Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62024CN0312

    Kawża C-312/24, Darashev: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sofiyski rayonen sad (il-Bulgarija) fid-29 ta’ April 2024 – CL vs Prokuratura na Republika Bulgaria

    ĠU C, C/2024/4715, 5.8.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4715/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4715/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Is-serje C


    C/2024/4715

    5.8.2024

    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sofiyski rayonen sad (il-Bulgarija) fid-29 ta’ April 2024 – CL vs Prokuratura na Republika Bulgaria

    (Kawża C-312/24, Darashev  (1) )

    (C/2024/4715)

    Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

    Qorti tar-rinviju

    Sofiyski rayonen sad

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrent: CL

    Konvenut: Prokuratura na Republika Bulgaria

    Domandi preliminari

    L-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2) (iktar ’il quddiem il-“GDPR”) għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ipproċessar ta’ data jinkludi l-attivitajiet ta’ struttura waħda li fi ħdanha parti mid-direttorati tagħha jwettqu l-funzjonijiet ta’ persuna li timpjega filwaqt li direttorat wieħed ieħor għandu l-kwalità ta’ korp investigattiv fi proċeduri kriminali kontra l-impjegati tad-direttorati l-oħra? Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv:

    1.

    L-espressjoni “ipproċessar ta’ data personali”, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 4 tal-GDPR, għandha tiġi interpretata fis-sens li tinkludi attività li tinvolvi l-inklużjoni, fil-fajl personali ta’ impjegat, ta’ informazzjoni li tikkonċerna lil dan l-istess impjegat miksuba mill-persuna li timpjega permezz tad-direttorat tagħha li jaġixxi fil-kwalità tiegħu bħala korp investigattiv fil-konfront tal-impjegat?

    2.

    L-espressjoni “sistema ta’ arkivjar”, li tintuża fil-punt 6 tal-Artikolu 4 tal-GDPR, għandha tiġi interpretata fis-sens li tinkludi l-fajl personali tal-impjegat jew tal-ħaddiem li jaħdmu fi ħdan direttorat tal-persuna li timpjega, meta l-informazzjoni tkun inġabret minn direttorat ieħor tal-persuna li timpjega li jkollu l-kwalità ta’ korp investigattiv?

    3.

    L-Artikolu 9(2)(b) tal-GDPR għandu jiġi interpretat fis-sens li l-istruttura ta’ persuna li timpjega tista’ tiġbor u taħżen data dwar il-fatt li l-impjegat kien issuspettat, akkużat jew is-suġġett ta’ proċeduri kriminali meta din l-informazzjoni tkun inġabret minn struttura oħra tal-persuna li timpjega li jkollha l-kwalità ta’ korp investigattiv?

    4.

    Id-“dritt li wieħed jintesa”, fis-sens tal-Artikolu 17(1)(a) tal-GDPR, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-persuna li timpjega għandha tħassar id-data kollha mill-fajl personali tal-impjegat li tkun ġabret u ħażnet permezz ta’ direttorat ieħor tagħha li jkollu l-kwalità ta’ korp investigattiv fil-konfront tal-impjegati tagħha, u li tkun tikkonċerna l-fatt li dan l-impjegat:

    4.1.

    ikun issuspettat, akkużat jew is-suġġett ta’ proċeduri kriminali fir-rigward ta’ reat kriminali fil-kuntest tal-proċedura kriminali inkwistjoni;

    4.2.

    kien issuspettat, akkużat jew is-suġġett ta’ proċeduri kriminali fir-rigward ta’ reat kriminali, li fir-rigward tagħhom tkun ittieħdet deċiżjoni ta’ sospensjoni jew ta’ arkivjar?

    5.

