Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62024CJ0318

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tad-29 ta’ Lulju 2024.
P.P.R.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Curtea de Apel Braşov.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ arrest Ewropew – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Konsenja ta’ persuni rikjesti lill-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti – Rispett tad-drittijiet fundamentali – Nuqqasijiet sistemiċi jew iġġeneralizzati li jikkonċernaw l-indipendenza tas-setgħa ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti – Nuqqasijiet dwar l-assenza ta’ prova tal-ġurament tal-imħallfin – Projbizzjoni ta’ trattamenti inumani jew degradanti – Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Istat Membru emittenti – Evalwazzjoni mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni – Rifjut ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni – Effetti ta’ dan ir-rifjut għall-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ta’ Stat Membru ieħor.
Kawża C-318/24 PPU.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:658

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

29 ta’ Lulju 2024 ( *1 )

[Test irrettifikat b’digriet tal‑20 ta’ Settembru 2024]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ arrest Ewropew – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Konsenja ta’ persuni rikjesti lill-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti – Rispett tad-drittijiet fundamentali – Nuqqasijiet sistemiċi jew iġġeneralizzati li jikkonċernaw l-indipendenza tas-setgħa ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti – Nuqqasijiet dwar l-assenza ta’ prova tal-ġurament tal-imħallfin – Projbizzjoni ta’ trattamenti inumani jew degradanti – Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Istat Membru emittenti – Evalwazzjoni mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni – Rifjut ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni – Effetti ta’ dan ir-rifjut għall-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ta’ Stat Membru ieħor”

Fil-Kawża C‑318/24 PPU [Breian] ( i ),

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Curtea de Apel Braşov (il-Qorti tal-Appell ta’ Braşov, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ April 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑30 ta’ April 2024, fil‑proċedura dwar l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra

P.P.R.

fil-preżenza ta’:

Parchetul de pe lângă Înalta Curte de Casaţie şi Justiţie – Direcţia Naţională Anticorupţie – Serviciul Teritorial Brahebov,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tal-Ħames Awla, Z. Csehi, I. Jarukaitis u D. Gratsias (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: R. Șereș, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑24 ta’ Ġunju 2024,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal P.P.R., minn J. Azzopardi, avukat, u M. Laïchi, avocate,

għall-Parchetul de pe lângă Înalta Curte de Casaţie şi Justiţie – Direcţia Naţională Anticorupţie – Serviciul Teritorial Braşov, minn M. Voineag, bħala aġent,

għall-Gvern Rumen, minn M. Chicu, E. Gane u A. Rotăreanu, bħala aġenti,

għall-Irlanda, minn G. Mullan, BL,

għall-Gvern Franċiż, minn R. Bénard u B. Dourthe, bħala aġenti,

għall-Gvern Malti, minn A. Buhagiar, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Biolan, H. Leupold u J. Vondung, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis‑seduta tal‑11 ta’ Lulju 2024,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal‑Artikolu 4(3) u tal-Artikolu 17(1) TUE, tal-Artikolu 4 u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal‑Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), kif ukoll tal‑Artikolu 1(2) u (3) u tal-Artikoli 15 u 19 tad-Deċiżjoni Qafas tal‑Kunsill 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal‑Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2002/584”).

2

Din it-talba tressqet fil-proċedura dwar l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra P.P.R. mill-Curtea de Apel Braşov – Biroul executări penale (il-Qorti tal-Appell ta’ Braşov – Uffiċċju ta’ Eżekuzzjoni Kriminali, ir-Rumanija).

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt internazzjonali

3

L-Artikolu 2(a) tal-Istatut tal-Organizzazzjoni Internazzjonali ta’ Pulizija Kriminali (Interpol), adottat fi Vjenna (l-Awstrija) mill-Assemblea Ġenerali tal-Interpol fit‑13 ta’ Ġunju 1956 waqt il-25 sessjoni tagħha u emendat l-aħħar waqt il-91 sessjoni tagħha fl-2023 (iktar ’il quddiem l-“Istatut tal-Interpol”), jipprevedi li Interpol għandha l-għan, b’mod partikolari, li “li tiġi żgurata u żviluppata iktar l-iktar assistenza reċiproka wiesgħa possibbli bejn l-awtoritajiet tal-pulizija kriminali kollha fi ħdan il-liġijiet eżistenti fil-pajjiżi individwali u fl-ispirtu tad-‘Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem’” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

4

L-Artikolu 5 tal-Istatut tal-Interpol isemmi lill-Kummissjoni għall-Kontroll tal-fajls tal-Interpol (CCF) bħala parti mill-Interpol.

5

Skont l-Artikolu 36(1) u (3) tal-Istatut tal-Interpol, iċ-CCF huwa korp indipendenti li għandu jiżgura li l-ipproċessar ta’ data personali mill-Interpol ikun konformi mar-regoli applikabbli u għandu, b’mod partikolari, jagħti deċiżjoni dwar kull ilment fil-qasam.

6

Iċ-CCF għandu statut għalih, li jiddefinixxi b’mod iktar preċiż il-kompiti u l-kompetenzi tiegħu. Bis-saħħa tal-Artikolu 3(1)(c) ta’ dan l-istatut, huwa jista’ b’mod partikolari jordna t-tneħħija ta’ data personali mis-sistema ta’ informazzjoni tal-Interpol.

Id‑Deċiżjoni Qafas 2002/584

7

L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, intitolat “Definizzjoni tal‑mandat ta’ arrest Ewropew u l-obbligu li jiġi esegwit”, jipprevedi:

“1.   Il-mandat ta’ arrest Ewropew hija deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u l-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-finijiet tat-tmexxija ta’ azzjoni kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru.

3.   Din id-Deċiżjoni Kwadru m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif imniżżla fl-Artikolu 6 [UE].”

8

L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas intitolat “Raġunijiet għan-non-esekuzzjoni obbligatorja biex ma jiġix esegwit mandat ta’ arrest Ewropew”, jgħid:

“L-awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni (minn hawn ‘il quddiem ‘l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni’) għandha tiċħad li tesegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew fil-każijiet li ġejjin:

1)

jekk ir-reat li fuqu hu bbażat il-mandat ta’ arrest hu kopert minn amnestija fl-Istat Membru ta’ esekuzzjoni, fejn dak l-Istat kellu ġurisdizzjoni biex jieħu azzjoni kriminali kontra r-reat skond il-liġi kriminali tiegħu;

2)

jekk l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni hi infurmata li l-persuna rikjesta ġiet finalment ġudikata minn Stat Membru fir-rigward ta’ l-istess atti bil-kondizzjoni li, fejn kien hemm sentenza, is-sentenza ingħatat jew qed tingħata attwalment jew ma tistax tiġi esegwita iżjed taħt il-liġi ta’ l-Istat Membru li ta s-sentenza;

3)

jekk il-persuna li hi s-suġġett tal-mandat ta’ arrest Ewropew ma tistax, minħabba fl-età tagħha, tinsab kriminalment responsabbli għall-atti li fuqhom hu bbażat il-mandat ta’ arrest skond il-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni.”

9

L-Artikolu 8 ta’ din id-deċiżjoni qafas, intitolat “Kontenut u forma tal-mandat ta’ arrest Ewropew”, jgħid:

“1.   Il-mandat ta’ arrest Ewropew għandu jkun fih l-informazzjoni li ġejja stabbilita skond il-formola li tinsab fl-Anness:

a)

l-identità u n-nazzjonalità tal-persuna rikjesta;

b)

l-isem, l-indirizz, in-numri tat-telefon u l-fax u l-indirizz tal-posta elettronika ta’ l-awtorità ġudizzjarja emittenti;

c)

l-indikazzjoni ta’ l-eżistenza ta’ sentenza esegwibbli, mandat ta’ arrest jew kwalunkwe deċiżjoni ġudizzjarja esegwibbli oħra li jkollhom l-istess effett, li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikoli 1 u 2;

d)

in-natura u l-klassifikazzjoni legali tar-reat, b’mod partikolari fir-rigward ta’ l-Artikolu 2;

e)

deskrizzjoni taċ-ċirkostanzi li fihom twettaq ir-reat, inkluż il-ħin, il-post u l-grad ta’ parteċipazzjoni fir-reat mill-persuna rikjesta;

f)

il-piena imposta, jekk hemm sentenza finali, jew l-iskala ta’ pieni stabbilita għar-reat skond il-liġi ta’ l-Istat Membru emittenti;

g)

jekk possibbli, konsegwenzi oħra tar-reat.

2.   Il-mandat ta’ arrest Ewropew għandu jiġi tradott fil-lingwa uffiċjali jew waħda mil-lingwi uffiċjali ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni. Kwalunkwe Stat Membru jista’, meta din id-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tiġi adottata jew f’data aktar tard, jiddikjara f’dikjarazzjoni depositata mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea] li hu ser jaċċetta traduzzjoni f’waħda jew aktar mil-lingwi uffiċjali oħra ta’ l-Istituzzjonijiet tal-[Unjoni Ewropea].”

10

Skont l-Artikolu 15 tal-istess deċiżjoni qafas, intitolat “Deċiżjoni dwar il-konsenja”:

“1.   L-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni għandha tiddeċiedi, fil-limiti ta’ żmien u taħt il-kondizzjonijiet definiti f’din id-Deċiżjoni Kwadru [Qafas], jekk il-persuna għandhiex tiġi kkonsenjata.

2.   Jekk l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni ssib li l-informazzjoni kkomunikata mill-Istat Membru emittenti mhijiex suffiċjenti biex tiddeċiedi dwar il-konsenja, għandha titlob li l-informazzjoni supplementarja meħtieġa […]

3.   L-awtorità ġudizzjarja emittenti tista’ fi kwalunkwe ħin titrasmetti kwalunkwe informazzjoni utli addizjonali lill-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni.”

11

L-Artikolu 19 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, intitolat “Sitwazzjoni pendenti d-deċiżjoni”, jipprevedi:

“1.   Il-persuna rikjesta għandha tinstema’ minn awtorità ġudizzjarja, assistita minn persuna oħra nominata skond il-liġi ta’ l-Istat Membru tal-qorti rikjedenti.

2.   Il-persuna rikjesta għandha tinstema’ skond il-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni u bil-kondizzjonijiet stabbiliti bi ftehim reċiproku bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti u dawk ta’ esekuzzjoni.

3.   L-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni kompetenti tista’ tinkariga awtorità ġudizzjarja oħra ta’ l-Istat Membru tagħha biex tieħu sehem fis-smigħ tal-persuna rikjesta sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni adatta ta’ dan l-Artikolu u tal-kondizzjonijiet stabbiliti.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

12

Fis‑17 ta’ Diċembru 2020, il-Curtea de Apel Braşov (il-Qorti tal-Appell ta’ Braşov, ir-Rumanija) ħarġet mandat ta’ arrest Ewropew kontra P.P.R., sabiex teżegwixxi piena ta’ priġunerija imposta fuqu permezz ta’ sentenza tal-Awla Kriminali tagħha, tas‑27 ta’ Ġunju 2019, li saret definittiva wara l-għoti ta’ sentenza tal-Awla Kriminali tal-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, ir-Rumanija), tas‑17 ta’ Diċembru 2020.

