri tat-tim u l-ippjanar tas-suċċessjoni;

    il-kapaċità li timmaniġġa t-tibdil u tappoġġa lill-persunal waqt it-tibdil;

    ħiliet ta’ komunikazzjoni eċċellenti, inkluż ħiliet ta’ komunikazzjoni interpersonali.

    Peress li s-SĠK iħaddan politika ta’ mobbiltà għall-maniġers tiegħu, li huma mistennija jkollhom esperjenza estensiva, il-kandidati għandhom ikunu lesti u kapaċi jaħdmu f’oqsma ta’ attività differenti matul il-karriera tagħhom fis-SĠK.

    POLITIKA TA’ REKLUTAĠĠ

    L-applikanti għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin fid-data tal-għeluq għall-applikazzjonijiet:

    (a)

    Kundizzjonijiet ġenerali

    ikunu ċittadini ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea;

    igawdu d-drittijiet kollha tagħhom bħala ċittadini;

    ikunu wettqu kwalunkwe obbligu impost fuqhom mil-liġijiet dwar il-lieva.

    (b)

    Kundizzjonijiet speċifiċi

    ikollhom lawrja universitarja (2);

    ikollhom mill-inqas ħmistax-il sena esperjenza professjonali rilevanti li minnhom ikunu effettivament wettqu mill-inqas tliet snin f’responsabbiltajiet maniġerjali u organizzattivi. Tliet snin esperjenza f’pożizzjoni b’responsabbiltajiet sinifikanti ta’ koordinazzjoni jkunu ekwivalenti għall-esperjenza maniġerjali meħtieġa;

    peress li l-Ingliż u l-Franċiż jintużaw b’mod estensiv għall-komunikazzjoni fis-SĠK u ma’ istituzzjonijiet oħra, huwa meħtieġ għarfien eċċellenti ta’ waħda miż-żewġ lingwi u għarfien tajjeb tal-oħra. L-għarfien ta’ lingwi uffiċjali oħra tal-UE jkun ta’ vantaġġ.

    NB:

    (1)

    Il-kandidat li jintgħażel għandu jew għandha tkun lesta ssegwi l-programm ta’ taħriġ fil-ġestjoni tas-SĠK.

    PROĊEDURA TAL-GĦAŻLA

    Fl-għażla tal-kandidati, l-Awtorità tal-Ħatra tiġi megħjuna minn bord konsultattiv ta’ selezzjoni. Il-kumitat konsultattiv ta’ selezzjoni jkollu l-appoġġ ta’ ċentru ta’ evalwazzjoni, immexxi minn konsulenti tar-reklutaġġ esterni. Rapporti stabbiliti miċ-ċentru ta’ evalwazzjoni għall-istess tip ta’ pożizzjoni ma jibqgħux validi wara sentejn mid-data li fiha saru l-eżerċizzji rilevanti jew mat-tmiem tal-kuntratt qafas bejn is-SĠK u ċ-ċentru ta’ evalwazzjoni inkwistjoni — skont liema data tiġi l-ewwel.

    Il-kumitat konsultattiv ta’ selezzjoni l-ewwel jevalwa u jqabbel il-kwalifiki, l-esperjenza u l-motivazzjoni tal-applikanti kollha, abbażi tal-applikazzjonijiet tagħhom. Abbażi ta’ dik l-evalwazzjoni komparattiva, il-bord konsultattiv ta’ selezzjoni jagħmel lista ristretta tal-kandidati li, fl-opinjoni tiegħu, huma l-aktar adatti sabiex jiġu mistiedna għall-ewwel intervista. Peress li din l-ewwel għażla hija bbażata fuq evalwazzjoni komparattiva tal-applikazzjonijiet, l-ilħuq tar-rekwiżiti għal dan l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti ma jiggarantix stedina għall-ewwel intervista. Minn fost il-kandidati intervistati, il-bord konsultattiv ta’ selezzjoni jagħżel minn qabel il-kandidati biex jattendu ċ-ċentru ta’ evalwazzjoni, kif ukoll għat-tieni intervista mal-bord konsultattiv ta’ selezzjoni.

