Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62023TO0125

    Digriet tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla Estiża) tas-7 ta’ Awwissu 2024.
    Synapsa Med sp. z o.o. vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea.
    Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Ħatra ta’ rappreżentant ġdid – Rikorrent li waqaf iwieġeb għall-komunikazzjonijiet min-naħa tal-Qorti Ġenerali – Artikolu 131(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali – Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni.
    Kawża T-125/23.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:T:2024:519

    Edizzjoni Provviżorja

    DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża)

    7 ta’ Awwissu 2024 (*)

    “Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Ħatra ta’ rappreżentant ġdid – Rikorrent li waqaf iwieġeb għall-komunikazzjonijiet min-naħa tal-Qorti Ġenerali – Artikolu 131(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali – Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni”

    Fil-Kawża T‑125/23,

    Synapsa Med sp. z o.o., stabbilita f’Jelcz-Laskowice (il-Polonja), irrappreżentata minn G. Kuchta, avukat,

    rikorrenti,

    vs

    L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn T. Frydendahl, bħala aġent,

    konvenut,

    il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

    Gravity Brand Holdings LLC, stabbilita fi New York, New York (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn V. Balaguer Fuentes, I. Sempere Massa u J. Schmitt, avukati,

    IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża),

    komposta minn A. Marcoulli, Presidenta, J. Schwarcz, V. Tomljenović, R. Norkus (Relatur) u W. Valasidis, Imħallfin,

    Reġistratur: V. Di Bucci,

    wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

    tagħti l-preżenti

    Digriet

    1        Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Synapsa Med sp. z o.o., titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Ħames Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tad‑9 ta’ Jannar 2023 (Każ R 923/2022‑5) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kkontestata”).

    2        Permezz ta’ ittra tas‑6 ta’ Frar 2024, ir-rappreżentant tar-rikorrenti informa lill-Qorti Ġenerali li huwa ma kienx għadu jirrappreżentaha.

    3        Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti Ġenerali informat lir-rappreżentant tar-rikorrenti, permezz ta’ ittra tad‑9 ta’ Frar 2024, li kien ser jibqa’ l-interlokutur tagħha sakemm ir-rikorrenti taħtar rappreżentant ġdid. Il-Qorti Ġenerali stednitu wkoll jinforma lir-rikorrenti li hija din tal-aħħar, skont l-Artikolu 51(1) tar-Regoli tal-Proċedura, li għandha taħtar rappreżentant ġdid. Hija żiedet tgħid li, jekk ma tiġix informata bir-rappreżentant il-ġdid tar-rikorrenti mhux iktar tard mis‑26 ta’ Frar 2024, hija kellha l-intenzjoni tikkonstata ex officio li ma kienx għad hemm lok li tingħata deċiżjoni, skont l-Artikolu 131(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

    4        Ir-rikorrenti ma ħatritx rappreżentant ġdid fit-terminu stabbilit.

    5        Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, permezz ta’ ittra tas‑7 ta’ Marzu 2024, il-Qorti Ġenerali għamlet mistoqsija lill-partijiet li kellhom iwieġbu bil-miktub sabiex jesprimu ruħhom dwar il-possibbiltà għall-Qorti Ġenerali li tikkonstata ex officio, permezz ta’ digriet motivat, li ma kienx għad hemm lok li tingħata deċiżjoni, skont l-Artikolu 131(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

    6        Permezz ta’ ittra tal‑21 ta’ Marzu 2024, l-intervenjenti, Gravity Brand Holdings LLC, wieġbet fl-affermattiv għall-mistoqsija tal-Qorti Ġenerali. Hija żiedet tgħid li jkun xieraq li l-Qorti Ġenerali tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

    7        Permezz ta’ ittra tat‑22 ta’ Marzu 2024, l-EUIPO talab li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors u ma tikkundannahx għall-ispejjeż. Huwa ppreċiża wkoll li ma ġarrabx spejjeż li jistgħu jinġabru. B’mod partikolari, l-EUIPO jsostni li konstatazzjoni, skont l-Artikolu 131(2) tar-Regoli tal-Proċedura, li ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni jkollha l-konsegwenza li tipprekludi d-Deċiżjoni kkontestata milli tipproduċi effetti skont l-Artikolu 71(3) tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1).

