Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62024CJ0202

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tad-29 ta’ Lulju 2024.
MA.
Talba għal deċiżjoni preliminari,imressqa mis-Supreme Court.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l‑Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra – Konsenja ta’ persuna lir-Renju Unit għall-finijiet ta’ proċedura kriminali – Kompetenza tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni – Riskju ta’ ksur ta’ dritt fundamentali – Artikolu 49(1) u Artikolu 52(3) tal‑Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege – Modifika, li hija sfavorevoli għal dik il-persuna, tar-reġim ta’ libertà kundizzjonata.
Kawża C-202/24.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:649

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

29 ta’ Lulju 2024(*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ftehim dwar il-Kummerċ u l‑kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal‑Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l‑Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra – Konsenja ta’ persuna lir‑Renju Unit għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali – Kompetenza tal‑awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni – Riskju ta’ ksur ta’ dritt fundamentali – Artikolu 49(1) u Artikolu 52(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege – Bidla, sfavorevoli għal din il-persuna, tas-sistema ta’ libertà kundizzjonata”

Fil-Kawża C‑202/24 [Alchaster] (i),

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Chúirt Uachtarach (il-Qorti Suprema, l-Irlanda), permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Marzu 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑14 ta’ Marzu 2024, fil-proċedura dwar l‑eżekuzzjoni ta’ mandati ta’ arrest maħruġa kontra

MA

Fil-preżenza ta’:

Minister for Justice and Equality,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen (Relatur), Viċi President, K. Jürimäe, C. Lycourgos, E. Regan, T. von Danwitz, F. Biltgen u Z. Csehi, Presidenti ta’ Awla, S. Rodin, A. Kumin, N. Jääskinen, M. L. Arastey Sahún u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Lamote, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑4 ta’ Ġunju 2024,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Minister for Justice and Equality u għall-Irlanda, minn M. Browne, Chief State Solicitor, D. Curley, S. Finnegan u A. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn J. Fitzgerald, SC, u A. Hanrahan, BL,

–        għal MA, minn S. Brittain BL, M. Lynam, SC, C. Mulholland, solicitor, u R. Munro SC,

–        għall-Gvern Ungeriż, minn Z. Biró-Tóth u M. Z. Fehér, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Fuller, bħala aġent, assistit minn V. Ailes, J. Pobjoy, Barristers, u J. Eadie, KC,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Leupold u F. Ronkes Agerbeek u J. Vondung, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis‑seduta tas-27 ta’ Ġunju 2024,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal‑Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r‑Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (ĠU 2021, L 149, p. 10, iktar ’il quddiem il-“FKK”), moqri flimkien mal‑Artikolu 49(1) u mal-Artikolu 52(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest tal-eżekuzzjoni, fl-Irlanda, ta’ erba’ mandati ta’ arrest maħruġa mill-awtoritajiet ġudizzjarji tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq kontra MA għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet talBniedem u tal-Libertajiet Fundamentali

3        L-Artikolu 7(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad‑Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), jipprovdi li:

“Ħadd ma għandu jitqies li jkun ħati ta’ reat kriminali minħabba f’xi att jew ommissjoni li ma kinux jikkostitwixxu reat kriminali skont liġi nazzjonali jew internazzjonali fil-ħin meta jkunu saru. Lanqas ma għandha tingħata piena akbar minn dik li kienet applikabbli fiż-żmien meta r-reat kriminali jkun sar.”

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI

4        Il-premessa 6 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l‑Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45 ), tgħid:

“Il-mandat ta’ arrest Ewropew previst f’din id-Deċiżjoni [Qafas] Kwadru hi l‑ewwel miżura konkreta fil-qasam tal-liġi kriminali li timplimenta l‑prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku li l-Kunsill Ewropew irrefera għalih bħala l-‘punt ta’ referenza’ tal-koperazzjoni ġudizzjarja.”

5        L-Artikolu 1(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas jistipula:

“Il-mandat ta’ arrest Ewropew hija deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u l-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-finijiet tat-tmexxija ta’ azzjoni kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.”

 Il-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika

6        L-Artikolu 126 tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l‑Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal‑Enerġija Atomika (ĠU 2020, L 29, p. 7) jgħid:

“Għandu jkun hemm perjodu ta’ tranżizzjoni jew ta’ implimentazzjoni, li għandu jibda mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim u jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2020.”

 Il-FKK

7        Il-premessa 23 tal-FKK hija fformulata kif ġej:

“Filwaqt li JIKKUNSIDRAW li l-kooperazzjoni bejn ir-Renju Unit u l‑Unjoni [Ewropea] relatata mal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is‑sejbien jew il‑prosekuzzjoni ta’ reati kriminali u l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra theddid għas-sigurtà pubblika u l‑prevenzjoni tagħhom, se tippermetti t-tisħiħ tas-sigurtà tar‑Renju Unit u tal-Unjoni.”

8        L-Artikolu 1 tal-FKK jipprevedi:

“Dan il-Ftehim jistabbilixxi l-bażi għal relazzjoni wiesgħa bejn il‑Partijiet, f’ambjent ta’ prosperità u viċinanza tajba kkaratterizzat minn relazzjonijiet mill-qrib u paċifiċi bbażati fuq il-kooperazzjoni, li jirrispettaw l-awtonomija u s-sovranità tal-Partijiet.”

9        L-Artikolu 3(1) tal-FKK huwa fformulat kif ġej:

“Il-Partijiet għandhom, b’rispett reċiproku sħiħ u in bona fide, jassistu lil xulxin fit-twettiq tal-kompiti li jirriżultaw minn dan il-Ftehim u minn kull ftehim supplimentari.”

10      L-Artikolu 522(1) tal-FKK jgħid:

“L-objettiv ta’ din il-Parti huwa li tipprevedi l-infurzar tal-liġi u l‑kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet, il‑korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni, minn naħa, u r-Renju Unit, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, id‑detezzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali u l-prevenzjoni tal‑ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u l-ġlieda kontrihom.”

11      L-Artikolu 524 tal-FKK jippreċiża li:

“1.      Il-kooperazzjoni prevista f'din il-Parti hija bbażata fuq ir-rispett fit-tul tal-Partijiet u tal-Istati Membri għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwi, inkluż kif stabbilit fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal‑Bniedem [, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fl-10 ta’ Diċembru 1948,] u fil-[KEDB], u fuq l-importanza li d-drittijiet u l-libertajiet f'dik il-Konvenzjoni jingħataw effett domestikament.

2.      Xejn f'din il-Parti ma jimmodifika l-obbligu tar-rispett tad‑drittijiet fundamentali u tal-prinċipji legali kif riflessi, b’mod partikolari, fil-[KEDB] u, fil-każ tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, fil-[Karta].”

12      L-Artikolu 596 tal-FKK jgħid:

“L-għan ta’ dan it-Titolu huwa li jiżgura li s-sistema ta’ estradizzjoni bejn l-Istati Membri, minn naħa waħda, u r-Renju Unit, min-naħa l‑oħra, tkun ibbażata fuq mekkaniżmu ta’ konsenja skont mandat ta’ arrest f’konformità mat-termini ta’ dan it-Titolu.”

13      L-Artikolu 599(3) tal-FKK huwa fformulat kif ġej:

“Soġġett għall-Artikolu 600, il-punti (b) sa (h) tal-Artikolu 601(1), u l‑Artikoli 602, 603 u 604, Stat ma għandux jirrifjuta li jeżegwixxi mandat ta’ arrest maħruġ fir-rigward tal-imġiba li ġejja fejn tali mġiba hija punibbli b’ċaħda tal-libertà jew ordni ta’ detenzjoni ta’ perjodu massimu ta’ mill-inqas 12-il xahar:

a)      l-imġiba ta’ kwalunkwe persuna li tikkontribwixxi għat-twettiq minn grupp ta’ persuni li jaġixxu bi skop komuni ta’ reat wieħed jew aktar fil-qasam tat-terroriżmu msemmi fl-Artikoli 1 u 2 tal‑Konvenzjoni Ewropea dwar is-Soppressjoni tat-Terroriżmu, magħmula fi Strasburgu fis-27 ta’ Jannar 1977, [...]; jew

b)      terroriżmu kif definit fl-Anness 45.”