    L-ippjanar proviżorju għall-proċedura ta’ selezzjoni huwa kif ġej:

    huwa mistenni li l-kandidati magħżula għall-intervisti ser jiġu infurmati fl-ewwel nofs ta’ April 2024;

    l-ewwel intervisti huma previsti li jsiru fit-tieni nofs ta’ April 2024;

    it-testijiet taċ-ċentru ta’ evalwazzjoni mistennija li jsiru fl-aħħar ta’ April;

    it-tieni ċiklu ta’ intervisti huwa previst għat-tieni nofs ta’ Mejju 2024.

    NB: L-iskeda ta’ hawn fuq hija purament indikattiva u tista’ tinbidel.

    BAŻI LEGALI

    Din il-pożizzjoni hija ppubblikata fl-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni Ewropea u barra mill-istituzzjonijiet, f’konformità mal-Artikolu 29, il-paragrafi 1 u 2, tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (3).

    KIF TAPPLIKA

    Id-data tal-għeluq għall-applikazzjonijiet hija s-26 ta’ Marzu 2024 f’12:00 (nofsinhar) ħin ta’ Brussell.

    L-applikazzjonijiet jintlaqgħu biss b’email u jridu jintbagħtu lil applications.management@consilium.europa.eu (4) mhux aktar tard mid-data u l-ħin tal-għeluq. Applikazzjonijiet li jaslu tard mhumiex ser jitqiesu.

    Għandu jintuża l-indirizz elettroniku indikat hawn fuq għal kwalunkwe korrispondenza marbuta mal-proċedura tas-selezzjoni (fis-suġġett tal-email għandu jkun hemm ir-referenza li ġejja: CONS/AD/192/24 LIFE.4 Employment and Social Policy).

    Qabel ma jippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom, il-kandidati għandhom jivverifikaw sew jekk jissodisfawx ir-rekwiżiti elenkati hawn fuq, taħt “Politika ta’ Reklutaġġ”, biex b’hekk jevitaw l-esklużjoni awtomatika mill-proċedura tas-selezzjoni.

    Biex ikun validu, il-fajl tal-applikazzjoni jrid jinkludi d-dokumenti li ġejjin f’format pdf (NB: dokumenti maqfula, protetti bil-password jew b’firma elettronika ma jiġux aċċettati):

    (a)

    il-formola tal-applikazzjoni mimlija u datata kif suppost (il-fajl għandu jissemma “XXX (KUNJOMOK) — Application form.pdf”); biex tniżżel il-formola ta’ applikazzjoni elettronika (EN jew FR), agħfas fuq il-ħolqa xierqa hawn taħt jew ikkopja/ippejstjaha fil-browser tiegħek (5):

    https://www.consilium.europa.eu/media/68640/gsc-application_form_senior_management_en.docx

    https://www.consilium.europa.eu/media/68641/gsc-application_form_senior_management_fr.docx

    (b)

    curriculum vitae dettaljat bl-Ingliż jew bil-Franċiż (mingħajr ritratti inklużi), preferibbilment fil-format Europass (https://europa.eu/europass/en/create-europass-cv; https://europa.eu/europass/fr/create-your-europass-cv), li jkopri l-karriera kollha tal-applikant, li jelenka, fost oħrajn, il-kwalifiki, l-għarfien lingwistiku, l-esperjenza u d-dmirijiet attwali tal-applikant (il-fajl għandu jissemma “XXX (KUNJOMOK) — CV.pdf”);

    (c)

    ittra ta’ motivazzjoni, bl-Ingliż jew bil-Franċiż (il-fajl għandu jissemma “XXX (KUNJOMOK) — Motivation letter.pdf”).

    Jekk ma jiġux inklużi dawn id-dokumenti l-applikazzjoni tkun invalida.

    NB: Ser jintalbu l-kopji ta’ diplomi li jiċċertifikaw l-edukazzjoni u l-kopji ta’ dokumenti u ċertifikati relatati mal-esperjenza professjonali mingħand il-kandidati preselezzjonati mistiedna għall-ewwel ċiklu ta’ intervisti. Id-dokumenti ta’ sostenn iridu jkunu nħarġu minn parti terza.

    Id-dokumenti ta’ sostenn għandhom jiġu nnumerati (Anness 1, 2, eċċ.) u għandhom jinġabru flimkien f’dokument pdf wieħed (fajl li għandu jissemma “XXX (KUNJOMOK) – Supporting documents.pdf”). Dan jenħtieġ jinkludi indiċi.

