Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62024CC0202

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Szpunar, ippreżentati fis-27 ta’ Ġunju 2024.
MA.
Talba għal deċiżjoni preliminari,imressqa mis-Supreme Court.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l‑Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra – Konsenja ta’ persuna lir-Renju Unit għall-finijiet ta’ proċedura kriminali – Kompetenza tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni – Riskju ta’ ksur ta’ dritt fundamentali – Artikolu 49(1) u Artikolu 52(3) tal‑Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege – Modifika, li hija sfavorevoli għal dik il-persuna, tar-reġim ta’ libertà kundizzjonata.
Kawża C-202/24.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:559

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fis‑27 ta’ Ġunju 2024 (1)

Kawża C202/24 [Alchaster] (i)

Ministru għall-Ġustizzja u għall-Ugwaljanza

vs

MA

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supreme Court (il‑Qorti Suprema, l‑Irlanda))

(Talba għal deċiżjoni preliminari – Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni Unjoni Ewropea – Renju Unit – Konsenja ta’ persuni – Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Prinċipju ta’ legalità ta’ reati u ta’ pieni – Emenda tas-sistema tar-rilaxx kundizzjonali)






I.      Introduzzjoni

1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Supreme Court (il-Qorti Suprema, l-Irlanda), tirrigwarda l-interpretazzjoni, l-ewwel, tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (iktar ’il quddiem il-“FKK”) (2), u, it-tieni, tal-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2.        Din it-talba tressqet fil-kuntest tal-eżekuzzjoni fl-Irlanda ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ mill-awtoritajiet ġudizzjarji tar-Renju Unit għal MA għall-finijiet tal-eżerċizzju ta prosekuzzjoni kriminali. Il-qorti tar-rinviju tixtieq tiddetermina l-obbligi li awtorità ġudizzjarja għandha għall-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest meta l-persuna rikjesta ssostni li d-drittijiet fundamentali tagħha ser jiġu miksura mill-awtoritajiet tal-Istat emittenti.

3.        F’dawn il-konklużjonijiet, ser insostni li, għalkemm id-dispożizzjonijiet tal-FKK dwar il-proċeduri ta’ konsenja jistabbilixxu fl-ordinamenti ġuridiċi rispettivi tagħhom livell għoli ta’ fiduċja bejn l-Unjoni u r-Renju Unit, u għalkemm, f’ċerti ċirkustanzi, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest, ma teżisti l-ebda raġuni sabiex il-mandat ta’ arrest ma jiġix eżegwit f’dan il-każ.

II.    Ilkuntest ġuridiku

4.        Il-FKK huwa ftehim ta’ assoċjazzjoni bbażat fuq l-Artikolu 217 TFUE (3) u fuq l-Artikolu 101 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (4). Wara l-ewwel applikazzjoni provviżorja mill‑1 ta’ Jannar 2021 (5), dan daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Mejju 2021, wara r-ratifika tiegħu mill-Unjoni Ewropea u mir-Renju Unit (6). Il-ftehim huwa kompost minn seba’ partijiet (7).

5.        L-Artikolu 5 tal-FKK, intitolat “Drittijiet privati”, li jinsab fit-Titolu II (8) tal-Ewwel Parti (9) tal-FKK, huwa fformulat kif ġej:

“(1)      Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu SSC.67 tal-Protokoll dwar il-Koordinazzjoni tas-Sigurtà Soċjali u bl-eċċezzjoni, fir-rigward tal-Unjoni, tat-Tielet Parti ta’ dan il-Ftehim, xejn f’dan il-Ftehim jew f’xi ftehim supplimentari ma għandu jiġi interpretat li jagħti drittijiet jew jimponi obbligi fuq persuni għajr dawk maħluqa bejn il-Partijiet skont il-liġi internazzjonali pubblika, jew li jippermetti li dan il-Ftehim jew xi ftehim supplimentari jiġu invokati direttament fis-sistemi ġuridiċi domestiċi tal-Partijiet.

(2)      Parti ma għandhiex tipprevedi dritt ta’ azzjoni skont il-liġi tagħha kontra l-Parti l-oħra għax il-Parti l-oħra tkun aġixxiet bi ksur ta’ dan il-Ftehim jew ta’ xi ftehim supplimentari.”

6.        It-Tielet Parti tikkonċerna l-infurzar tal-liġi u kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali.

7.        L-Artikolu 524 tal-FKK, li jinsab fit-Titolu I tat-Tielet Parti (10), intitolat “Il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali”, huwa fformulat kif ġej:

“(1)      Il-kooperazzjoni prevista f’din il-Parti hija bbażata fuq ir-rispett fit-tul tal-Partijiet u tal-Istati Membri għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwi, inkluż kif stabbilit fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, u fuq l-importanza li d-drittijiet u l-libertajiet f’dik il-Konvenzjoni jingħataw effett domestikament.

(2)      Xejn f’din il-Parti ma jimmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u tal-prinċipji legali kif riflessi, b’mod partikolari, fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u, fil-każ tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.”

8.        It-Titolu VII tat-Tielet Parti (Artikoli 596 sa 632), intitolat “Ċessjoni”, jistabbilixxi reġim ta’ konsenja bejn l-Istati Membri u r-Renju Unit. Dawn id-dispożizzjonijiet huma ssupplimentati mill-Anness 43, li jistabbilixxi l-informazzjoni li għandha tiġi inkluża f’mandat ta’ arrest (11).

9.        L-Artikolu 599(3) tat-TCA (12) jipprovdi:

“Soġġett għall-Artikolu 600, il-punti (b) sa (h) tal-Artikolu 601(1), u l-Artikoli 602, 603 u 604, Stat ma għandux jirrifjuta li jeżegwixxi mandat ta’ arrest maħruġ fir-rigward tal-imġiba li ġejja fejn tali mġiba hija punibbli b’ċaħda tal-libertà jew ordni ta’ detenzjoni ta’ perjodu massimu ta’ mill-inqas 12‑il xahar:

(a)      l-imġiba ta’ kwalunkwe persuna li tikkontribwixxi għat-twettiq minn grupp ta’ persuni li jaġixxu bi skop komuni ta’ reat wieħed jew aktar fil-qasam tat-terroriżmu msemmi fl-Artikoli 1 u 2 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar is-Soppressjoni tat-Terroriżmu, magħmula fi Strasburgu fis‑27 ta’ Jannar 1977, jew fir-rigward ta’ traffikar illeċitu ta' drogi narkotiċi u ta’ sustanzi psikotropiċi, jew ta’ omiċidju volontarju, ta’ ħtif ta’ persuna, ta’ żamma illegali, ta’ teħid ta’ ostaġġi jew ta’ stupru, anki meta dik il-persuna ma tiħux sehem fl-eżekuzzjoni proprja tar-reat jew tar-reati konċernati; tali kontribuzzjoni għandha tkun intenzjonata u ssir bl-għarfien li l-parteċipazzjoni ser tikkontribwixxi għall-kisba tal-attivitajiet kriminali tal-grupp; jew

(b)      terroriżmu kif definit fl-Anness 45.”

10.      L-Artikolu 604(c) tal-FKK (13) jipprevedi li “jekk ikun hemm raġunijiet sostanzjali biex wieħed jemmen li hemm riskju reali għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-persuna rikjesta, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ titlob, kif xieraq, garanziji addizzjonali fir-rigward tat-trattament tal-persuna rikjesta wara l-konsenja tal-persuna qabel ma tiddeċiedi jekk teżegwixxix il-mandat ta’ arrest.”

III. Ilkawża prinċipali u ddomanda preliminari

11.      Erba’ mandati ta’ arrest għal MA inħarġu mid-District Judge of the Magistrates’ Courts of Northern Ireland (United Kingdom) (l-Imħallef Distrettwali tal-Qorti tal-Maġistrati tal-Irlanda ta’ Fuq, ir-Renju Unit) fis‑26 ta’ Novembru 2021 għal erba’ reati terroristiċi (14), allegatament imwettqa bejn it‑18 u l‑20 ta’ Lulju 2020.

12.      Permezz ta’ sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2022 u d-digrieti tal‑24 ta’ Ottubru u tas‑7 ta’ Novembru 2022, il-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda) ordnat il-konsenja ta’ MA fir-Renju Unit, filwaqt li rrifjutatlu l-awtorizzazzjoni li jappella quddiem il-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell, l-Irlanda).

13.      Permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Jannar 2023, is-Supreme Court (il-Qorti Suprema) awtorizzat lil MA jappella minn din is-sentenza u minn dawn id-digrieti tal-High Court (il-Qorti Għolja).

14.      MA jsostni li l-konsenja tiegħu hija inkompatibbli mal-prinċipju ta’ legalità ta’ reati u ta’ pieni.

15.      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-FKK jipprevedi li l-mekkaniżmi ta’ konsenja japplikaw bejn ir-Renju Unit u l-Istati Membri. Hija tikkunsidra li, skont il-leġiżlazzjoni Irlandiża applikabbli u d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/JHA (15), ir-Renju Unit għandu jiġi ttrattat daqslikieku kien Stat Membru.

16.      Il-qorti tar-rinviju tindika li, kieku MA kellu jiġi kkonsenjat fir-Renju Unit u kkundannat għal piena ta’ priġunerija, id-dritt tiegħu għal-libertà kkundizzjonata jkun irregolat mil-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit adottata wara l-allegat twettiq tar-reati li fir-rigward tagħhom huwa s-suġġett ta’ proċeduri kriminali.

17.      Fil-fatt, is-sistema li tippermetti l-libertà kkundizzjonata fl-Irlanda ta’ Fuq ġiet emendata b’effett mit‑30 ta’ April 2021. Qabel din il-bidla, persuna kkundannata għal ċerti reati marbuta mat-terroriżmu kienet eliġibbli għal rilaxx kundizzjonali awtomatiku wara li tkun skontat nofs il-piena tagħha. Skont is-sistema applikabbli minn din id-data, il-libertà kkundizzjonata ta’ tali persuna għandha tiġi approvata minn awtorità speċjalizzata u tista’ sseħħ biss wara li l-persuna kkonċernata tkun skontat żewġ terzi tal-piena tagħha.

18.      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tindika li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”) ċaħdet l-argument li emendi retroattivi għall-iskemi ta’ maħfra jew ta’ ħelsien bikri jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“KEDB”). Madankollu, il-Qorti EDB qieset, fis-sentenza Del Río Prada vs Spanja (16), li miżuri meħuda waqt l-eżekuzzjoni ta’ piena jistgħu jaffettwaw il-portata tagħha. Għalhekk huwa essenzjali, skont il-qorti tar-rinviju, li jiġu ddeterminati l-effetti preċiżi ta’ din is-sentenza sabiex tingħata deċiżjoni fuq il-kawża prinċipali.

19.      Il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit inkwistjoni mal-KEDB ġiet eżaminata mill-qrati tar-Renju Unit. Għalhekk, fis-sentenza tagħha tad‑19 ta’ April 2023, is-Supreme Court (United Kingdom) (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) iddeċidiet li l-applikazzjoni tal-iskema għal reati mwettqa qabel id-dħul fis-seħħ tagħha ma kinitx inkompatibbli mal-Artikolu 7 KEDB, sa fejn din l-iskema kienet tbiddel biss il-metodu ta’ eżekuzzjoni tas-sentenzi ta’ kustodja tal-persuni kkonċernati, mingħajr ma żiedet it-tul tagħhom.

20.      F’dan il-kuntest, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-garanziji offruti mis-sistema ġudizzjarja tar-Renju Unit f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-KEDB, fid-dawl tal-assenza ta’ prova ta’ nuqqas sistemiku li jissuġġerixxi ksur probabbli u flagranti tad-drittijiet iggarantiti mill-KEDB fil-każ ta’ konsenja, u fid-dawl tal-possibbiltà miftuħa għal MA li jadixxi lill-Qorti EDB, il-qorti tar-rinviju ċaħdet l-argument ta’ MA li kien jeżisti riskju ta’ ksur ta’ dawk id-drittijiet.

21.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk huwiex possibbli li tinsilet konklużjoni simili fir-rigward ta’ riskju ta’ ksur tal-Artikolu 49(1) tal-Karta.

