Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62024CN0179

    Kawża C-179/24 P: Appell ippreżentat fl-1 ta’ Marzu 2024 minn enercity AG mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla Estiża) fl-20 ta’ Diċembru 2023 fil-Kawża T-65/21, enercity AG vs Il-Kummissjoni Ewropea

    ĠU C, C/2024/2750, 29.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/2750/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/2750/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Is-serje C


    C/2024/2750

    29.4.2024

    Appell ippreżentat fl-1 ta’ Marzu 2024 minn enercity AG mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla Estiża) fl-20 ta’ Diċembru 2023 fil-Kawża T-65/21, enercity AG vs Il-Kummissjoni Ewropea

    (Kawża C-179/24 P)

    (C/2024/2750)

    Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

    Partijiet

    Appellant: enercity AG (rappreżentant: C. Schalast, Rechtsanwalt)

    Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, E.ON SE, RWE AG

    Talbiet

    L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Diċembru 2023, enercity vs Il-Kummissjoni (T-65/21) u d-deċiżjoni kontenzjuża tal-Kummissjoni Ewropea;

    sussidjarjament, tannulla s-sentenza appellata u tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż sostnuti quddiem iż-żewġ istanzi.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka ħames aggravji.

    L-ewwel nett, l-appellanti tallega li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 3(1) tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet (1), fir-rigward tat-tqassim tat-tranżazzjoni globali bejn RWE u E.ON, billi rreferiet esklużivament għall-Avviż ġuriżdizzjonali konsolidat tal-Kummissjoni (2) u għas-sentenza “Cementbouw”  (3) kif ukoll għall-premessa 20 tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipji ta’ ġerarkija tar-regoli, ta’ supremazija tad-dritt u ta’ diviżjoni ta’ poteri.

    It-tieni nett, l-appellanti tallega li l-Qorti Ġenerali ma analizzatx, fid-deċiżjoni tagħha, il-kwistjoni dwar jekk il-ftehim ta’ tqassim tas-suq konkluż mill-partijiet fil-konċentrazzjoni, li bis-saħħa tiegħu RWE kellha tikkonċentra esklużivament fuq is-suq tal-produzzjoni filwaqt li E.ON kellha tikkonċentra esklużivament fuq is-suq tad-distribuzzjoni, kienx jikkostitwixxi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE. F’dan ir-rigward, b’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Artikolu 21(1) tar- Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet ma jeskludix il-possibbiltà tal-applikabbiltà tad-dritt primarju bħall-Artikolu 101 TFUE. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx l-interessi essenzjali u konsegwentement tat deċiżjoni vvizzjata bi żball ta’ liġi.

    It-tielet nett, l-appellanti tallega li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat li l-Kummissjoni kienet iddeterminat korrettement id-data tagħha. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-konsultazzjoni tas-suq użata mill-Kummissjoni ma tikkostitwixxix data xierqa. Iċ-ċirkustanzi li fihom saret ir-riċerka tas-suq iqajmu dubji serji dwar l-affidabbiltà tal-informazzjoni pprovduta mill-kumpanniji mistħarrġa. Barra minn hekk, ir-riżultati tal-investigazzjoni tas-suq huma ambigwi u ma jsostnux il-konklużjoni magħmula mill-Kummissjoni. B’kuntrast, ir-rapporti ta’ perizja ppreżentati mill-appellanti, li jiżvelaw żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mill-Kummissjoni, ġew injorati b’mod żbaljat mill-Qorti Ġenerali, peress li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat li dawn ir-rapporti kien fihom informazzjoni relatata ma’ perijodu sussegwenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni.

    Ir-raba’ nett, l-appellanti tallega li l-Qorti Ġenerali evalwat b’mod żbaljat id-delimitazzjoni tas-suq tal-elettriku bl-imnut. Il-Qorti Ġenerali ikkonkludiet b’mod żbaljat li l-fornituri ewlenin u l-fornituri b’kuntratt speċjali ma kinux kompetituri u li għalhekk kienu żewġ swieq distinti. Fl-evalwazzjoni tagħha, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni argumenti importanti mressqa mill-appellanti u, konsegwentement, ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni.

    Fl-aħħar u l-ħames nett, l-appellanti tallega li l-Qorti Ġenerali evalwat b’mod żbaljat il-pressjoni kompetittiva potenzjali. Hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li kien hemm kompetizzjoni potenzjali bejn il-partijiet fil-konċentrazzjoni, li setgħet tiżviluppa f’kompetizzjoni effettiva fi kwalunkwe mument. Għaldaqstant, il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-partijiet fil-konċentrazzjoni ma kinux kompetituri mill-qrib hija żbaljata.


    (1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40).

    (2)  Avviż ġuriżdizzjonali konsolidat tal-Kummissjoni taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi (ĠU 2008, C 95, p. 1)

    (3)  Sentenza tat-23 ta’ Frar 2006, Cementbouw Handel & Industrie vs Il-Kummissjoni (T-282/02, EU:T:2006:64).


    ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/2750/oj

    ISSN 1977-0987 (electronic edition)


    Top