    In-nuqqas ta’ sottomissjoni tad-dokumenti ta’ sostenn kollha sa mhux aktar tard mill-jum ta’ qabel l-ewwel intervista, jista’ jitqies bħala bażi għal skwalifika.

    Applikazzjonijiet li jaslu bil-posta jew permezz ta’ soluzzjonijiet ta’ ħżin ta’ data bbażati fi cloud jew pjattaformi għall-kondiviżjoni ta’ fajls ma jiġux ikkunsidrati.

    Il-persuna magħżula minn fost il-kandidati tintalab tipprovdi d-dokumenti oriġinali msemmija hawn fuq.

    Il-kandidati jirċievu email li tinfurmahom li l-applikazzjoni tagħhom tkun waslet. Madankollu, jistgħu jinqalgħu diffikultajiet tekniċi li minħabba fihom l-emails ma jaslux. Għalhekk, jekk il-kandidati ma jirċevux email li tikkonferma l-wasla tal-applikazzjoni, huma mitluba jikkuntattjaw lil applications.management@consilium.europa.eu. Peress li l-kumitat konsultattiv ta’ selezzjoni ser jibda l-ħidma tiegħu ftit wara d-data tal-għeluq għall-applikazzjonijiet, kull korrispondenza dwar il-wasla tal-applikazzjoni għandha ssir fil-ġimgħa ta’ wara dik id-data.

    DIVERSITÀ U INKLUŻJONI

    Is-SĠK huwa impenjat favur id-diversità u l-inklużjoni. Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ara d-dikjarazzjoni rilevanti: https://www.consilium.europa.eu/mt/general-secretariat/jobs/diversity-and-inclusion/.

    RIEŻAMI TAL-APPLIKAZZJONIJIET

    Għal informazzjoni dwar il-proċeduri marbuta mat-talbiet għal ilmenti, appelli u riferimenti lill-Ombudsman Ewropew tista’ tikkonsulta lil: https://www.consilium.europa.eu/media/56647/complaint-mt.pdf.

    PROTEZZJONI TAD-DATA

    Ir-regoli li jirregolaw l-ipproċessar tad-data personali b’rabta ma’ din il-proċedura ta’ selezzjoni jinsabu fid-dikjarazzjoni ta’ privatezza: https://www.consilium.europa.eu/media/56671/jobs-data-protection-083r00-mt.pdf.


    (1)  https://www.consilium.europa.eu/media/53266/gsc-manager-profile-mt.pdf

    (2)  L-Artikolu 5(3)(c) tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ir-Regolamenti tal-Persunal) jesiġi li l-applikanti jkollhom mill-inqas:

    (i)

    livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji kompluti, iċċertifikati b’diploma, fejn il-perjodu normali ta’ edukazzjoni universitarja hu ta’ erba’ snin jew iżjed, jew

    (ii)

    livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji kompluti, iċċertifikati b’diploma u esperjenza professjonali adegwata ta’ mill-inqas sena, fejn it-tul ta’ żmien normali tal-edukazzjoni universitarja hu ta’ mill-inqas tliet snin.

    (3)  Ir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ aġenti oħra tal-Unjoni Ewropea, stabbiliti bir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1), test konsolidat disponibbli fuq https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A01962R0031-20220101.

    (4)  Dan l-indirizz elettroniku jappartjeni għal kaxxa postali funzjonali u jista’ jipproċessa biss messaġġi bil-kunfidenzjalità speċifikata bħala “Normal”; emails b’livell ta’ kunfidenzjalità differenti (eż. “Personal”, “Private”, “Confidential” jew posta kriptata) ma jistgħux jiġu pproċessati. Għaldaqstant, jekk jogħġbok agħżel il-livell ta’ kunfidenzjalità “Normal”. L-email ma tridx tkun akbar minn 25MB. Jekk id-daqs tal-email tiegħek bl-hemżiet magħha jkun ikbar minn dan, jekk jogħġbok qassam l-hemżiet fuq għadd ta’ emails.

    (5)  Jekk teħtieġ aktar informazzjoni u/jew tiltaqa’ ma’ problemi tekniċi, jekk jogħġbok ibgħat email lil: applications.management@consilium.europa.eu.


    ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/1724/oj

    ISSN 1977-0987 (electronic edition)


    Top