22.      Il-qorti tenfasizza f’dan ir-rigward li, sa fejn l-Artikolu 49(1) tal-Karta jikkorrispondi għall-Artikolu 7 KEDB, dawk iż-żewġ dispożizzjonijiet għandhom, bħala prinċipju, jingħataw l-istess portata, skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta. Għaldaqstant, jista’ jkun possibbli li wieħed jibbaża ruħu fuq ir-raġunament adottat fir-rigward tal-Artikolu 7 KEDB mingħajr verifika ulterjuri. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ddeċidietx dwar l-implikazzjonijiet tal-Artikolu 49 tal-Karta fir-rigward ta’ emenda tad-dispożizzjonijiet dwar il-libertà kkundizzjonata.

23.      Barra minn hekk, peress li l-Istat ta’ eżekuzzjoni huwa obbligat jikkonsenja l-persuna rikjesta, il-qorti tar-rinviju tqis neċessarju li tevalwa jekk dan l-Istat għandux ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedi dwar argument ibbażat fuq l-inkompatibbiltà tal-Artikolu 49(1) tal-Karta ma’ dispożizzjonijiet dwar is-sanzjonijiet li x’aktarx jiġu applikati fl-Istat emittenti, meta dak l-Istat ma huwiex obbligat jikkonforma mal-Karta u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet rekwiżiti għolja fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ riskju ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali fl-Istat Membru emittenti.

24.      Il-qorti tar-rinviju tqis għalhekk li għandha tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar liema kriterji l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tapplika sabiex tevalwa l-osservanza fl-Istat ta’ eżekuzzjoni tal-prinċipju ta’ legalità ta’ pieni u jekk hemmx riskju ta’ ksur ta’ dak il-prinċipju f’ċirkustanzi fejn il-konsenja la hija eskluża mill-kostituzzjoni nazzjonali u lanqas mill-KEDB.

25.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, permezz ta’ digriet tas‑7 ta’ Marzu 2024, irċevut mill-Qorti tal-Ġustizzja fl‑14 ta’ Marzu 2024, is-Supreme Court (il-Qorti Suprema, l-Irlanda) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Fejn, skont il-[FKK] (li jinkorpora d-dispożizzjonijiet tad-[Deċiżjoni Qafas 2002/584]), tintalab konsenja għall-finijiet ta’ azzjonijiet kriminali għal reati terroristiċi u l-persuna kkonċernata tipprova tirreżisti tali konsenja billi tallega li din tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 7 tal-[KEDB] u tal-Artikolu 49(2) tal-[Karta] minħabba li ġiet introdotta, wara d-data tar-reat allegat li fir-rigward tiegħu l-konsenja tiegħu tkun mitluba, miżura leġiżlattiva li tibdel il-parti tal-piena li neċessarjament tkun ta’ priġunerija u l-modalitajiet għal ħelsien kundizzjonali, u fejn japplikaw il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

[i]      L-Istat rikjedenti (f’dan il-każ ir-Renju Unit) ikun parti għall-KEDB u jagħti effett lill-KEDB fid-dritt intern tiegħu bis-saħħa tal-Human Rights Act (l-Att dwar id-Drittijiet tal-Bniedem) tal-1998;

[ii]      L-applikazzjoni tal-miżuri inkwistjoni għall-priġunieri li diġà qegħdin jiskontaw piena li ngħatat minn qorti ġiet meqjusa kompatibbli mal-KEDB mill-qrati tar-Renju Unit (inkluża s-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit));

[iii]      Kull persuna, inkluż il-persuna kkonċernata fil-każ ta’ konsenja, għandha l-possibbiltà li tressaq ilment quddiem il-[Qorti EDB]”;

[iv]      Ma jkun hemm l-ebda bażi sabiex jiġi kkunsidrat li deċiżjoni tal-Qorti EDB ma tiġix implimentata mill-Istat rikjedenti;

[v]      Konsegwentement, is-Supreme Court (il-Qorti Suprema, l-Irlanda) tqis li ma jkunx ġie stabbilit li l-konsenja tinvolvi riskju reali ta’ ksur tal-Artikolu 7 tal-KEDB jew tal-Kostituzzjoni;

[vi]      Ma jkunx allegat li l-konsenja hija prekluża mill-Artikolu 19 tal-Karta;

[vii]      L-Artikolu 49 tal-Karta ma jkunx japplika għall-proċedura ta’ sentenza jew ta’ kundanna;

[viii]      Ma jkunx ġie sostnut li teżisti xi raġuni sabiex wieħed jemmen li hemm xi differenza sinjifikattiva fl-applikazzjoni tal-Artikolu 7 tal-[KEDB] u tal-Artikolu 49 tal-Karta;

B’teħid inkunsiderazzjoni tal-Artikolu 52(3) tal-Karta u tal-obbligu ta’ lealtà bejn l-Istati Membri u bejn dawk obbligati li jwettqu konsenja abbażi tad-dispożizzjonijiet [tal-mandat ta’ arrest Ewropew] u tal-[FKK], huwa permess li qorti li kontra d-deċiżjoni tagħha ma hemm l-ebda dritt ta’ appell, fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, tikkonkludi li l-persuna rikjesta ma stabbilixxietx l-eżistenza ta’ riskju reali li l-konsenja tagħha tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 49(2) tal-Karta, jew tali qorti hija obbligata twettaq xi investigazzjoni ulterjuri, u jekk iva, x’inhuma n-natura u l-portata ta’ din l-investigazzjoni?”

IV.    Ilproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

26.      Permezz ta’ dokument separat tal‑25 ta’ Marzu 2024, is-Supreme Court (il-Qorti Suprema) talbet li din il-kawża tkun suġġetta għall-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

27.      L-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi li, fuq talba tal-qorti tar-rinviju jew, f’każijiet eċċezzjonali, ex officio, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’, wara li jinstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, jiddeċiedi li rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għal proċedura mħaffa meta n-natura tal-kawża teżiġi li din tiġi ttrattata f’qasir żmien (17).

28.      Fit‑22 ta’ April 2024, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda, wara li nstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, li jilqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju sabiex din it-talba għal deċiżjoni preliminari tiġi suġġetta għal proċedura mħaffa, skont l-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura. Il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja bbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq il-fatt li d-domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju tqajmet f’kawża li tikkonċerna persuna f’kustodja, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE. Barra minn hekk, ir-risposta għal din id-domanda jista’ jkollha, fid-dawl tan-natura tad-domanda u taċ-ċirkustanzi li fihom tqajmet, effett fuq iż-żamma f’detenzjoni tal-persuna kkonċernata (18).

29.      Il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxa t-terminu għall-preżentazzjoni tal-osservazzjonijiet bil-miktub għas‑7 ta’ Mejju 2024. Skont l-Artikolu 105(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-data tas-seduta ġiet iffissata għall‑4 ta’ Ġunju 2024.

30.      Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati mill-partijiet fil-kawża prinċipali, mill-Gvern Ungeriż, mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Gvern tar-Renju Unit (19). Il-partijiet kollha, bl-eċċezzjoni tal-Gvern Ungeriż, ipparteċipaw fis-seduta li nżammet fl‑4 ta’ Ġunju 2024.

V.      Evalwazzjoni

31.      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Stat Membru jistgħux jirrifjutaw li jeżegwixxu mandat ta’ arrest maħruġ għall-finijiet ta’ prosekuzzjoni minn awtorità ġudizzjarja tar-Renju Unit taħt il-FKK minħabba li jista’ jkun hemm riskju ta’ ksur tal-Artikolu 49(1) tal-Karta għaliex il-persuna rikjesta tkun, jekk tiġi kkundannata, suġġetta għal sistema ta’ rilaxx ikkundizzjonat iktar iebsa minn dik fis-seħħ fil-mument meta twettaq il-ksur allegat. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar in-natura u l-portata tal-istħarriġ li għandu jitwettaq qabel ma tiddeċiedi, għal din ir-raġuni, għal rifjut ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest inkwistjoni.

A.      Osservazzjonijiet preliminari

1.      IlFKK u lKarta bħala lliġi applikabbli

32.      Sabiex nirrispondi għad-domanda, ser niddetermina l-ewwel nett liema huma r-regoli ġuridiċi li jirregolaw din il-kawża u, b’mod kruċjali, liema huma l-kriterji interpretattivi u ġurisprudenzjali li għandhom jiġu applikati, qabel ma nindirizza l-kwistjoni sostantiva dwar liema huma r-rekwiżiti ta’ dawn ir-regoli min-naħa tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni (20).

33.      Peress li l-erba’ mandati ta’ arrest (21) inħarġu wara d-dħul fis-seħħ tal-FKK, id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim jirregolaw din il-kawża. F’dan ir-rigward, nirrileva li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-qorti tar-rinviju, ma hijiex id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 li għandha tiġi applikata. Fil-fatt, din id-deċiżjoni qafas (i) kienet applikabbli qabel il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea (22) (ii) kompliet tapplika matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni ta’ wara (23) u (iii) ma baqgħetx tapplika għar-Renju Unit sussegwentement.

34.      Barra minn hekk, il-Karta hija applikabbli. Din il-kawża taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, peress li din il-kawża tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-FKK. Sa fejn id-domanda magħmula mill-qorti nazzjonali tirrigwarda l-obbligi ta’ awtorità ġudizzjarja (ta’ eżekuzzjoni) ta’ Stat Membru tal-Unjoni, din l-awtorità għandha, meta taġixxi fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, tosserva r-rekwiżiti tal-Karta.

2.      Bilanċ bejn ilfiduċja reċiproka u lprotezzjoni taddrittijiet fundamentali

a)      Kunsiderazzjonijiet ġenerali

35.      Kull sistema li tittratta l-konsenja transkonfinali u l-eżekuzzjoni ta’ mandati ta’ arrest tmur kontra interessi li jidhru kontradittorji li għandhom, sabiex is-sistema tiffunzjona, jiġu rrikonċiljati. Minn naħa, l-effettività bħala tali tas-sistema għandha tiġi kkunsidrata. Sabiex proċedura ta’ konsenja tkun tista’ taħdem, il-mandati ta’ arrest għandhom jiġu eżegwiti. Dan jirrikjedi u jippreżupponi livell għoli ta’ lealtà reċiproka li huwa rifless legalment f’dak li jissejjaħ il-prinċipju ta’ “rikonoxximent reċiproku”. Dan il-prinċipju jimplika li teżisti ekwivalenza funzjonali wiesgħa bejn l-Istati parteċipanti f’dak li jirrigwarda s-sistemi legali rispettivi tagħhom b’mod ġenerali u s-salvagwardja tad-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati b’mod partikolari. Min-naħa l-oħra, dawn id-drittijiet fundamentali stess għandhom jiġu rrispettati. Dan l-obbligu japplika kemm għall-awtorità ġudizzjarja emittenti kif ukoll għal dik ta’ eżekuzzjoni.

36.      Ġeneralment, id-drittijiet fundamentali tal-persuna rikjesta huma prinċipalment fil-perikolu u l-Istati huma obbligati jipproteġu dawn id-drittijiet. Madankollu, il-kwistjoni tista’ tkun iktar kumplessa. Jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet li fihom l-Istati (kemm dawk emittenti kif ukoll dawk ta’ eżekuzzjoni) għandhom jiggarantixxu diversi drittijiet fundamentali li ma humiex neċessarjament, iżda jistgħu jkunu, f’kunflitt, u b’hekk ikun meħtieġ li dawn id-drittijiet fundamentali jiġu bbilanċjati b’mod delikat. Pereżempju, awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha l-obbligu ċar li tara li d-drittijiet fundamentali tal-persuna rikjesta jiġu rrispettati fl-Istat emittenti. Fl-istess ħin, jekk ikun il-każ, din l-istess awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tkun obbligata tiżgura dak li tissejjaħ il-parti proċedurali tad-dritt għall-ħajja, stabbilit fl-Artikolu 2 tal-Karta (24), li jfisser li għandha tikkontribwixxi għat-tmexxija ta’ investigazzjoni effettiva meta d-dritt għall-ħajja ta’ persuna jkun inkiser jew ikun mhedded li jinkiser – li jiġġustifika intrinsikament konsenja rapida lill-Istat emittenti (25).

37.      Sistema li timponi l-eżekuzzjoni ta’ mandati ta’ arrest, meta dan iwassal għal ksur tad-drittijiet fundamentali, la hija konċepibbli u lanqas, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, kompatibbli mal-Karta.

