Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62024CN0261

    Kawża C-261/24, Alizeu Eolian: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Bucureşti (ir-Rumanija) fit-12 ta’ April 2024 – Alizeu Eolian SA vs Agenţia Naţională de Administrare Fiscală, DGRFP București – Administrația Fiscală pentru Contribuabili Mijlocii București, DGRFP Bucureşti – Administraţia Sector 4 a Finanţelor Publice, Ministerul Finanţelor – Direcţia Generală de Soluţionare a Contestaţiilor

    ĠU C, C/2024/4572, 29.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4572/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4572/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Is-serje C


    C/2024/4572

    29.7.2024

    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Bucureşti (ir-Rumanija) fit-12 ta’ April 2024 – Alizeu Eolian SA vs Agenţia Naţională de Administrare Fiscală, DGRFP București – Administrația Fiscală pentru Contribuabili Mijlocii București, DGRFP Bucureşti – Administraţia Sector 4 a Finanţelor Publice, Ministerul Finanţelor – Direcţia Generală de Soluţionare a Contestaţiilor

    (Kawża C-261/24, Alizeu Eolian)

    (C/2024/4572)

    Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

    Qorti tar-rinviju

    Curtea de Apel Bucureşti

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrent: Alizeu Eolian SA

    Konvenuti: Agenţia Naţională de Administrare Fiscală, DGRFP București – Administrația Fiscală pentru Contribuabili Mijlocii București, DGRFP Bucureşti – Administraţia Sector 4 a Finanţelor Publice, Ministerul Finanţelor – Direcţia Generală de Soluţionare a Contestaţiilor

    Domandi preliminari

    1)

    Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 107 u 108 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi taxxa biss fuq ċerti produtturi tal-elettriku, bħal dawk [li jipproduċu l-enerġija] minn sorsi rinnovabbli, [u] mhux fuq il-produtturi kollha tal-elettriku tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, li hija suġġetta għall-obbligu ta’ komunikazzjoni, mogħtija lil dawk li huma eżenti minn din it-taxxa?

    2)

    Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(1) u (4), tal-Artikolu 9(2), kif ukoll tal-Artikolu 58(b) sa (d) tad-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE (1) u tal-Artikolu 3(f), (g), (i) u (n) tar-Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar is-suq intern tal-elettriku (2), li jipprovdu li l-Istati Membri għandhom jiżguraw kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ġusti u mhux diskriminatorji għall-produtturi tal-elettriku, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi piż addizzjonali ta’ taxxa fuq ċerti produtturi tal-elettriku biss, inklużi dawk [li jipproduċu l-enerġija] minn sorsi rinnovabbli, bl-esklużjoni ta’ ċerti kategoriji ta’ produtturi milli jħallsu t-taxxa, minkejja li l-produtturi kollha tal-elettriku jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli, meta wieħed iqis, fost l-oħrajn, dħul komparabbli mill-bejgħ tal-elettriku?

    3)

    Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 49, 56 u 63 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi taxxa diskriminatorja u eċċessiva biss fuq ċerti produtturi tal-elettriku (inklużi dawk [li jipproduċu l-enerġija] minn sorsi rinnovabbli), bl-esklużjoni ta’ kategoriji oħra ta’ produtturi?

    4)

    Qabel ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1854 tas-6 ta’ Ottubru 2022 dwar intervent ta’ emerġenza biex jiġu indirizzati l-prezzijiet għoljin tal-enerġija (3), id-Direttiva 2019/944 u r-Regolament 2019/943 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li twassal għall-iffissar tal-prezz tal-bejgħ /għal restrizzjoni tal-libertà li jiġi ffissat il-prezz tal-bejgħ?

    5)

    Il-prinċipji ta’ prekawzjoni, ta’ azzjoni preventiva u ta’ rettifika tat-tniġġis fis-sors u l-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”, kif ukoll [l-Artikolu 2(1) u (2)] u l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (4) ikkunsidrati flimkien mal-Artikolu 191(2) TFUE, kif ukoll l-Artikolu 3(1), (3) u (4) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (5), li jirregolaw l-għanijiet tan-newtralità klimatika stabbiliti mill-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tippreġudika l-għanijiet tal-Unjoni rigward il-kisba tan-newtralità klimatika u l-politika tal-Unjoni dwar it-tassazzjoni tal-enerġija? Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, liema huma l-kriterji li għandhom jiġu rrispettati fid-determinazzjoni ta’ din it-taxxa, sabiex jiġu osservati il-prinċipji msemmija iktar ’il fuq?

    6)

    Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 401 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (6) għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik stabbilita mill-Ordonanța de urgență a guvernului nr. 27 privind măsurile aplicabile clienților finali din piața de energie electrică și gaze naturale în perioada 1 aprilie 2022 - 31 martie 2023, precum și pentru modificarea și completarea unor acte normative din domeniul energiei (id-Digriet ta’ Urġenza tal-Gvern Nru 27 dwar miżuri applikabbli għall-klijenti finali fis-suq tal-elettriku u tal-gass naturali matul il-perjodu mill-1 ta’ April 2022 sal-31 ta’ Marzu 2023 kif ukoll li temenda u tissupplimenta ċerti atti normattivi fil-qasam tal-enerġija, tat-18 ta’ Marzu, li timponi taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ applikata fuq id-dħul mill-bejgħ tal-elettriku?


    (1)   ĠU 2019, L 158, p. 12.

    (2)   ĠU 2019, L 158, p. 54.

    (3)   ĠU 2022, L 261I, p. 1.

    (4)   ĠU 2021, L 243, p. 1.

    (5)   ĠU 2018, L 328, p. 8, rettifiki fil-ĠU 2020, L 311, p. 11, fil-ĠU 2021, L 224, p. 42 u fil-ĠU 2022, L 41, p. 37.

    (6)   ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60.


    ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4572/oj

    ISSN 1977-0987 (electronic edition)


    Top