14      L-Artikoli 600 u 601 tal-FKK jelenkaw rispettivament ir-raġunijiet għan-nuqqas obbligatorju ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest u r‑raġunijiet oħrajn għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest.

15      L-Artikolu 602(1) u (2) tal-FKK jgħid:

“1.      L-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest ma tistax tiġi rrifjutata għar-raġuni li r-reat jista’ jitqies mill-Istat ta’ eżekuzzjoni bħala reat politiku, bħala reat marbut ma' reat politiku jew bħala reat ispirat minn motivi politiċi.

2.      Madankollu, ir-Renju Unit u l-Unjoni, li taġixxi f'isem kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri tagħha, jistgħu kull wieħed minnhom jinnotifika lill-Kumitat Speċjalizzat dwar l-Infurzar tal-Liġi u l‑Kooperazzjoni Ġudizzjarja li l-paragrafu 1 ser jiġi applikat biss fir‑rigward ta’ dawn:

a)      ir-reati msemmija fl-Artikoli 1 u 2 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar is-Soppressjoni tat-Terroriżmu;

b)      reati ta’ konfoffa jew assoċjazzjoni biex jitwettaq wieħed jew aktar mir-reati msemmija fl-Artikoli 1 u 2 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar it-Trażżin tat-Terroriżmu, jekk dawk ir-reati ta’ kospirazzjoni jew assoċjazzjoni [li] jikkorrispondu għad‑deskrizzjoni tal-imġiba msemmija fl-Artikolu 599(3) ta’ dan il-Ftehim; u

c)      it-terroriżmu kif definit fl-Anness 45 għal dan il-Ftehim.”

16      L-Artikolu 603(1) u (2) FKK jipprevedi:

“1.      L-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest ma tistax tiġi rifjutata għar‑raġuni li l-persuna rikjesta hija ċittadina tal-Istat ta’ eżekuzzjoni.

2.      Ir-Renju Unit, u l-Unjoni, li taġixxi f’isem kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri tagħha, jistgħu jinnotifikaw kull wieħed lill-Kumitat Speċjalizzat dwar l-Infurzar tal-Liġi u l-Kooperazzjoni Ġudizzjarja li ċ‑ċittadini proprji ta’ dak l-Istat mhux ser jiġu ċeduti [kkonsenjati] jew li l-konsenja taċ-ċittadini proprji tagħhom ser tiġi awtorizzata biss taħt ċerti kundizzjonijiet speċifikati. In-notifika għandha tkun ibbażata fuq raġunijiet relatati mal-prinċipji jew il-prattika fundamentali tal-ordni legali domestiku tar-Renju Unit jew tal-Istat li f’ismu tkun saret notifika. F’każ bħal dan, l-Unjoni, f’isem kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri tagħha jew ir-Renju Unit, skont il-każ, tista’ tinnotifika lill‑Kumitat Speċjalizzat dwar l-Infurzar tal-Liġi u l-Kooperazzjoni Ġudizzjarja fi żmien raġonevoli wara li tirċievi n-notifika tal-Parti l‑oħra li l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni tal-Istat Membru jew tar-Renju Unit, skont il-każ, jistgħu jirrifjutaw li jikkonsenjaw liċ‑ċittadini tagħha lil dak l-Istat jew li l-konsenja għandha tiġi awtorizzata biss taħt ċerti kondizzjonijiet speċifikati.”

17      L-Artikolu 604 tal-FKK jgħid:

“L-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tkun soġġetta għall-garanziji li ġejjin:

[...]

c)      jekk ikun hemm raġunijiet sostanzjali biex wieħed jemmen li hemm riskju reali għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-persuna rikjesta, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ titlob, kif xieraq, garanziji addizzjonali fir-rigward tat-trattament tal-persuna rikjesta wara l-konsenja tal-persuna qabel ma tiddeċiedi jekk teżegwixxix il-mandat ta’ arrest.”

18      L-Artikolu 613(2) tal-FKK jippreċiża:

“Jekk l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ssib li l-informazzjoni kkomunikata mill-Istat emittenti ma tkunx biżżejjed biex hija tkun tista’ tiddeċiedi dwar il-konsenja, hija għandha titlob li l-informazzjoni supplementari meħtieġa, b’mod partikolari fir-rigward tal-Artikolu 597, l-Artikoli 600 sa 602, l-Artikolu 604 u l-Artikolu 606, tiġi pprovduta b’urġenza u tista’ tiffissa limitu ta’ żmien biex tirċeviha, b’kont meħud tal-ħtieġa li jiġu osservati l-limiti ta’ żmien previsti fl-Artikolu 615 [...]”.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

19      Id-District Judge (l-Imħallef Distrettwali) tal-Magistrates’ Courts of Northern Ireland (il-Qorti tal-Maġistrati tal-Irlanda ta’ Fuq, ir-Renju Unit) ħareġ erba’ mandati ta’ arrest kontra MA għal reati li jaqgħu taħt it-terroriżmu li allegatament twettqu bejn it-18 u l-20 ta’ Lulju 2020 u li wħud minnhom jistgħu jiġġustifikaw l-għoti ta’ piena għall-għomor il‑ħabs.

20      Permezz ta’ sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2022 kif ukoll permezz ta’ digrieti tal-istess jum u tas-7 ta’ Novembru 2022, l-Ard-Chúirt (il-Qorti Għolja, l-Irlanda) ordnat il-konsenja ta’ MA fir-Renju Unit u ma tatux l‑awtorizzazzjoni sabiex jappella quddiem il-Chúirt Achomhairc (il‑Qorti tal-Appell, l-Irlanda).

21      Permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Jannar 2023, il-Chúirt Uachtarach (il‑Qorti Suprema, l-Irlanda), li hija l-qorti tar-rinviju, tat lil MA l‑awtorizzazzjoni li jippreżenta appell minn din is-sentenza u dawn id‑digrieti tal-Ard-Chúirt (il-Qorti Għolja, l-Irlanda).

22      MA isostni, quddiem il-qorti tar-rinviju, li l-konsenja tiegħu fir-Renju Unit hija inkompatibbli mal-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege.

23      F’dan ir-rigward, din il-qorti tirrileva li l-FKK jipprevedi mekkaniżmu ta’ konsenja applikabbli bejn ir-Renju Unit u l-Istati Membri. Fid-dawl tal-identiċità bejn dan il-mekkaniżmu u dak stabbilit mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584 kif ukoll tal-leġiżlazzjoni Irlandiża li tittrasponi din id‑deċiżjoni qafas u l-FKK, hija tqis li, b’applikazzjoni ta’ din il‑leġiżlazzjoni Irlandiża u tal-imsemmija deċiżjoni qafas, ir-Renju Unit għandu jiġi ttrattat daqslikieku kien Stat Membru.

24      L-imsemmija qorti tippreċiża li, fil-każ ta’ konsenja ta’ MA lir-Renju Unit u ta’ kundanna tiegħu għal piena ta’ priġunerija, il-libertà kundizzjonata eventwali tiegħu tiġi rregolata minn leġiżlazzjoni tar‑Renju Unit adottata wara l-allegat twettiq allegat tar-reati li fir‑rigward tagħhom ikun ser jiġi pproċessat.

25      Fil-fatt, is-sistema li tippermetti l-libertà kundizzjonata fl-Irlanda ta’ Fuq (ir-Renju Unit) ġiet emendata fit-30 ta’ April 2021. Qabel din l‑emenda, persuna kkundannata għal ċerti reati li jaqgħu taħt it‑terroriżmu setgħet tibbenefika minn libertà kundizzjonata awtomatika wara li tkun skontat nofs il-piena tagħha. B’applikazzjoni tas-sistema fis-seħħ minn din id-data, il-libertà kundizzjonata ta’ tali persuna tkun trid tiġi approvata minn awtorità speċjalizzata u tkun tista’ sseħħ biss wara li din il-persuna tkun skontat żewġ terzi tal-piena tagħha.