38.      Il-fiduċja reċiproka la hija kunċett assolut u lanqas binarju. Pjuttost jikkostitwixxi, kif qalet il-Kummissjoni waqt is-seduta, skala digressiva. Jeżistu forom u permutazzjonijiet differenti ta’ fiduċja reċiproka. Fi kliem ieħor, iktar ma l-fiduċja reċiproka bejn il-partijiet tkun kbira, inqas ikun għoli l-livell ta’ skrutinju ta’ awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi mandat ta’ arrest fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk, f’każijiet individwali, il-persuna li għandha tiġi kkonsenjata hijiex ikkonfrontata bi kwistjonijiet dwar id-drittijiet fundamentali tagħhom. Madankollu, anki f’dan il-każ, fiduċja reċiproka ma tfissirx fiduċja “għamja” (26). Dan iwassalna għad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

b)      Taħt idDeċiżjoni Qafas 2002/584

39.      Dwar dawn is-sitwazzjonijiet ta’ ġewwa l-Unjoni, jiġifieri, f’sitwazzjonijiet bejn Stati Membri, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni li dawn is-sitwazzjonijiet huma rregolati, kif qalet il-Qorti tal-Ġustizzja fl-Opinjoni 2/13 (27) minn “karatteristiċi essenzjali tad-dritt tal-Unjoni [li] taw lok għal nisġa strutturata ta’ prinċipji, ta’ regoli u ta’ relazzjonijiet legali reċiprokament interdipendenti li jorbtu, b’mod reċiproku, lill-Unjoni stess u lill-Istati Membri tagħha, kif ukoll lill-Istati Membri bejniethom, li issa huma impenjati, kif ifakkar it-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 TUE, fil-‘ħolqien ta’ għaqda dejjem iżjed ravviċinata fost il-popli ta’ l-Ewropa’” (28). Din l-istruttura legali hija bbażata fuq il-premessa fundamentali li, skont l-Artikolu 2 TUE, kull Stat Membru jikkondividi, u jirrikonoxxi li huwa jikkondividi, flimkien mal-Istati Membri l-oħra kollha, sensiela ta’ valuri komuni li fuqhom hija bbażata l-Unjoni (29). Hija din il-premessa li timplika u tiġġustifika l-eżistenza ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri fir-rikonoxximent ta’ dawn il-valuri u, għalhekk, fir-rispett tad‑dritt tal-Unjoni li jimplimentahom (30).

40.      Konsegwentement, l-ogħla livell ta’ fiduċja reċiproka fir-rigward tas-sitwazzjonijiet ta’ konsenja jinsab fid-Deċiżjoni Qafas 2002/584, dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew. Hawnhekk, kif spiss imfakkar mill-Qorti tal-Ġustizzja (31), il-premessa 6 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/58; tipprovdi li l-mandat ta’ arrest Ewropew jikkostitwixxi l-ewwel miżura konkreta fil-qasam tal-liġi kriminali li timplimenta l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku li l-Kunsill Ewropew (32) irrefera għalih bħala l-“bażi” tal-kooperazzjoni ġudizzjarja.

41.      Dan jimplika li l-livell minimu għal awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li ma teżegwixxix mandat ta’ arrest għal raġunijiet ta’ drittijiet fundamentali huwa għoli ħafna. Għal dan il-għan, hija ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni jistgħu jirrifjutaw li jeżegwixxu mandat ta’ arrest Ewropew biss għar-raġunijiet li jirriżultaw mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja, u li, jekk l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew tikkostitwixxi l-prinċipju, ir-rifjut ta’ eżekuzzjoni huwa maħsub bħala eċċezzjoni li għandha tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta (33).

42.      Madankollu, peress li jirriżulta mill-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li jipprovdi li din id-deċiżjoni qafas ma jistax ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali ggarantit mill-Karta, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-riskju ta’ ksur ta’ dawn id-drittijiet jista’ jippermetti lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tastjeni, b’mod eċċezzjonali u wara eżami xieraq, milli teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew. Sa issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan kien applikabbli għad-dritt li persuna ma tkunx suġġetta għal pieni jew trattamenti inumani jew degradanti, stabbilit fl-Artikolu 4 tal-Karta (34), għad-dritt għal rimedju effettiv previst fl-Artikolu 47 tal-Karta (35), kif ukoll għad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja u l-protezzjoni tal-aħjar interessi tal-wild, iggarantiti rispettivament mill-Artikoli 7 u 24 tal-Karta (36).

43.      Fir-rigward tal-metodoloġija li għandha tiġi applikata mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta’ tali riskju, il-Qorti tal-Ġustizzja normalment teżiġi li din l-awtorità twettaq eżami f’żewġ stadji. Din hija analiżi bbażata fuq kriterji differenti, li jfisser li dawn l-istadji ma jistgħux jikkoinċidu u għandhom jitwettqu suċċessivament (37). Għal dan il-għan, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha, fl-ewwel lok, tivverifika jekk teżistix informazzjoni oġġettiva, affidabbli, speċifika u aġġornata kif xieraq li tippermetti li tintwera l-eżistenza ta’ riskju reali ta’ ksur, fl-Istat Membru emittenti, tad-drittijiet fundamentali. Din l-informazzjoni tista’ tirriżulta minn, inter alia sentenzi ta’ qrati internazzjonali, minn deċiżjonijiet, rapporti u dokumenti oħra mfassla mill-korpi tal-Kunsill tal-Ewropa jew tan-Nazzjonijiet Uniti, jew minn informazzjoni miġbura minn databases rilevanti tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) (38). Sabiex tieħu l-eżempju ta’ allegat ksur tal-Artikoli 7 u 24 tal-Karta, fil-kuntest tat-tieni stadju, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tiddetermina, b’mod konkret u preċiż, sa fejn in-nuqqasijiet irrilevati fl-ewwel stadju tal-eżami jista’ jkollhom effett fuq il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni tal-persuna li tkun is-suġġett tal-mandat ta’ arrest Ewropew jew tal-kura tal-ulied tagħha, u jekk, fid-dawl tas-sitwazzjoni personali tagħhom, jeżistux raġunijiet serji u kkonfermati li jwasslu lil wieħed jemmen li din il-persuna jew uliedha jistgħu jkunu suġġetti għal riskju reali ta’ ksur ta’ dawn id-drittijiet fundamentali (39).

44.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, fir-rigward tal-Artikolu 47 tal-Karta (40) u tal-Artikoli 7 u 24 tagħha, li għandu jsir eżami f’żewġ stadji, anki jekk il-persuna inkwistjoni ma tinvokax nuqqasijiet sistemiċi jew iġġeneralizzati (41). Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni setgħet tkun obbligata, abbażi tal-Artikolu 4 tal-Karta, li tirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għal persuna marida b’mod gravi meta hija ma kinitx f’pożizzjoni li teskludi riskju ta’ ksur ta’ dan l-artikolu, mingħajr ma jkollha tissodisfa l-ewwel stadju tal-eżami f’żewġ stadji (42).

c)      Barra midDeċiżjoni Qafas 2002/584

45.      Fir-rigward tar-relazzjoni bejn l-Istati Membri tal-Unjoni u pajjiżi li ma humiex membri, il-punt tat-tluq huwa li, assjomatikament, ir-relazzjoni ma hijiex u ma tistax tiġi ankrata fl-istess livell ta’ fiduċja reċiproka. Dan għaliex ir-relazzjoni ġuridika ġenerali bejn il-partijiet hija, mid-definizzjoni tagħha stess, inqas stretta.

1)      Stati Membri – lIslanda u nNorveġja

46.      L-Islanda u n-Norveġja, tnejn mit-tliet Stati membri taż-Żona Ekonomika Ewropea, ikkonkludew ftehim li jirregola proċedura ta’ konsenja mal-Unjoni (43). Fil-preambolu ta’ dan il-ftehim u kif enfasizzat mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-partijiet kontraenti esprimew il-“fiduċja reċiproka” fl-istruttura u fil-funzjonament tas-sistemi legali tagħhom u fil-kapaċità li jiggarantixxu smigħ xieraq (44).

47.      Sabiex jitneħħa kwalunkwe dubju dwar it-terminoloġija, nixtieq nenfasizza li, sa fejn naf jien, it-termini “fiduċja reċiproka” u “lealtà reċiproka” jintużaw b’mod interkambjabbli. Fil-fatt, fil-maġġoranza l-kbira tal-lingwi uffiċjali tal-Unjoni, jintuża terminu wieħed biss. Għaldaqstant, tenut kont li (i) il-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni huma lingwi awtentiċi ta’ abbozzar u, (ii) għaldaqstant, il-verżjonijiet lingwistiċi kollha ta’ att tal-Unjoni għandhom, bħala prinċipju, jingħataw l-istess valur (45), (iii) interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni timplika għalhekk paragun tal-verżjonijiet lingwistiċi differenti (46) u (iv) li d-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ test tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati b’mod uniformi (47), nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tfittex differenza meta l-fiduċja reċiproka jew il-lealtà reċiproka tissemma bl-Ingliż.

48.      Fir-rigward tal-ftehim ta’ konsenja konkluż mal-Islanda u man-Norveġja, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat ukoll li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim kienu “simili ħafna għad-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-Deċiżjoni [Qafas] 2002/584” (48).

49.      F’dan ir-rigward, nirrileva li, sabiex tinterpreta dan il-ftehim, il-Qorti tal-Ġustizzja tibbaża ruħha fuq l-interpretazzjoni tagħha tad-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-Deċiżjoni [Qafas] 2002/584 (49). Anki fejn il-ftehim ma għandux dispożizzjoni simili għad-dispożizzjoni fundamentali tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 (50), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li “minkejja l-assenza ta’ dispożizzjoni espressa f’dan is-sens fil-Ftehim dwar il-proċedura ta’ konsenja, l-Istati partijiet għal dan il-ftehim huma bħala prinċipju obbligati li jeżegwixxu mandat ta’ arrest maħruġ minn Stat ieħor li huwa parti għall-imsemmi ftehim u jistgħu jirrifjutaw li jeżegwixxu tali mandat biss għal raġunijiet li jirriżultaw mill-istess ftehim” (51).

50.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ konsenja intra-Unjoni li tinvolvi lin-Norveġja b’mod inċidentali ddeskriviet ir-relazzjoni bejn l-Unjoni u n-Norveġja bħala “relazzjonijiet privileġġati [...] li jmorru lil hinn mill-kuntest ta’ kooperazzjoni ekonomika u kummerċjali” (52). Dan minħabba li n-Norveġja “[hija] parti mill-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, [t]ipparteċipa fis-sistema ta’ ażil Ewropew komuni, [t]implimenta u [t]applika l-acquis ta’ Schengen u kkonklud[iet] mal-Unjoni l-Ftehim dwar il-proċedura ta’ konsenja bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Islanda u n-Norveġja” (53).

51.      Għandu jiġi nnotat li l-Qorti tal-Ġustizzja tinvoka, insostenn tal-argument tagħha, l-applikazzjoni magħmula min-Norveġja tal-acquis ta’ Schengen.  Ser nispjegah bil-fatt li l-karatteristiċi speċifiċi tal-kawżi inkwistjoni jiġġustifikawh. Kull darba, il-fatti tal-kawżi kienu jikkonċernaw kemm l-Istat li huwa membru taż-Żona Ekonomika Ewropea kif ukoll sitwazzjoni intra-Unjoni (54). Min-naħa l-oħra, din il-kawża hija iktar ċara peress li tikkonċerna biss Stat Membru (l-Irlanda) u pajjiż li ma huwiex membru (ir-Renju Unit).

2)      Stati Membri – Stati Terzi

52.      Fil-kawża li tat lok għas-sentenza f’Petruhhin (55), waħda mid-domandi kienet, f’sitwazzjoni li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta skont l-Artikolu 51(1) tagħha (56), liema kriterji l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni setgħet tapplika sabiex teżegwixxi talba għal estradizzjoni li toriġina minn Stat terz li miegħu l-Unjoni ma kkonkludietx ftehim ta’ estradizzjoni (57).