    Data personali li “tkun ġiet ipproċessata illegalment”, fis-sens tal-Artikolu 17(1)(d) tal-GDPR, għadha tiġi interpretata fis-sens li tinkludi d-data li l-persuna li timpjega tkun kisbet, ġabret u ħażnet permezz ta’ struttura oħra tagħha li jkollha funzjonijiet investigattivi fi proċeduri kriminali kontra impjegati li jaqgħu taħt strutturi organizzattivi oħra tal-persuna li timpjega, liema data tinżamm fil-fajl personali u tikkonċerna l-fatt li l-impjegat:

    5.1

    ikun issuspettat, akkużat jew is-suġġett ta’ proċeduri kriminali fir-rigward ta’ reat kriminali fil-kuntest tal-proċedura kriminali inkwistjoni;

    5.2

    kien issuspettat, akkużat jew is-suġġett ta’ proċeduri kriminali fir-rigward ta’ reat kriminali, li fir-rigward tagħhom tkun ittieħdet deċiżjoni ta’ sospensjoni jew ta’ arkivjar?

    6.

    “Data personali”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (2), ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandha tiġi interpretata fis-sens li tinkludi data li l-persuna li timpjega tkun kisbet, ġabret u ħażnet permezz tal-istruttura tagħha li jkollha l-funzjonijiet ta’ korp investigattiv fi proċeduri kriminali kontra impjegat li jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu fi struttura oħra tal-persuna li timpjega?

    7.

    “Ipproċessar” ta’ data personali fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2016/680, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi attività ta’ ħażna ta’ data mill-persuna li timpjega fil-fajl personali tal-impjegat, liema data l-persuna li timpjega tkun kisbet, ġabret u ħażnet permezz tal-istruttura tagħha li jkollha l-funzjonijiet ta’ korp investigattiv fi proċeduri kriminali kontra impjegat tal-persuna li timpjega li jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu fi struttura oħra tal-persuna li timpjega?

    8.

    L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2016/680, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-persuna li timpjega tiġbor u taħżen informazzjoni dwar impjegat li kien issuspettat, akkużat jew is-suġġett ta’ proċeduri kriminali, liema informazzjoni l-persuna li timpjega tkun ġabret permezz ta’ struttura organizzattiva oħra tagħha li jkollha l-kwalità ta’ korp investigattiv fi proċeduri kriminali kontra dan l-impjegat?

    9.

    L-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2016/680, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-persuna li timpjega għandha tħassar id-data kollha mill-fajl personali tal-impjegat li l-persuna li timpjega tkun ġabret u ħażnet permezz tal-istruttura organizzattiva tagħha li jkollha l-kwalità ta’ korp investigattiv fi proċeduri kriminali kontra dan l-impjegat, liema data tikkonċerna l-fatt li dan l-impjegat:

    9.1.

    ikun issuspettat, akkużat jew is-suġġett ta’ proċeduri kriminali fir-rigward ta’ reat kriminali fil-kuntest tal-proċedura kriminali inkwistjoni;

    9.2

    kien issuspettat, akkużat jew is-suġġett ta’ proċeduri kriminali fir-rigward ta’ reat kriminali, li fir-rigward tagħhom tkun ittieħdet deċiżjoni ta’ sospensjoni jew ta’ arkivjar?

    10.

    L-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (3) għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix lill-persuna li timpjega, li struttura organizzattiva tagħha twettaq attivitajiet investigattivi fil-konfront ta’ impjegat li jaqa’ taħt struttura oħra, tirrifjuta avvanz fil-karriera lil dan l-impjegat għas-sempliċi raġuni li dan tal-aħħar:

    10.1

    ikun issuspettat, akkużat jew is-suġġett ta’ proċeduri kriminali fir-rigward ta’ reat kriminali fil-kuntest tal-proċedura kriminali inkwistjoni;

    10.2

    kien issuspettat, akkużat jew is-suġġett ta’ proċeduri kriminali fir-rigward ta’ reat kriminali, li fir-rigward tagħhom tkun ittieħdet deċiżjoni ta’ sospensjoni jew ta’ arkivjar?


    (1)  L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.

    (2)   ĠU 2016, L 119, p. 89, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 6.

    (3)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79.


    ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4715/oj

    ISSN 1977-0987 (electronic edition)


    Top