13

Wara d-deċiżjoni ta’ kundanna definittiva tas‑17 ta’ Diċembru 2020, l-uffiċċju tal-eżekuzzjoni tal-pieni tal-Curtea de Apel Brașov (il-Qorti tal-Appell ta’ Brașov) ħareġ, fl-istess jum, mandat ta’ arrest Ewropew kontra P.P.R. għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tal-piena li kienet ġiet imposta fuqu.

14

Mill-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li, fit‑28 ta’ Ġunju 2022, P.P.R. ġie arrestat f’Pariġi (Franza) u li nfetħet proċedura ta’ konsenja fil-konfront tiegħu. Din il-proċedura ngħalqet permezz ta’ sentenza tal-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi, Franza), tad‑29 ta’ Novembru 2023, li saret definittiva, peress li din tal-aħħar irrifjutat l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ mill-awtoritajiet Rumeni kontra P.P.R.

15

Skont il-qorti tar-rinviju, il-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi) ibbażat din id-deċiżjoni ta’ rifjut fuq l-eżistenza ta’ riskju ta’ ksur tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq quddiem qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi, stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta. Din il-qorti qieset, minn naħa, li kienu jeżistu nuqqasijiet sistemiċi u ġġeneralizzati li jaffettwaw is-setgħa ġudizzjarja fir-Rumanija, sa fejn il-post ta’ żamma tal-minuti tal-ġurament tal-imħallfin kien inċert, u dan qajjem dubju dwar il-kompożizzjoni regolari tal-qrati ta’ dan l-Istat Membru. Min-naħa l-oħra, dan in-nuqqas sistemiku kellu effett fuq il-proċedura kriminali kontra P.P.R. quddiem l-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja), peress li l-proċess verbal ta’ teħid ta’ ġurament ta’ wieħed mit-tliet imħallfin tal-kulleġġ ġudikanti li kellu jieħu konjizzjoni tal-kawża kkonċernata ma setax jinstab u mħallef ieħor ta’ dan il-kulleġġ ġudikanti ħa biss ġurament bħala prosekutur, filwaqt li mid-dispożizzjonijiet applikabbli tad-dritt Rumen ma kienx jirriżulta b’mod ċar li ma kienx meħtieġ li jittieħed ġurament ġdid meta dan jinħatar bħala mħallef.

16

Barra minn hekk, il-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi) ħadet inkunsiderazzjoni wkoll id-deċiżjoni tal-Awla tal-Appelli taċ-CCF, adottata waqt il-123 sessjoni tagħha, li nżammet mit‑30 ta’ Jannar sat‑3 ta’ Frar 2023 (CCF/123/R1358.21), li permezz tagħha hija ordnat it-tħassir mid-database tal-Interpol tal-avviż ta’ tfittxija internazzjonali li kien jirrigwarda lil P.P.R. għar-raġuni li d-data li tikkonċernah ma kinitx konformi mar-regoli tal-Interpol dwar l-ipproċessar tad-data personali. Il-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi) qieset li din id-deċiżjoni kienet turi l-eżistenza ta’ tħassib serju dwar l-eżistenza ta’ elementi politiċi fil-kuntest ġenerali u dwar ir-rispett tal-prinċipji tad-drittijiet fundamentali matul il-proċedura li P.P.R. kien is-suġġett tagħha fir-Rumanija.

17

Il-qorti tar-rinviju tosserva wkoll li, fid‑29 ta’ April 2024, P.P.R. ġie arrestat f’Malta bis-saħħa tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontrih. Fl-istess jum, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni Maltija talbet lill-qorti tar-rinviju informazzjoni addizzjonali, filwaqt li ppreċiżat li P.P.R. kien invoka s-sentenza tal-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi) imsemmija fil-punt 14 ta’ din is-sentenza.

18

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Curtea de Apel Brașov (il-Qorti tal-Appell ta’ Brașov) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

L-Artikolu 15(1) tad-Deċiżjoni [Qafas 2002/584)] jista’ jiġi interpretat fis-sens li d-deċiżjoni definittiva li permezz tagħha awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tirrifjuta l-konsenja tal‑persuna rikjesta għandha awtorità ta’ res judicata fir-rigward ta’ awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni oħra minn Stat Membru ieħor jew għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix [repetizzjoni] tat-talba għal konsenja bbażata fuq l-istess mandat ta’ arrest Ewropew, meta l-elementi li ostakolaw l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew preċedenti tneħħew jew meta d‑deċiżjoni ta’ rifjut ta’ eżekuzzjoni ta’ dan il-mandat ta’ arrest Ewropew ma kinitx konformi mad-dritt tal-Unjoni, sakemm l‑eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ġdid ma twassalx għal ksur tal-Artikolu 1(3) tad-[Deċiżjoni Qafas 2002/584] u sakemm ir-repetizzjoni tat-talba għal konsenja jkollha natura proporzjonali, konformement mal-interpretazzjoni tad-[Deċiżjoni Qafas 2002/584] mis-[sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et (C‑158/21, EU:C:2023:57, punt 141 u d-dispożittiv 5]?

2)

L-Artikolu 1(3) tad-[Deċiżjoni Qafas 2002/584] ikkunsidrat flimkien mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-[Karta], jista’ jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tistax tirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ mandat Ewropew maħruġ għall‑fini tal-eżekuzzjoni ta’ piena meta, fil-kuntest tal-verifika tal-obbligu tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fil-proċedura għall‑eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, fir-rigward tad‑dritt għal smigħ xieraq, f’termini tar-rekwiżit ta’ qorti stabbilita mil-liġi, previst mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal‑[Karta], ġew identifikati irregolaritajiet fir-rigward tat-teħid tal-ġurament tal-membri tal-kulleġġ ġudikanti tal-qorti [li tat is-sentenza ta’ kundanna], mingħajr ma tqiegħed f’diskussjoni l‑indħil ta’ setgħat pubbliċi oħra fil-proċess tal-ħatra tal-imħallfin?

3)

L-Artikolu 1(3) tad-[Deċiżjoni Qafas 2002/584], ikkunsidrat flimkien mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-[Karta] jista’ jiġi interpretat fis-sens li f’sitwazzjoni fejn persuna suġġetta għal mandat ta’ arrest Ewropew ssostni li l-konsenja tagħha lill-Istat Membru emittenti ser twassal għan-nuqqas ta’ rispett tad-dritt tagħha għal smigħ xieraq, l-eżistenza ta’ deċiżjoni [taċ-CFF] li tirrigwarda direttament is-sitwazzjoni ta’ din il-persuna, ma tistax tiġġustifika, fiha nnifisha, ir-rifjut tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li teżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni? Iżda deċiżjoni bħal din tista’, minflok, tiġi kkunsidrata minn din l-awtorità ġudizzjarja, fost elementi oħra, sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ nuqqasijiet sistemiċi jew ġenerali fil-funzjonament tas-sistema ġurisdizzjonali ta’ dan l-Istat Membru jew ta’ nuqqasijiet li jaffettwaw il-protezzjoni ġudizzjarja ta’ grupp oġġettivament identifikabbli ta’ persuni li għalih din il-persuna tkun tappartjeni?

4)

Id-[Deċiżjoni Qafas 2002/584] tista’ tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix ir-repetizzjoni tat-talba għal konsenja tal-persuna rikjesta, ibbażata fuq l-istess mandat ta’ arrest Ewropew [li l-eżekuzzjoni tiegħu ġiet irrifjutata] inizjalment minn qorti ta’ eżekuzzjoni ta’ Stat Membru, quddiem qorti ta’ eżekuzzjoni oħra fi Stat Membru ieħor, meta l-awtorità ġudizzjarja emittenti nnifisha ssib li d-deċiżjoni preċedenti li tirrifjuta l-eżekuzzjoni tal‑mandat ta’ arrest Ewropew ma kinitx konformi mad-dritt tal‑Unjoni fid-dawl tal-prassi ġudizzjarja diġà eżistenti tal-Qorti tal‑Ġustizzja jew biss bħala riżultat tar-rinviju quddiem il-Qorti tal‑Ġustizzja ta’ domanda preliminari dwar l-interpretazzjoni tad‑dritt tal-Unjoni applikabbli f’dik il-kawża?

5)

Il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, previst mill-Artikolu 1(2) tad-[Deċiżjoni Qafas 2002/584], kif ukoll il-prinċipji ta’ fiduċja reċiproka u ta’ kooperazzjoni leali, previsti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) TUE, ikkunsidrati flimkien mal‑ħtieġa li tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad‑drittijiet tal-persuni involuti fil-proċedura, kollha b’riferiment għall-Artikoli 15 u 19 tad-[Deċiżjoni Qafas 2002/584], jippermettu lill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat Membru emittenti (il-qorti emittenti [li tkun irrappreżentata minn] rappreżentant dirett jew, fuq stedina tagħha, minn korpi ġudizzjarji oħra bħalma huma membru tal-ġudikatura ta’ kollegament, il-membru nazzjonali tal-Eurojust jew il-prosekutur tal-Istat Membru emittenti) sabiex jipparteċipaw direttament, billi jifformulaw talbiet, offerti ta’ provi u billi jieħdu sehem f’dibattiti ġudizzjarji, fi ħdan il-proċeduri ġudizzjarji għall-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew, imwettqa mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, kif ukoll sabiex jeżerċitaw d-dritt ta’ appell kontra d‑deċiżjoni dwar ir-rifjut ta’ konsenja, sal-punt u taħt il‑kundizzjonijiet li fihom tali dritt ta’ appell huwa previst fid-dritt nazzjonali tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, ibbażat fuq u fl‑osservanza tal-prinċipju ta’ ekwivalenza?

6)

L-Artikolu 17(1) TUE dwar is-setgħat tal-Kummissjoni [Ewropea], ikkunsidrat b’riferiment għad-[Deċiżjoni Qafas 2002/584], jista’ jiġi interpretat fis-sens li s-setgħat tal‑Kummissjoni fir-rigward tal-promozzjoni tal-interess ġenerali tal-Unjoni bit-teħid ta’ inizjattivi xierqa għal dan il-għan u s‑setgħat rigward l-iżgurar tas-superviżjoni tal-applikazzjoni tad‑dritt tal-Unjoni jistgħu jiġu eżerċitati fil-kwistjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew, anki fuq talba tal-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat ta’ arrest Ewropew, jekk hija tqis li, billi tirrifjuta l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, taffettwa serjament il-prinċipji ta’ fiduċja reċiproka u ta’ kooperazzjoni leali, bil-għan li l‑Kummissjoni tieħu l-miżuri li hija tqis meħtieġa konformement ma’ dawn is-setgħat u f’indipendenza sħiħa?”