53.      Filwaqt li bbażat ruħha fuq ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti EDB (58), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-eżistenza ta’ dikjarazzjonijiet u l-adeżjoni ma’ trattati internazzjonali li jiggarantixxu, bħala prinċipju, ir-rispett tad-drittijiet fundamentali ma humiex biżżejjed, waħedhom, sabiex jiżguraw protezzjoni adegwata kontra r-riskju ta’ trattament ħażin, fejn sorsi affidabbli indikaw prattiki, implimentati jew ittollerati mill-amministrazzjoni, li huma manifestament kuntrarji għall-prinċipji tal-KEDB (59). Minn dan irriżulta għall-Qorti tal-Ġustizzja li, sa fejn l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru rikjest ikollha għad-dispożizzjoni tagħha provi li juru li jeżisti riskju reali ta’ trattament inuman jew degradanti ta’ persuni fl-Istat terz rikjedenti, hija għandha tevalwa l-eżistenza ta’ dak ir-riskju meta tintalab tiddeċiedi dwar l-estradizzjoni ta’ persuna lejn dak l-Istat (60). Għal dan il-għan, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru rikjest trid tiddependi fuq informazzjoni li tkun oġġettiva, affidabbli, speċifika u aġġornata kif xieraq. Dawn l-elementi jistgħu jirriżultaw minn, inter alia, sentenzi tal-qrati internazzjonali, bħalma huma s-sentenzi tal-Qorti EDB, minn sentenzi tal-Istat terz rikjedenti kif ukoll minn deċiżjonijiet, rapporti u dokumenti oħra stabbiliti minn korpi tal-Kunsill tal-Ewropa jew li jaqgħu taħt l-aegis tan-Nazzjonijiet Uniti (61).

54.      Nifhem l-eżami meħtieġ mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Petruhhin bħala inqas riġidu u strett mill-eżami f’żewġ stadji skont id-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Huma ċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan il-każ, u mhux neċessarjament eventwali nuqqasijiet fis-sistema legali tal-Istat emittenti b’mod ġenerali, li huma deċiżivi.

B.      IlFKK

1.      Bażi legali, għan u struttura ġenerali

55.      Kif spjegat fil-qosor fit-taqsima dwar il-kuntest ġuridiku f’dawn il-konklużjonijiet, il-FKK huwa ftehim ta’ assoċjazzjoni bbażat fuq l-Artikolu 217 TFUE (62). Dan ġie adottat bħala “ftehim għall-Unjoni biss”, u mhux bħala ftehim imħallat, b’tali mod li l-Istati Membri ma humiex partijiet kontraenti.

56.      Il-kwistjoni possibbilment kardinali għad-dispożizzjonijiet ta’ kwalunkwe ftehim internazzjonali hija jekk (xi wħud minn) id-dispożizzjonijiet tiegħu għandhomx effett dirett, li jfisser li jistgħu jiġu invokati minn individwi quddiem il-qrati nazzjonali (tal-Unjoni). Il-Qorti tal-Ġustizzja ġeneralment iddeċidiet din il-kwistjoni billi eżaminat l-ispirtu, l-istruttura u t-termini tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim internazzjonali inkwistjoni (63). Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar il-“konsenja” li jaqgħu taħt it-Titolu VII tat-Tielet Parti tal-FKK, din il-kwistjoni tista’, fil-fehma tiegħi, tiġi riżolta permezz tal-eżami tal-Artikolu 5(1) tal-FKK u bl-applikazzjoni ta’ raġunament a contrario. Skont l-Artikolu 5(1) tal-FKK, bl-eċċezzjoni, f’dak li jirrigwarda l-Unjoni, tat-Tielet Parti tal-FKK (64), ebda dispożizzjoni tal-FKK jew ta’ ftehim komplementari ma għandha tiġi interpretata bħala li tagħti drittijiet jew timponi obbligi fuq persuni li ma humiex dawk maħluqa bejn il-partijiet taħt id-dritt internazzjonali pubbliku, u lanqas bħala li tippermetti lill-FKK jew lil kwalunkwe ftehim addizzjonali li jiġi invokat direttament fl-ordinamenti ġuridiċi domestiċi tal-partijiet. Peress li t-Tielet Parti tal-FKK hija speċifikament eskluża, ma hemm l-ebda raġuni sabiex wieħed jassumi li d-dispożizzjonijiet tagħha, ladarba jissodisfaw il-kriterji abitwali tal-effett dirett, ma għandux ikollhom effett dirett fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

57.      Kif jirriżulta mill-Artikolu 216(2) TFUE u mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, bħala ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni, il-FKK huwa vinkolanti fir-rigward tagħha u jifforma parti integrali mill-ordinament ġuridiku tagħha sa mid-dħul fis-seħħ tiegħu (65). Fl-interpretazzjoni tal-ftehimiet internazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza b’mod partikolari l-għanijiet ta’ ftehim. Għalhekk hija ġurisprudenza stabbilita li trattat internazzjonali għandu jiġi interpretat mhux biss skont it-termini li fih huwa redatt, iżda wkoll fid-dawl tal-għanijiet tiegħu (66). B’mod kruċjali, minn dan jirriżulta li l-identiċità tat-termini tad-dispożizzjonijiet ta’ ftehim u tad-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-dritt tal-Unjoni ma tfissirx li dawn għandhom neċessarjament ikunu suġġetti għal interpretazzjoni identika (67).

58.      L-għan tal-FKK huwa ddefinit fl-Artikolu 1 sabiex jistabbilixxi l-bażi għal relazzjoni wiesgħa bejn l-Unjoni u r-Renju Unit, f’ambjent ta’ prosperità u viċinanza tajba kkaratterizzat minn relazzjonijiet mill-qrib u paċifiċi bbażati fuq il-kooperazzjoni, li jirrispettaw l-awtonomija u s-sovranità tal-partijiet. L-Artikolu 3 tal-FKK jippreċiża sussegwentement li l-partijiet, b’rispett reċiproku sħiħ u in bona fide, għandhom jgħinu lil xulxin fit-twettiq tal-kompiti li jirriżultaw mill-ftehim. L-interpretazzjoni ta’ dan il-ftehim għandha, skont l-Artikolu 4(1) tiegħu, issir in bona fide skont is-sens ordinarju tiegħu fil-kuntest u fid-dawl tal-oġġettiv u tal-iskop tal-ftehim f’konformità mar-regoli konswetudinarji ta’ interpretazzjoni tal-liġi internazzjonali pubblika, inkluż dawk ikkodifikati fil-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati (68). Għal iktar ċertezza, la l-FKK u lanqas ftehim addizzjonali ma jistabbilixxu obbligu li d-dispożizzjonijiet tagħhom jiġu interpretati skont il-liġi domestika ta’ waħda mill-partijiet (69); bl-istess mod, l-ebda interpretazzjoni tal-FKK u l-ebda ftehim addizzjonali tal-qrati ta’ waħda mill-partijiet ma hija vinkolanti għall-qrati tal-parti l-oħra (70).

59.      Mingħajr ma nidħol fid-dettall tad-dispożizzjonijiet korrispondenti tat-Trattat UE u tat-Trattat FUE, jirriżulta mill-ewwel li dan l-għan huwa, f’dak li jirrigwarda l-ambizzjoni u l-intenzjoni tiegħu, ferm differenti minn dak li jirriżulta mill-preambolu u mill-ewwel artikoli tat-Trattat UE u tat-Trattat FUE.

60.      Madankollu, kif ikompli jsostni l-FKK u mill-qari tad-dispożizzjonijiet sostantivi tiegħu, jirriżulta ċertu grad ta’ ambizzjoni nettament superjuri għal dak imsemmi fl-artikoli ta’ ftuħ tiegħu. Għalhekk, it-tielet parti dwar l-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali (71) u, b’mod iktar partikolari, it-Titolu VII tat-Tielet Parti dwar il-konsenja, tinkludi sett iddettaljat ta’ regoli mogħnija bi drittijiet u obbligi reċiproċi għall-Unjoni u għar-Renju Unit.

61.      L-ewwel, l-Artikolu 524 tal-FKK (72) jistipula, għat-Tielet Parti kollha tal-FKK, li (i) il-kooperazzjoni prevista fit-Tielet Parti tal-FKK hija bbażata fuq ir-rispett fit-tul tal-partijiet u tal-Istati Membri għad-demokrazija, għall-Istat tad-dritt u għall-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet fundamentali tal-individwi, inkluż kif stabbilit fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u fil-KEDB, u fuq l-importanza li d-drittijiet u l-libertajiet f’dik il-Konvenzjoni jingħataw effett domestiku u (ii) xejn fit-Tielet Parti tal-FKK ma jimmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u tal-prinċipji legali kif riflessi, b’mod partikolari, fil-KEDB u, fil-każ tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, fil-Karta.

62.      Sa fejn tali deskrizzjoni hija awtorizzata fir-rigward ta’ ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni u minn Stat terz, l-Artikolu 524 tal-FKK huwa dispożizzjoni ta’ importanza kostituzzjonali. L-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali huma, mid-definizzjoni tagħhom stess, qasam tal-liġi li jimplika intrinsikament drittijiet fundamentali. Sabiex l-Unjoni u r-Renju Unit jaffermaw l-impenn reċiproku tagħhom fil-qasam tad-demokrazija, l-Istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali jittrażmettu sinjal qawwi dwar il-prossimità tal-kooperazzjoni koperta mit-Tielet Parti tal-FKK u jservu bħala kriterju ta’ interpretazzjoni għal dik il-parti sħiħa.

2.      Fuq ilmekkaniżmu tal-konsenja previst millFKK

63.      L-għan tat-Titolu VII tat-Tielet Parti tal-FKK huwa deskritt fl-Artikolu 596 ta’ dan il-ftehim bħala intiż li jiżgura li s-sistema ta’ estradizzjoni bejn l-Istati Membri, minn naħa, u r-Renju Unit, min-naħa l-oħra, tkun ibbażata fuq mekkaniżmu ta’ konsenja.

64.      Peress li din id-dispożizzjoni tuża t-termini “estradizzjoni” u “konsenja”, osservazzjoni qasira ħafna fir-rigward tat-terminoloġija hija xierqa. Fid-dritt tal-Unjoni, il-“konsenja” skont id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 tirrigwarda sitwazzjoni bejn żewġ Stati Membri, filwaqt li l-“estradizzjoni” b’mod ġenerali tirrigwarda sitwazzjoni bejn Stat Membru u Stat terz (73). Madankollu, meta dawn l-Istati terzi jkunu marbuta mill-qrib mal-Unjoni, bħala Stati li huma membri taż-Żona Ekonomika Ewropea, it-terminu użat huwa dak ta’ “proċeduri ta’ konsenja” (74). L-istess japplika għall-FKK. It-Titolu VII jirreferi b’mod sistematiku għal “konsenja” meta jiddeskrivi sitwazzjoni bejn l-Istati Membri tal-Unjoni u r-Renju Unit u “estradizzjoni” meta tkun tikkonċerna sitwazzjoni bejn l-Istati Membri jew ir-Renju Unit u Stat terz (75). Għaliex, għalhekk, l-Artikolu 596 tal-FKK huwa intiż kemm għall-estradizzjoni kif ukoll għall-konsenja? Nispjega f’dan is-sens li l-“estradizzjoni” hija kkunsidrata bħala t-terminu standard tad-dritt internazzjonali pubbliku, filwaqt li t-terminu “konsenja” jirreferi għas-sitwazzjonijiet li jinvolvu l-Unjoni u wħud mill-eqreb imsieħba tagħha, kif deskritti iktar ’il fuq (76).

65.      L-Artikolu 599 tal-FKK jirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ konsenja u jippreċiża meta jista’ jinħareġ mandat ta’ arrest. Skont l-Artikolu 599(1) tal-FKK, mandat ta’ arrest jista’ jinħareġ għal atti li huma punibbli bil-liġi tal-Istat li joħroġ sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni għal perijodu massimu ta’ mill-inqas 12‑il xahar jew, fejn tkun ingħatat sentenza jew ordni ta’ detenzjoni, għal sentenzi jew ordnijiet ta’ detenzjoni ta’ mill-inqas erba’ xhur. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 599(3) tal-FKK, suġġett b’mod partikolari għall-Artikolu 600, l-Artikolu 601(1)(b) sa (h) kif ukoll l-Artikolu 604 tal-FKK, Stat ma jistax jirrifjuta li jeżegwixxi mandat ta’ arrest li jirrigwarda, inter alia, reati terroristiċi meta dawn ir-reati jkunu punibbli b’sentenza ta’ kustodja ta’ mill-inqas 12‑il xahar.

