EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62023TN0516

Kawża T-516/23: Rikors ippreżentat fil-21 ta’ Awwissu 2023 – Lucaccioni vs Il-Kummissjoni

ĠU C, C/2023/662, 13.11.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/662/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/662/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje C


C/2023/662

13.11.2023

Rikors ippreżentat fil-21 ta’ Awwissu 2023 – Lucaccioni vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-516/23)

(C/2023/662)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrent: Arnaldo Lucaccioni (Londra, ir-Renju Unit) (rappreżentant: A. Silvestri, avukat)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Settembru 2022, li tiċħad l-ilment R/553/22 imressaq mir-rikorrent;

tiddeċiedi li tipproponi li tiġi eżaminata l-possibbiltà li jintlaħaq ftehim bonarju fir-rigward tat-tilwima.

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tnax-il motiv.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-irregolarità mwettqa mill-Awtorità tal-Ħatra meta kkonvokat il-Kumitat Mediku fl-14 ta’ Frar 2020 mingħajr ma ġie nnominat it-tielet tabib.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq l-irregolarità mwettqa mill-Awtorità tal-Ħatra meta aċċettat in-nuqqas ta’ applikazzjoni sistematika, mit-tieni u mit-tielet tabib, tal-mandat tal-Kumitat Mediku: b’mod partikolari l-ewwel tliet punti tal-mandat, kif ukoll it-tweġiba speċifika għall-punti 103, 105, 107, 108, 110 u 111 tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Ottubru 2017, fil-Kawża T-551/16, Lucaccioni vs Il-Kummissjoni.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq l-irregolarità mwettqa mill-Awtorità tal-Ħatra meta aċċettat in-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-Karta tal-Kumitati Mediċi fir-rigward tal-minuti tat-tieni u tat-tielet laqgħa tal-Kumitat Mediku.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq l-irregolarità mwettqa mill-Awtorità tal-Ħatra meta eskludiet lir-rikorrent, ex officio u mingħajr raġuni valida, minn żewġ laqgħat tal-Kumitat Mediku, filwaqt li l-preżenza tiegħu kienet prevista mill-mandat.

5.

Il-ħames motiv ibbażat fuq l-irregolarità mwettqa mill-Awtorità tal-Ħatra meta aċċettat li fir-rapport finali tal-Kumitat Mediku ma jiġux indikati bħala kkontestati tliet rapporti mediċi bażiċi, minkejja li l-mandat kien jimponi dan.

6.

Is-sitt motiv ibbażat fuq l-irregolarità mwettqa mill-Awtorità tal-Ħatra meta aċċettat li fir-rapport finali t-tieni u t-tielet tabib, mingħajr ebda speċjalizzazzjoni psikjatrika, u mingħajr kontribuzzjoni esterna, ikkontestaw ir-rapport mediku-psikjatriku ta’ tabib kliniku rreputat, magħżul mit-tielet tabib innifsu, sussegwentement għal konsultazzjoni medika personali komprensiva.

7.

Is-seba’ motiv ibbażat fuq l-assimilazzjoni serja, mit-tieni u mit-tielet tabib, tad-dannu psikoloġiku, ikkumpensat, għal raġunijiet validi sal-1994, mad-dannu psikoloġiku għal raġunijiet sussegwenti għall-1994, diġà kkontestata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2017, fil-Kawża T-551/16, Lucaccioni vs Il-Kummissjoni.

8.

It-tmien motiv ibbażat fuq l-uniku vot mogħti mit-tieni u mit-tielet tabib waqt il-laqgħa tal-Kumitat Mediku tal-14 ta’ Frar 2020, li ma jaqax taħt il-kuntest tal-eżerċizzju tax-xjenza medika.

9.

Id-disa’ motiv ibbażat fuq il-ġustifikazzjoni għaċ-ċifra ta’ 70 % fir-rigward tal-indeboliment respiratorju li qatt ma ġie ddikjarat mir-rikorrent, qatt ma ġie rrikonoxxut qabel l-1994 u meqjus bħala eżatt mill-istess tielet tabib, li minnha jirriżulta b’mod ċar li dan l-indeboliment respiratorju seħħ wara din id-data u mhux wara s-sena 2000, data tad-dikjarazzjoni tar-rikorrent.

10.

L-għaxar motiv ibbażat fuq il-ġustifikazzjoni għaċ-ċifra ta’ 50 % minħabba dipressjoni kbira, li qatt ma ġiet iddikjarata mir-rikorrent u qatt ma ġiet irrikonoxxuta qabel l-1994, irrikonoxxuta minn tabib kliniku rreputat, iżda li ġiet espliċitament ikkontestata mit-tielet tabib minħabba li seħħet wara s-sena 1994 u qabel is-sena 2000, data tad-dikjarazzjoni tal-ewwel deterjorament fis-sens tal-Artikolu 14 tar-Regoli komuni dwar l-assigurazzjoni għar-riskji ta’ inċidenti u ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol tal-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, fil-verżjoni preċedenti għall-1 ta’ Jannar 2006.

11.

Il-ħdax-il motiv ibbażat fuq il-kontestazzjoni għaċ-ċifra ta’ 10 % għad-dannu “disturb funzjonali tal-irqad dovut għall-alterazzjoni tad-dekubitus laterali tax-xellug”, iċċertifikata minn rapport mediku tal-isptar u meqjusa bħala perċentwali minima fost id-“disturbi tal-irqad” previsti mill-B.O.B.I. (Barème officiel belge des invalidités; Tabella Uffiċjali Belġjana tal-Invalidità).

12.

It-tnax-il motiv ibbażat fuq it-tieni deterjorament ddikjarat fit-8 ta’ Marzu 2021.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/662/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)


Top