19

Fis‑16 ta’ Mejju 2024, il-Qorti tal-Ġustizzja indirizzat lill-qorti tar-rinviju talba għal kjarifiki dwar in-natura tal-proċedura li fil-kuntest tagħha hija ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja t-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, dwar is-suġġett ta’ din il-proċedura u dwar il-kontenut tad-deċiżjonijiet li hija jista’ jkollha tieħu fi tmiem l-imsemmija proċedura. Din il-qorti wieġbet għal din it-talba fit‑22 ta’ Mejju 2024. Fir-risposta tagħha, hija indikat, b’mod partikolari, li, fl‑20 ta’ Mejju 2024, il-qorti Maltija kompetenti, fil-kwalità tagħha ta’ awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra P.P.R., kienet iddeċidiet li ma tikkonsenjax lil P.P.R. lill-awtoritajiet Rumeni, peress li qieset li l-informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fir-Rumanija li hija kellha ma kinitx tippermettilha tikkonkludi li l-projbizzjoni ta’ pieni jew ta’ trattamenti inumani u degradanti, prevista fl-Artikolu 4 tal-Karta, kienet ser tiġi osservata fir-rigward ta’ P.P.R., fil-każ tal‑konsenja tiegħu lill-awtoritajiet Rumeni.

20

Skont il-qorti tar-rinviju, sabiex tasal għal din il-konklużjoni, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni Maltija, minn naħa, ibbażat ruħha fuq informazzjoni aċċessibbli, b’mod partikolari, fis-sit internet tal-amministrazzjoni penitenzjarja Rumena u, min-naħa l-oħra, ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li l-approvazzjoni, mill-qorti tar-rinviju, tal-assigurazzjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti Rumeni, li kienu jgħidu li P.P.R. ma kienx ser ikun suġġett għal trattament inuman jew degradanti minħabba l-kundizzjonijiet tad-detenzjoni tiegħu, fit-traduzzjoni bl-Ingliż tal-komunikazzjoni tal-qorti tar-rinviju lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni Maltija, kien indikat bil-kelma “approved” u mhux bil-kelma “endorsed”, liema kelma kienet intużat fil-punt 68 tal-verżjoni Ingliża tas-sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2019, Dorobantu (C‑128/18, EU:C:2019:857).

21

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Curtea de Apel Brașov (il-Qorti tal-Appell ta’ Brașov) indirizzat lill-Qorti tal-Ġustizzja s-seba’ domanda preliminari kif ġej:

“L-Artikolu 1(3) tad-[Deċiżjoni Qafas 2002/584], ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 4 tal-[Karta] dwar il-projbizzjoni ta’ trattament inuman jew degradanti, għandu jiġi interpretat fis-sens li, abbażi tal-analiżi tal‑kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Istat Membru emittenti, minn naħa, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tistax tirrifjuta l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew ibbażat fuq informazzjoni li ma ġietx miġjuba għall-attenzjoni tal-awtorità ġudizzjarja emittenti u li dwarha din tal-aħħar ma kellhiex l-opportunità li tipprovdi informazzjoni addizzjonali fis-sens tal-Artikolu 15(2) u (3) tad-[Deċiżjoni Qafas 2002/584], u min-naħa l-oħra, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tistax tapplika standard ogħla minn dak previst mill-Karta u mingħajr ma tis1peċifika b’mod preċiż in-normi li jirreferu għalihom, b’mod partikolari fir-rigward ta’ rekwiżiti ta’ detenzjoni bħall-istabbiliment ta’ ‘pjan ta’ eżekuzzjoni tal-piena preċiż’, ‘kriterji preċiżi sabiex tiġi stabbilita sistema ta’ eżekuzzjoni partikolari’ u garanziji kontra d‑diskriminazzjoni minħabba ‘pożizzjoni partikolarment unika u sensittiva’?”

Fuq it‑talba għal proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari

22

Il-qorti tar-rinviju talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

23

Insostenn tat-talba tagħha, hija essenzjalment indikat li P.P.R. jinsab attwalment imċaħħad mil-libertà f’Malta fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ mill-awtoritajiet Rumeni u li ż-żamma tiegħu taħt detenzjoni tiddependi mill-eżitu tal-proċedura fil-kawża prinċipali, peress li dan tal-aħħar invoka, quddiem l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni Maltija, ir-rifjut, mill-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi), li teżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ mill-awtoritajiet Rumeni.

24

Skont l-Artikolu 107(1) tar-Regoli tal-Proċedura, rinviju għal deċiżjoni preliminari li jqajjem kwistjoni waħda jew iktar li jikkonċernaw l-oqsma msemmija fit-Titolu V, dwar l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, tat-Tielet Parti, tat-Trattat FUE jista’, fuq talba tal-qorti tar-rinviju jew, eċċezzjonalment, ex officio, jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari, fis-sens tat-tielet kapitolu tat-tielet titolu tar-Regoli tal-Proċedura, li jinkludi l-Artikoli 107 sa 114 tal-imsemmija Regoli tal-Proċedura.

25

Għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirrigwarda, b’mod partikolari, l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li taqa’ taħt l-oqsma msemmija fit-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE, dwar l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Konsegwentement, dan ir-rinviju jista’ jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari, konformement mal-Artikolu 107(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

26

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kundizzjoni dwar l-urġenza, din il-kundizzjoni tiġi ssodisfatta, b’mod partikolari, meta l-persuna kkonċernata fil-kawża prinċipali tkun attwalment imċaħħda mil-libertà u meta ż-żamma tagħha taħt arrest tiddependi mis-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali, filwaqt li huwa ppreċiżat li s-sitwazzjoni ta’ din il-persuna għandha tiġi evalwata hekk kif tkun fid-data tal-eżami tat-talba intiża li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun suġġett għall‑proċedura b’urġenza (sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2024, Stachev, C‑15/24 PPU, EU:C:2024:399, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

F’dan il-każ, ċertament, ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma jirriżultax mill-qorti li, bħala awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija, fl‑aħħar mill-aħħar, mitluba tagħti deċiżjoni dwar il-konsenja tal-persuna kkonċernata minn dan il-mandat ta’ arrest, iżda mill-awtorità ġudizzjarja emittenti tiegħu.

28

Xorta jibqa’ l-fatt li, kif ikkonfermat il-qorti tar-rinviju b’risposta għat-talba għal kjarifiki msemmija fil-punt 19 ta’ din is-sentenza, din jista’ jkollha, skont ir-risposti għad-domandi magħmula, tirtira l-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra P.P.R. Peress li dan tal-aħħar tqiegħed f’detenzjoni biss bis-saħħa ta’ dan il-mandat ta’ arrest, l-irtirar eventwali tal-imsemmi mandat ikollu bħala konsegwenza immedjata l-liberazzjoni ta’ P.P.R.

29

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, iddeċidiet, fid‑29 ta’ Settembru 2021, li tilqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju intiża li dawn ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari jiġu sottomessi għal proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

Fuq id‑domandi preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

30

Kif diġà ġie rrilevat fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari joriġina mill-awtorità ġudizzjarja emittenti tal‑mandat ta’ arrest Ewropew li permezz tiegħu P.P.R. tqiegħed f’detenzjoni f’Malta. Mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar‑rinviju jirriżulta li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija intiża b’mod partikolari li tippermettilha tiddetermina jekk hija tistax toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew ġdid kontra P.P.R. jew jekk tkunx marbuta tirtira l-mandat ta’ arrest Ewropew diġà maħruġ kontrih, fil-każ fejn mir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-rifjut ta’ eżekuzzjoni tal-mandat preċedenti ma kienx konformi mad-dritt tal-Unjoni.

31

Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma tali li jiġġustifikaw li din il-qorti tista’, bħala awtorità ġudizzjarja emittenti, tistaqsi lill-Qorti tal‑Ġustizzja dwar il-kundizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et, C‑158/21, EU:C:2023:57, punt 53).

32

Fil-fatt, il-garanzija tad-drittijiet fundamentali fil-kuntest ta’ proċedura dwar mandat ta’ arrest Ewropew taqa’, primarjament, taħt ir-responsabbiltà tal-Istat Membru emittenti. Għaldaqstant, u peress li l-ħruġ ta’ tali mandat jista’ jkollu bħala konsegwenza l-arrest tal-persuna li tkun is-suġġett tiegħu, awtorità ġudizzjarja emittenti għandha, għall-finijiet li tiżgura l-garanzija ta’ dawn id-drittijiet, ikollha l-possibbiltà li tressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddetermina jekk ikollhiex iżżomm jew tirtira mandat ta’ arrest Ewropew jew jekk tkunx tista’ toħroġ tali mandat (sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et, C‑158/21, EU:C:2023:57, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

Minn dan isegwi li, kif l-Avukata Ġenerali rrilevat, essenzjalment, fil-punti 24 sa 26 tal-konklużjonijiet tagħha, ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari huwa ammissibbli fl-intier tiegħu, bla ħsara għall-possibbiltà li tiġi evalwata l-ammissibbiltà ta’ kull waħda mid-domandi magħmula.

Fuq l‑ewwel domanda

34

Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(3) u l-Artikolu 15(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-awtorità ta’ eżekuzzjoni ta’ Stat Membru hija marbuta tirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew meta l-awtorità ta’ eżekuzzjoni ta’ Stat Membru ieħor tkun preċedentement irrifjutat li teżegwixxi dan il-mandat għar-raġuni li l-konsenja tal-persuna kkonċernata tirriskja li tippreġudika d-dritt fundamentali għal smigħ xieraq stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta.

35

Permezz tat-tieni parti tal-ewwel domanda tagħha, din il-qorti tistaqsi jekk, fl-istess ċirkustanzi, dawn id-dispożizzjonijiet għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li l-awtorità ġudizzjarja emittenti żżomm il-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni.

36

F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li kemm il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri kif ukoll il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li jistrieħ huwa nnifsu fuq il-fiduċja reċiproka bejn dawn tal-aħħar, għandhom, fid-dritt tal-Unjoni, importanza fundamentali, peress li jippermettu l-ħolqien u ż-żamma ta’ żona mingħajr fruntieri interni. B’mod iktar speċifiku, il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka jimponi, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-ispazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja, fuq kull wieħed minn dawn l-Istati jqis, salv f’ċirkustanzi eċċezzjonali, li l-Istati Membri l-oħra kollha josservaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti minn dan id-dritt (sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et, C‑158/21, EU:C:2023:57, punt 93 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

Skont ġurisprudenza stabbilita sew, l-eżistenza ta’ riskju ta’ ksur tad‑drittijiet fundamentali stabbiliti mill-Karta tista’ tippermetti lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tastjeni, eċċezzjonalment u wara eżami xieraq, li teżegwixxi mandat ta’ arrest, abbażi tal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et, C‑158/21, EU:C:2023:57, punt 72).