66.      L-Artikoli 600 u 601 tal-FKK jistabbilixxu sensiela ta’ raġunijiet obbligatorji (77) u fakultattivi (78) għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest. Bħal fid-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 (79), l-ebda waħda minn dawn ir-raġunijiet ma hija relatata direttament mad-drittijiet fundamentali b’mod ġenerali jew, evidentement, mal-Artikolu 49(1) tal-Karta b’mod partikolari.

67.      L-Artikolu 604(c) tal-FKK jipprevedi li l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest minn awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tkun suġġetta għall-garanzija li jekk ikun hemm raġunijiet sostanzjali biex wieħed jemmen li hemm riskju reali għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-persuna rikjesta, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ titlob, kif xieraq , garanziji addizzjonali fir-rigward tat-trattament tal-persuna rikjesta wara l-konsenja tal-persuna qabel ma tiddeċiedi jekk teżegwixxix il-mandat ta’ arrest.

68.      L-Artikolu 613 tal-FKK jirregola d-deċiżjonijiet dwar il-konsenja. Skont l-ewwel paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni, l-awtorità ġudizzjarja eżekutorja għandha tiddeċiedi jekk il-persuna għandhiex tiġi kkonsenjata fil-limiti ta’ żmien u skont il-kundizzjonijiet iddefiniti fit-Titolu VII, b’mod partikolari l-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit fl-Artikolu 597 (80). It-tieni paragrafu tal-Artikolu 613 tal-FKK jipprevedi li jekk l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ssib li l-informazzjoni kkomunikata mill-Istat emittenti ma tkunx biżżejjed biex hija tkun tista’ tiddeċiedi dwar il-konsenja, hija għandha titlob li l-informazzjoni supplementari meħtieġa, b’mod partikolari fir-rigward tal-Artikolu 597, l-Artikoli 600 sa 602, l-Artikolu 604 u l-Artikolu 606, tiġi pprovduta b’urġenza u tista’ tiffissa limitu ta’ żmien biex tirċeviha, b’kont meħud tal-ħtieġa li jiġu osservati l-limiti ta’ żmien previsti fl-Artikolu 615.

69.      Għandu jiġi nnotat li l-ebda dispożizzjoni ma tikkorrispondi għall-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 direttament (81). Madankollu, dan ma jbiddel xejn mill-fatt li jeżisti obbligu ġenerali impliċitu għall-awtoritajiet li jeżegwixxu mandat ta’ arrest maħruġ abbażi tal-FKK. Nifhem li d-dispożizzjonijiet kollha tat-Titolu VII tat-Tielet Parti tal-FKK huma bbażati fuq din il-premessa.

70.      Id-dispożizzjonijiet tat-Titolu VII tat-Tielet Parti tal-FKK huma kkaratterizzati minn livell għoli ta’ fiduċja bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit fl-impenn li jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali. Fiduċja reċiproka li d-drittijiet fundamentali kienu, għadhom u ser jiġu protetti fil-futur tidher fit-test kollu (82).

71.      Minn din il-ħarsa ġenerali qasira u bl-ebda mod komprensiva ta’ ċerti dispożizzjonijiet ewlenin tat-Titolu VII tat-Tielet Parti tal-FKK jirriżulta li l-Unjoni u r-Renju Unit stabbilixxew sistema ta’ konsenja kkaratterizzata minn prossimità kunsiderevoli u minn livell għoli ta’ fiduċja reċiproka. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tqis li d-dispożizzjonijiet li jinsabu fit-Titolu VIII tat-Tielet Parti tal-FKK huma “identiċi għall-arranġamenti [ta’ konsenja] previsti fid-Deċiżjoni [Qafas] 2002/584” (83).

72.      Din l-affermazzjoni tal-qorti tar-rinviju tolqot il-qofol ta’ din il-kawża u tiġġustifika kelma ta’ kawtela f’dan l-istadju. Anki jekk il-parti l-kbira tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu VII tat-Tielet Parti tal-FKK huma simili għal dawk tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, sa fejn huma fformulati b’mod identiku, jeżistu punti li fuqhom iż-żewġ testi huma differenti (84); eżempju ċar huwa l-kwistjoni tar-reati politiċi (85).

3.      Obbligi talawtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni

73.      Dan iwassalna fil-qalba ta’ din il-kawża, li hija l-kwistjoni tal-obbligi tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni f’dak li jirrigwarda r-rispett tad-drittijiet fundamentali mill-awtoritajiet tal-Istat emittenti. Dan iwassal għall-osservazzjonijiet li ġejjin.

74.      L-ewwel nett, peress li s-sitwazzjoni inkwistjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tiddeċiedi dwar l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest hija marbuta bil-Karta sa fejn għandha tiżgura li l-konsenja tal-persuna rikjesta ma twassalx għal ksur tad-drittijiet li hija tislet mill-Karta.

75.      It-tieni nett, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha twettaq dan l-eżami biss meta dan il-ksur eċċezzjonali tad-drittijiet fundamentali jiġi allegat mill-persuna li tkun is-suġġett tal-mandat ta’ arrest.

76.      It-tielet nett, fil-fehma tiegħi, huwa inutli li wieħed jipprova jittrasponi letteralment l-eżami f’żewġ stadji, applikabbli sa mis-sentenza Aranyosi u Căldăraru (86) għas-sitwazzjonijiet intra-Unjoni, għas-sistema stabbilita mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Kif spjegat fid-dettall iktar ’il fuq, dan il-kriterju fil-ġurisprudenza huwa bbażat fuq l-ogħla livell possibbli ta’ fiduċja reċiproka fi ħdan l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, jiġifieri dak tal-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri tal-Unjoni. Il-livell ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Unjoni u r-Renju Unit huwa għoli, iżda mhux għoli daqs il-livell ta’ fiduċja sottostanti fid-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

77.      Ir-raba’ nett, il-fiduċja reċiproka ma hijiex kunċett binarju, iżda skala varjabbli u, kif indikat iktar ’il fuq, id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-FKK huma sostnuti minn livell kunsiderevoli ta’ fiduċja reċiproka, li jmur lil hinn mill-fiduċja li jibbenefikaw minnha Stat Membru u l-maġġoranza kbira tal-pajjiżi mhux membri. L-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni hija għalhekk, bħala prinċipju, obbligata li teżegwixxi l-mandat ta’ arrest u tista’ tirrifjuta dan biss fil-preżenza ta’ indizji tanġibbli ta’ riskju reali ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali. L-Unjoni u r-Renju Unit, permezz tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-FKK, esprimew il-fiduċja li kemm l-Unjoni kif ukoll ir-Renju Unit it-tnejn li huma ser jirrispettaw l-obbligi tagħhom fir-rigward tad-drittijiet fundamentali. Għalhekk teżisti preżunzjoni, bla ħsara għall-konfutazzjoni, li d-drittijiet fundamentali sa issa kienu protetti, huma protetti u ser jiġu protetti wkoll fil-futur mill-partijiet kontraenti.

78.      F’dan ir-rigward, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja (i) bħala punt ta’ tluq, tapplika kriterji paragunabbli għal dawk żviluppati fis-sentenza Petruhhin (87), iżda (ii) li dan isir bil-premessa li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ser twettaq l-evalwazzjoni tagħha stess tad-drittijiet fundamentali invokati.

79.      F’din il-kawża, jekk l-awtoritajiet Irlandiżi jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom provi li juru li jeżisti riskju reali ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali fl-Istat terz rikjedenti, huma meħtieġa jevalwaw l-eżistenza ta’ dan ir-riskju meta jkunu mitluba jiddeċiedu dwar l-estradizzjoni ta’ persuna lejn dan l-Istat. Għal dan il-għan, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tibbaża ruħha fuq informazzjoni oġġettiva, affidabbli, speċifika u aġġornata kif xieraq. Din l-informazzjoni tista’ tirriżulta minn, inter alia, sentenzi tal-qrati internazzjonali, bħalma huma s-sentenzi tal-Qorti EDB, minn sentenzi tal-Istat terz rikjedenti kif ukoll minn deċiżjonijiet, rapporti u dokumenti oħra stabbiliti mill-korpi tal-Kunsill tal-Ewropa jew li jaqgħu taħt l-aegis tan-Nazzjonijiet Uniti. Is-sempliċi eżistenza ta’ dikjarazzjonijiet u l-adeżjoni ma’ trattati internazzjonali li jiggarantixxu bħala prinċipju, ir-rispett tad-drittijiet fundamentali ma hijiex suffiċjenti.

80.      B’mod kruċjali, għandu jiġi enfasizzat li ma huwiex biżżejjed li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tibbaża ruħha sempliċement fuq il-fatt li r-Renju Unit, wara l-ħruġ tiegħu mill-Unjoni, għadu membru tal-KEDB. Bl-istess mod, ma huwiex biżżejjed li jsir riferiment formali biss għall-ġurisprudenza tal-qrati tar-Renju Unit sabiex jintwera li l-proċedura ta’ konsenja hija kompatibbli mad-dritt fundamentali inkwistjoni. Hija l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li għandha twettaq l-eżami tagħha stess sabiex tifforma, biex ngħidu hekk, l-opinjoni tagħha dwar il-kompatibbiltà ta’ konsenja mad-drittijiet fundamentali. Dan jimplika li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tistax sempliċement tieħu nota tal-eżistenza ta’ sentenzi rilevanti tal-qrati tar-Renju Unit. Filwaqt li dawn is-sentenzi jistgħu jikkostitwixxu indikazzjoni li d-drittijiet fundamentali qegħdin jiġu rrispettati, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni xorta waħda għanda twettaq l-evalwazzjoni tagħha stess u tagħmel “inklużjoni” tagħha stess dwar il-kwistjoni.

C.      LArtikolu 49(1) talKarta

81.      Filwaqt li jien ovvjament konxju tal-fatt li fl-aħħar mill-aħħar hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk f’dan il-każ jeżistix riskju ta’ ksur tal-Artikolu 49(1) tal-Karta, nemmen li, abbażi tal-informazzjoni li għandha għad-dispożizzjoni tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja hija f’pożizzjoni li tiggwida lill-qorti tar-rinviju f’dan l-istadju.

82.      Għandu jitfakkar li r-reġim li jippermetti l-libertà kkundizzjonata fl-Irlanda ta’ Fuq ġie emendat b’effett mit‑30 ta’ April 2021. Qabel din il-bidla, persuna kkundannata għal ċerti reati marbuta mat-terroriżmu kienet eliġibbli għal rilaxx kundizzjonali awtomatiku wara li tkun skontat nofs il-piena tagħha. Skont ir-reġim applikabbli minn din id-data, il-libertà kkundizzjonata ta’ tali persuna għandha tiġi approvata minn awtorità speċjalizzata u tista’ sseħħ biss wara li l-persuna kkonċernata tkun skontat żewġ terzi tal-piena tagħha.

83.      Il-kwistjoni hija dwar jekk din il-bidla fis-sistema ta’ rilaxx ikkundizzjonat tmurx kontra l-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività, stabbilit fit-tieni sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta.

84.      L‑Artikolu 49(1) tal‑Karta jipprevedi li l-ebda persuna ma għandha tiġi kkundannata għal xi att jew ommissjoni li, fiż-żmien meta sar jew saret, ma kienx jew ma kinitx reat skont il-liġi nazzjonali jew il-liġi internazzjonali. Lanqas ma għandha tiġi imposta piena ikbar minn dik li kienet applikabbli fiż-żmien meta twettaq ir-reat. Jekk wara li twettaq ir-reat, il-liġi tipprovdi għal piena inqas, dik il-piena għandha tkun applikabbli.

85.      L-Artikolu 49 tal-Karta jinkludi għalhekk ir-rekwiżiti dwar l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet. Din id-dispożizzjoni ma tinkludix (sempliċi) prinċipji fis-sens tal-Artikolu 52(5) tal-Karta, iżda tistabbilixxi drittijiet infurzabbli (88).

86.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 49 tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi l-istess rekwiżiti bħal dawk li jirriżultaw mill-Artikolu 7 KEDB (89), u b’hekk jikkonferma l-informazzjoni li tinsab fl-ispjegazzjonijiet mhux vinkolanti iżda madankollu istruttivi (90) dwar il-Karta (91). Inċidentalment, il-formulazzjoni tal-ewwel żewġ sentenzi tal-Artikolu 49(1) hija identika għal dik tal-Artikolu 7(1) KEDB. Għaldaqstant, il-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti EDB tista’ tiġi invokata (92).