26      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tesponi li l-Qorti Ewropea tad‑Drittijiet tal-Bniedem kienet warrbet l-argument li jgħid li emendi retroattivi għal sistemi ta’ tnaqqis tal-piena jew ta’ libertà antiċipata jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 7 tal-KEDB. Madankollu, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem qieset, fis-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2013, Del Río Prada vs Spanja (CE:ECHR:2013:1021JUD004275009), li miżuri meħuda matul l‑eżekuzzjoni ta’ piena jistgħu jaffettwaw il-portata tagħha. Għalhekk, sabiex tingħata deċiżjoni dwar it-tilwima fil-kawża prinċipali, huwa essenzjali li jiġi ddeterminat jekk din is-sentenza tikkostitwixxix bidla fil-ġurisprudenza preċedenti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal‑Bniedem.

27      Permezz ta’ sentenza tad-19 ta’ April 2023, is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) iddeċidiet li l‑applikazzjoni tas-sistema l-ġdida ta’ libertà kundizzjonata, mit-30 ta’ April 2021, għal reati mwettqa qabel id-dħul fis-seħħ tagħha ma hijiex inkompatibbli mal-Artikolu 7 tal-KEDB, sa fejn din is-sistema temenda biss il-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tal-pieni li jċaħħdu l-libertà tal‑persuni kkonċernati mingħajr ma żżid it-tul ta’ dawn il-pieni.

28      F’dan il-kuntest, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-garanziji offruti mis‑sistema ġudizzjarja tar-Renju Unit fir-rigward tal-applikazzjoni tal‑KEDB, tal-assenza ta’ prova tal-eżistenza ta’ nuqqas sistemiku li jwassal sabiex jiġi preżunt ksur probabbli u flagranti tad-drittijiet iggarantiti mill-KEDB fil-każ ta’ konsenja ta’ MA kif ukoll tal‑possibbiltà li ser ikollu MA li jippreżenta rikors quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-qorti tar-rinviju warrbet l‑argument ta’ MA bbażat fuq riskju ta’ ksur tal-Artikolu 7 tal-KEDB.

29      Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk huwiex possibbli li tintlaħaq konklużjoni simili f’dak li jirrigwarda riskju ta’ ksur tal‑Artikolu 49(1) tal-Karta.

30      Din il-qorti tirrileva, f’dan ir-rigward, li, sa fejn l-Artikolu 49(1) tal‑Karta jikkorrispondi għall-Artikolu 7(1) tal-KEDB, dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet għandhom bħala prinċipju jingħataw l-istess portata, konformement mal-Artikolu 52(3) tal-Karta. Għaldaqstant, jista’ jiġi pprospettat li wieħed jibbaża ruħu fuq ir-raġunament adottat fir-rigward tal-Artikolu 7(1) tal-KEDB, mingħajr ma jsiru verifiki supplimentari.

31      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma tatx deċiżjoni dwar l‑implikazzjonijiet tal-Artikolu 49 tal-Karta f’dak li jirrigwarda emenda tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-libertà kundizzjonata.

32      Barra minn hekk, peress li l-Istat ta’ eżekuzzjoni huwa marbut li jikkonsenja l-persuna rikjesta, ikun hemm lok li jiġi evalwat jekk dan l‑Istat ikunx kompetenti sabiex jagħti deċiżjoni dwar argument ibbażat fuq l-inkompatibbiltà mal-Artikolu 49(1) tal-Karta ta’ dispożizzjonijiet fil-qasam tal-pieni li jistgħu jiġu applikati fl-Istat emittenti, filwaqt li dan tal-aħħar ma huwiex marbut li josserva l-Karta u li l-Qorti tal‑Ġustizzja stabbilixxiet rekwiżiti għolja fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ riskju ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali fl-Istat Membru emittenti.

33      Konsegwentement, il-qorti tar-rinviju tqis li għandha tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kriterji li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tapplika sabiex tevalwa l-eżistenza eventwali ta’ riskju ta’ ksur tal-prinċipju ta’ nulla poena sine lege f’ċirkustanzi fejn il-konsenja la tkun eskluża mill-kostituzzjoni nazzjonali u lanqas mill-KEDB.

34      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Chúirt Uachtarach (il-Qorti Suprema, l‑Irlanda) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“Fejn, skont il-[FKK],  tintalab konsenja għall-finijiet ta’ azzjonijiet kriminali għal reati terroristiċi u l-persuna kkonċernata tipprova tirreżisti tali konsenja billi tallega li din tikkostitwixxi ksur tal‑Artikolu 7 tal-[KEDB] u tal-Artikolu 49(2) tal-[Karta], minħabba li ġiet introdotta, wara d-data tar-reat allegat li fir-rigward tiegħu l‑konsenja tiegħu tkun mitluba, miżura leġiżlattiva li tibdel il-parti tal‑piena li neċessarjament tkun ta’ priġunerija u l-modalitajiet għal ħelsien kundizzjonali [libertà kundizzjonata], u fejn japplikaw il‑kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

(i)      l-Istat rikjedenti (f’dan il-każ ir-Renju Unit) ikun parti għall‑KEDB u jagħti effett fid-dritt intern tiegħu [...];

(ii)      l-applikazzjoni tal-miżuri inkwistjoni għall-priġunieri li diġà qegħdin jiskontaw piena li ngħatat minn qorti ġiet meqjusa kompatibbli mal-KEDB mill-qrati tar-Renju Unit [...];

(iii)      kull persuna, inkluż il-persuna kkonċernata fil-każ ta’ konsenja, għandha l-possibbiltà li tressaq ilment quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem;

(iv)      Ma jkun hemm l-ebda bażi sabiex jiġi kkunsidrat li deċiżjoni tal‑Qorti [Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem] ma tiġix implimentata mill-Istat rikjedenti;

(v)      konsegwentement, is-Supreme Court tqis li ma jkunx ġie stabbilit li l-konsenja tinvolvi riskju reali ta’ ksur tal-Artikolu 7 tal-KEDB jew tal-[Kostituzzjoni nazzjonali];

(vi)      ma jkunx allegat li l-konsenja hija prekluża mill-Artikolu 19 tal‑Karta;

(vii)      l-Artikolu 49 tal-Karta ma jkunx japplika għall-proċedura ta’ sentenza jew ta’ kundanna;

(viii)      ma jkunx ġie sostnut li teżisti xi raġuni sabiex wieħed jemmen li hemm xi differenza sinjifikattiva fl-applikazzjoni tal-Artikolu 7 tal-KEDB u tal-Artikolu 49 tal-Karta;

B’teħid inkunsiderazzjoni tal-Artikolu 52(3) tal-Karta u tal-obbligu ta’ lealtà bejn l-Istati Membri u bejn dawk obbligati li jwettqu konsenja abbażi tad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u tal-[FKK], huwa permess li qorti li kontra d-deċiżjoni tagħha ma hemm l-ebda dritt ta’ appell, fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, tikkonkludi li l-persuna rikjesta ma stabbilixxietx l-eżistenza ta’ riskju reali li l-konsenja tagħha tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 49(2) tal‑Karta, jew tali qorti hija obbligata twettaq xi investigazzjoni ulterjuri, u jekk iva, x’inhuma n-natura u l-portata ta’ din l‑investigazzjoni?”

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

35      Permezz tad-digriet tat-22 ta’ April 2024, Alchaster (C‑202/24, EU:C:2024:343), il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda li japplika l-proċedura mħaffa għal deċiżjoni preliminari prevista fl‑Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

 Fuq id-domanda preliminari

36      Preliminarjament, peress li l-qorti tar-rinviju tirreferi, fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll fil-formulazzjoni tad-domanda tagħha, għad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, għandu jitfakkar li, kif enfasizza l‑Avukat Ġenerali fil-punt 33 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill‑Artikolu 1(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas jirriżulta li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha huwa limitat għall-eżekuzzjoni tal-mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa mill-Istati Membri. Minn dan isegwi li l‑imsemmija deċiżjoni qafas ma tirregolax l-eżekuzzjoni ta’ mandati ta’ arrest, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, maħruġa mir-Renju Unit wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ tranżizzjoni li seħħet, konformement mal-Artikolu 126 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill‑Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, fl-31 ta’ Diċembru 2020.