38

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, meta l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tkun mitluba tagħti deċiżjoni dwar il-konsenja ta’ persuna li tkun is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ikollha provi li jindikaw l-eżistenza ta’ riskju reali ta’ ksur tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq iggarantit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, minħabba nuqqasijiet sistemiċi jew iġġeneralizzati tal-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti, din l-awtorità għandha tivverifika, b’mod konkret u preċiż, jekk, fid-dawl tas-sitwazzjoni personali ta’ din il-persuna, tan-natura tar-reat li bih din tal-aħħar tkun qiegħda tiġi akkużata u tal-kuntest fattwali li fih ikun inħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew, ikunux jeżistu raġunijiet serji u pprovati sabiex wieħed jemmen li l-imsemmija persuna tista’ ġġarrab tali riskju fil-każ ta’ konsenja lil dan l-Istat Membru (sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et, C‑158/21, EU:C:2023:57, punt 97).

39

Dan premess, ebda dispożizzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma tipprevedi l-possibbiltà jew l-obbligu, għal awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ta’ Stat Membru li tirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għas-sempliċi raġuni li l-eżekuzzjoni tiegħu tkun ġiet irrifjutata mill-awtorità ta’ eżekuzzjoni ta’ Stat Membru ieħor, mingħajr ma twettaq hija stess il-verifika tal-eżistenza ta’ raġuni li tiġġustifika n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tiegħu (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2023, Sofiyska gradska prokuratura (Mandati ta’ arrest suċċessivi), C‑71/21, EU:C:2023:668, punt 51).

40

B’mod partikolari, id-deċiżjoni ta’ awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ta’ Stat Membru li tirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, meta hija stess tista’ jkollha l-awtorità ta’ res judicata konformement mad-dritt nazzjonali, ma tistax tiġi assimilata ma’ “sentenza finali”, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li hija l-unika li tista’ tipprekludi li jinbdew proċeduri kriminali, għall-istess fatti u kontra l-istess persuna, fl-Istat emittenti jew li jinbdew fi kwalunkwe Stat ieħor (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2023, Sofiyska gradska prokuratura (Mandati ta’ arrest suċċessivi), C‑71/21, EU:C:2023:668, punt 52).

41

Fil-fatt, persuna rikjesta titqies li kienet is-suġġett ta’ sentenza finali fir-rigward tal-istess fatti, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, meta, fi tmiem proċeduri kriminali, l-azzjoni pubblika ssir definittivament estinta jew ukoll meta l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Stat Membru jkunu adottaw deċiżjoni li permezz tagħha s-suspettat jinħeles definittivament fir-rigward tal-fatti li bihom ikun ġie akkużat (sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2010, Mantello, C‑261/09, EU:C:2010:683, punt 45).

42

Issa, l-eżami ta’ talba għal konsenja ma jimplikax il-bidu ta’ proċeduri kriminali mill-Istat ta’ eżekuzzjoni kontra l-persuna li l-konsenja tagħha tkun qiegħda tintalab u ma jirrigwardax evalwazzjoni fuq il-mertu tal‑kawża (sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2023, Sofiyska gradska prokuratura (Mandati ta’ arrest suċċessivi), C‑71/21, EU:C:2023:668, punt 54).

43

Minn dan isegwi li l-awtorità ta’ eżekuzzjoni ta’ Stat Membru ma tistax tirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għas-sempliċi raġuni li l-eżekuzzjoni tiegħu tkun ġiet irrifjutata mill-awtorità ta’ eżekuzzjoni ta’ Stat Membru ieħor, mingħajr ma twettaq hija stess il-verifika tal-eżistenza ta’ raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2023, Sofiyska gradska prokuratura (Mandati ta’ arrest suċċessivi), C‑71/21, EU:C:2023:668, punt 61).

44

Għalkemm mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, kif implimentat mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584, ma jestendix għad-deċiżjonijiet ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-mandati ta’ arrest Ewropej, jibqa’ madankollu neċessarju li jiġu ppreċiżati l-effetti li jista’ jkollu, fuq l-awtorità ta’ eżekuzzjoni ta’ Stat Membru, il-fatt li awtorità ta’ eżekuzzjoni ta’ Stat Membru ieħor tkun preċedentement irrifjutat li teżegwixxi tali mandat ta’ arrest minħabba l-eżistenza ta’ riskju ta’ ksur tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq quddiem qorti stabbilita mil-liġi, kif stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta.

45

Konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka jimponi fuq kull Stat Membru li jqis, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, li l-Istati Membri l-oħra kollha josservaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti minn dan id-dritt.

46

F’dan il-każ, kif esponiet essenzjalment l-Avukata Ġenerali fil-punti 37 sa 44 tal-konklużjonijiet tagħha, il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka jeżiġi, fil-preżenza ta’ deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni adottata fi Stat Membru ieħor minħabba l-eżistenza ta’ riskju ta’ ksur tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, li l-awtorità ta’ eżekuzzjoni ta’ Stat Membru adita b’talba ġdida għall-konsenja tal-persuna kkonċernata tieħu debitament inkunsiderazzjoni r-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata din id-deċiżjoni, fil-kuntest tal-eżami tagħha tal-eżistenza ta’ raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2024, Bundesrepublik Deutschland (Effett ta’ deċiżjoni ta’ għoti tal-istatus ta’ refuġjat), C‑753/22, EU:C:2024:524, punt 80).

47

Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti japplikaw, mutatis mutandis, għal dak li jirrigwarda l-awtorità ġudizzjarja emittenti li l-mandat ta’ arrest Ewropew tagħha ma jkunx ġie eżegwit minħabba l-eżistenza ta’ riskju ta’ ksur tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta.

48

Ebda dispożizzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma teskludi l-possibbiltà, għall-awtorità emittenti, li żżomm it-talba għal konsenja abbażi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew meta l-awtorità ta’ eżekuzzjoni ta’ Stat Membru tkun irrifjutat li teżegwixxi dan il-mandat ta’ arrest.

49

Għalhekk, għalkemm l-eżistenza, waħedha, ta’ deċiżjoni tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ta’ Stat Membru li tirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ma timplikax l-obbligu, għall-awtorità ġudizzjarja emittenti ta’ dan il-mandat ta’ arrest, li tirtirah, hija għandha, xorta waħda, tinkoraġġixxi lil din l-awtorità tal-aħħar għall-viġilanza (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2023, Sofiyska gradska prokuratura (Mandati ta’ arrest suċċessivi), C‑71/21, EU:C:2023:668, punt 55).

50

Fis-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et, (C‑158/21, EU:C:2023:57), il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mistoqsija dwar il-possibbiltà li jinħarġu diversi mandati ta’ arrest Ewropej suċċessivi f’ċirkustanzi analogi għal dawk tal-kawża prinċipali. Il-prinċipji esposti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 139 sa 143 ta’ din is-sentenza jistgħu jiġu trasposti, b’analoġija, għal din il-kawża.

51

B’mod partikolari, iż-żamma, mill-awtorità ġudizzjarja emittenti, ta’ mandat ta’ arrest Ewropew tista’ tirriżulta neċessarja, b’mod partikolari wara li l-elementi li jkunu wasslu għar-rifjut tat-talba preċedenti għal konsenja jkunu twarrbu jew meta d-deċiżjoni ta’ rifjut ma kinitx konformi mad-dritt tal-Unjoni, bil-għan li titmexxa l-proċedura ta’ konsenja ta’ persuna rikjesta fi tmiemha u b’hekk jiġi ffavorit it-twettiq tal-għan tal-ġlieda kontra l-impunità mfittex minn din id-deċiżjoni qafas (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et (C‑158/21, EU:C:2023:57, punt 141).

52

B’dan, kif qiegħed jitfakkar fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, il-garanzija tad-drittijiet fundamentali fil-kuntest ta’ proċedura dwar mandat ta’ arrest Ewropew taqa’, l-ewwel nett, taħt ir-responsabbiltà tal-Istat Membru emittenti.

53

Għaldaqstant, awtorità ġudizzjarja emittenti ma tistax, fl-assenza ta’ bidla fiċ-ċirkustanzi, iżżomm mandat ta’ arrest Ewropew meta awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tkun leġittimament irrifjutat, konformement mal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li teżegwixxi dan il-mandat ta’ arrest minħabba riskju reali ta’ ksur tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et, C‑158/21, EU:C:2023:57, punt 143). Min-naħa l-oħra, fl-assenza ta’ tali riskju, b’mod partikolari wara bdil fiċ-ċirkustanzi, is-sempliċi fatt li l-awtorità ta’ eżekuzzjoni tkun irrifjutat li teżegwixxi l-imsemmi mandat ta’ arrest ma jistax jostakola, bħala tali, li l-awtorità ġudizzjarja emittenti żżomm l-istess mandat ta’ arrest.

54

Barra minn hekk, peress li ż-żamma ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, li l-eżekuzzjoni tiegħu tkun ġiet irrifjutata fi Stat Membru, jista’ jkollha bħala konsegwenza l-arrest tal-persuna li tkun is-suġġett tiegħu fi Stat Membru ieħor u, għaldaqstant, tista’ tippreġudika l-libertà individwali ta’ din tal-aħħar, hija l-awtorità ġudizzjarja emittenti li għandha teżamina jekk, fid-dawl tal-ispeċifiċitajiet tal-każ, din iż-żamma tkunx ta’ natura proporzjonata. Fil-kuntest ta’ tali eżami, hija b’mod partikolari din l-awtorità ġudizzjarja li għandha tieħu inkunsiderazzjoni n-natura u l-gravità tar-reat li għalih il-persuna rikjesta tkun qiegħda tiġi akkużata, il-konsegwenzi fuq din il-persuna ta’ żamma ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġa kontriha kif ukoll il-prospetti ta’ eżekuzzjoni tal-imsemmi mandat ta’ arrest (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et (C‑158/21, EU:C:2023:57, punti 144145).

55

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 1(3) u l‑Artikolu 15(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-awtorità ta’ eżekuzzjoni ta’ Stat Membru ma hijiex marbuta tirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew meta l-awtorità ta’ eżekuzzjoni ta’ Stat Membru ieħor tkun preċedentement irrifjutat li teżegwixxi dan il-mandat ta’ arrest għar-raġuni li l-konsenja tal-persuna kkonċernata tirriskja li tippreġudika d-dritt fundamentali għal smigħ xieraq stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta. Madankollu, fil-kuntest tal-eżami tagħha stess tal-eżistenza ta’ raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni, din l-awtorità għandha tieħu inkunsiderazzjoni r-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata d-deċiżjoni ta’ rifjut adottata mill-ewwel awtorità ta’ eżekuzzjoni. Dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprekludux lill-awtorità ġudizzjarja emittenti milli, fl-istess ċirkustanzi, iżżomm il-mandat ta’ arrest Ewropew, sakemm, skont l-evalwazzjoni tagħha, l-eżekuzzjoni ta’ dan il-mandat ta’ arrest ma jkollux jiġi rrifjutat minħabba r-riskju ta’ ksur tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta u li ż-żamma tal-imsemmi mandat ta’ arrest ikollu natura proporzjonata.

