Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62023TN0348

    Kawża T-348/23: Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Ġunju 2023 – Zalando vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 314, 4.9.2023, p. 9–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    4.9.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 314/9


    Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Ġunju 2023 – Zalando vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-348/23)

    (2023/C 314/13)

    Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

    Partijiet

    Rikorrent: Zalando SE (Berlin, il-Ġermanja) (rappreżentanti: R. Briske, K. Ewald, L. Schneider u J. Trouet, avukati)

    Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-25 ta’ April 2023, Każ C(2023) 2727 final,

    tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż tal-kawża.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka il-motivi li ġejjin.

    1.

    L-ewwel motiv: nuqqas ta’ osservanza tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/2065 (1) (Digital Services Act, iktar ’il quddiem id-“DSA”) u applikazzjoni żbaljata tad-DSA.

    Ir-rikorrenti hija tal-fehma li d-DSA ma japplikax għaliha, peress li ma hijiex servizz intermedjarju u konsegwentement la servizz ta’ hosting u lanqas pjattaforma online fis-sens tad-DSA. Il-provvista meħtieġa ta’ kontenut ta’ terzi hija nieqsa. Ir-rikorrenti tipprovdi l-kontenut tagħha stess billi tbigħ l-artikoli tagħha u tadotta wkoll bis-sħiħ il-kontenut tal-imsieħba tagħha permezz ta’ proċess strett ta’ onboarding.

    Anki li kieku parti mis-servizz jikkwalifika bħala pjattaforma online, din ma tilħaqx il-limitu ta’ 45 miljun utent attiv fix-xahar. Il-konvenuta tinjora n-natura ibrida tas-servizz: mhux l-utenti kollha tas-servizz huma awtomatikament esposti għal kontenut ipprovdut minn terzi, iżda hija meħtieġa differenzjazzjoni preċiża.

    Il-konvenuta tibbaża ruħha fuq kriterji żbaljati, bħal li l-fornitur allegatament ma huwiex identifikabbli. Hija tonqos milli tirrikonoxxi li din ma hijiex karatteristika deċiżiva, iżda pjuttost, bil-maqlub, hija ssostni s-suppożizzjoni tal-eżistenza ta’ kontenut proprju, filwaqt li tqies l-evalwazzjonijiet skont id-dritt tal-Unjoni.

    2.

    It-tieni motiv: in-natura ambigwa tal-Artikolu 33(1) u (4) flimkien mal-Artikolu 24(2) tad-DSA.

    L-ispeċifikazzjonijiet għall-kalkolu tal-limitu huma wisq impreċiżi u jiksru l-prinċipju ta’ ċertezza legali skont id-dritt tal-Unjoni. L-Artikolu 33(1) tad-DSA għalhekk ma huwiex bażi legali li tikkonforma mad-dritt tal-Unjoni. Minħabba n-natura legali tagħha u l-kontenut mhux komplut tagħha, il-premessa 77 tad-DSA ma hijiex biżżejjed għad-determinazzjoni tal-metodu ta’ kalkolu, peress li wisq mistoqsijiet essenzjali jitħallew mingħajr tweġiba. Din tiddeskrivi biss min huwa kopert, iżda mhux kif. Fl-aħħar mill-aħħar, il-kriterji ma setgħux jiġu ddeterminati biżżejjed mingħajr l-adozzjoni ta’ att delegat. L-inadegwatezza hija ċara permezz ta’ tqabbil mar-Regolament (UE) 2022/1925 (2) (Digital Markets Act): dan huwa bbażat parzjalment fuq l-istess valur limitu, iżda jmur lil hinn peress li jispjega l-kriterji ta’ kalkolu f’anness separat. Madankollu, ma kienx hemm ukoll speċifikazzjonijiet ta’ kalkolu speċifiċi biżżejjed.

    3.

    It-tielet motiv: ksur tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza.

    In-natura ambigwa tal-metodu ta’ kalkolu tikser l-ewwel sentenza tal-Artikolu 2 TUE u l-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropa, peress li dan iwassal għal trattament (de facto) mhux ugwali tal-fornituri ta’ pjattaformi online. Il-fornituri jimlew il-vojt, li jirriżulta b’mod partikolari mill-fatt li t-traċċar ta’ utenti individwali huwa pprojbit, b’metodi inkonsistenti u mhux trasparenti. Fl-istess ħin, id-DSA ma jipprovdi għall-ebda kontroll obbligatorju tal-metodi kollha ta’ kalkolu, iżda biss għal kontrolli ad hoc. Dan ma joħloqx kundizzjonijiet ekwi għall-fornituri ta’ servizzi li jikkompetu. Barra minn hekk, id-DSA jikser il-prinċipju ta’ trattament ugwali fis-sens li limitu ġenerali japplika għall-pjattaformi online kollha, irrispettivament mill-kriterji bbażati fuq ir-riskju tas-servizzi rispettivi.

    4.

    Ir-raba’ motiv: ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

    L-applikazzjoni tad-DSA tolqot b’mod sproporzjonat il-libertajiet u d-drittijiet bażiċi tar-rikorrenti u b’hekk tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(4) TUE. Minn naħa, il-limitu ġenerali ma huwiex xieraq, u min-naħa l-oħra, l-impożizzjoni ta’ obbligi ulterjuri fuq ir-rikorrenti ma għadhiex meħtieġa, peress li l-kummerċ online huwa diġà rregolat (iżżejjed).

    5.

    Il-ħames motiv: ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

    Fid-deċiżjoni tagħha, il-konvenuta kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni skont l-Art 296 TFUE, b’tali mod li r-rikorrenti, bħala d-destinatarju, ma setgħetx tifhimha. Kwalunkwe subsunzjoni taħt id-definizzjoni tas-servizz ta’ hosting skont l-Artikolu 3(g)(iii) tad-DSA hija nieqsa, għalkemm dan huwa kruċjali għall-applikabbiltà tal-Artikolu 33 tad-DSA.


    (1)  Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali) (ĠU 2022, L 277, p. 1).

    (2)  Regolament (UE) 2022/1925 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2022 dwar swieq kontestabbli u ġusti fis-settur diġitali u li jemenda d-Direttivi (UE) 2019/1937 u (UE) 2020/1828 (l-Att dwar is-Swieq Diġitali) (ĠU 2022, L 265, p. 1).


    Top