37      Għaldaqstant, għandu jitqies li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi, essenzjalment, jekk il-FKK, moqri flimkien mal‑Artikolu 49(1) tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha, meta persuna li tkun is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest maħruġ abbażi ta’ dan il-ftehim tinvoka riskju ta’ ksur tal-Artikolu 49(1) fil-każ ta’ konsenja lir-Renju Unit, minħabba bidla, sfavorevoli għal din il-persuna, fil-kundizzjonijiet ta’ libertà kundizzjonata, li tkun seħħet wara t-twettiq preżunt tar-reat li fir‑rigward tiegħu l-imsemmija persuna tkun akkużata, tevalwa l‑eżistenza ta’ dan ir-riskju qabel ma tagħti deċiżjoni dwar l-eżekuzzjoni ta’ dan il-mandat ta’ arrest, f’sitwazzjoni fejn din l-awtorità ġudizzjarja tkun diġà eskludiet ir-riskju ta’ ksur tal-Artikolu 7 tal-KEDB billi tkun ibbażat ruħha fuq il-garanziji offruti, b’mod ġenerali, mir-Renju Unit fir-rigward tal-osservanza tal-KEDB u fuq il-possibbiltà għall-istess persuna li tippreżenta rikors quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal‑Bniedem.

38      Konsegwentement, anki jekk, formalment, il-qorti tar-rinviju ma semmiet, fid-domanda tagħha, ebda dispożizzjoni speċifika tal‑FKK, tali ċirkustanza ma tipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdilha l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għall-għoti tas-sentenza fil-kawża li hija adita biha, kemm jekk din il-qorti tkun għamlet riferiment għalihom fid-domandi tagħha kif ukoll jekk ma tkunx għamlet dan fid-domanda tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-18 ta’ April 2023, E. D. L. (Raġuni għal rifjut ibbażata fuq il-marda), C-699/21, EU:C:2023:295, punt 29).

39      L-Artikolu 1 tal-FKK jgħid li dan il-Ftehim jistabbilixxi l-bażi għal relazzjoni wiesgħa bejn l-Unjoni u r-Renju Unit, f’ambjent ta’ prosperità u viċinanza tajba kkaratterizzat minn relazzjonijiet mill-qrib u paċifiċi bbażati fuq il-kooperazzjoni, li jirrispetta l-awtonomija u s‑sovranità tal-partijiet.

40      Għal dan il-għan, il-FKK huwa intiż b’mod partikolari, kif jirriżulta mill-premessa 23 tiegħu, li jsaħħaħ is-sigurtà tal-Unjoni u tar-Renju Unit, billi jippermetti l-kooperazzjoni fil-qasam tal-prevenzjoni u tad‑detezzjoni ta’ reati kriminali, tal‑investigazzjoni u tal-prosekuzzjoni fil-qasam kif ukoll tal-eżekuzzjoni tas-sanzjonijiet kriminali, inkluż il‑qasam tal-protezzjoni kontra t-theddid għas-sigurtà u l-prevenzjoni tagħhom.

41      Dan il-għan speċifiku, li jidħol fil-għan ġenerali tal-FKK stabbilit fl‑Artikolu 1 ta’ dan tal-aħħar  (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2021, Governor of Cloverhill Prison et, C‑479/21 PPU, EU:C:2021:929, punt 67), huwa implimentat fit-tielet parti ta’ dan il‑ftehim, kif jindika l-Artikolu 522(1) tal-imsemmi ftehim.

42      F’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ġenerali ta’ din it-tielet parti, l‑Artikolu 524(1) tal-FKK jipprevedi li l-kooperazzjoni prevista f'din il‑parti hija bbażata fuq ir-rispett fit-tul tal-partijiet u tal-Istati Membri tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt kif ukoll tal-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet fundamentali tal-persuni, b’mod partikolari dawk stabbiliti fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u fil-KEDB, kif ukoll fuq l-importanza li d-drittijiet u l-libertajiet fil-KEDB jingħataw effett fuq livell nazzjonali.

43      Fil-kuntest ta’ din il-kooperazzjoni, it-Titolu VII tal-istess tielet parti għandu bħala għan, skont l-Artikolu 596 tal-FKK, li jiżgura li s-sistema ta’ estradizzjoni bejn l-Istati Membri, minn naħa, u r-Renju Unit, min‑naħa l-oħra, tkun ibbażata fuq mekkaniżmu ta’ konsenja fuq il-bażi ta’ mandat ta’ arrest konformement mal-kliem ta’ dan it-titolu.

44      L-Artikoli 600 u 601 tal-FKK jipprevedu l-każijiet li fihom l‑eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest maħruġ abbażi ta’ dan il-ftehim għandha jew tista’ tiġi rrifjutata.

45      Barra minn hekk, l-Artikoli 602 u 603 tal-FKK jipprevedu r-regoli dwar, rispettivament, l-eċċezzjoni tar-reati politiċi u l-eċċezzjoni tan‑nazzjonalità, filwaqt li l-Artikolu 604 ta’ dan il-ftehim jiddefinixxi l-garanziji li għandhom jiġu pprovduti mill-Istat emittenti f’każijiet iktar partikolari.

46      Għalkemm ebda dispożizzjoni tal-FKK ma tipprevedi espressament li l‑Istati Membri huma marbuta li jeżegwixxu mandat ta’ arrest maħruġ mir-Renju Unit abbażi ta’ dan il-ftehim, mill-istruttura tat-Titolu VII tat-tielet parti tal-imsemmi ftehim, u b’mod partikolari mill-funzjonijiet rispettivi tal-Artikoli 600 sa 604 tal-istess ftehim, jirriżulta li, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 69 tal-konklużjonijiet tiegħu, Stat Membru jista’ jirrifjuta li jeżegwixxi tali mandat ta’ arrest biss għar‑raġunijiet li jirriżultaw mill-FKK (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2023, Sofiyska gradska prokuratura (Mandati ta’ arrest suċċessivi), C‑71/21, EU:C:2023:668, punt 48).

47      F’dak li jirrigwarda b’mod iktar speċifiku sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 599(3) tal-FKK jipprevedi, barra minn hekk, b’mod speċifiku, li, bla ħsara għall-Artikolu 600, għall‑Artikolu 601(1)(b) sa (h), u għall-Artikoli 602 sa 604 ta’ dan il‑ftehim, Stat ma jirrifjuta fl-ebda każ li jeżegwixxi mandat ta’ arrest li jkollu rabta, b’mod partikolari, mat-terroriżmu, meta r-reati inkwistjoni jkunu punibbli b’piena ta’ priġunerija jew b’ordni ta’ detenzjoni għal tul massimu ta’ mhux inqas minn tnax-il xahar.

48      Għalkemm mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni hija bħala prinċipju marbuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, xorta jibqa’ l-fatt li l-Artikolu 524(2) tal-FKK jippreċiża li ebda dispożizzjoni tat-tielet parti ta’ dan il-ftehim ma tbiddel l-obbligu li jiġu rrispettati d‑drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali kif jinsabu, b’mod partikolari, fil-KEDB u, fil-każ tal-Unjoni kif ukoll tal-Istati Membri tiegħu, fil-Karta.

49      L-obbligu li tiġi osservata l-Karta, imfakkar f’dan l-Artikolu 524(2), huwa impost fuq l-Istati Membri meta jagħtu deċiżjoni dwar il-konsenja ta’ persuna lir-Renju Unit, peress li deċiżjoni dwar tali konsenja tikkostitwixxi implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal‑Artikolu 51(1) tal-Karta. L-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni tal-Istati Membri huma għalhekk obbligati li jiggarantixxu, waqt l‑adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, ir-rispett tad-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti mill-Karta lill-persuna kkonċernata minn mandat ta’ arrest maħruġ abbażi tal-FKK, mingħajr ma l-fatt li l-Karta ma hijiex applikabbli għar-Renju Unit ma huwa rilevanti f’dan ir-rigward (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin, C‑182/15, EU:C:2016:630, punti 52 u 53).

50      Fost dawn id-drittijiet hemm, b’mod partikolari, dawk li jirriżultaw mill-Artikolu 49(1) tal-Karta, li jistabbilixxi, b’mod partikolari, li ma għandha tingħata ebda piena ikbar minn dik li kienet applikabbli fil‑mument meta jitwettaq ir-reat.