Fuq it‑tielet domanda

56

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, moqri flimkien mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni fejn persuna li tkun is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew tallega li l-konsenja tagħha lill-Istat Membru emittenti twassal għall-ksur tad-dritt tagħha għal smigħ xieraq, l-eżistenza ta’ deċiżjoni taċ-CCF dwar is-sitwazzjoni ta’ din il-persuna tista’ tiġġustifika, waħedha, li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tirrifjuta li teżegwixxi dan il-mandat ta’ arrest jew, fin-nuqqas ta’ dan, tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni minn din l-awtorità ġudizzjarja sabiex tiddeċiedi jekk ikunx hemm lok li tirrifjuta li teżegwixxi l-imsemmi mandat ta’ arrest għar-raġuni allegata minn din il-persuna.

57

Skont l-ispjegazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, l-Awla tal-Appelli taċ-CCF iddeċidiet li tħassar mid-database tal-Interpol l-avviż ta’ tfittxija internazzjonali li jirrigwarda lil P.P.R. għar-raġuni li d-data li tikkonċernah ma kinitx konformi mar-regoli tal-Interpol dwar l-ipproċessar tad-data personali. Din id-deċiżjoni taċ-CCF ittieħdet inkunsiderazzjoni mill-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi) fis-sentenza tagħha tad-29 ta’ Novembru 2023 li permezz tagħha hija rrifjutat li teżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ mill-awtoritajiet Rumeni kontra P.P.R.

58

Fis-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et, (C‑158/21, EU:C:2023:57), il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet adita bi kwistjoni simili dwar it-teħid inkunsiderazzjoni, mill-awtorità ta’ eżekuzzjoni, ta’ rapport tal-Grupp ta’ Ħidma dwar id-Detenzjoni Arbitrarja, organu li jaqa’ taħt il-kontroll tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti. Il-prinċipji esposti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 121 sa 126 ta’ din is-sentenza jistgħu jiġu trasposti, mutatis mutandis, għat-teħid inkunsiderazzjoni, mill-awtorità ta’ eżekuzzjoni, ta’ deċiżjoni taċ-CCF dwar is-sitwazzjoni ta’ persuna li tkun is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew.

59

Peress li l-eżami f’żewġ stadji msemmi fil-punt 38 ta’ din is-sentenza għandu jkun ibbażat kemm fuq elementi oġġettivi, affidabbli, preċiżi u debitament aġġornati dwar il-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti kif ukoll fuq analiżi konkreta u preċiża tas-sitwazzjoni individwali tal-persuna rikjesta, deċiżjoni taċ-CCF li tordna t-tneħħija tal-avviż ta’ tfittxija internazzjonali li jirrigwarda l-persuna li tkun is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, minħabba ksur tar-regoli tal-Interpol dwar l-ipproċessar tad-data personali, ma hijiex biżżejjed sabiex tiġġustifika r-rifjut tal-eżekuzzjoni ta’ dan il-mandat ta’ arrest (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et (C‑158/21, EU:C:2023:57, punt 123).

60

Sakemm l-awtorità ta’ eżekuzzjoni setgħet tistabbilixxi l-eżistenza ta’ tali nuqqasijiet sistemiċi jew iġġeneralizzati (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et, C‑158/21, EU:C:2023:57, punt 135), hija għandha, fil-kuntest tat-tieni stadju, tevalwa, b’mod konkret u preċiż, jekk jeżistux raġunijiet serji u kkonfermati li jwasslu lil wieħed jemmen li l-imsemmija persuna rikjesta tkun ser tgħaddi, ladarba tiġi kkonsenjata lill-Istat Membru emittenti, minn riskju reali ta’ ksur tad-dritt fundamentali tagħha għal smigħ xieraq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C‑404/15 u C-659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 92, u tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Openbaar Ministerie (Indipendenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti), C‑354/20 PPU u C‑412/20 PPU, EU:C:2020:1033, punt 61). Deċiżjoni taċ-CCF tista’ tagħmel parti mill-elementi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni f’dan it-tieni stadju, mingħajr madankollu ma l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tkun marbuta biha.

61

Konsegwentement, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, moqri flimkien mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni fejn persuna li tkun is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew tallega li l-konsenja tagħha lill-Istat Membru emittenti twassal għall-ksur tad-dritt tagħha għal smigħ xieraq, l-eżistenza ta’ deċiżjoni taċ-CCF dwar is-sitwazzjoni ta’ din il-persuna ma tistax tiġġustifika, waħedha, li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tirrifjuta li teżegwixxi dan il-mandat ta’ arrest. Min-naħa l-oħra, tali deċiżjoni tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni minn din l-awtorità ġudizzjarja sabiex tiddeċiedi jekk ikunx hemm lok li tirrifjuta li teżegwixxi l-imsemmi mandat ta’ arrest.

Fuq ir‑raba’ domanda

62

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 267 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità ġudizzjarja emittenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għandha l-obbligu li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari qabel ma tiddeċiedi, fid-dawl tar-raġunijiet li jkunu wasslu lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ta’ dan il-mandat ta’ arrest tirrifjuta l-eżekuzzjoni tiegħu, li tirtira jew li żżomm l-imsemmi mandat ta’ arrest.

63

Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, meta domanda li tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-Trattati jew il-validità u l-interpretazzjoni tal-atti meħuda mill-istituzzjonijiet, mill-korpi jew mill-organi tal-Unjoni titqajjem quddiem qorti ta’ wieħed mill-Istati Membri, dik il-qorti tista’, jekk tqis li deċiżjoni dwar dan il-punt tkun meħtieġa sabiex tagħti s-sentenza tagħha, titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni dwar din il-kwistjoni.

64

Skont it-tielet paragrafu ta’ dan l-artikolu, meta din il-kwistjoni titqajjem f’kawża pendenti quddiem qorti nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħha ma jkunux appellabbli ġudizzjarjament taħt id-dritt nazzjonali, dik il-qorti hija marbuta li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja.

65

Minn dan isegwi li l-awtorità ġudizzjarja emittenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ma hijiex marbuta tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari qabel ma tiddeċiedi, fid-dawl tar-raġunijiet li jkunu wasslu lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ta’ dan il-mandat ta’ arrest tirrifjuta l-eżekuzzjoni tiegħu, li tirtira l-imsemmi mandat ta’ arrest, konformement mad-dritt tal-Unjoni, jew li żżommu, sakemm id-deċiżjoni tagħha ma tkunx suġġetta għal rimedju ġudizzjarju taħt id-dritt nazzjonali.

66

F’dan l-aħħar każ, l-awtorità ġudizzjarja emittenti hija, bħala prinċipju, marbuta li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, meta titqajjem quddiemha kwistjoni dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Skont ġurisprudenza stabbilita, hija tista’ tinħeles minn dan l-obbligu biss meta tkun ikkonstatat li d-domanda mqajma ma tkunx rilevanti jew li d-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni tkun diġà ġiet interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja jew li l-interpretazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni tkun tant ovvja li ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi, C‑561/19, EU:C:2021:799, punti 3233 u l-ġurisprudenza ċċitata).

67

L-eżistenza ta’ tali possibbiltà għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-karatteristiċi proprji tad-dritt tal-Unjoni, tad-diffikultajiet partikolari li tagħti lok għalihom l-interpretazzjoni ta’ dan tal-aħħar u tar-riskju ta’ diverġenzi fil-ġurisprudenza fi ħdan l-Unjoni (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi, C‑561/19, EU:C:2021:799, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68

Barra minn hekk, meta awtorità ġudizzjarja emittenti ta’ mandat ta’ arrest, li d-deċiżjonijiet tagħha ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ rimedju ġudizzjarju taħt id-dritt nazzjonali, tqis, minħabba li tkun tinsab f’waħda mit-tliet sitwazzjonijiet imsemmija fil-punt 67 ta’ din is-sentenza, li hija tkun meħlusa mill-obbligu li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja fuq bażi preliminari, previst fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, ir-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha għandhom juru jew li d-domanda dwar id-dritt tal-Unjoni li tqajmet ma tkunx rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima, jew li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni kkonċernata tad-dritt tal-Unjoni tkun ibbażata fuq il-ġurisprudenza, jew inkella, fin-nuqqas ta’ tali ġurisprudenza, li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni kienet tant ovvja għall-qorti nazzjonali li tiddeċiedi fl-aħħar istanza li ma kienet tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli (ara, f’dan is‑sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi, C‑561/19, EU:C:2021:799, punt 51).

69

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 267 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità ġudizzjarja emittenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ma hijiex marbuta tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari qabel ma tiddeċiedi, fid-dawl tar-raġunijiet li jkunu wasslu lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ta’ dan il-mandat ta’ arrest tirrifjuta l-eżekuzzjoni tiegħu, li tirtira l-imsemmi mandat ta’ arrest jew li żżommu, sakemm id-deċiżjoni li hija tkun imwassla tieħu ma tkunx suġġetta għal rimedju ġudizzjarju taħt id-dritt intern, f’liema każ hija tkun, bħala prinċipju, marbuta li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja.

Fuq it‑tieni domanda

70

Preliminarjament, għalkemm il-qorti tar-rinviju tirreferi, fil-formulazzjoni tat-tieni domanda, għal “irregolaritajiet fir-rigward tat‑teħid tal-ġurament”, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, f’dan il-każ, dawn l-“irregolaritajiet” jikkonsistu, b’mod iktar partikolari, f’inċertezza dwar il-post ta’ żamma tal-verbal tat-teħid tal-ġurament tal-imħallfin fir-Rumanija, bil-konsegwenza li, għal wieħed mit-tliet imħallfin tal-kulleġġ ġudikanti tal-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja) li ħadu konjizzjoni tal-kawża ta’ P.P.R., ebda proċess verbal ta’ teħid ta’ ġurament ma seta’ jinstab u, għal imħallef ieħor ta’ dan il-kulleġġ ġudikanti, seta’ jinstab biss proċess verbal tat-teħid tal-ġurament bħala prosekutur.

71

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi, essenzjalment, jekk l‑Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-eżekuzzjoni ta’ piena tista’ tirrifjuta li teżegwixxi dan il-mandat ta’ arrest, billi tibbaża ruħha fuq inċertezza dwar il-post fejn jinżammu l-proċessi verbali tat-teħid ta’ ġurament tal-imħallfin tal-Istat Membru emittenti, fuq il-fatt li l-proċess verbal ta’ mħallef tal-kulleġġ ġudikanti li tkun imponiet din il-piena ma jkunx instab jew fuq il-fatt li mħallef ieħor ta’ dan il-kulleġġ ġudikanti jkun ħa biss ġurament meta nħatar bħala prosekutur.

72

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew tikkostitwixxi l-prinċipju, filwaqt li r-rifjut ta’ eżekuzzjoni huwa maħsub bħala eċċezzjoni li għandha tiġi interpretata b’mod strett (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, GN (Raġuni għar-rifjut ibbażat fuq l-interessi superjuri tal-wild), C‑261/22, EU:C:2023:1017, punt 37).

73

Barra minn hekk, bis-saħħa tal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka, huma l‑Istati Membri li għandhom jippreżumu li l-Istati Membri l-oħra kollha josservaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti minn dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et, C‑158/21, EU:C:2023:57, punti 9394).

