Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62023CN0051

    Kawża C-51/23 P: Appell ippreżentat fl-1 ta’ Frar 2023 minn Validity Foundation – Mental Disability Advocacy Centre mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fit-22 ta’ Novembru 2022 fil-Kawża T-640/20, Validity vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 189, 30.5.2023, p. 8–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    30.5.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 189/8


    Appell ippreżentat fl-1 ta’ Frar 2023 minn Validity Foundation – Mental Disability Advocacy Centre mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fit-22 ta’ Novembru 2022 fil-Kawża T-640/20, Validity vs Il-Kummissjoni

    (Kawża C-51/23 P)

    (2023/C 189/12)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Appellant: Validity Foundation – Mental Disability Advocacy Centre (rappreżentanti: B. Van Vooren, advocaat, u M.R. Oyarzabal Arigita, abogada)

    Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tiddikjara l-appell ammissibbli u fondat;

    tannulla d-digriet tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Novembru 2022 fil-Kawża T-640/20, Validity vs Il-Kummissjoni;

    tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 5540 final tas-6 ta’ Awwissu 2020 u Deċiżjoni C(2021) 2834 final tad-19 ta’ April 2021; u

    tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż; jew

    sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għal deċiżjoni fuq il-mertu u tirriżerva l-ispejjeż.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    Fl-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti tikkontesta l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li ma hemmx riskju li l-Kummissjoni tikser fil-ġejjieni l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament dwar it-Trasparenza”) minħabba li:

    i.

    il-bażi legali “klima ta’ fiduċja reċiproka” ma tikkostitwixxix preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità; u

    ii.

    ma hemm l-ebda riskju li l-Kummissjoni terġa’ tinvoka bażi legali vaga, bħalma hija “klima ta’ fiduċja reċiproka”, f’talbiet fil-ġejjieni għal aċċess għal dokumenti.

    Fit-tieni aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li ma hemm l-ebda riskju li jerġa’ jkun hemm ksur tal-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ amministrazzjoni tajba, u li jerġa’ jsir ksur procedurali tar-Regolament dwar it-Trasparenza li seħħew fil-proċedura li waslet għal dawn il-proċedimenti.


    Top