Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62023CN0070

    Kawża C-70/23 P: Appell ippreżentat fit-8 ta’ Frar 2023 minn Westfälischen Drahtindustrie GmbH et mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla Estiża) fit-23 ta’ Novembru 2022 fil-Kawża T-275/20, Westfälische Drahtindustrie GmbH et vs Il-Kummissjoni Ewropea

    ĠU C 121, 3.4.2023, p. 7–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    3.4.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 121/7


    Appell ippreżentat fit-8 ta’ Frar 2023 minn Westfälischen Drahtindustrie GmbH et mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla Estiża) fit-23 ta’ Novembru 2022 fil-Kawża T-275/20, Westfälische Drahtindustrie GmbH et vs Il-Kummissjoni Ewropea

    (Kawża C-70/23 P)

    (2023/C 121/11)

    Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

    Partijiet

    Appellanti: Westfälische Drahtindustrie GmbH, Westfälische Drahtindustrie Verwaltungsgesellschaft mbH & Co. KG, Pampus Industriebeteiligungen GmbH & Co. KG (rappreżentanti: O. Duys u N. Tkatchenko, Rechtsanwälte)

    Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla s-sentenza appellata;

    tiddikjara invalida l-ittra tal-Kummissjoni Ewropea tat-2 ta’ Marzu 2020, li permezz tagħha l-Assistent Direttur Ġenerali għall-Baġit tal-Kummissjoni talbet li Westfälische Drahtindustrie GmbH tħallas lill-Kummissjoni ammont ta’ EUR 12 236 931,69;

    konsegwentement tiddikjara li l-ħlasijiet magħmula minn Westfälische Drahtindustrie GmbH lill-Kummissjoni bejn id-29 ta’ Ġunju 2011 u s-16 ta’ Ġunju 2015 fl-ammont ta’ EUR 16 400 000 flimkien mal-interessi kumpensatorji li saru dovuti fl-ammont ta’ EUR 1 420 610, li flimkien jammontaw għal EUR 17 820 610, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fir-rigward tal-multa awtonoma imposta mill-Qorti Ġenerali fil-kawża Westfälische Drahtindustrie et vs Il-Kummissjoni (T-393/10, EU:T:2015:515) b’effett mill-15 ta’ Lulju 2015 u li, minħabba l-ħlas tas-17 ta’ Ottubru 2019 fl-ammont ta’ EUR 18 149 636,24, din il-multa diġà tħallset fl-intier tagħha; u

    tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas lil Westfälische Drahtindustrie GmbH ammont ta’ EUR 1 633 085,17 flimkien mal-interessi kumpensatorji mis-17 ta’ Ottubru 2019, sar-rimbors sħiħ tal-ammont dovut;

    sussidjarjament, tannulla s-sentenza appellata u tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea, tħallas danni lit-tliet appellanti fl-ammont ta’ EUR 12 236 931,69 bi tpaċija tal-ammont mitlub mill-Kummissjoni lil Westfälische Drahtindustrie GmbH permezz tal-ittra tat-2 ta’ Marzu 2020 u li tħallas lil Westfälische Drahtindustrie GmbH l-ammont ta’ ħlas żejjed li huwa ta’ EUR 1 633 085,17 flimkien mal-interessi kumpensatorji mis-17 ta’ Ottubru 2019 sar-rimbors sħiħ tal-ammont dovut;

    sussidjarjament għat-talbiet li jidhru fl-ewwel sat-tielet inċiż, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għal deċiżjoni;

    u f’kull każ

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż sostnuti fil-proċedura fl-ewwel istanza u fil-proċedura fl-appell.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    L-appellanti jinvokaw tliet aggravji insostenn tal-appell tagħhom.

    1.

    Is-sentenza appellata tikser id-dritt tal-Unjoni u hija bbażata fuq motivazzjoni kontradittorja. Effettivament, il-Qorti Ġenerali tirrikonoxxi l-bidla fundamentali u s-sostituzzjoni tal-multa imposta fuq l-appellanti mill-Kummissjoni fis-sena 2010/2011. Madankollu, minkejja ċ-ċarezza tad-dispożittiv kuntrarju u l-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2015, fis-sentenza appellata huwa sostnut li d-deċiżjoni adottata illegalment mill-Kummissjoni fis-sena 2010/2011 u l-multa mhux ġusta li ġiet imposta fiha baqgħu mhux mibdula u identiċi.

    2.

    Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi legali li jirriżultaw mis-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2015. Il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju li l-obbligu li l-effetti jiġu eliminati, speċifikat fl-għoti tas-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2015, kellu jiġi implimentat mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

    3.

    Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kisret id-dritt proċedurali bażiku tal-appellanti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fil-forma tat-talba tagħhom għal smigħ xieraq. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motivi kollha tagħhom bl-istess motivazzjoni li biha l-multa emendata permezz tas-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2015 ma kinitx multa ġdida. Id-deċiżjoni meħuda fis-sentenza appellata rigward in-natura legali tal-multa tqajjem dubji. Barra minn hekk, bejn id-diversi motivi ma teżistix tali rabta mill-qrib li tkun tiġġustifika ċ-ċaħda tagħha permezz ta’ argument legali wieħed. Pjuttost, il-Qorti Ġenerali kellha twettaq eżami individwali u bir-reqqa tal-motivi kollha. Ma huwiex possibbli li jiġi stabbilit li l-Qorti Ġenerali pprovdiet motivazzjoni suffiċjenti sabiex tiċħad l-motivi kollha fis-sentenza appellata.


    Top