    8        L-EUIPO jsostni li l-obbligu tar-rikorrenti li tkun irrappreżentata minn avukat huwa regola proċedurali sostanzjali li n-nuqqas ta’ osservanza tagħha jirrendi r-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali inammissibbli. Barra minn hekk, skont l-EUIPO, meta l-Qorti Ġenerali tikkonstata, fil-mori tal-kawża, li r-rikorrenti ma tosservax iktar l-imsemmija regola, hija tista’ tinterpreta dan il-fatt jew bħala rinunzja tal-atti skont l-Artikolu 125 tar-Regoli tal-Proċedura, jew bħala ostakolu għat-tkomplija tal-proċedura bil-konsegwenza li r-rikors isir manifestament iddestinat għaċ-ċaħda skont l-Artikolu 126 tar-Regoli tal-Proċedura, jew bħala eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku skont l-Artikolu 129 tar-Regoli tal-Proċedura.

    9        Ir-rikorrenti ma weġbitx għall-mistoqsija tal-Qorti Ġenerali fit-terminu mogħti.

    10      Skont l-Artikolu 131(2) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk ir-rikorrent jieqaf iwieġeb għall-komunikazzjonijiet min-naħa tal-Qorti Ġenerali, din tista’, wara li jinstemgħu l-partijiet, tikkonstata ex officio permezz ta’ digriet motivat li ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni.

    11      Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, mit-tielet u mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 19 u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-Qorti Ġenerali skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess statut, u, b’mod partikolari, mill-użu tal-kelma “rappreżentati” fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-imsemmi statut jirriżulta li, sabiex il-Qorti Ġenerali tiġi adita b’rikors, il-partijiet l-oħra minbarra l-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, l-Istati li huma partijiet fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) minbarra l-Istati Membri u l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) koperta mill-imsemmi ftehim, ma humiex awtorizzati jaġixxu huma stess, iżda għandhom jirrikorru għas-servizzi ta’ terz li għandu jkun awtorizzat jipprattika quddiem qorti ta’ Stat Membru jew ta’ Stat ieħor li huwa parti mill-Ftehim ŻEE (ara, f’dak is-sens, id-digriet tal‑20 ta’ Novembru 2017, BikeWorld vs Il‑Kummissjoni, T‑702/15, EU:T:2017:834, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    12      Mill-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-obbligu ta’ rappreżentanza minn avukat għandu jibqa’ san-notifika tad-deċiżjoni ġudizzjarja li ttemm il-proċedura. Madankollu, dan l-obbligu tal-aħħar għandu jkun kompatibbli, minn naħa, mal-libertà ta’ parti li tiġi rrappreżentata mill-avukat tal-għażla tagħha u, min-naħa l-oħra, mad-dritt ta’ avukat, fl-osservanza tal-obbligi deontoloġiċi tiegħu, li jirrinunzja għall-mandat tiegħu fil-mori tal-kawża. Konsegwentement, għalkemm parti ma għandhiex tkun irrappreżentata għat-tul kollu tal-proċedura mill-istess avukat, hija għandha tiżgura l-kontinwità tar-rappreżentanza tagħha minn avukat għat-tul kollu tal-proċedura, jiġifieri mill-preżentata tar-rikors san-notifika tad-deċiżjoni ġudizzjarja li ttemm il-proċedura. Minn dan isegwi li, meta avukat jieqaf jirrappreżenta rikorrent fil-mori tal-kawża, l-imsemmija parti għandha taħtar, mingħajr dewmien, rappreżentant ġdid sabiex tiġi ggarantita l-kontinwità tar-rappreżentanza tagħha (digriet tad‑19 ta’ Ġunju 2014, Suwaid vs Il‑Kunsill, T‑268/12, mhux ippubblikat, EU:T:2014:598, punt 17).