51      Konsegwentement, l-eżistenza ta’ riskju ta’ ksur tal-imsemmija drittijiet tista’ tippermetti lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tastjeni, wara eżami xieraq, milli teżegwixxi mandat ta’ arrest maħruġ abbażi tal‑FKK (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 59; tal-31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et, C‑158/21, EU:C:2023:57, punt 72, kif ukoll tal-21 ta’ Diċembru 2023, GN (Raġuni għal rifjut ibbażata fuq l-aħjar interessi tal-wild), C‑261/22, EU:C:2023:1017, punt 43).

52      Fir-rigward tal-modalitajiet ta’ tali eżami, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jirriżulta li l‑evalwazzjoni, matul proċedura ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, tar-realtà tar-riskju ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-Artikoli 4, 7, 24, u 47 tal-Karta għandha, bħala prinċipju, titwettaq permezz ta’ eżami f’żewġ stadji distinti li ma jistgħux jiġu konfużi, sa fejn dawn jimplikaw analiżi abbażi ta’ kriterji differenti, u li għalhekk għandhom isiru suċċessivament (ara, f’dan is-sens, is‑sentenzi tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punti 89 sa 94; tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punti 60, 61 u 68; tat-18 ta’ April 2023, E. D. L. (Raġuni għal rifjut ibbażata fuq il-marda), C‑699/21, EU:C:2023:295, punt 55, kif ukoll tal-21 ta’ Diċembru 2023, GN (Raġuni għal rifjut ibbażata fuq l-aħjar interessi tal-wild), C‑261/22, EU:C:2023:1017, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53      Għal dan il-għan, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha, fil‑kuntest tal-ewwel stadju, tiddetermina jekk teżistix informazzjoni oġġettiva, affidabbli, preċiża u debitament aġġornata intiża li turi l‑eżistenza ta’ riskju reali ta’ ksur, fl-Istat Membru emittenti, ta’ dawn id-drittijiet fundamentali minħabba kemm nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati, kif ukoll nuqqasijiet li jaffettwaw iktar speċifikament grupp ta’ persuni oġġettivament identifikabbli (ara, f’dan is-sens, is‑sentenzi tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 89; tal-31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et, C‑158/21, EU:C:2023:57, punt 102, kif ukoll tal-21 ta’ Diċembru 2023, GN (Raġuni għal rifjut ibbażata fuq l-aħjar interessi tal-wild), C‑261/22, EU:C:2023:1017, punt 47).

54      Fil-kuntest tat-tieni stadju, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tivverifika, b’mod konkret u preċiż, sa fejn in-nuqqasijiet identifikati matul l-ewwel stadju tal-eżami msemmi fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza jista’ jkollhom impatt fuq il-persuna li tkun is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew u jekk, fid-dawl tas-sitwazzjoni personali tiegħu, ikunux jeżistu raġunijiet serji u pprovati biex wieħed jemmen li din il-persuna tkun ser tgħaddi minn riskju reali ta’ ksur tal‑imsemmija drittijiet fundamentali fil-każ ta’ konsenja lill-Istat Membru emittenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 94, tal-31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et, C‑158/21, EU:C:2023:57, punt 106, kif ukoll tal-21 ta’ Diċembru 2023, GN (Raġuni għal rifjut ibbażata fuq l-aħjar interessi tal-wild), C‑261/22, EU:C:2023:1017, punt 48).

55      Madankollu, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 76 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-rekwiżit li jitwettaq tali eżami f’żewġ stadji ma jistax jiġi traspost għall-evalwazzjoni, matul il-proċedura ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest maħruġ abbażi tal-FKK, tar-riskju ta’ ksur tal-Artikolu 49(1) tal-Karta.

56      Fil-fatt, is-sistema ssemplifikata u effikaċi ta’ konsenja ta’ persuni kkundannati jew issuspettati stabbilita bid-Deċiżjoni Qafas 2002/584 hija bbażata fuq il-livell għoli ta’ fiduċja li għandu jkun hemm bejn l‑Istati Membri u fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku li jikkostitwixxi, skont il-premessa 6 ta’ din id-deċiżjoni qafas, il-“punt ta’ referenza” tal-kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-Istati Membri f’materji kriminali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punti 40 u 41, kif ukoll tal‑21 ta’ Diċembru 2023, GN (Raġuni għal rifjut ibbażata fuq l-aħjar interessi tal-wild), C‑261/22, EU:C:2023:1017, punti 35 u 36).

57      Il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka jimponi, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-ispazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja, lil kull wieħed minn dawn l-Istati biex iqis, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, li l-Istati Membri l-oħra kollha josservaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti minn dan id-dritt (ara, f’dan is‑sens, l-Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni mal-KEDB), tat‑18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punt 191, kif ukoll is-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et, C‑158/21, EU:C:2023:57, punt 93).

58      B’hekk, meta l-Istati Membri jimplementaw id-dritt tal-Unjoni, huma jistgħu jkunu marbuta, bis-saħħa ta’ dan l-istess dritt, li jippreżumu r‑rispett tad-drittijiet fundamentali mill-Istati Membri l-oħra, b’tali mod li la jkunu jistgħu jeżiġu minn Stat Membru ieħor livell ta’ protezzjoni nazzjonali tad-drittijiet fundamentali ogħla minn dak żgurat mid-dritt tal-Unjoni, iżda wkoll, ħlief f’każijiet eċċezzjonali, ma jkunu jistgħu jivverifikaw jekk dan l-Istat Membru l-ieħor ikunx effettivament irrispetta, f’każ konkret, id-drittijiet fundamentali ggarantiti mill‑Unjoni (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni mal-KEDB), tat‑18 ta’ Diċembru 2014, (EU:C:2014:2454, punt 192), kif ukoll is‑sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et, C‑158/21, EU:C:2023:57, punt 94).

59      F’dan il-kuntest, l-obbligu li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ nuqqasijiet bħal dawk imsemmija fil-punt 53 ta’ din is-sentenza qabel ma jkun jista’ jiġi vverifikat, b’mod konkret u preċiż, jekk il-persuna li tkun is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew tkunx qiegħda taffaċċja riskju reali ta’ ksur ta’ dritt fundamentali huwa intiż preċiżament li jiġi evitat li tali verifika ssir f’każijiet eċċezzjonali biss u jikkostitwixxi għalhekk il‑konsegwenza tal-preżunzjoni tar-rispett tad‑drittijiet fundamentali mill-Istat Membru emittenti li tirriżulta mill‑prinċipju ta’ fiduċja reċiproka (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et, C‑158/21, EU:C:2023:57, punti 114 sa 116).

60      L-osservanza ta’ dan l-obbligu tippermetti b’mod partikolari li jiġi ggarantit it-tqassim tar-responsabbiltajiet bejn l-Istat Membru emittenti u l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni fir-rigward tal-preżervazzjoni tar‑rekwiżiti inerenti għad-drittijiet fundamentali li jirriżultaw mill‑applikazzjoni sħiħa tal-prinċipji ta’ fiduċja u ta’ rikonoxximent reċiproċi li fuqhom huwa bbażat il-funzjonament tal-mekkaniżmu tal‑mandat ta’ arrest Ewropew (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Frar 2022, Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita bil-liġi fl-Istat Membru emittenti), C‑562/21 PPU u C‑563/21 PPU, EU:C:2022:100, punt 46; tal-31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et, C‑158/21, EU:C:2023:57, punti 72 u 96, kif ukoll tal-21 ta’ Diċembru 2023, GN (Raġuni għal rifjut ibbażata fuq l-aħjar interessi tal-wild), C‑261/22, EU:C:2023:1017, punt 43).

61      Issa, il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka jikkaratterizza b’mod speċifiku r‑relazzjonijiet bejn l-Istati Membri.

62      Tali prinċipju huwa fil-fatt ibbażat fuq il-premessa fundamentali li kull Stat Membru jaqsam mal-Istati Membri l-oħra kollha, u jirrikonoxxi li huma jaqsmu miegħu, sensiela ta’ valuri komuni li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, kif inhu ppreċiżat fl-Artikolu 2 TUE (ara, f’dan is-sens, l‑Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni mal-KEDB), tat-18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punt 168).

