Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62023TN0116

    Kawża T-116/23: Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Frar 2023 – Medel et vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 189, 30.5.2023, p. 33–35 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    30.5.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 189/33


    Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Frar 2023 – Medel et vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-116/23)

    (2023/C 189/45)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrenti: Magistrats européens pour la démocratie et les libertés (Medel) (Strasbourg, Franza), International Association of Judges (Ruma, l-Italja), Association of European Administrative Judges (Trier, il-Ġermanja), Stichting Rechters voor Rechters (Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi) (rappreżentanti: C. Zatschler, SC, E. Egan McGrath, Barrister-at-Law, A. Bateman u M. Delargy, Solicitors)

    Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla l-Ftehim ta’ Finanzjament bejn il-Kummissjoni u r-Repubblika tal-Polonja konkluż konformement mal-Artikolu 23(1) tar-Regolament 2021/241 fl-24 ta’ Awwissu 2022;

    tannulla l-Ftehim ta’ Self bejn il-Kummissjoni u r-Repubblika tal-Polonja konkluż konformement mal-Artikolu 15(2) tar-Regolament 2021/241 fl-24 ta’ Awwissu 2022;

    tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tagħha stess u dawk tal-appellanti.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw sitt motivi.

    1.

    L-ewwel motiv: id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2022 dwar l-approvazzjoni tal-evalwazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Polonja (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill”), li abbażi tagħha l-Kummissjoni kkonkludiet il-Ftehimiet ta’ Finanzjament u ta’ Self imsemmija iktar ’il fuq (iktar ’il quddiem il-“Ftehimiet ta’ Finanzjament u ta’ Self ikkontestati”), hija invalida peress li l-Kunsill injora l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta mis-sentenzi tad-19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema tal-Polonja) (C-585/18, C-624/18 u C-625/18, EU:C:2019:982), u tal-15 ta’ Lulju 2021, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Sistema dixxiplinari applikabbli għall-membri tal-ġudikatura) (C-791/19, EU:C:2021:596), kif ukoll mid-digriet tat-8 ta’ April 2020, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (C-791/19 R, EU:C:2020:277) u mid-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Lulju 2021, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (C-204/21 R, EU:C:2021:593), u kiser l-Artikoli 2 u 13(2) TUE.

    Ir-rikorrenti jsostnu wkoll, taħt dan il-motiv, li l-Kunsill mar lil hinn mill-kompetenza tiegħu sa fejn ippretenda li jista’ jiddetermina kif il-Polonja għandha tikkonforma ruħha mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema tal-Polonja (iktar ’il quddiem l-“Awla Dixxiplinari”).

    2.

    It-tieni motiv: id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill hija invalida sa fejn il-Kunsill kiser l-Artikoli 2 u 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), kif interpretati b’mod awtorevoli mill-Qorti tal-Ġustizzja.

    Insostenn ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti jargumentaw li l-istadji importanti, li fuqhom hija bbażata d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill, jiksru l-Artikoli 2 u 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta sa fejn:

    jagħtu effetti legali lid-deċiżjonijiet tal-Awla Dixxiplinari minflok ma jqisuhom nulli,

    jimponu piżijiet proċedurali addizzjonali, inċertezza u dewmien fuq il-membri tal-ġudikatura milquta minn deċiżjonijiet illegali tal-Awla Dixxiplinari billi jeżiġu li l-membri tal-ġudikatura inkwistjoni jressqu proċeduri ġodda quddiem awla kkostitwita b’mod ġdid fi ħdan il-Qorti Suprema sabiex jeskludu dubji dwar ir-reputazzjoni tagħhom; u

    lanqas ma jipprevedu l-possibbiltà li l-membri tal-ġudikatura inkwistjoni jiġu stabbiliti mill-ġdid fil-funzjoni tagħhom, minn tal-inqas b’mod temporanju, fl-istennija tal-eżitu tal-proċeduri ta’ stħarriġ.

    3.

    It-tielet motiv: id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill hija invalida peress li l-istadji importanti F1G, F2G u F3G stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill huma insuffiċjenti sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid protezzjoni ġudizzjarja effettiva fil-Polonja, li hija rekwiżit meħtieġ għall-funzjonament ta’ sistema ta’ stħarriġ interna. Ir-rikorrenti jargumentaw li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill b’hekk tikser l-Artikoli 20(5)(e) u 22 tar-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU 2021, L 57, p. 17, rettifika fil-ĠU 2021, L 410, p. 197), u l-Artikolu 325 TFUE, li jirrikjedu stħarriġ intern effettiv u effiċjenti.

    4.

    Ir-raba’ motiv: id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill hija invalida għaliex il-Kunsill wettaq żball ta’ liġi u/jew żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 19(3) tar-Regolament 2021/241 meta approva l-istadji importanti bħala “arranġamenti adegwati” għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-korrezzjoni tal-korruzzjoni fil-Polonja.

    5.

    Il-ħames motiv: id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill hija invalida għaliex il-Kunsill naqas milli jagħti motivazzjoni adegwata għaliha, bi ksur tal-Artikolu 296 TFUE, tal-Artikolu 41 tal-Karta u tal-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni.

    6.

    Is-sitt motiv: il-Ftehimiet ta’ Finanzjament u ta’ Self ikkontestati, konklużi mill-Kummissjoni, imorru lil hinn mill-kompetenzi mogħtija lill-Kummissjoni permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill u tar-Regolament (UE) 2021/241, u għalhekk imorru kontra d-dritt tal-Unjoni sa fejn l-Artikoli 6(5) u 18(1) tal-Ftehim ta’ Finanzjament u l-Artikoli 7(5) u 28(1) tal-Ftehim ta’ Self jipprevedu l-possibbiltà li l-finanzjament jiġi rrilaxxat anki jekk ma jintlaħqux l-istadji importanti F1G, F2G u F3G, marbuta mal-Istat tad-dritt, previsti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill.


    Top