    13      Fil-każ ineżami, mill-punti 4 u 9 iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrenti ma ħatritx rappreżentant ġdid u waqfet twieġeb għall-komunikazzjonijiet min-naħa tal-Qorti Ġenerali. Billi ma weġbitx għall-komunikazzjonijiet min-naħa tal-Qorti Ġenerali sabiex tindika l-avukat li hija kienet ħatret bħala rappreżentant ġdid, ir-rikorrenti naqset, fil-mori tal-kawża, mill-obbligu proċedurali essenzjali msemmi fl‑Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    14      Madankollu, bil-kontra ta’ dak li jsostni l-EUIPO, in-nuqqas ta’ azzjoni tar-rikorrenti la jista’, fil-każ inkwistjoni, jiġi interpretat bħala rinunzja għall-atti skont l-Artikolu 125 tar-Regoli tal-Proċedura, la bħala impediment għat-tkomplija tal-proċeduri li jirrendi r-rikors manifestament iddestinat għaċ-ċaħda skont l-Artikolu 126 ta’ dawn ir-Regoli, u lanqas bħala eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku skont l-Artikolu 129 tal-imsemmija Regoli.

    15      L-ewwel nett, fir-rigward tal-argument tal-EUIPO li n-nuqqas ta’ azzjoni tar-rikorrenti jista’ jitqies bħala att ta’ rinunzja għall-atti, għandu jiġi rrilevat li, sabiex ikun jista’ jitqies li hemm rinunzja għall-atti, ir-rikorrent għandu juri rieda reali u esternalizzata li jirrinunzja għall-atti. Il-kundizzjoni li r-rieda għandha tkun reali timplika l-assenza ta’ kull dubju dwar l-eżistenza ta’ din ir-rieda. Għal dak li jirrigwarda n-natura esternalizzata tar-rinunzja għall-atti, dan ifisser b’mod partikolari li din tal-aħħar ma tistax tkun impliċita (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑15 ta’ Diċembru 2022, Leonardo vs Frontex, T‑675/20, mhux ippubblikat, EU:T:2022:870, punt 22).

    16      Issa, fil-każ ineżami, in-nuqqas ta’ ħatra ta’ rappreżentant ġdid u ta’ tweġiba għall-komunikazzjonijiet min-naħa tal-Qorti Ġenerali fit-termini stabbiliti ma huwiex biżżejjed sabiex jikkostitwixxi rinunzja għall-atti, peress li din ma hijiex ħielsa minn kull dubju dwar ir-rieda tar-rikorrenti li tirrinunzja għall-atti. Għaldaqstant, ma jistax jitqies li dan in-nuqqas ta’ azzjoni jammonta għal rinunzja għall-atti.

    17      It-tieni nett, fir-rigward tal-argument tal-EUIPO li n-nuqqas ta’ azzjoni tar-rikorrenti jikkostitwixxi tfixkil tal-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura li jippermetti li jitqies li r-rikors huwa manifestament iddestinat li jiġi miċħud, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 126 tar-Regoli tal-Proċedura, meta r-rikors ikun manifestament inammissibbli jew manifestament infondat fid-dritt, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li taqta’ l-kawża permezz ta’ digriet motivat, mingħajr ma tkompli l-proċedura. Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-ammissibbiltà ta’ rikors għandha tiġi evalwata b’riferiment għas-sitwazzjoni fil-mument tal-preżentata tar-rikors. Jekk, f’dak il-mument, il-kundizzjonijiet għall-preżentata tar-rikors ma jkunux issodisfatti, dan ikun għalhekk inammissibbli (sentenza tas‑27 ta’ Novembru 1984, Bensider et vs Il‑Kummissjoni, 50/84, EU:C:1984:365, punt 8; ara, f’dan is-sens, id-digriet tas‑6 ta’ Lulju 2017, Yanukovych vs Il‑Kunsill, C‑505/16 P, EU:C:2017:525, punt 53).