63      L-imsemmi prinċipju huwa, barra minn hekk, ta’ importanza fundamentali għall-Unjoni u għall-Istati Membri tagħha, sa fejn jippermetti l-ħolqien u ż-żamma ta’ żona Ewropea mingħajr fruntieri interni (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni mal‑KEDB), tat-18 ta’ Diċembru 2014 (EU:C:2014:2454, punt 191).

64      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-limitazzjoni għal każijiet eċċezzjonali tal-possibbiltà li jiġi vverifikat jekk Stat Membru ieħor ikunx effettivament irrispetta, f’każ konkret, id-drittijiet fundamentali stabbiliti mill-Karta hija marbuta man-natura intrinsika tal-Unjoni u tikkontribwixxi għall-bilanċ li fuqu hija bbażata (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni mal-KEDB), tat-18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punti 193 u 194).

65      Ċertament, ma huwiex eskluż li ftehim internazzjonali jista’ jistabbilixxi livell għoli ta’ fiduċja bejn l-Istati Membri u ċerti pajjiżi terzi.

66      Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk qieset li dan kien il-każ f’dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u r-Renju tan-Norveġja. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2023, Sofiyska gradska prokuratura (Mandati ta’ arrest suċċessivi), C‑71/21, EU:C:2023:668, punti 32 u 39).

67      Dan il-pajjiż terz madankollu jinsab f’sitwazzjoni partikolari, peress li għandu relazzjonijiet privileġġati mal-Unjoni, li jmorru lil hinn mill‑kuntest ta’ kooperazzjoni ekonomika u kummerċjali, peress li huwa parti mill-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, jipparteċipa fis‑sistema ta’ ażil Ewropew komuni, jimplimenta u japplika l-acquis ta’ Schengen u kkonkluda mal-Unjoni l-Ftehim dwar il-proċedura ta’ konsenja bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Islanda u n‑Norveġja, li daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Novembru 2019 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2021, JR (Mandat ta’ arrest – Kundanna fi Stat terz, membru taż-ŻEE), C‑488/19, EU:C:2021:206, punt 60).

68      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, minn naħa, li, fil‑preambolu ta’ dan l-aħħar ftehim, il-partijiet kontraenti esprimew il‑fiduċja reċiproka tagħhom fl-istruttura u fil-funzjonament tas-sistemi legali tagħhom kif ukoll fil-kapaċità tagħhom li jiggarantixxu smigħ xieraq u, min-naħa l-oħra, li d-dispożizzjonijiet tal-imsemmi ftehim tal‑aħħar huma simili ħafna għad-dispożizzjonijiet korrispondenti tad‑Deċiżjoni Qafas 2002/584 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Ruska Federacija (C‑897/19 PPU, EU:C:2020:262, punti 73 u 74).

69      Il-kunsiderazzjoni evokata fil-punt 66 ta’ din is-sentenza, li hija bbażata fuq ir-relazzjonijiet speċifiċi bejn l-Unjoni u ċerti Stati Membri taż‑ŻEE, ma tistax madankollu tiġi estiża għall-pajjiżi terzi kollha.

70      F’dak li jirrigwarda b’mod iktar speċifiku s-sistema stabbilita mill-FKK, għandu, qabel kollox, jiġi kkonstatat li dan il-ftehim ma jistabbilixxix, bejn l-Unjoni u r-Renju Unit, relazzjonijiet daqstant privileġġati bħal dawk deskritti fil-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 67 u 68 ta’ din is‑sentenza. B’mod partikolari, ir-Renju Unit ma jagħmilx parti miż‑żona Ewropea mingħajr fruntieri interni li l-kostruzzjoni tagħha huwa possibbli, b’mod partikolari, bil-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka.

71      Sussegwentement, għalkemm mill-kliem tal-Artikolu 524(1) tal-FKK, imsemmija fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li l-kooperazzjoni bejn ir-Renju Unit u l-Istati Membri hija bbażata fuq ir-rispett għal żmien twil tal-protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali tal‑persuni, din il-kooperazzjoni ma hijiex ippreżentata bħala li hija bbażata fuq il-preżervazzjoni tal-fiduċja reċiproka bejn l-Istati kkonċernati li kienet teżisti qabel il-ħruġ mill-Unjoni tar-Renju Unit fil‑31 ta’ Jannar 2020.

72      Fl-aħħar nett, jeżistu differenzi sostanzjali bejn id-dispożizzjonijiet tal‑FKK dwar il-mekkaniżmu ta’ konsenja stabbilit minn dan il-ftehim u d-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

73      F’dan ir-rigward, għandu, b’mod partikolari, jiġi enfasizzat li din id‑deċiżjoni qafas ma tinkludix eċċezzjonijiet dwar in-natura politika tar-reati jew dwar in-nazzjonalità tal-persuna rikjesta li jippermettu deroga mill-eżekuzzjoni tal-mandati ta’ arrest Ewropej f’sitwazzjonijiet paragunabbli ma’ dawk imsemmija fl-Artikolu 602(2) u fl‑Artikolu 603(2) tal-FKK. Issa, tali eċċezzjonijiet juru l-limiti tal‑fiduċja stabbilita bejn il-partijiet f’dan il-ftehim.

74      Bl-istess mod, l-imsemmija deċiżjoni qafas ma tinkludix dispożizzjoni bħall-Artikolu 604(c) tal-FKK, li jipprevedi li, jekk ikun hemm raġunijiet sostanzjali biex wieħed jemmen li jkun hemm riskju reali għall-protezzjoni ta’ wieħed jew iktar drittijiet fundamentali tal-persuna rikjesta, ikunu liema jkunu, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ titlob, qabel ma tagħti deċiżjoni dwar jekk ikunx hemm lok li teżegwixxi l-mandat ta’ arrest, jekk ikun hemm bżonn, garanziji supplimentari fir-rigward tat-trattament tal-persuna rikjesta wara l‑konsenja tagħha.

75      Dan l-Artikolu 604(c) jippermetti għalhekk li jintalbu garanziji supplimentari sabiex jitneħħew dubji, dwar ir-rispett tad-drittijiet fundamentali fl-Istat emittenti, li ma jkunux jistgħu jitwarrbu fuq il-bażi tal-fiduċja li teżisti bejn ir-Renju Unit u l-Istati Membri, mingħajr ma l‑implimentazzjoni ta’ dan il-mekkaniżmu tkun suġġetta għall‑konstatazzjoni minn qabel tal-eżistenza jew ta’ nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati, jew ta’ nuqqasijiet li jaffettwaw b’mod iktar speċifiku grupp oġġettivament identifikabbli ta’ persuni.

76      Ċertament, l-Artikolu 604(c) tal-FKK ma jipprevedix espliċitament li l‑awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ ma teżegwixxix il-mandat ta’ arrest fl-ipoteżi fejn hija ma tkunx irċeviet garanziji supplimentari jew fejn il-garanziji supplimentari rċevuti jkunu insuffiċjenti sabiex jiġu esklużi r-raġunijiet li jkunu wassluha inizjalment temmen li kien jeżisti riskju reali għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-persuna rikjesta.

77      Madankollu, interpretazzjoni oħra ta’ din id-dispożizzjoni ċċaħħad il‑mekkaniżmu previst minnha minn kull effett utli.

78      Minn dan jirriżulta li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni mitluba tagħti deċiżjoni dwar mandat ta’ arrest maħruġ abbażi tal-FKK ma għandhiex tordna l-konsenja tal-persuna rikjesta jekk hija tqis, wara l-eżami konkret u preċiż tas-sitwazzjoni ta’ din il-persuna, li jkun hemm raġunijiet sostanzjali biex wieħed jemmen li l-imsemmija persuna tkun ser taffaċċja riskju reali għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tagħha fil-każ ta’ konsenja lir-Renju Unit.