74

B’mod partikolari, il-grad għoli ta’ fiduċja bejn l-Istati Membri li fuqu huwa bbażat il-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew jistrieħ fuq il-premessa li tgħid li l-qrati kriminali tal-Istat Membru emittenti li, wara l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, ser ikollhom imexxu l-proċedura kriminali ta’ prosekuzzjoni jew ta’ eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ miżura li ċċaħħad il-libertà kif ukoll il-proċedura kriminali fuq il-mertu, jissodisfaw ir-rekwiżiti inerenti tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq, iggarantit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta (sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et, C‑158/21, EU:C:2023:57, punt 95).

75

[Kif irrettifikat b’digriet tal-20 ta’ Settembru 2024] Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 72 sa 74 ta’ din is-sentenza, huma biss ċirkustanzi eċċezzjonali li jistgħu jiġġustifikaw ir-rifjut, mill-awtorità ta’ eżekuzzjoni, li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew minħabba l-eżistenza ta’ riskju ta’ ksur ta’ dan id-dritt fundamentali.

76

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm kull Stat Membru għandu primarjament l-obbligu, sabiex tiġi ggarantita l-applikazzjoni sħiħa tal-prinċipji ta’ fiduċja u ta’ rikonoxximent reċiproċi li fuqhom huwa bbażat il-funzjonament ta’ dan il-mekkaniżmu, li jiżgura, taħt l-istħarriġ aħħari tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-ħarsien tar-rekwiżiti inerenti għad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq, iggarantit mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, billi jastjeni minn kull miżura li tista’ tippreġudikaha, l-eżistenza ta’ riskju reali li l-persuna li tkun is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew iġġarrab, fil-każ ta’ konsenja lill-awtorità ġudizzjarja emittenti, ksur ta’ dan l-istess dritt fundamentali tista’ tippermetti lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tastjeni, eċċezzjonalment, milli timplimenta dan il-mandat ta’ arrest Ewropew, fuq il-bażi tal-Artikolu 1(3) ta’ din id‑deċiżjoni qafas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita permezz tal-liġi fl-Istat Membru emittenti), C‑562/21 PPU u C‑563/21 PPU, EU:C:2022:100, punt 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

77

F’dan il-kuntest, qabel ma tirrifjuta, abbażi tal-Artikolu 1(3) tad‑Deċiżjoni Qafas 2002/584, il-konsenja ta’ persuna li tkun is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-eżekuzzjoni ta’ piena, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ta’ Stat Membru għandha twettaq eżami f’żewġ stadji.

78

Fl-ewwel stadju, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tiddetermina jekk ikunux jeżistu elementi oġġettivi, affidabbli, preċiżi u debitament ivverifikati li juru l-eżistenza ta’ riskju reali ta’ ksur, f’dan l‑Istat Membru emittenti, ta’ dritt fundamentali għal smigħ xieraq quddiem qorti stabbilita permezz tal-liġi, iggarantit mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, minħabba nuqqasijiet sistemiċi jew iġġeneralizzati f’dak li jikkonċerna l-indipendenza u l-imparzjalità tal-ġudikatura ta’ dan l-Istat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita permezz tal‑liġi fl-Istat Membru emittenti), C‑562/21 PPU u C‑563/21 PPU, EU:C:2022:100, punti 52 sa 66, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

79

Jekk dan ikun il-każ, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għandha, fit-tieni stadju, tivverifika, b’mod konkret u preċiż, sa fejn in-nuqqasijiet ikkonstatati matul l-ewwel stadju setgħu kellhom effett fuq il-funzjonament tal-qrati tal-Istat Membru emittenti kompetenti sabiex jieħdu konjizzjoni tal-proċeduri li għalihom kienet suġġetta l-persuna kkonċernata u jekk, fid-dawl tas-sitwazzjoni personali ta’ din tal-aħħar, tan-natura tar-reat li għalih tkun ġiet iġġudikata u tal-kuntest fattwali li fih tkun saret il-kundanna li r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tagħha jkunu qegħdin jintalbu, kif ukoll, jekk ikun il-każ, informazzjoni addizzjonali pprovduta minn dan l-Istat Membru b’applikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni qafas, ikunux jeżistu raġunijiet serji u pprovati sabiex wieħed jemmen li tali riskju effettivament ikun ser iseħħ f’dan il-każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita permezz tal-liġi fl-Istat Membru emittenti), C‑562/21 PPU u C‑563/21 PPU, EU:C:2022:100, punt 53, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

80

Fost ir-rekwiżiti inerenti għad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq, iggarantit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, hemm id-dritt, għal kull persuna, li l-kawża tagħha tinstema’ minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi. Dawn l-aħħar rekwiżiti jinkludu, min-natura tagħhom stess, mhux biss il-proċess ta’ ħatra tal-Imħallfin, iżda wkoll il-kundizzjonijiet għad-dħul fil-kariga ta’ dawn tal-aħħar.

81

Konsegwentement, huwa neċessarju li l-kundizzjonijiet sostantivi u l-modalitajiet proċedurali dwar il-ħatra tal-imħallfin u d-dħul fil-kariga tagħhom ikunu tali li ma jkunux jistgħu joħolqu, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, dubji leġittimi dwar l-impermeabbiltà tal-imħallfin ikkonċernati fil-konfront ta’ elementi esterni u n-newtralità tagħhom fir-rigward tal-interessi li jaffaċċjaw (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Eżami mill-ġdid Simpson vs Il‑Kunsill u HG vs Il‑Kummissjoni (C‑542/18 RX II u C‑543/18 RX II, EU:C:2020:232, punt 71).

82

Madankollu, mhux kwalunkwe irregolarità li tista’ sseħħ matul il-proċedura ta’ ħatra ta’ mħallef hija tali li tqajjem dubju dwar l-indipendenza u l-imparzjalità ta’ dan l-imħallef u, għaldaqstant, dwar il-kwalità ta’ “qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi”, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, ta’ kulleġġ ġudikanti li fih dan l-imħallef ikun sedenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2022, Getin Noble Bank, C‑132/20, EU:C:2022:235, punt 123).

83

Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, li hija rilevanti peress li, bis-saħħa tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 52(3) tal-Karta, din tal-aħħar tinkludi drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950, jirriżulta li huwa biss il-ksur li jirrigwarda r-regoli fundamentali tal-proċedura ta’ ħatra u ta’ dħul fil-kariga tal-imħallfin li jista’ jwassal għal ksur tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 1 ta’ Diċembru 2020, Guðmundur Andri Ástráðsson vs L‑Islanda (CE:ECHR:2020:1201JUD002637418, punti 231 u 247).

84

Għalhekk, ma jistax jikkostitwixxi nuqqas sistemiku jew iġġeneralizzat f’dak li jirrigwarda l-indipendenza tas-setgħa ġudizzjarja, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 79 ta’ din is-sentenza, il-fatt li d-dritt intern ta’ Stat Membru jipprevedi, eventwalment, li prosekutur, li jkun ħa l-ġurament mad-dħul tiegħu fil-kariga, ma jkollux, meta jinħatar sussegwentement għall-funzjonijiet ta’ mħallef, jieħu ġurament għal darba oħra.

85

Fil-fatt, tali dispożizzjoni tad-dritt intern, iġġustifikata mill-fatt li, f’dan l-Istat Membru, l-istatus tal-prosekuturi huwa assimilat għal dak tal-imħallfin u li ż-żewġ kategoriji ta’ mħallfin huma marbuta li jieħdu l-istess ġurament meta jibdew jaqdu l-funzjonijiet tagħhom, ma hijiex ta’ natura li tqajjem dubju dwar in-natura regolari tal-ħatra tal-Imħallfin u, konsegwentement, dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tagħhom.

86

Barra minn hekk, inċertezza dwar il-post fejn jinżammu l-proċessi verbali tat-teħid tal-ġurament tal-imħallfin ta’ Stat Membru jew l‑impossibbiltà li dawn il-proċessi verbali jiġu lokalizzati, b’mod partikolari jekk ikunu għaddew diversi snin minn meta jkun ittieħed il‑ġurament tal-imħallef ikkonċernat, ma jistgħux, fihom innifishom u fin-nuqqas ta’ indizji rilevanti oħra, juru li l-imħallfin ikkonċernati jkunu eżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom mingħajr ma qatt ħadu l-ġurament meħtieġ.

87

Fi kwalunkwe każ, inċertezza fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-qrati ta’ Stat Membru jkunux, qabel id-dħul fil-kariga tagħhom, ħadu l-ġurament previst mid-dritt intern ma tistax titqies li tikkostitwixxi nuqqas sistematiku jew iġġeneralizzat f’dak li jirrigwarda l-indipendenza tas-setgħa ġudizzjarja f’dan l-Istat Membru, jekk id-dritt intern jipprevedi rimedji legali effikaċi li jippermettu li tiġi invokata eventwali ommissjoni ta’ teħid ta’ ġurament mill-qrati li jkunu taw sentenza partikolari u li b’hekk jinkiseb l-annullament ta’ din is-sentenza. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk tali rimedji legali jeżistux fid-dritt Rumen.

88

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-eżekuzzjoni ta’ piena ma tistax tirrifjuta li teżegwixxi dan il-mandat ta’ arrest billi tibbaża ruħha fuq ir-raġuni li l-proċess verbal ta’ teħid ta’ ġurament ta’ mħallef li jkun impona din il-piena ma jkunx jista’ jinstab jew fuq il-fatt li mħallef ieħor tal-istess kulleġġ ġudikanti jkun ħa biss ġurament fil-mument tal-ħatra tiegħu bħala prosekutur.

Fuq il‑ħames domanda

89

Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-awtorità ġudizzjarja emittenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għandha d-dritt li tipparteċipa, bħala parti, fil-proċedura dwar l-eżekuzzjoni ta’ dan il-mandat ta’ arrest quddiem l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni.

90

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li la l-Artikolu 15, la l‑Artikolu 19 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, imsemmija mill-qorti tar-rinviju, u lanqas xi dispożizzjoni oħra ta’ din id-deċiżjoni qafas ma jipprevedu l-parteċipazzjoni obbligatorja diretta tal-awtorità ġudizzjarja emittenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew fil-proċedura quddiem l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, dwar l-eżekuzzjoni ta’ dan il-mandat ta’ arrest. Obbligu li tiġi prevista tali parteċipazzjoni lanqas ma jista’ jiġi dedott mill-prinċipji ta’ rikonoxximent reċiproku u ta’ kooperazzjoni leali.

91

Fil-fatt, għalkemm, ċertament, id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma tistax tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi tali parteċipazzjoni, eventwalment prevista mir-regoli proċedurali tad-dritt intern tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li din id-deċiżjoni qafas tipprevedi mezzi oħra sabiex jiġu ffaċilitati l-kooperazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni neċessarja bejn l-awtorità ġudizzjarja emittenti u l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni.

