Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62023CN0239

    Kawża C-239/23, Karl und Georg Anwander Güterverwaltung: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Sigmaringen (il-Ġermanja) fis-17 ta’ April 2023 – Karl und Georg Anwander GbR Güterverwaltung vs Land Baden-Württemberg

    ĠU C 252, 17.7.2023, p. 25–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    17.7.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 252/25


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Sigmaringen (il-Ġermanja) fis-17 ta’ April 2023 – Karl und Georg Anwander GbR Güterverwaltung vs Land Baden-Württemberg

    (Kawża C-239/23, Karl und Georg Anwander Güterverwaltung)

    (2023/C 252/29)

    Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

    Qorti tar-rinviju

    Verwaltungsgericht Sigmaringen

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrent: Karl und Georg Anwander GbR Güterverwaltung

    Konvenut: Land Baden-Württemberg

    Intervenjent: Freistaat Bayern

    Domandi preliminari

    1)

    Dispożizzjoni amministrattiva jew prassi nazzjonali fil-qasam tal-appoġġ għall-iżvilupp rurali li teskludi l-ħlas ta’ allowance kumpensatorja għal superfiċji li jinsabu f’żoni muntanjużi u f’żoni oħra li jaffaċċjaw restrizzjonijiet biss minħabba li s-superfiċji eliġibbli għall-allowance kumpensatorja jinsabu barra mir-reġjun, fis-sens tal-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (1), tal-Istat Membru li jagħti l-allowance kumpensatorja hija konformi mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 31(1) u mal-Artikolu 31(2), kif ukoll mal-Artikolu 32(1)(a), mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(2) u mat-tieni u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1305/2013? Il-post tax-xogħol tal-bidwi li jaħdem is-superfiċji jikkostitwixxi kriterju ta’ differenzjazzjoni permissibbli f’dan ir-rigward?

    2)

    L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 31(1) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dispożizzjonijiet ta’ Stat Membru jew ta’ reġjun tal-Istat Membru li ddeċieda li jagħti pagamenti lill-bdiewa li joperaw f’żoni muntanjużi u f’żoni oħra li jaffaċċjaw restrizzjonijiet, fis-sens tal-Artikolu 31(1) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, għandhom ikunu redatti b’tali mod li l-pagament għandu jingħata wkoll għal superfiċji li tkun ġiet ikklassifikata bħala żona muntanjuża jew żona oħra li taffaċċja restrizzjonijiet, fis-sens tal-Artikolu 31(1) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, minn Stat Membru ieħor jew minn reġjun ieħor tal-istess Stat Membru li wkoll iddeċieda li jagħti pagamenti lill-bdiewa li joperaw f’żoni muntanjużi u f’żoni oħra li jaffaċċjaw restrizzjonijiet fis-sens tal-Artikolu 31(1) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013?

    3)

    L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 31(1) u l-Artikolu 31(2) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, bħala prinċipju, minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta direttament dritt, taħt id-dritt tal-Unjoni, favur il-bidwi għall-għoti tal-pagament (allowance kumpensatorja) mill-Istat Membru jew mir-reġjun tal-Istat Membru, meta l-bidwi jkun bidwi attiv li jaħdem superfiċji li jkunu ġew ikklassifikati mill-Istat Membru jew mir-reġjun tal-Istat Membru bħala żona muntanjuża jew żona oħra li taffaċċja restrizzjonijiet fis-sens tal-Artikolu 32(1) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 u meta l-Istat Membru kkonċernat jew ir-reġjun tiegħu jkun iddeċieda li jagħti pagamenti (allowances kumpensatorji) fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 31(1) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013?

    Fil-każ ta’ risposta affermattiva għal din id-domanda:

    (a)

    Kontra min huwa dirett id-dritt li jirriżulta, taħt id-dritt tal-Unjoni, mill-Artikolu 31(1) tar-Regolament Nru 1305/2013? Dan huwa dejjem dirett kontra l-Istat Membru nnifsu jew, fi kwalunkwe każ, kontra r-reġjun (il-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Mru 1305/2013) tal-Istat Membru, jekk ir-reġjun ikun iddeċieda, indipendentement mill-Istat Membru, li jagħti allowance kumpensatorja lill-bdiewa skont l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1305/2013?

    (b)

    Id-dritt għall-allowance kumpensatorja taħt id-dritt tal-Unjoni jippreżupponi, bħala prinċipju, li l-bidwi jissodisfa kundizzjonijiet oħra li jmorru lil hinn minn dawk previsti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 31(1) u fl-Artikolu 31(2) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, li huma stipulati mill-Istat Membru jew mir-reġjun tiegħu li jagħti l-allowance kumpensatorja fl-ambitu tal-miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali tiegħu?

    4)

    Fil-każ ta’ risposta negattiva għat-tielet domanda:

    L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 31(1) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dispożizzjonijiet ta’ Stat Membru jew ta’ wieħed mir-reġjuni tiegħu li jinkludu l-kundizzjonijiet tal-għoti tal-pagament (allowance kumpensatorja) fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 31(1) tar-Regolament Nru 1305/2013 għandhom ikunu ta’ kwalità ġuridika li jippermettu li l-bdiewa jkollhom dritt għall-għoti tal-pagament (allowance kumpensatorja) jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet għal pagament stabbiliti mill-Istat Membru kkonċernat jew mir-reġjuni tiegħu, indipendentement mill-prassi fil-fatt applikata mill-Istat Membru jew mir-reġjun tiegħu fil-qasam tal-appoġġ għall-iżvilupp rurali?


    (1)  ĠU 2013, L 347, p. 487


    Top