Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62023CN0281

    Kawża C-281/23 P: Appell ippreżentat fit-30 ta’ April 2023 minn Polskie sieci elektroenergetyczne S.A., RTE Réseau de transport d'électricité, Svenska kraftnät, TenneT TSO BV mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla Estiża) fil-15 ta’ Frar 2023 fil-Kawża T-606/20, Austrian Power Grid et vs ACER

    ĠU C 261, 24.7.2023, p. 12–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    24.7.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 261/12


    Appell ippreżentat fit-30 ta’ April 2023 minn Polskie sieci elektroenergetyczne S.A., RTE Réseau de transport d'électricité, Svenska kraftnät, TenneT TSO BV mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla Estiża) fil-15 ta’ Frar 2023 fil-Kawża T-606/20, Austrian Power Grid et vs ACER

    (Kawża C-281/23 P)

    (2023/C 261/19)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Appellanti: Polskie sieci elektroenergetyczne S.A., RTE Réseau de transport d'électricité, Svenska kraftnät, TenneT TSO BV (rappreżentanti: M. Levitt, avocat, B. Byrne, u D. Jubrail, Solicitors)

    Parti oħra fil-proċedura: L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER)

    Talbiet

    L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla kompletament jew parzjalment is-sentenza appellata;

    tannulla kompletament jew parzjalment id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-ACER tas-16 ta’ Lulju 2020 fil-Każ Nru A-001-2020 (ikkonsolidata) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”); u

    tordna lill-ACER tħallas l-ispejjeż tal-appellanti marbuta ma’ dan l-appell u mal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jressqu żewġ aggravji.

    L-ewwel, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li l-Bord tal-Appell ma kienx kiser l-obbligu tiegħu li jwettaq stħarriġ komplet tad-Deċiżjoni sottostanti tal-ACER Nru 02/2020 tal-24 ta’ Jannar 2020 dwar il-Qafas ta’ implimentazzjoni għall-pjattaforma Ewropea għall-iskambju ta’ enerġija tal-ibbilanċjar mir-riżervi għar-restawr tal-frekwenza b’attivazzjoni awtomatika. Meta adotta d-deċiżjoni kontenzjuża, il-Bord tal-Appell interpreta l-obbligi legali tiegħu fis-sens li ma jeżiġux stħarriġ komplet ta’ evalwazzjonijiet tekniċi kumplessi. Din l-interpretazzjoni, li tmur kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kienet riflessa fil-formulazzjoni espliċita tad-deċiżjoni kontenzjuża. Il-Qorti Ġenerali ma kienx imissha interpretat mill-ġdid il-formulazzjoni espliċita tad-deċiżjoni kontenzjuża sabiex tasal għall-konklużjoni – f’kontradizzjoni diretta ma’ din il-formulazzjoni, li l-Bord tal-Appell kien wettaq stħarriġ komplet.

    It-tieni, il-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat l-Artikoli 21 u 37 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/2195 tat-23 ta’ Novembru 2017 li jistabbilixxi linji gwida dwar l-ibbilanċjar tal-elettriku (1) fl-evalwazzjoni tagħha tal-bażi legali għal funzjonijiet “meħtieġa” tal-pjattaforma skont l-Artikolu 21. L-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żewġ żbalji legali speċifiċi. L-ewwel, għall-kuntrarju tat-terminoloġija u tal-istruttura tar-Regolament tal-Kummissjoni 2017/20195, il-Qorti Ġenerali kkonstatat b’mod żbaljat li l-ġestjoni tal-kapaċità permezz tal-kalkolu tal-kapaċità transżonali hija funzjoni meħtieġa tal-pjattaforma koperta mill-Artikolu 21 minħabba li l-Artikolu 37 jeħtieġ li l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni (iktar ’il quddiem it-“TSO”) jwettqu proċess ta’ aġġornament kontinwu tal-kapaċità transżonali. It-tieni, il-Qorti Ġenerali naqset milli tosserva d-distinzjoni bejn l-obbligi legali tat-TSO li jwettqu funzjoni “meħtieġa” tal-pjattaforma taħt l-Artikolu 21 u d-drittijiet tagħhom (previsti fl-istess dispożizzjoni) li jipproponu funzjonijiet addizzjonali tal-pjattaforma.


    (1)  ĠU 2017, L 312, p. 6.


    Top