92

Għal dan il-għan, l-Artikolu 8(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jelenka serje ta’ informazzjoni rilevanti li għandha obbligatorjament tiġi inkluża f’mandat ta’ arrest Ewropew. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 15(2) ta’ din id-deċiżjoni qafas, jekk l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tqis li l-informazzjoni kkomunikata mill-Istat Membru emittenti tkun insuffiċjenti sabiex tippermettilha tagħti deċiżjoni dwar il-konsenja, hija għandha titlob b’urġenza l-informazzjoni komplementari neċessarja. Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 15(3) tad-Deċiżjoni Qafas, l-awtorità ġudizzjarja emittenti tista’, f’kull mument, tittrażmetti kwalunkwe informazzjoni addizzjonali utli għall-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni.

93

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, sabiex b’mod partikolari jiġi żgurat li l-funzjonament tal-mandat ta’ arrest Ewropew ma jiġix ipparalizzat, l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali għandu jipprevali fid-djalogu bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni u dawk emittenti. Mill-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, b’mod partikolari, jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jirrispettaw u jassistu lil xulxin fit-twettiq tal-kompiti li jirriżultaw mit-Trattati (sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et, C‑158/21, EU:C:2023:57, punt 131, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

94

F’dan il-perspettiva, l-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti u ta’ eżekuzzjoni għandhom, sabiex jiżguraw kooperazzjoni effettiva fil-qasam kriminali, jagħmlu użu sħiħ tal-istrumenti previsti b’mod partikolari fl-Artikolu 8(1) u fl-Artikolu 15 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 b’mod li jiffavorixxu l-fiduċja reċiproka li fuqha hija bbażata din il‑kooperazzjoni (sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et, C‑158/21, EU:C:2023:57, punt 132, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

95

Għaldaqstant, ma jistax jitqies li l-parteċipazzjoni tal-awtorità ġudizzjarja emittenti bħala parti fil-proċedura quddiem l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni hija indispensabbli sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipji ta’ rikonoxximent reċiproku u ta’ kooperazzjoni leali li fuqhom huwa bbażat il-funzjonament tal-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew.

96

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ħames domanda għandha tkun li d-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-awtorità ġudizzjarja emittenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ma għandhiex id-dritt li tipparteċipa, bħala parti, fil-proċedura dwar l-eżekuzzjoni ta’ dan il-mandat ta’ arrest quddiem l‑awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni.

Fuq is‑sitt domanda

97

Is-sitt domanda tikkonċerna l-possibbiltà, għall-Kummissjoni, li tieħu, fuq talba tal-awtorità ġudizzjarja emittenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, il-miżuri li hija tqis neċessarji wara r-rifjut tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li teżegwixxi dan il-mandat ta’ arrest.

98

Issa, tali domanda ma għandha manifestament ebda rabta mas-suġġett tat-tilwima quddiem il-qorti tar-rinviju li, kif ġie rrilevat fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, hija intiża li tiddetermina jekk hemmx lok li jiġi rtirat il-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra P.P.R. jew, min-naħa l-oħra, li jinżamm fis-seħħ.

99

Minn dan isegwi li s-sitt domanda hija inammissibbli.

Fuq is‑seba’ domanda

100

Permezz tas-seba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(3) u l-Artikolu 15(2) u (3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 4 tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, waqt l-eżami tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Istat Membru emittenti, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tistax tirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, minn naħa, billi tibbaża ruħha fuq elementi li jikkonċernaw il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fi ħdan l-istabbilimenti penitenzjarji tal-Istat Membru emittenti mingħajr ma tkun talbet minn qabel lill-awtorità ġudizzjarja emittenti informazzjoni addizzjonali u, min-naħa l-oħra, billi tapplika standard ogħla fil-qasam tal‑kundizzjonijiet ta’ detenzjoni minn dak iggarantit fl-imsemmi Artikolu 4.

101

F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-possibbiltà għall-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li ttemm il-proċedura ta’ konsenja stabbilita mid-Deċiżjoni Qafas, meta tali konsenja tirriskja li twassal għal trattament inuman jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta, tal-persuna rikjesta (sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2019, Dorobantu, C‑128/18, EU:C:2019:857, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

102

Għalhekk, meta l-awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jkollha għad-dispożizzjoni tagħha elementi li juru li jkun hemm riskju reali ta’ trattament inuman jew degradanti tal-persuni detenuti fl-Istat Membru emittenti, fid-dawl tal-istandard ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 4 tal-Karta, hija marbuta li tevalwa l-eżistenza ta’ dan ir-riskju meta tagħti deċiżjoni dwar il-konsenja tal-persuna kkonċernata minn mandat ta’ arrest Ewropew lill-awtoritajiet tal-Istat Membru emittenti. Fil-fatt, l-eżekuzzjoni ta’ tali mandat ma għandhiex twassal għat-trattament inuman jew degradanti ta’ din il-persuna (sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2019, Dorobantu, C‑128/18, EU:C:2019:857, punt 51).

103

Għal dan il-għan, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha, qabel kollox, tibbaża ruħha fuq provi oġġettivi, affidabbli, preċiżi u debitament ivverifikati dwar il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fi ħdan l-Istat Membru emittenti u li juru r-realtà ta’ nuqqasijiet jew sistemiċi jew iġġeneralizzati, jew li jolqtu ċerti gruppi ta’ persuni, jew ukoll ċerti ċentri ta’ detenzjoni. Dawn il-provi jistgħu jirriżultaw, b’mod partikolari, minn deċiżjonijiet ġudizzjarji internazzjonali, bħalma huma s-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, minn deċiżjonijiet ġudizzjarji tal-Istat Membru emittenti kif ukoll minn deċiżjonijiet, minn rapporti u minn dokumenti oħra stabbiliti mill-korpi tal-Kunsill tal-Ewropa jew li jaqgħu taħt is-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Generalstaatsanwaltschaft (Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Ungerija), C‑220/18 PPU, EU:C:2018:589, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

104

Madankollu, il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ riskju reali ta’ trattament inuman jew degradanti minħabba l-kundizzjonijiet ġenerali ta’ detenzjoni fl-Istat Membru emittenti ma għandux iwassal, bħala tali, għar-rifjut ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew. Fil-fatt, is-sempliċi eżistenza ta’ elementi li jixhdu nuqqasijiet sistemiċi jew iġġeneralizzati, jew li jmissu ċerti gruppi ta’ persuni, jew ukoll ċerti ċentri ta’ detenzjoni f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Istat Membru emittenti ma jimplikax neċessarjament li, f’każ konkret, il-persuna kkonċernata tkun ser tiġi suġġetta għal trattament inuman jew degradanti fil-każ ta’ konsenja lill-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Generalstaatsanwaltschaft (Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Ungerija), C‑220/18 PPU, EU:C:2018:589, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

105

Barra minn hekk, sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-Artikolu 4 tal-Karta fil-każ partikolari ta’ persuna li tkun is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li jkollha quddiemha elementi oġġettivi, affidabbli, preċiżi u debitament ivverifikati li jixhdu l-eżistenza ta’ tali nuqqasijiet hija marbuta, wara, li tevalwa b’mod konkret u preċiż jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, jeżistux raġunijiet serji u pprovati li jwasslu wieħed jemmen li, wara l-konsenja tagħha lil dan l-Istat Membru, din il-persuna tkun ser tgħaddi minn riskju reali li tiġi suġġetta għal trattament inuman jew degradanti, fis‑sens ta’ dan l-artikolu, minħabba l-kundizzjonijiet li fihom tkun ser tinżamm fl-Istat Membru emittenti (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Generalstaatsanwaltschaft (Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Ungerija), C‑220/18 PPU, EU:C:2018:589, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

106

Għal dan il-għan, l-imsemmija awtorità għandha, b’applikazzjoni tal-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, titlob lill-awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti kull informazzjoni komplementari neċessarja b’urġenza f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet li fihom ikun previst li tkun ser tinżamm f’detenzjoni l-persuna kkonċernata f’dan l-Istat Membru. Din it-talba tista’ tirrigwarda wkoll l-eżistenza, fl-Istat Membru emittenti, ta’ proċeduri eventwali u mekkaniżmi nazzjonali jew internazzjonali ta’ kontroll tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni marbuta, pereżempju, ma’ żjarat fl-istabbilimenti penitenzjarji, li jippermettu li jiġi evalwat l-istat attwali tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni f’dawn l-istabbilimenti (sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Generalstaatsanwaltschaft (Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Ungerija), C‑220/18 PPU, EU:C:2018:589, punt 63 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

107

L-awtorità ġudizzjarja emittenti hija marbuta li tipprovdi din l-informazzjoni lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Generalstaatsanwaltschaft (Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Ungerija), C‑220/18 PPU, EU:C:2018:589, punt 64 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

108

Huwa biss jekk, fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta b’applikazzjoni tal-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif ukoll ta’ kull informazzjoni oħra li jkollha l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, din l-awtorità tikkonstata li jeżisti, fir-rigward tal-persuna li tkun suġġetta għall-mandat ta’ arrest Ewropew, riskju reali ta’ trattament inuman jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta, li l-eżekuzzjoni ta’ dan il-mandat għandha tiġi posposta, iżda madankollu mhux abbandunata. Min-naħa l-oħra, fl-ipoteżi fejn l-informazzjoni rċevuta mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni mill-awtorità ġudizzjarja emittenti twassal sabiex tiġi eskluża l-eżistenza ta’ riskju reali li l-persuna kkonċernata tkun ser tkun suġġetta għal trattament inuman jew degradanti fl-Istat Membru emittenti, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tadotta, fit-termini stabbiliti mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584, id-deċiżjoni tagħha dwar l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Generalstaatsanwaltschaft (Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Ungerija), C‑220/18 PPU, EU:C:2018:589, punti 6566 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

109

F’dan ir-rigward, hekk kif tfakkar fil-punt 93 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni Qafas jawtorizza espliċitament l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, meta hija tqis li l-informazzjoni kkomunikata mill-Istat Membru emittenti tkun insuffiċjenti sabiex tippermettilha tagħti deċiżjoni dwar il-konsenja, titlob l-informazzjoni komplementari neċessarja. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 15(3) ta’ din id-deċiżjoni qafas, l-awtorità ġudizzjarja emittenti tista’, f’kull mument, tittrażmetti kwalunkwe informazzjoni addizzjonali utli għall‑awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni.

110

Barra minn hekk, fil-punt 94 ta’ din is-sentenza tfakkar li, bis-saħħa tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, l-Istati Membri għandhom jirrispettaw u jassistu lil xulxin reċiprokament fit-twettiq tal-kompiti li joħorġu mit-Trattati (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Generalstaatsanwaltschaft (Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Ungerija), C‑220/18 PPU, EU:C:2018:589, punt 109 u l-ġurisprudenza ċċitata).

111

Konformement ma’ dawn id-dispożizzjonijiet, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni u l-awtorità ġudizzjarja emittenti jistgħu, rispettivament, jitolbu informazzjoni jew jipprovdu assigurazzjonijiet dwar il-kundizzjonijiet konkreti u preċiżi li fihom il-persuna kkonċernata tkun ser tinżamm fl-Istat Membru emittenti (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Generalstaatsanwaltschaft (Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl‑Ungerija), C‑220/18 PPU, EU:C:2018:589, punt 110).