87.      F’dan ir-rigward, nenfasizza li l-garanzija stabbilita fl-Artikolu 7, li tikkostitwixxi element essenzjali tal-Istat tad-dritt, tokkupa post importanti fis-sistema ta’ protezzjoni tal-KEDB, kif jixhed il-fatt li ebda deroga minnha ma hija awtorizzata fl-Artikolu 15 KEDB (93).

88.      Kif tirrileva l-qorti tar-rinviju stess, il-Qorti EDB ċaħdet l-argument li l-bidliet retrospettivi tas-sistemi ta’ maħfra jew ta’ ħelsien bikri jiksru l-Artikolu 7 KEDB, peress li tali miżuri ma jagħmlux parti mill-“piena” fis-sens ta’ dan l-artikolu.

89.      Għalkemm il-kunċett ta’ “piena” għandu portata awtonoma (94), il-Qorti EDB (95) tagħmel, fil-ġurisprudenza tagħha, distinzjoni bejn miżura li tikkostitwixxi piena fiha nnifisha u miżura li tikkonċerna l-eżekuzzjoni jew l-infurzar tal-piena. Konsegwentement, fejn in-natura u l-għan ta’ miżura tirrigwarda l-maħfra ta’ piena jew il-bidla ta’ reġim għall-ħelsien bikri, dan ma jagħmilx parti mill-“piena” fis-sens tal-Artikolu 7 tal-KEDB (96).

90.      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-Qorti EDB indikat li, “fil-prattika, id-distinzjoni bejn miżura li tikkostitwixxi ‘piena’ u miżura li tikkonċerna l-‘eżekuzzjoni’ jew l-‘infurzar’ tal-‘piena’ tista’ ma tkunx dejjem ċara” [traduzzjoni mhux uffiċjali]  u li ma jistax jiġi eskluż li miżura meħuda waqt l-eżekuzzjoni ta’ sentenza, u mhux sempliċement il-mod ta’ eżekuzzjoni tagħha, tista’, għall-kuntrarju, taffettwa l-portata tagħha. Il-qorti tar-rinviju hawnhekk tirreferi għas-sentenza Del Río Prada vs Spanja. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk u, jekk ikun il-każ, sa fejn dik is-sentenza tiddevja mill-ġurisprudenza preċedenti tal-Qorti EDB.

91.      Ma nqisx li d-deċiżjoni tal-Qorti EDB imsemmija mill-qorti nazzjonali tikkostitwixxi bidla fil-konfront tal-ġurisprudenza ta’ din tal-aħħar li ilha teżisti dwar l-Artikolu 7(1) KEDB.

92.      Is-silta ċċitata fis-sentenza Del Río Prada vs Spanja tirreferi għall-ġurisprudenza preċedenti u stabbilita ta’ din il-qorti. Għalhekk, il-Qorti EDB, diġà qabel l-għoti ta’ din is-sentenza, tat attenzjoni stretta ħafna għall-kwistjoni dwar jekk miżura li tidher li tikkonċerna l-eżekuzzjoni jew l-infurzar ta’ piena taffettwax, fir-realtà, il-portata tal-piena. Fi kliem ieħor, ma nara l-ebda possibbiltà li jiġi affermat, kif jagħmel MA, li s-sentenza Del Río Prada vs Spanja turi “approċċ iktar flessibbli min-naħa tal-Qorti EDB fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 7 [tal-KEDB] mill-ġurisprudenza preċedenti tagħha” (97).

93.      Fis-sentenza Del Río Prada vs Spanja, il-termini tal-priġunerija li għalihom ġiet ikkundannata r-rikorrenti, is-Sinjura del Río Prada, għal reati mwettqa bejn l‑1982 u l‑1987, ammontaw għal iktar minn 3 000 sena (98). Sussegwentement, dawn tnaqqsu b’mod kunsiderevoli taħt il-Kodiċi Kriminali Spanjol tal‑1973, li ppermetta priġunerija effettiva massima ta’ 30 sena. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti kellha dritt għal ċerti maħfriet tal-piena tagħha għal xogħol u studji fil-ħabs. Sussegwentement, jiġifieri wara l-kundanna tar-rikorrenti u l-ħelsien tagħha mill-ħabs, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) introduċiet duttrina legali ġdida (99), li tipprovdi li l-maħfriet tal-piena għandhom jiġu applikati għal kull piena individwali pjuttost milli għat-tul massimu ta’ 30 sena. Minn dan irriżultat estensjoni taż-żmien tad-diversi priġunieri, inkluża s-Sinjura del Río Prada, imqatta’ fil-ħabs, li wassal sabiex il-Qorti EDB tikkonstata ksur tal-Artikolu 7 KEDB.

94.      B’dan il-mod, il-Qorti EDB iddeċidiet li huwa kruċjali li, fil-mument tal-kundanna tar-rikorrenti u fil-mument tan-notifika tagħha tad-deċiżjoni li jiġu akkumulati l-pieni tagħha u li tiġi stabbilita piena massima ta’ priġunerija, xejn ma kien jindika evoluzzjoni ġurisprudenzjali f’linja perċettibbli konformi mas-sentenza inkwistjoni tal-Qorti Suprema Spanjola(100).

95.      In-natura eċċezzjonali tas-sentenza Del Río Prada vs Spanja hija kkonfermata mid-deċiżjoni sussegwenti tal-Qorti EDB fil-kawża Devriendt (101). F’dan il-każ, fir-rigward tal-kundanni għal piena ta’ għomor il-ħabs, liġi Belġjana żiedet il-livell minimu għal rilaxx kundizzjonali minn 10 sa 15‑il sena (102). Din iż-żieda seħħet bejn ir-reati kriminali mwettqa mill-persuna inkwistjoni u l-kundanna (definittiva). Il-Qorti EDB għamlet distinzjoni espliċita bejn din il-kawża u s-sentenza Del Río Prada vs Spanja u kkonkludiet li ma kienx hemm ksur tal-Artikolu 7 KEDB. B’mod partikolari, hija ddeċidiet li l-libertà kkundizzjonata inkwistjoni kienet metodu ta’ infurzar ta’ sentenza ta’ kustodja li permezz tagħha l-persuna kkundannata teżegwixxi s-sentenza barra mill-ħabs, bla ħsara għall-osservanza tal-kundizzjonijiet imposti matul perijodu ta’ prova partikolari u li din il-kawża kienet differenti, f’dan ir-rigward, mis-sentenza Del Río Prada vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, fejn kien hemm inkwistjoni tnaqqis tal-piena li għandha tiġi skontata u mhux sempliċi tnaqqis jew adattament tal-kundizzjonijiet ta’ infurzar (103). Hija rrilevat ukoll li, għalkemm is-sistema l-ġdida kellha l-effett li żżid it-terminu ta’ eliġibbiltà għal-libertà kkundizzjonata, li wassal mingħajr dubju għal sitwazzjoni iktar diffiċli għad-detenzjoni tar-rikorrent, kuntrarjament għal dak li kienet is-sitwazzjoni fis-sentenza Del Río Prada vs Spanja, tali trattament iktar aħrax ma kienx wieħed li jirrendi impossibbli l-għoti tal-libertà kkundizzjonata (104).

96.      Sabiex jiġi ddeterminat jekk miżura meħuda waqt l-eżekuzzjoni ta’ piena tikkonċernax biss il-metodu ta’ eżekuzzjoni tal-piena jew, għall-kuntrarju, taffettwax il-portata tagħha, għandu jiġi eżaminat f’kull każ liema hija l-“piena” effettivament imposta skont id-dritt intern fis-seħħ fil-mument materjali jew, fi kliem ieħor, liema kienet in-natura intrinsika tagħha. B’dan il-mod, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni d-dritt intern kollu u l-mod kif dan ġie applikat fiż-żmien materjali (105).

97.      F’dan il-każ, ninnota li ma hemm l-ebda indikazzjoni li l-pieni applikabbli għall-atti allegati, jiġifieri l-piena ta’ għomor il-ħabs, inbidlu mid-data allegata li fiha twettqu l-fatti sad-data tal-lum.

98.      Barra minn hekk, il-fatt li, skont is-sistema emendata li tippermetti l-libertà kkundizzjonata fl-Irlanda ta’ Fuq, persuna kkundannata għal ċerti reati marbuta mat-terroriżmu ma tibqax eliġibbli għar-rilaxx kundizzjonali wara li tkun skontat nofs il-piena tagħha, iżda pjuttost il-libertà kkundizzjonata ta’ tali persuna għandha tiġi approvata minn awtorità speċjalizzata u tista’ sseħħ biss wara li l-persuna kkonċernata tkun skontat iż-żewġ terzi tal-piena tagħha, ma jbiddel xejn mill-fatt li, anki fil-każ ta’ libertà kkundizzjonata, din il-persuna xorta waħda ser tiskonta din il-piena.

99.      Bħala konklużjoni, wieħed jista’ għalhekk jiddikjara li r-reġim li jippermetti l-libertà kkundizzjonata ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “piena” fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta u għalhekk ma jaqax taħt din id-dispożizzjoni.

100. Bis-saħħa tal-Artikolu 52(3) tal-Karta, sa fejn il-Karta tinkludi drittijiet li jikkorrispondu mad-drittijiet protetti mill-KEDB, is-sens u l-portata tagħhom huma l-istess bħal dawk mogħtija mill-KEDB. Dan ma jipprekludix id-dritt tal-Unjoni milli jagħti protezzjoni iktar estensiva.

101. Sa fejn dan iqajjem il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 49(1) tal‑Karta għandux kamp ta’ applikazzjoni usa’ jew jimponi rekwiżiti iktar stretti mill-Artikolu 7(1) KEDB, ma nara l-ebda possibbiltà li jiġi kkunsidrat jew maħsub li dan jista’ jkun il-każ. B’mod partikolari, kif enfasizzat il-Kummissjoni, ma teżistix tradizzjoni komuni kostituzzjonali viżibbli għall-Istati Membri li skontha l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 49(1) tal-Karta huwa jew għandu jkun usa’ minn dak tal-Artikolu 7(1) KEDB.

VI.    Konklużjoni

102. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda rrinvijata mis-Supreme Court (il-Qorti Suprema, l-Irlanda) kif ġej:

Meta Stat Membru jirċievi talba mir-Renju Unit skont id-dispożizzjonijiet tat-Titolu VII tat-Tielet Parti tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, għall-konsenja ta’ persuna rikjesta, u jekk jitressqu argumenti u evidenza li l-konsenja tal-persuna rikjesta tikser id-drittijiet tagħha skont l-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri

–        għandhom iwettqu l-evalwazzjoni tagħhom stess sabiex jiddeterminaw jekk il-konsenja tippreġudikax id-drittijiet imsemmija fl-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali;

–        għal dan l-għan, għandhom jibbażaw ruħhom fuq informazzjoni li tkun oġġettiva, affidabbli, speċifika u aġġornata kif xieraq.

–        jistgħu jirrifjutaw il-konsenja meta jkun hemm raġunijiet sostanzjali u stabbiliti li jġegħluhom jaħsbu li l-persuna rikjesta ser tiġi esposta għal riskju reali li d-drittijiet fundamentali tagħha ggarantiti mill-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jinkisru fil-każ ta’ konsenja.

Il-fatt li l-persuna rikjesta tkun, fil-każ ta’ kundanna, suġġetta għal sistema ta’ rilaxx kundizzjonali iktar aħrax minn dik fis-seħħ fil-jum meta twettaq il-ksur allegat, ma jikkostitwixxix, fih innifsu, ksur tal-Artikolu 49(1) tal‑Karta tad-Drittijiet Fundamentali.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


i      L-isem tal-kawża preżenti huwa isem fittizju. Ma jikkorrispondix għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.


2      ĠU 2021, L 149, p. 10.


3      Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/689 tad‑29 ta’ April 2021 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, u tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq dwar il-proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju u għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata (ĠU 2021, L 149, p. 2).


4      Deċiżjoni tal-Kunsill (Euratom) 2020/2253 tad‑29 ta’ Diċembru 2020 li tapprova l-konklużjoni, mill-Kummissjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn il-Gvern tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika għall-Kooperazzjoni dwar l-Użu Sikur u Paċifiku tal-Enerġija Nukleari u l-konklużjoni, mill-Kummissjoni Ewropea, f’isem il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (ĠU 2020, L 444, p. 11).