    18      Fil-każ ineżami, għandu jiġi kkonstatat li l-kundizzjoni ta’ ammissibbiltà tar-rikors dwar ir-rappreżentanza tar-rikorrenti kienet debitament issodisfatta fil-mument tal-preżentata tar-rikors. Peress li l-fatt li r-rikorrenti ma taħtarx rappreżentant ġdid u ma tweġibx għall-komunikazzjonijiet min-naħa tal-Qorti Ġenerali fil-mori tal-kawża la jaffettwa l-ammissibbiltà tar-rikors fil-mument tal-preżentata tiegħu u lanqas il-fondatezza tiegħu, dan ma jippermettix li jitqies li dan ir-rikors huwa manifestament iddestinat li jiġi miċħud.

    19      It-tielet nett, fir-rigward tal-argument tal-EUIPO li n-nuqqas ta’ azzjoni tar-rikorrenti jikkostitwixxi eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà li tista’ titqajjem ex officio mill-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 129 tar-Regoli tal-Proċedura, huwa biżżejjed li jitfakkar li n-nuqqas ta’ azzjoni tar-rikorrenti seħħ fil-mori tal-kawża u għalhekk ma huwiex ta’ natura li jaffettwa l-ammissibbiltà tar-rikors fil-mument tal-preżentata tiegħu. Barra minn hekk, l-assenza ta’ ħatra fil-forma debita ta’ rappreżentant ġdid tista’ tikkostitwixxi, skont il-ġurisprudenza, prova suffiċjenti li r-rikorrent ma għadx għandu interess ġuridiku (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑12 ta’ Settembru 2013, Yaqub vs UASI – Turkey (Ataturk), T‑580/12, mhux ippubblikat, EU:T:2013:518, punt 7 u l-ġurisprudenza ċċitata), hija tista’ twassal biss għall-konstatazzjoni li ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni u mhux għal ċaħda tar-rikors bħala inammissibbli.

    20      Barra minn hekk, sa fejn l-EUIPO jsostni li l-konstatazzjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fil-kawża preżenti jkollha bħala konsegwenza li d-Deċiżjoni kkontestata ma tidħolx fis-seħħ, għandu jiġi rrilevat li din il-kawża hija differenti minn dawk li huwa jinvoka u li taw lok għad-digrieti tat‑12 ta’ April 2018, Cryo-Save vs EUIPO (C‑327/17 P, mhux ippubblikat, EU:C:2018:235); tat‑3 ta’ Lulju 2003, Lichtwer Pharma vs UASI – Biofarma (Sedonium) (T‑10/01, EU:T:2003:182); tas‑26 ta’ Novembru 2012, MIP Metro vs UASI – Real Seguros (real, — Bio) (T‑549/11, mhux ippubblikat, EU:T:2012:622); tal‑4 ta’ Lulju 2013, Just Music Fernsehbetriebs vs UASI – France Télécom (Jukebox) (T‑589/10, mhux ippubblikat, EU:T:2013:356); tat‑23 ta’ Frar 2021, Frutas Tono vs EUIPO – Agrocazalla (Marién) (T‑587/19, mhux ippubblikat, EU:T:2021:107); u tal‑14 ta’ Frar 2023, Laboratorios Ern vs EUIPO – Arrowhead Pharmaceuticals (Trim) (T‑428/22, mhux ippubblikat, EU:T:2023:80). Fil-fatt, dawn il-kawżi jikkonċernaw każijiet li fihom, matul l-istanza quddiem il-Qorti Ġenerali jew il-Qorti tal-Ġustizzja, seħħew avvenimenti li, jew eliminaw l-iskop tal-proċedimenti quddiem l-EUIPO minħabba l-irtirar tal-oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jew l-irtirar tat-talba għal revoka tat-trade mark ikkontestata, jew kellhom effetti fuq il-validità tad-dritt preċedenti jew tad-dritt suġġett tat-talba għal protezzjoni tas-sistema tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea. Kull wieħed minn dawn l-avvenimenti wassal lill-qorti tal-Unjoni sabiex tikkonstata, essenzjalment, li r-rikors ma kienx għad għandu skop fis-sens tal-Artikolu 113 jew tal-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat‑2 ta’ Mejju 1991, tal-Artikolu 130(2) jew tal-Artikolu 131(1) tar-Regoli tal-Proċedura u li, b’applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, ma kienx għad hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq ir-rikors.