112

[Kif irrettifikat b’digriet tal-20 ta’ Settembru 2024] Mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 106 sa 111 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tistax tikkonkludi li jkun hemm raġunijiet serji u pprovati sabiex wieħed jemmen li, wara l-konsenja tagħha lill-Istat Membru emittenti, il-persuna li tkun is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ser tkun f’riskju reali li tkun suġġetta għal trattament inuman jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta, mingħajr ma tkun ressqet talba għal informazzjoni minn qabel quddiem l-awtorità ġudizzjarja emittenti, bis-saħħa tal-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

113

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tindika li hija pprovdiet informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni ta’ P.P.R. fil-każ ta’ konsenja lill-awtoritajiet Rumeni, iżda li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni Maltija rrifjutat il-konsenja tiegħu billi bbażat ruħha fuq informazzjoni li hija setgħet tikkonsulta fuq l-internet.

114

Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li l-assigurazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru emittenti li l-persuna kkonċernata ma tkunx ser tbati trattament inuman jew degradanti minħabba l-kundizzjonijiet konkreti u preċiżi ta’ detenzjoni jkun liema jkun l-istabbiliment penitenzjarju li fih tkun ser tinżamm fl-Istat Membru emittenti hija element li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tistax tinjora. Fil-fatt, il-ksur ta’ tali assigurazzjoni, sa fejn din tista’ torbot lill-awtur tagħha, jista’ jiġi invokat kontra dan tal-aħħar quddiem il-qrati tal-Istat Membru emittenti (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Generalstaatsanwaltschaft (Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Ungerija), C‑220/18 PPU, EU:C:2018:589, punt 111).

115

Il-Qorti tal-Ġustizzja, b’hekk, kienet iddeċidiet li meta din l-assigurazzjoni tkun saret jew, għall-inqas, tkun ġiet approvata mill-awtorità ġudizzjarja emittenti, jekk meħtieġ, wara li tkun intalbet l-assistenza tal-awtorità ċentrali jew ta’ waħda mill-awtoritajiet ċentrali tal-Istat Membru emittenti, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, fid-dawl tal-fiduċja reċiproka li għandha teżisti bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri, u li fuqha hija bbażata s-sistema tal-mandat ta’ arrest Ewropew, għandha toqgħod fuqha, tal-anqas fl-assenza ta’ kull element preċiż li jippermetti li wieħed jaħseb li l-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni eżistenti fi ħdan ċentru ta’ detenzjoni stabbilit imorru kontra l-Artikolu 4 tal-Karta (sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2018, Generalstaatsanwaltschaft (Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl‑Ungerija), C‑220/18 PPU, EU:C:2018:589, punt 112, u tal‑15 ta’ Ottubru 2019, Dorobantu, C‑128/18, EU:C:2019:857, punt 68).

116

Issa, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tistax twarrab l-informazzjoni pprovduta mill-awtorità ġudizzjarja emittenti abbażi biss ta’ informazzjoni li tal-ewwel stess tkun siltet minn sorsi pubblikament aċċessibbli, mingħajr ma tkun talbet lit-tieni waħda, b’applikazzjoni tal-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, informazzjoni u spjegazzjonijiet addizzjonali.

117

Barra minn hekk, peress li l-qorti tar-rinviju tindika li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni Maltija ħadet inkunsiderazzjoni, sabiex tirrifjuta l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-fatt li l-approvazzjoni, mill-qorti tar-rinviju, ta’ assigurazzjoni bħal dik prevista fil-punt 115 ta’ din is-sentenza kienet indikata b’kelma differenti minn dik użata fil-verżjoni bil-lingwa Ingliża tal-ġurisprudenza f’dan il-qasam, għandu jiġi osservat li tali approvazzjoni ma teħtieġx l-użu ta’ kelma jew ta’ formulazzjoni partikolari. Huwa biżżejjed li jirriżulta b’ċarezza suffiċjenti mill-komunikazzjoni indirizzata mill-awtorità ġudizzjarja emittenti lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tal-ewwel tkun approvat din l-assigurazzjoni, irrispettivament mill-kelmiet preċiżi użati.

118

Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li s-sempliċi assenza ta’ stabbiliment ta’ “pjan preċiż għall-eżekuzzjoni tal-piena” jew ta’ “kriterji preċiżi sabiex tiġi stabbilita sistema ta’ eżekuzzjoni partikolari”, imsemmija mill-qorti tar-rinviju fil-formulazzjoni tas-seba’ domanda tagħha, ma taqax taħt il-kunċett ta’ “trattament inuman jew degradanti”, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta.

119

Jekk jitqies li l-istabbiliment ta’ tali pjan jew ta’ tali kriterji jkun rikjest fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, għandu jitfakkar li, b’riferiment għall-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka, li l-importanza fundamentali tiegħu fid-dritt tal-Unjoni tirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet repetutament li l-Istati Membri jistgħu jkunu marbuta li jippreżumu r-rispett tad-drittijiet fundamentali mill-Istati Membri l-oħra, b’tali mod li ma huwiex possibbli għalihom, b’mod partikolari, li jeżiġu minn Stat Membru ieħor livell ta’ protezzjoni nazzjonali tad-drittijiet fundamentali ogħla minn dak żgurat mid-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2019, Dorobantu, C‑128/18, EU:C:2019:857, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

120

Għaldaqstant, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tistax tirrifjuta l-konsenja tal-persuna rikjesta għas-sempliċi raġuni li l-awtorità ġudizzjarja emittenti ma tkunx ikkomunikatilha “pjan preċiż għall-eżekuzzjoni tal-piena” jew “kriterji preċiżi biex tiġi stabbilita sistema ta’ eżekuzzjoni partikolari”.

121

Fir-rigward tar-riferiment tal-qorti tar-rinviju għal “sitwazzjoni partikolarment unika u delikata” tal-persuna rikjesta, li teżiġi “garanziji fil-qasam ta’ nondiskriminazzjoni”, għandu jiġi rrilevat li l-osservanza tal-Artikolu 4 tal-Karta fil-każ ta’ persuna li tkun is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew teżiġi, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 106 ta’ din is-sentenza, evalwazzjoni konkreta u preċiża taċ-ċirkustanzi tal-każ.

122

Konsegwentement, ir-risposta għas-seba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 1(3) u l-Artikolu 15(2) u (3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 4 tal-Karta u tal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, waqt l-eżami tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Istat Membru emittenti, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tistax tirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew billi tibbaża ruħha fuq elementi dwar il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fi ħdan l-istabbilimenti penitenzjarji tal-Istat Membru emittenti li hija stess tkun ġabret u li fir-rigward tagħhom hija ma tkunx talbet informazzjoni addizzjonali mingħand l-awtorità ġudizzjarja emittenti. L-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tistax tapplika standard ogħla fil-qasam tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni minn dak iggarantit fl-imsemmi Artikolu 4.

Fuq l‑ispejjeż

123

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 1(3) u l-Artikolu 15(3) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il‑mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, kif emendat bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299/ĠAI tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2009.

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

l-awtorità ta’ eżekuzzjoni ta’ Stat Membru ma hijiex marbuta li tirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew meta l-awtorità ta’ eżekuzzjoni ta’ Stat Membru ieħor tkun preċedentement irrifjutat li teżegwixxi dan il-mandat ta’ arrest għar-raġuni li l-konsenja tal-persuna kkonċernata tirriskja li tippreġudika d-dritt fundamentali għal smigħ xieraq stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, fil-kuntest tal-eżami tagħha stess tal-eżistenza ta’ raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni, din l-awtorità għandha tieħu inkunsiderazzjoni r-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata d-deċiżjoni ta’ rifjut adottata mill-ewwel awtorità ta’ eżekuzzjoni. Dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprekludux lill-awtorità ġudizzjarja emittenti milli, fl-istess ċirkustanzi, iżżomm il-mandat ta’ arrest Ewropew, sakemm, skont l-evalwazzjoni tagħha, l-eżekuzzjoni ta’ dan il-mandat ta’ arrest ma jkollux jiġi rrifjutat minħabba r-riskju ta’ ksur tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u li ż-żamma tal-imsemmi mandat ta’ arrest ikollu natura proporzjonata.

 

2)

L-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif emendat bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, moqri flimkien mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali,

għandu jiġu interpretati fis-sens li:

f’sitwazzjoni fejn persuna li tkun is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew tallega li l-konsenja tagħha lill-Istat Membru emittenti twassal għall-ksur tad-dritt tagħha għal smigħ xieraq, l-eżistenza ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni għall-Kontroll tal-fajls tal-Interpol (CCF) dwar is-sitwazzjoni ta’ din il-persuna ma tistax tiġġustifika, waħedha, li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tirrifjuta li teżegwixxi dan il-mandat ta’ arrest. Min-naħa l-oħra, tali deċiżjoni tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni minn din l-awtorità ġudizzjarja sabiex tiddeċiedi jekk ikunx hemm lok li tirrifjuta li teżegwixxi l-imsemmi mandat ta’ arrest.

 

3)

L-Artikolu 267 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li:

l-awtorità ġudizzjarja emittenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ma hijiex marbuta li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari qabel ma tiddeċiedi, fid-dawl tar-raġunijiet li jkunu wasslu lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ta’ dan il-mandat ta’ arrest tirrifjuta l-eżekuzzjoni tiegħu, li tirtira l-imsemmi mandat ta’ arrest jew li żżommu, sakemm id-deċiżjoni li hija tkun imwassla tieħu ma tkunx suġġetta għal rimedju ġudizzjarju taħt id-dritt intern, f’liema każ hija tkun, bħala prinċipju, marbuta li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja.

 

4)

L-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-eżekuzzjoni ta’ piena ma tistax tirrifjuta li teżegwixxi dan il-mandat ta’ arrest billi tibbaża ruħha fuq ir-raġuni li l-proċess verbal ta’ teħid ta’ ġurament ta’ mħallef li jkun impona din il-piena ma jkunx jista’ jinstab jew fuq il-fatt li mħallef ieħor tal-istess kulleġġ ġudikanti jkun ħa biss ġurament fil-mument tal-ħatra tiegħu bħala prosekutur.

 

5)

Id-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299,

għandha tiġi interpretata fis-sens li:

l-awtorità ġudizzjarja emittenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ma għandhiex id-dritt li tipparteċipa, bħala parti, fil-proċedura dwar l-eżekuzzjoni ta’ dan il-mandat ta’ arrest quddiem l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni.

 

6)

L-Artikolu 1(3) u l-Artikolu 15(2) u (3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u tal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

waqt l-eżami tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Istat Membru emittenti, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tistax tirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew billi tibbaża ruħha fuq elementi dwar il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fi ħdan l-istabbilimenti penitenzjarji tal-Istat Membru emittenti li hija stess tkun ġabret u li fir-rigward tagħhom hija ma tkunx talbet informazzjoni addizzjonali mingħand l-awtorità ġudizzjarja emittenti. L-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tistax tapplika standard ogħla fil-qasam tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni minn dak iggarantit fl-imsemmi Artikolu 4.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.

( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.

Top