5      Ara l-Artikolu 783(2) tal-FKK.


6      Ara l-Artikolu 783(1) tal-FKK u l-Avviż dwar id-dħul fis-seħħ tal-FKK u l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq dwar proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju u għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata (ĠU 2021, L 149, p. 2540).


7      Dwar dispożizzjonijiet komuni u istituzzjonali (l-Ewwel Parti), dwar kummerċ, trasport, sajd u arranġamenti oħra (it-Tieni Parti), dwar infurzar tal-liġi u kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali (it-Tielet Parti), dwar il-kooperazzjoni tematika (ir-Raba’ Parti), dwar parteċipazzjoni fil-programmi tal-Unjoni, ġestjoni finanzjarja tajba u dispożizzjonijiet finanzjarji (il-Ħames Parti), dwar soluzzjoni ta’ tilwim u dispożizzjonijiet orizzontali (is-Sitt Parti) u dwar dispożizzjonijiet finali (is-Seba’ Parti).


8      Prinċipji ta’ interpretazzjoni u definizzjonijiet.


9      Dispożizzjonijiet komuni u istituzzjonali.


10      Dispożizzjonijiet ġenerali.


11      Skont l-Artikolu 778(2)(r) tal-FKK, l-Anness 43 jifforma parti integrali mit-Titolu VII tat-Tielet Parti. Ara wkoll l-Artikolu 606 tal-FKK, dwar il-kontenut u l-forma tal-mandat ta’ arrest.


12      L-Artikolu 599 tal-FKK huwa intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”.


13      L-Artikolu 604 tal-FKK huwa intitolat “Garanziji li għandhom jingħataw mill-Istat li joħroġ il-mandat f’każijiet partikolari”.


14      L-erba’ reati huma: li wieħed ikun membru f’organizzazzjoni pprojbita, li wieħed imexxi attivitajiet ta’ organizzazzjoni involuta fit-twettiq ta’ atti terroristiċi, ir-reat ta’ assoċjazzjoni sabiex wieħed imexxi l-attivitajiet ta’ organizzazzjoni kkonċernata mit-twettiq ta’ atti terroristiċi, u l-preparamenti għat-twettiq ta’ atti terroristiċi.


15      Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2002/584”).


16      Sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2013 (CE:ECHR:2013:1021JUD004275009; iktar ’il quddiem is-sentenza Del Río Prada vs Spanja).


17      Barra minn hekk, meta kawża tqajjem inċertezzi serji li jaffettwaw kwistjonijiet fundamentali tad-dritt kostituzzjonali nazzjonali u tad-dritt tal-Unjoni, jista’ jkun meħtieġ, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ tali kawża, li din tiġi ttrattata f’qasir żmien. Ara d-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑19 ta’ Ottubru 2018, Wightman et (C‑621/18, mhux ippubblikat, EU:C:2018:851, punt 10 u l-ġurisprudenza ċċitata).


18      Ara d-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑22 ta’ April 2024, Alchaster (C‑202/24, EU:C:2024:343, punt 7).


19      Id-dritt tar-Renju Unit li jintervjeni u jipparteċipa fil-proċedura hija rregolata mill-Artikolu 90(1) tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 2020 L 29, p. 7, iktar ’il quddiem il-“Ftehim dwar il-Ħruġ”), approvat mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, f’isem l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135 tat‑30 ta’ Jannar 2020 (ĠU 2020, L 29, p. 1). Skont l-Artikolu 90(1) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, sakemm is-sentenzi u d-digrieti tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-proċeduri u fit-talbiet għal deċiżjoni preliminari kollha msemmija fl-Artikolu 86 [dwar il-kawżi pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja] isiru definittivi, ir-Renju Unit jista’ jintervjeni bl-istess mod bħal Stat Membru jew, fil-kawżi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE, jipparteċipa fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja bl-istess mod bħal Stat Membru. Tul dak il-perijodu, ir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jinnotifika lir-Renju Unit, fl-istess ħin u bl-istess mod li jinnotifika lill-Istati Membri, b’kull kawża rrinvijata lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għal deċiżjoni preliminari minn qorti jew tribunal ta’ Stat Membru. Peress li għadhom jeżistu kawżi pendenti għall-finijiet tal-Artikolu 86 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, ir-Renju Unit għandu d-dritt jintervjeni f’din il-proċedura.


20      Skont l-Artikolu 598(c) tal-FKK, “awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni” tfisser l-awtorità ġudizzjarja tal-Istat ta’ eżekuzzjoni li tkun kompetenti sabiex teżegwixxi l-mandat ta’ arrest permezz tad-dritt domestiku ta’ dak l-Istat.


21      Skont l-Artikolu 598(a) tal-FKK, “mandat ta’ arrest” ifisser deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat bil-ħsieb tal-arrest u l-konsenja minn Stat ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-finijiet tat-tmexxija ta’ prosekuzzjoni kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni;


22      Il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea daħal fis-seħħ fil‑31 ta’ Jannar 2020.


23      Il-perijodu ta’ tranżizzjoni intemm fil‑31 ta’ Settembru 2020. L-Artikolu 127 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ jipprovdi li d-dritt tal-Unjoni għandu jkun applikabbli għar-Renju Unit matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni sakemm il-Ftehim dwar il-Ħruġ ma kienx jipprovdi mod ieħor. Minħabba li l-Ftehim dwar il-Ħruġ ma jipprovdix għal deroga mill-Artikolu 127 għad-dispożizzjonijiet relatati mal-mandat ta’ arrest Ewropew, dawk id-dispożizzjonijiet komplew japplikaw matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni.


24      U l-Artikolu 2 KEDB korrispondenti.


25      Ara, dwar din il-kwistjoni bħala eżempju, is-sentenza tal-Qorti EDB, tad‑9 ta’ Lulju 2019, Romero Castaño vs Il‑Belġju (CE:ECHR:2019:0709JUD000835117).


26      Ara f’dan ir-rigward K. Lenaerts, “La vie après l’avis; exploring the principle of mutual (yet not blind) trust”, Common Market Law Review, Vol. 54, 2017, p. 805 sa 840, f’p. 806, u Bay Larsen, L., “Some reflections on mutual recognition in the area of freedom, security and justice” f’Cardonel, P., Rosas, A., u Wahl, N. (edituri), Constitutionalising the EU Judicial System: Essays in Honour of Pernilla Lindh, Hart Publishing, Londra 2012, p. 139 sa 152, p. 140.


27      Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB), tat‑18 ta’ Diċembru 2014 (EU:C:2014:2454).


28      Ara l-Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB), tat‑18 ta’ Diċembru 2014 (EU:C:2014:2454, punt 167).


29      L-Artikolu 2 TUE ma jikkostitwixxix sempliċi artikolazzjoni ta’ linji gwida jew ta’ intenzjonijiet ta’ natura politika, iżda jinkludi valuri li huma parti integrali mill-identità nnifisha tal-Unjoni inkwantu ordinament ġuridiku komuni, valuri li huma kkonkretizzati fil-prinċipji li jinkludu obbligi legalment vinkolanti għall-Istati Membri. Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2022, L‑Ungerija vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑156/21, EU:C:2022:97, punt 232). Għal evalwazzjoni reċenti tal-Artikolu 2 TUE fid-duttrina, ara Nettesheim, M., “Die föderale Homogenitätsklausel des Art. 2 EUV”, in Europarecht, 2024, p. 269 sa 299, f’p. 273, li jsejjaħ dik id-dispożizzjoni “klawżola ta’ omoġeneità federali”.


30      Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB), tat‑18 ta’ Diċembru 2014 (EU:C:2014:2454, punt 168). Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi f’Ir-Repubblika tal-Moldova (C‑741/19, EU:C:2021:164, punt 87).


31      Ara, bħala eżempju, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:630, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).


32      Il-Kunsill Ewropew ta’ Tampere tal‑15 u tas‑16 ta’ Ottubru 1999.


33      Ara s-sentenza tat‑18 ta’ April 2023, E.D.L.(Raġuni ta’ rifjut ibbażata fuq mard) (C‑699/21, EU:C:2023:295, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).


34      Ara s-sentenza tal‑5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198).


35      Ara s-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586).


36      Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, GN (Raġuni ta’ rifjut ibbażata fuq l-aħjar interessi tal-wild) (C‑261/22, EU:C:2023:1017).


37      Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, GN (Raġuni ta’ rifjut ibbażata fuq l-aħjar interessi tal-wild) (C‑261/22, EU:C:2023:1017, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).


38      Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, GN (Raġuni ta’ rifjut ibbażata fuq l-aħjar interessi tal-wild) (C‑261/22, EU:C:2023:1017, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).


39      Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, GN (Raġuni ta’ rifjut ibbażata fuq l-aħjar interessi tal-wild) (C‑261/22, EU:C:2023:1017, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).


40      Ara s-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et (C‑158/21, EU:C:2023:57, punt 111).


41      Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, GN (Raġuni ta’ rifjut ibbażata fuq l-aħjar interessi tal-wild) (C‑261/22, EU:C:2023:1017).


42      Ara s-sentenza tat‑18 ta’ April 2023, E.D.L.(Raġuni ta’ rifjut ibbażata fuq mard) (C‑699/21, EU:C:2023:295, punt 55).


43      Ara l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ l-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar il-proċedura ta’ konsenja bejn l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea u l-Iżlanda u n-Norveġja (ĠU 2006, L 292, p. 2). Dan il-ftehim ġie approvat f’isem l-Unjoni permezz, minn naħa, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/697/KE tas‑27 ta’ Ġunju 2006 (ĠU 2006, L 292, p. 1) u, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, li rrendiet approvazzjoni ġdida neċessarja, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/835/UE tas‑27 ta’ Novembru 2014 (ĠU 2014, L 343, p. 1). Ilu fis-seħħ mill‑1 ta’ Novembru 2019 (ara l-avviż korrispondenti ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, ĠU 2019, L 230, p. 1).


44      Ara s-sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Ruska Federacija (C‑897/19 PPU, EU:C:2020:262, punt 73).


45      Ara, bħala eżempju, is-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, A et (Eoliċi f’Aalter u f’Nevele) (C‑24/19, EU:C:2020:503, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).


46      Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 1982, Cilfit et (283/81, EU:C:1982:335, punt 18).


47      Ara, bħala eżempju, is-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2013, Genil 48 u Comercial Hostelera de Grandes Vinos (C‑604/11, EU:C:2013:344, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).


48      Ara s-sentenzi tat‑2 ta’ April 2020, Ruska Federacija (C‑897/19 PPU, EU:C:2020:262, punt 73), u tal‑14 ta’ Settembru 2023, Sofiyska gradska prokuratura et (Mandati ta’ arrest suċċessivi) (C‑71/21, EU:C:2023:668, punt 30).


49      Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2023, Sofiyska gradska prokuratura et (Mandati ta’ arrest suċċessivi) (C‑71/21, EU:C:2023:668, punti 33 sa 43 u 45 sa 61).


50      Bħad-dispożizzjoni kruċjali tal-Artikolu 1(2) tal-imsemmija deċiżjoni qafas, li skontu l-Istati Membri għandhom jeżegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u skont id-dispożizzjonijiet tad-deċiżjoni qafas.


51      Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2023, Sofiyska gradska prokuratura et (Mandati ta’ arrest suċċessivi) (C‑71/21, EU:C:2023:668, punt 48).


52      Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2021, JR (Mandat ta’ arrest – Kundanna fi Stat terz, membru taż-ŻEE) (C‑488/19, EU:C:2021:206, punt 60).


53      Ibid. Ara wkoll is-sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Ruska Federacija (C‑897/19 PPU, EU:C:2020:262, punt 44).


54      Fis-sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2021, JR (Mandat ta’ arrest – Kundanna fi Stat terz, membru taż-ŻEE) (C‑488/19, EU:C:2021:206), il-Qorti tal-Ġustizzja kellha essenzjalment tirrispondi lill-qorti tar-rinviju tal-Istat ta’ eżekuzzjoni (l-Irlanda) u tiddetermina jekk mandat ta’ arrest Ewropew setax jinħareġ skont id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 sabiex tiġi eżegwita sentenza ta’ ħabs mogħtija mill-qorti ta’ Stat terz (in-Norveġja) u rrikonoxxuta fl-Istat emittenti (il-Litwanja).


55      Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2016 (C‑182/15, EU:C:2016:630).


56      Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:630, punt 52).