79      Għaldaqstant, meta l-persuna kkonċernata minn mandat ta’ arrest maħruġ abbażi tal-FKK tinvoka quddiem din l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni l-eżistenza ta’ riskju ta’ ksur tal-Artikolu 49(1) tal-Karta fil-każ ta’ konsenja lir-Renju Unit ta’ din il-persuna, l-imsemmija awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tistax, mingħajr ma tikser l‑obbligu ta’ rispett tad-drittijiet fundamentali stabbilit fl‑Artikolu 524(2) ta’ dan il-ftehim, tordna din il-konsenja mingħajr ma tkun iddeterminat konkretament, wara eżami xieraq, fis-sens tal-punt 51 ta’ din is-sentenza, jekk ikunx hemm raġunijiet sostanzjali biex wieħed jemmen li l-imsemmija persuna tkun ser tiġi esposta għal riskju reali ta’ tali ksur.

80      Għall-finijiet ta’ din id-determinazzjoni, għandu, fl-ewwel lok, jiġi enfasizzat li, għalkemm l-eżistenza ta’ dikjarazzjonijiet u l-aċċettazzjoni ta’ trattati internazzjonali li jiggarantixxu, bħala prinċipju, ir-rispett tad‑drittijiet fundamentali ma humiex biżżejjed, waħedhom, sabiex jiżguraw protezzjoni adegwata kontra r-riskju ta’ ksur tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin, C‑182/15, EU:C:2016:630, punt 57), l‑awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha, madankollu, tieħu inkunsiderazzjoni r-rispett għal żmien twil, mir-Renju Unit, tal‑protezzjoni tal-libertajiet u tad‑drittijiet fundamentali tal-persuni, b’mod partikolari kif stabbiliti fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal‑Bniedem u fil-KEDB, li huwa espliċitament imfakkar fl‑Artikolu 524(1) tal-FKK, kif ukoll id-dispożizzjonijiet previsti u implimentati fid-dritt tar-Renju Unit sabiex jiġi ggarantit ir-rispett tad‑drittijiet fundamentali stabbiliti fil-KEDB (ara, b’analoġija, is‑sentenza tad-19 ta’ Settembru 2018, RO (C‑327/18, EU:C:2016:733, punt 52).

81      Madankollu, il-fatt li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni diġà tkun eskludiet ir-riskju ta’ ksur tal-Artikolu 7 tal-KEDB, billi tkun ibbażat ruħha fuq il-garanziji offruti, b’mod ġenerali, mir-Renju Unit fir‑rigward tal‑osservanza tal-KEDB u fuq il-possibbiltà għall-persuna rikjesta li tippreżenta rikors quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal‑Bniedem, ma jistax ikun, waħdu, deċiżiv.

82      Fil-fatt, mill-punt 78 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Artikolu 524(2) u l-Artikolu 604(c) tal-FKK, moqrija flimkien mal-Artikolu 49(1) tal‑Karta, jimponu fuq l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni l-obbligu li teżamina l-elementi rilevanti kollha sabiex tiġi evalwata s-sitwazzjoni prevedibbli tal-persuna rikjesta fil-każ ta’ konsenja tagħha lir-Renju Unit, ħaġa li tippreżupponi, b’differenza mill-eżami f’żewġ stadji msemmi fil-punti 52 sa 54 ta’ din is-sentenza, li jittieħdu inkunsiderazzjoni simultanjament kemm ir-regoli u l-prattiki li jkunu fis-seħħ b’mod ġenerali f’dan il-pajjiż kif ukoll, fl-assenza ta’ applikazzjoni tal-prinċipji ta’ fiduċja reċiproka u ta’ rikonoxximent reċiproku, il-karatteristiċi speċifiċi tas-sitwazzjoni individwali ta’ din il‑persuna.

83      Għaldaqstant, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 78 u 79 tal‑konklużjonijiet tiegħu, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha twettaq evalwazzjoni awtonoma, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Karta, mingħajr ma sempliċement tieħu inkunsiderazzjoni l‑ġurisprudenza tas-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit), evokata fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, jew il‑garanziji ġenerali offruti mis-sistema ġudizzjarja ta’ dan l-Istat, imsemmija fil-punt 28 ta’ din is-sentenza.

84      F’dan il-kuntest, il-konstatazzjoni eventwali tal-eżistenza ta’ riskju reali, fil-każ ta’ konsenja tal-persuna kkonċernata lir-Renju Unit, ta’ ksur tal‑Artikolu 49(1) tal-Karta għandha tkun ibbażata fuq elementi fattwali suffiċjenti (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-22 ta’ Frar 2022, Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita bil-liġi fl-Istat Membru emittenti), C‑562/21 PPU u C‑563/21 PPU, EU:C:2022:100, punti 60 u 61).

85      Konsegwentement, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tkun tista’ tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest, abbażi tal-Artikolu 524(2) u tal‑Artikolu 604(c) tal-FKK, moqrija flimkien mal-Artikolu 49(1) tal‑Karta, biss jekk hija jkollha, fid-dawl tas-sitwazzjoni individwali tal‑persuna rikjesta, elementi oġġettivi, affidabbli, preċiżi u debitament aġġornati li jistabbilixxu raġunijiet sostanzjali biex wieħed jemmen li jkun jeżisti riskju reali ta’ ksur ta’ dan l-Artikolu 49(1) (ara s-sentenzi tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:630, punt 59, u tad‑19 ta’ Settembru, RO, C‑327/18 PPU, EU:C:2018:733, punt 61).

86      Fit-tieni lok, konformement mal-obbligu ta’ assistenza reċiproka in bona fide stabbilit fl-Artikolu 3(1) tal-FKK, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha, meta teżamina l-eżistenza eventwali ta’ riskju ta’ ksur tal-Artikolu 49(1) tal-Karta, tagħmel użu sħiħ mill-istrumenti previsti f’dan il-ftehim bil-għan li tiffavorixxi l-kooperazzjoni bejnha u l-awtorità ġudizzjarja emittenti.

87      F’dan ir-rigward, minn naħa, l-Artikolu 613(2) tal-FKK jipprevedi li, jekk l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tqis li l-informazzjoni kkomunikata mill-Istat emittenti tkun insuffiċjenti biex tagħti deċiżjoni dwar il-konsenja, hija għandha titlob it-trażmissjoni b’urġenza tal‑informazzjoni supplimentari neċessarja, b’mod partikolari fir‑rigward tal-Artikolu 604 tal-FKK.

88      Din l-awtorità ġudizzjarja hija għalhekk marbuta li titlob l-għoti b’urġenza ta’ kull informazzjoni supplimentari li hija tqis neċessarja sabiex tadotta deċiżjoni dwar il-konsenja ta’ persuna kkonċernata minn mandat ta’ arrest maħruġ abbażi tal-FKK.

89      Għalhekk, peress li konstatazzjoni ta’ riskju serju ta’ ksur tal‑Artikolu 49(1) tal-Karta hija bbażata neċessarjament fuq analiżi tad‑dritt tal-Istat emittenti, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tistax, ħlief bi ksur tal-obbligu ta’ assistenza reċiproka in bona fide, twettaq din il-konstatazzjoni mingħajr ma tkun talbet minn qabel lill‑awtorità ġudizzjarja emittenti informazzjoni dwar ir-regoli ta’ dan id‑dritt u l-mod kif dawn ikunu jistgħu jiġu applikati għas-sitwazzjoni individwali tal-persuna rikjesta.

90      Min-naħa l-oħra, konformement mal-Artikolu 604(c) tal-FKK, hija l‑awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li għandha titlob l-għoti ta’ garanziji supplimentari, meta hija tqis li jkun hemm raġunijiet sostanzjali biex wieħed jemmen li jkun jeżisti riskju reali ta’ ksur tal‑Artikolu 49(1) tal‑Karta.

91      Għaldaqstant, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest maħruġ abbażi tal-FKK, minħabba li jkun jeżisti tali riskju, biss fil-każ fejn ikunu ntalbu garanziji supplimentari mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni u fejn hija ma tkunx kisbet garanziji suffiċjenti sabiex jiġi eskluż ir-riskju ta’ ksur tal‑Artikolu 49(1) tal-Karta li hija tkun identifikat inizjalment.