    21      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li ebda waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet ma hija preżenti fil-każ ineżami. Fil-fatt, l-intervenjenti ma rtiratx it-talba tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark tar-rikorrenti. Barra minn hekk, ma seħħ ebda avveniment relatat mal-validità tad-dritt preċedenti inkwistjoni tal-intervenjenti. Għalhekk, fil-każ ineżami, il-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità mressqa quddiem l-EUIPO żammew l-iskop tagħhom. Id-Deċiżjoni kkontestata, li kkonstatat l-invalidità tat-trade mark tar-rikorrenti, ma skadietx. L-effetti tagħha ġew sospiżi biss sakemm tingħata d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, li hija adita mir-rikorrenti.

    22      Il-fatt li r-rikorrenti waqfet twieġeb għall-komunikazzjonijiet min-naħa tal-Qorti Ġenerali, u b’hekk irrinunzjat milli tiddefendi l-interessi tagħha mingħajr madankollu ma rrinunzjat għar-rimedju tagħha, għalhekk ma għandux effett fuq il-proċedimenti quddiem l-EUIPO u, konsegwentement, fuq is-suġġett tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, iżda biss fuq il-kundizzjonijiet għat-tkomplija tal-eżami tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali.

    23      F’dan il-kuntest, il-konstatazzjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni mill-Qorti Ġenerali abbażi tal-Artikolu 131(2) tar-Regoli tal-Proċedura ma tistax tipprekludi d-Deċiżjoni kkontestata milli jkollha l-effetti tagħha.

    24      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-uniku għan tal-mekkaniżmu stabbilit mill-Artikolu 71(3) tar-Regolament 2017/1001 jikkonsisti fil-fatt li d-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell ma jipproduċux effetti fl-istennija tal-eżitu tal-proċedura ġudizzjarja, sabiex jiġi ggarantit lill-partijiet ikkonċernati mid-deċiżjonijiet tal-EUIPO protezzjoni legali adattata għall-partikolarità tad-dritt tat-trade marks. Fil-fatt, ikun nieqes minn kull raġuni li tiġi rreġistrata trade mark, imbagħad li titħassar mir-reġistru u, jekk ikun il-każ, li tiġi rreġistrata mill-ġdid skont id-deċiżjonijiet mogħtija suċċessivament mill-istanzi tal-EUIPO u mill-qorti tal-Unjoni. Minn dan isegwi li, għalkemm, ċertament, il-konstatazzjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni ma tinsabx espressament fl-Artikolu 71(3) tar-Regolament 2017/1001 bħala terminu tal-effett sospensiv tar-rikorsi ppreżentati kontra d-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell, għandu jitqies li, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, konstatazzjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni abbażi tal-Artikolu 131(2) tar-Regoli tal-Proċedura għandha tiġi assimilata ma’ ċaħda tal-azzjoni mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali fis-sens tal-Artikolu 71(3) tar-Regolament 2017/1001.

    25      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jitqies ex officio, skont l-Artikolu 131(2) tar-Regoli tal-Proċedura, li ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq dan ir-rikors.

     Fuq lispejjeż

    26      Skont l-Artikolu 137 tar-Regoli tal-Proċedura, fil-każ li ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni, il-Qorti Ġenerali għandha tuża d-diskrezzjoni tagħha fid-deċiżjoni dwar l-ispejjeż.

    27      Fil-każ ineżami, il-Qorti Ġenerali tqis, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, li hemm lok li r-rikorrenti tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk imġarrba mill-intervenjenti, peress li l-EUIPO informa lill-Qorti Ġenerali li huwa ma ġarrabx spejjeż li jistgħu jinġabru.

    Għal dawn il-motivi,

    IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża)

    tordna:

    1)      Ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq ir-rikors preżenti.

    2)      Synapsa Med sp. z o.o. hija kkundannata għall-ispejjeż tagħha stess kif ukoll dawk imġarrba minn Gravity Brand Holdings LLC.

    Magħmul fil-Lussemburgu, fis‑7 ta’ Awwissu 2024.

    Ir-Reġistratur

     

          Il-Presidenta

    V. Di Bucci,

     

          A. Marcoulli


    *      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Top