57      In casu, it-tielet Stat kien ir-Russja.


58      Ara s-sentenza tal-Qorti EDB, 28 ta’ Frar 2008, Saadi vs L‑Italja (CE:ECHR:2008:0228JUD003720106, punt 147).


59      Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:630, punt 57).


60      Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:630, punt 58).


61      Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:630, punt 59).


62      L-Artikolu 101 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika.


63      Din hija ġurisprudenza stabbilita sa mis-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 1972, International Fruit Company et (21/72 sa 24/72, EU:C:1972:115, punt 20). Ara wkoll is-sentenzi tad‑9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑120/06 P u C‑121/06 P, EU:C:2008:476, punt 108), u tat‑13 ta’ Jannar 2015, Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni vs Stichting Natuur en Milieu u Pesticide Action Network Europe (C‑404/12 P u C‑405/12 P, EU:C:2015:5, punt 45).


64      Infurzar tal-liġi u kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali.


65      Din hija ġurisprudenza stabbilita sa mis-sentenza tat‑30 ta’ April 1974, Haegeman (181/73, EU:C:1974:41, punt 5). Ara wkoll is-sentenzi tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Sea Watch (C‑14/21 u C‑15/21, EU:C:2022:604, punt 94), u tas‑27 ta’ Frar 2024, EUIPO vs The KaiKai Company Jaeger Wichmann (C‑382/21 P, EU:C:2024:172, punt 57).


66      Ara l-Opinjoni 1/91 (L-Ewwel Opinjoni dwar il-Ftehim ŻEE), tal‑14 ta’ Diċembru 1991 (EU:C:1991:490, punt 14), u s-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2016, SECIL (C‑464/14, EU:C:2016:896, punt 94).


67      Ara l-Opinjoni 1/91 (L-Ewwel Opinjoni dwar il-Ftehim ŻEE), tat‑14 ta’ Diċembru 1991 (EU:C:1991:490, punt 14).


68      Magħmula fi Vjenna fit‑23 ta’ Mejju 1969.


69      Ara l-Artikolu 4(2) tal-FKK.


70      Ara l-Artikolu 4(3) tal-FKK.


71      Artikoli 522 sa 701 tal-FKK.


72      Dawn id-dispożizzjonijiet jinsabu fit-Titolu I (“Dispożizzjonijiet ġenerali”) tat-Tielet Parti tal-FKK.


73      Ara wkoll il-konklużjonijiet f’R O (C‑327/18 PPU, EU:C:2018:644, punt 68 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 61).


74      Ara l-formulazzjoni użata fi-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ l-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar il-proċedura ta’ konsenja bejn l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea u l-Iżlanda u n-Norveġja.


75      Ara l-Artikolu 614(3), l-Artikolu 623(6) u l-Artikolu 626 tal-FKK.


76      Tali interpretazzjoni hija barra minn hekk ikkorroborata mill-formulazzjoni tal-Artikolu 629 tal-FKK u mit-terminoloġija użata fil-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa, magħmula f’Pariġi fit‑13 ta’ Diċembru 1957 (Nru STKE 24, disponibbli fuq https://www.coe.int/en/web/conventions/full-list/-/conventions/treaty/024).


77      Fil-każ tal-Artikolu 600 tal-FKK.


78      Fil-każ tal-Artikolu 601 tal-FKK.


79      Artikoli 3 et seq. tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.


80      Din id-dispożizzjoni hija fformulata f’termini kważi identiċi għal dawk tal-Artikolu 15(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, l-unika differenza sostanzjali hija li l-Artikolu 613(1) tal-FKK jirreferi wkoll għall-prinċipju tal-proporzjonalità.


81      Skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom jeżegwixxu kull mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u konformement mad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.


82      Il-Kummissjoni sostniet b’mod partikolari, fl-osservazzjonijiet kemm bil-miktub kif ukoll orali tagħha, li l-fatt li r-Renju Unit ma huwiex pajjiż fiż-żona Schengen huwa kriterju determinanti f’dan ir-rigward. Jiena ma naqbilx ma’ affermazzjoni bħal din. Meta r-Renju Unit kien Stat Membru tal-Unjoni, lanqas ma kien parti miż-żona Schengen. Bħalissa, l-Irlanda (jew Ċipru) lanqas ma huma. Fiż-żmien meta l-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza tagħha tal‑5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198), ir-Rumanija ma kinitx parti miż-żona Schengen u bħalissa lanqas biss hija membru sħiħ (ir-Rumanija u l-Bulgarija huma attwalment Stati Membri fiż-żona Schengen biss fir-rigward tal-fruntieri tal-ajru u tal-baħar interni). Għalhekk Schengen ma hijiex kriterju deċiżiv.


83      Ara l-punt 3 tat-talba għal deċiżjoni preliminari.


84      Ara Peers, St., “So close, yet so far: the EU/UK Trade and Cooperation Agreement”, Common Market Law Review, Vol. 59, 2022, p. 49 sa 80, f’p. 68. Ara wkoll, fid-dettall, Grange, E. Keith, B., u Kerridge, S., “Extradition under the EU-UK Trade and Cooperation Agreement”, New Journal of European Criminal Law, Vol. 12, 2021, p. 213 sa 221, p. 217 u 218.


85      Ara l-Artikolu 602 tal-FKK. Id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma tinkludix dispożizzjoni korrispondenti.


86      Sentenza tal‑5 ta’ April 2016 (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198).


87      Jiġifieri, f’sitwazzjoni li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni iżda li tinvolvi estradizzjoni lejn pajjiż terz.


88      Ara Lemke, S., f’von der Groeben, H., Schwarze, J., u Hatje, A., (edituri), Europäisches Unionsrecht (Kommentar), Band 1, is-seba’ edizzjoni, Nomos, Baden-Baden, 2015, Artikolu 49 GRC, punt 2.


89      Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2022, DELTA STROY 2003 (C‑203/21, EU:C:2022:865, punt 46).


90      Skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE u l-Artikolu 52(7) tal-Karta, l-ispjegazzjonijiet ġew imfassla sabiex jiggwidaw l-interpretazzjoni tal-Karta u għandhom jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni kemm mill-qrati tal-Unjoni kif ukoll mill-qrati tal-Istati Membri.


91      Ara l-Ispjegazzjoni dwar l-Artikolu 52 – L-ambitu u l-interpretazzjoni ta’ drittijiet u ta’ prinċipji, li tinsab fi Spjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17).


92      Ara wkoll Szwarc, M., f’Wróbel, A., Karta Praw Podstawowych Unii Europejskiej. Komentarz, C.H.Beck, Varsavja, 2020, p. 1221.


93      Ara s-sentenzi tal-Qorti EDB tat‑22 ta’ Novembru 1995, C.R. vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:1995:1122JUD002019092, punt 32); 22 ta’ Novembru 1995, S.W. vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:1995:1122JUD002016692, punt 34); 12 ta’ Frar 2008, Kafkaris vs Ċipru (CE:ECHR:2008:0212JUD002190604, punt 137).


94      Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li, bħala punt ta’ tluq, wara li eżaminat jekk il-miżura inkwistjoni hijiex imposta wara kundanna għal “reat kriminali”, il-Qorti EDB tista’ tieħu inkunsiderazzjoni fatturi oħra, bħan-natura u l-għan tal-miżura inkwistjoni, il-karatterizzazzjoni tagħha fid-dritt nazzjonali, il-proċeduri involuti fit-tfassil u fl-implimentazzjoni ta’ din il-miżura, kif ukoll il-gravità tagħha. Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti EDB, 9 ta’ Frar 1995, Welch vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:1995:0209JUD001744090, punt 28); 8 ta’ Ġunju 1995, Jamil vs Franza (CE:ECHR:1995:0608JUD001591789, punt 31); u 12 ta’ Frar 2008, Kafkaris vs Ċipru (CE: ECHR:2008:0212JUD002190604, punt 142).


95      Kif ukoll l-ex Kummissjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem, qabel id-dħul fis-seħħ, fl‑1 ta’ Novembru 1998, tal-Protokoll Nru 11 tal-KEDB, li jirristruttura l-mekkaniżmu ta’ kontroll hekk stabbilit.


96      Ara d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tat‑28 ta’ Frar 1996, Hosein vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:1996:0228DEC002629395), u tat‑3 ta’ Marzu 1996, Hogben vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:1986:0303DEC001165385); deċiżjoni tal-Qorti EDB, 29 ta’ Novembru 2005, Uttley vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:2005:1129DEC003694603), u s-sentenza tal-Qorti EDB, 12 ta’ Frar 2008, Kafkaris vs Ċipru (CE:ECHR:2008:0212JUD002190604, punt 142).


97      Ara d-digriet tal-qorti tar-rinviju għal domanda preliminari, punt 12.


98      Ara s-sentenza Del Río Prada vs Spanja, punt 12.


99      Magħrufa bħala “duttrina Parot”.


100      Ara s-sentenza Del Río Prada vs Spanja, punt 117.


101      Ara d-deċiżjoni tal-Qorti EDB, 31 ta’ Awwissu 2021, Devriendt vs Il‑Belġju (CE:ECHR:2021:0831DEC003556719).


102      Fis‑26 ta’ Settembru 2006, ir-rikorrent ġie kkundannat għal piena ta’ għomor il-ħabs mill-Cour d’assises du Brabant (il-Qorti tal-Assiżi ta’ Brabant, il-Belġju) għal qtil imwettaq matul il-lejl bejn l‑24 u l‑25 ta’ Awwissu 2003. F’dak iż-żmien, il-livell minimu ta’ eliġibbiltà għal rilaxx kundizzjonat kien ta’ 10 snin għall-pieni tul il-ħajja. Fit‑30 ta’ Jannar 2007, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Belġju) ċaħdet l-appell tar-rikorrenti. Fis‑17 ta’ Frar 2015, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat ksur tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB, minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni tal-ġuri. Konsegwentement, fis‑16 ta’ Ġunju 2015, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) reġgħet fetħet il-kawża, annullat id-deċiżjoni preċedenti tagħha u bagħtet lura l-kawża quddiem il-Cour d’assises du Brabant (il-Qorti tal-Assiżi ta’ Brabant) għal eżami mill-ġdid. Fid‑29 ta’ Ġunju 2016, il-Cour d’assises (il-Qorti tal-Assiżi) ikkundannat lir-rikorrent għal piena ta’ għomor il-ħabs in absentia. Wara l-oppożizzjoni tar-rikorrent, dan reġa’ ġie kkundannat għal piena ta’ għomor il-ħabs fit‑28 ta’ April 2017 u l-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) ċaħdet l-appell tiegħu fl‑24 ta’ Ottubru 2017. Sadanittant, liġi adottata fis‑17 ta’ Marzu 2013 għolliet il-limitu minimu ta’ eliġibbiltà għal rilaxx ikkundizzjonat minn 10 għal 15‑il sena għall-pieni ta’ għomor il-ħabs. Fis‑16 ta’ Awwissu 2018, ir-rikorrent ippreżenta rikors għal rilaxx ikkundizzjonat, billi sostna li huwa kien laħaq il-limitu ta’ 10 snin. Madankollu, fil‑25 ta’ Frar 2019, it-tribunal de l’application des peines, Ghent (il-Qorti Penitenzjarja, Ghent, il-Belġju) iddikjarat ir-rikors inammissibbli, peress li r-rikorrent kien għadu ma serviex il‑15‑il sena meħtieġa. Fis‑26 ta’ Marzu 2019, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) ċaħdet l-appell tar-rikorrent billi ppreċiżat li ma kienx hemm żieda fil-piena, iżda bidla fit-termini tal-eżekuzzjoni tagħha, fatt li ma kienx jikser l-Artikolu 7 tal-KEDB.


103      Ara s-sentenza tal-Qorti EDB, 31 ta’ Awwissu 2021, Devriendt vs Il‑Belġju (CE:ECHR:2021:0831DEC003556719, punt 26).


104      Ara d-deċiżjoni tal-Qorti EDB, 31 ta’ Awwissu 2021, Devriendt vs Il‑Belġju (CE:ECHR:2021:0831DEC003556719, punt 28).


105      Ara s-sentenzi tal-Qorti EDB tat‑12 ta’ Frar 2008, Kafkaris vs Ċipru (CE:ECHR:2008:0212JUD002190604, punt 145), u f’Del Río Prada vs Spanja (punt 90).

Top