92      Fit-tielet lok, fir-rigward b’mod iktar speċifiku tal-portata tal‑Artikolu 49(1) tal-Karta, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu 49 tal-Karta jinkludi, tal-inqas, l-istess garanziji bħal dawk previsti fl-Artikolu 7 tal-KEDB li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, bis-saħħa tal-Artikolu 52(3) tal-Karta, bħala limitu minimu ta’ protezzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 164; tal-5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. u M.B., C‑42/17, EU:C:2017:936, punt 54; tat-2 ta’ Frar 2021, Consob, C‑481/19, EU:C:2021:84, punt 37, kif ukoll tal-10 ta’ Novembru 2022, DELTA STROY 2003, C‑203/21, EU:C:2022:865, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

93      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, skont leġiżlazzjoni tar‑Renju Unit adottata wara t-twettiq preżunt tar-reati inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, l-awturi ta’ ċerti reati li jaqgħu taħt it-terroriżmu, bħal dawk li għalihom huwa ssuspettat MA, jistgħu jibbenefikaw minn libertà kundizzjonata biss sa fejn din tiġi approvata minn awtorità speċjalizzata u biss wara li jkunu skontaw żewġ terzi tal-piena tagħhom, filwaqt li s-sistema l-antika kienet tipprevedi libertà kundizzjonata awtomatika wara li l-persuna kkundannata tkun skontat nofs il-piena tagħha.

94      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jirriżulta li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 7 tal-KEDB, għandha ssir distinzjoni bejn miżura li tikkostitwixxi essenzjalment “piena” u miżura relatata mal-“eżekuzzjoni” jew mal-“applikazzjoni” tal-piena. B’hekk, meta n-natura u l-għan ta’ miżura jikkonċernaw it‑tnaqqis ta’ piena jew bidla fis-sistema ta’ libertà kundizzjonata, din il‑miżura ma tifformax parti integrali mill-“piena” fis-sens tal‑imsemmi Artikolu 7 (Qorti EDB, 21 ta’ Ottubru 2013, Del Río Prada vs Spanja, CE:ECHR:2013:1021JUD004275009, punt 83).

95      Peress li d-distinzjoni bejn miżura li tikkostitwixxi “piena” u miżura relatata mal-“eżekuzzjoni” ta’ piena ma hijiex dejjem ċara fil-prattika, jeħtieġ, sabiex tingħata deċiżjoni dwar il-kwistjoni ta’ jekk miżura meħuda matul l-eżekuzzjoni ta’ piena tirrigwardax biss il-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tagħha jew għall-kuntrarju taffettwax il-portata tagħha, li jiġi eżaminat każ b’każ dak li l-“piena” imposta realment timplika fid‑dritt intern fiż-żmien meħud inkunsiderazzjoni jew, fi kliem ieħor, liema kienet in-natura intrinsika tagħha (Qorti EDB, 21 ta’ Ottubru 2013, Del Río Prada vs Spanja, CE:ECHR:2013:1021JUD004275009, punti 85 u 90).

96      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem reċentement ikkonfermat li l-fatt li l-estensjoni tal-limitu ta’ ammissibbiltà għal-libertà kundizzjonata li seħħ wara kundanna seta’ jwassal għal twebbis tas-sitwazzjoni ta’ detenzjoni kien jikkonċerna l‑eżekuzzjoni tal-piena u mhux il-piena stess u li, għaldaqstant, minn tali ċirkustanza ma jistax jiġi dedott li l-piena imposta ser tkun ikbar minn dik imposta mill-qorti li tagħti deċiżjoni fuq il-mertu (Qorti EDB, 31 ta’ Awwissu 2021, Devriendt vs Il-Belġju, CE:ECHR:2021:0831DEC003556719, punt 29).

97      Għaldaqstant, miżura dwar l-eżekuzzjoni ta’ piena tkun inkompatibbli mal-Artikolu 49(1) tal-Karta biss jekk din tinvolvi bidla tal‑portata stess tal-piena mġarrba fil-jum tat-twettiq tar-reat inkwistjoni, li b’hekk timplika l-impożizzjoni ta’ piena ogħla minn dik li kienet inizjalment imposta. Għalkemm dan ma jkunx, fi kwalunkwe każ, il-każ meta din il-miżura sempliċement ittawwal il-limitu ta’ ammissibbiltà tal-libertà kundizzjonata, jista’ jkun differenti, b’mod partikolari, jekk l‑imsemmija miżura tħassar essenzjalment il-possibbiltà ta’ libertà kundizzjonata jew jekk din tidħol f’ġabra ta’ miżuri li jwasslu għall‑aggravazzjoni tan-natura intrinsika tal-piena inizjalment imġarrba.

98      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad‑domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 524(2) u l‑Artikolu 604(c) tal-FKK, moqrija flimkien mal-Artikolu 49(1) tal‑Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha, meta persuna li tkun is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest maħruġ abbażi ta’ dan il-ftehim tinvoka riskju ta’ ksur ta’ dan l‑Artikolu 49(1), fil-każ ta’ konsenja lir-Renju Unit, minħabba bidla, sfavorevoli għal din il-persuna, tal-kundizzjonijiet ta’ libertà kundizzjonata, li tkun seħħet wara t-twettiq preżunt tar-reat li fir‑rigward tiegħu l-imsemmija persuna tkun qiegħda tiġi ppersegwita, twettaq eżami awtonomu fir-rigward tal-eżistenza ta’ dan ir-riskju qabel ma tagħti deċiżjoni dwar l-eżekuzzjoni ta’ dan il-mandat ta’ arrest, f’sitwazzjoni fejn din l-awtorità ġudizzjarja tkun diġà eskludiet ir-riskju ta’ ksur tal-Artikolu 7 tal-KEDB billi tkun ibbażat ruħha fuq il-garanziji offruti, b’mod ġenerali, mir-Renju Unit f’dak li jirrigwarda l-osservanza tal-KEDB u fuq il-possibbiltà għall-istess persuna li tippreżenta rikors quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Fi tmiem dan l‑eżami, din l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tirrifjuta l‑eżekuzzjoni tal-imsemmi mandat ta’ arrest biss jekk, wara li tkun talbet, mingħand l-awtorità ġudizzjarja emittenti, informazzjoni u garanziji supplimentari, hija jkollha elementi oġġettivi, affidabbli, preċiżi u debitament aġġornati li jistabbilixxu li jkun jeżisti riskju reali ta’ bidla fil-portata nnifisha tal-piena mġarrba fil-jum tat-twettiq tar-reat inkwistjoni, li jimplika l-impożizzjoni ta’ piena ikbar minn dik li kienet inizjalment imġarrba.

 Fuq l-ispejjeż

99      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 524(2) u l-Artikolu 604(c) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, moqrija flimkien mal-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha, meta persuna li tkun is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest maħruġ abbażi ta’ dan il-ftehim tinvoka riskju ta’ ksur ta’ dan lArtikolu 49(1), fil-każ ta’ konsenja lir-Renju Unit, minħabba bidla, sfavorevoli għal din il-persuna, talkundizzjonijiet ta’ libertà kundizzjonata, li tkun seħħet wara ttwettiq preżunt tar-reat li firrigward tiegħu l-imsemmija persuna tkun qiegħda tiġi ppersegwita, twettaq eżami awtonomu fir-rigward tal-eżistenza ta’ dan ir-riskju qabel ma tagħti deċiżjoni dwar leżekuzzjoni ta’ dan il-mandat ta’ arrest, f’sitwazzjoni fejn din lawtorità ġudizzjarja tkun diġà eskludiet ir-riskju ta’ ksur talArtikolu 7 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tadDrittijiet talBniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmat f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, billi tkun ibbażat ruħha fuq ilgaranziji offruti, b’mod ġenerali, mir-Renju Unit f’dak li jirrigwarda l-osservanza ta’ din il-konvenzjoni u fuq il-possibbiltà għall-istess persuna li tippreżenta rikors quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Fi tmiem dan leżami, din l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tirrifjuta leżekuzzjoni talimsemmi mandat ta’ arrest biss jekk, wara li tkun talbet, mingħand l-awtorità ġudizzjarja emittenti, informazzjoni u garanziji supplimentari, hija jkollha elementi oġġettivi, affidabbli, preċiżi u debitament aġġornati li jistabbilixxu li jkun jeżisti riskju reali ta’ bidla fil-portata nnifisha tal-piena mġarrba fil-jum tattwettiq tar-reat inkwistjoni, li jimplika l-impożizzjoni ta’ piena ikbar minn dik li kienet inizjalment imġarrba.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


i      L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.

Top