This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62023TN0142
Case T-142/23: Action brought on 13 March 2023 — Swenters v Commission
Kawża T-142/23: Rikors ippreżentat fit-13 ta’ Marzu 2023 – Swenters vs Il-Kummissjoni
Kawża T-142/23: Rikors ippreżentat fit-13 ta’ Marzu 2023 – Swenters vs Il-Kummissjoni
ĠU C 189, 30.5.2023, p. 35–35
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
30.5.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 189/35 |
Rikors ippreżentat fit-13 ta’ Marzu 2023 – Swenters vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-142/23)
(2023/C 189/46)
Lingwa tal-kawża: l-Olandiż
Partijiet
Rikorrent: Ivo Swenters (Hasselt, il-Belġju) (rappreżentant: J. Coninx, avukat)
Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
— |
tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat rigward il-forma u l-kontenut tiegħu; |
— |
konsegwentement, tannulla d-deċiżjoni kkontestata; |
— |
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż. |
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu kontra d-deċiżjoni tat-13 ta’ Jannar 2023 li permezz tagħha l-Kummissjoni ċaħdet l-ilment tiegħu rigward ksur tal-Artikoli 101 u 102 TFUE li allegatament twettaq minn SCR-Sibelco NV, Cimenteries C.B.R. Cementbedrijven NV, Grintbedrijf SBS NV, Kiezelgroeve Varenberg NV, Dragages Graviers et Travaux (Dragratra) NV, Sibelco Nederland BV, Van Nieuwpoort Groep BV, Heidelbergcement AG u Hülskens Holding GmbH & Co. (Każ AT.40683 – Ramel Belġjan), ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi.
1. |
L-ewwel motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ta’ investigazzjoni u tal-obbligu ta’ motivazzjoni Il-Kummissjoni naqset milli twettaq l-obbligu tagħha li teżamina bir-reqqa ċ-ċirkustanzi u ftehimiet invokati mir-rikorrent, minkejja l-eżistenza ta’ restrizzjonijiet estremi tal-kompetizzjoni. L-argumenti invokati mir-rikorrent ġew miċħuda mingħajr ma ġew eżaminati u, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni sempliċement għamlet konstatazzjonijiet sommarji u superfiċjali. |
2. |
It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma evalwatx b’mod korrett l-interessi tal-Unjoni Il-Kummissjoni qieset b’mod żbaljat li l-ksur invokat mir-rikorrent jidher limitat għal ġewwa Stat Membru wieħed u b’dan il-mod hija injorat il-portata internazzjonali tal-fatti. Il-Kummissjoni lanqas ma ħadet inkunsiderazzjoni t-tul ta’ żmien tal-ksur u kkonkludiet b’mod żbaljat li l-qrati u l-awtoritajiet nazzjonali huma f’pożizzjoni tajba sabiex jeżaminaw il-prattiki antikompetittivi invokati mir-rikorrent. |