This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62023CJ0265
Judgment of the Court (Sixth Chamber) of 11 July 2024.#Criminal proceedings against DM and Others.#Request for a preliminary ruling from the Okrazhen sad - Sliven.#Reference for a preliminary ruling – Judicial cooperation in criminal matters – Fight against organised crime – Framework Decision 2008/841/JHA – Right to an effective remedy and to a fair trial – Articles 47 and 52 of the Charter of Fundamental Rights of the European Union – Second subparagraph of Article 19(1) TEU – Excessive length of the pre-trial stage of the criminal proceedings – Substantive infringements of procedural rules, but which are capable of being remedied, affecting the indictment – Right of the accused person to have the criminal proceedings against him or her brought to an end.#Case C-265/23.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tal-11 ta’ Lulju 2024.
Proċeduri kriminali kontra DM et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Okrazhen sad - Sliven.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Ġlieda kontra l-kriminalità organizzata – Deċiżjoni Qafas 2008/841/ĠAI – Dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali – Artikoli 47 u 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – Tul eċċessiv tal-fażi preliminari tal-proċeduri kriminali – Ksur sostanzjali iżda li jista’ jiġi rrimedjat tar-regoli proċedurali li jivvizzja l-att ta’ akkuża – Dritt tal-persuna akkużata li ttemm il-proċeduri kriminali mibdija kontriha.
Kawża C-265/23.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tal-11 ta’ Lulju 2024.
Proċeduri kriminali kontra DM et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Okrazhen sad - Sliven.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Ġlieda kontra l-kriminalità organizzata – Deċiżjoni Qafas 2008/841/ĠAI – Dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali – Artikoli 47 u 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – Tul eċċessiv tal-fażi preliminari tal-proċeduri kriminali – Ksur sostanzjali iżda li jista’ jiġi rrimedjat tar-regoli proċedurali li jivvizzja l-att ta’ akkuża – Dritt tal-persuna akkużata li ttemm il-proċeduri kriminali mibdija kontriha.
Kawża C-265/23.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:602
Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)
11 ta’ Lulju 2024 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Ġlieda kontra l-kriminalità organizzata – Deċiżjoni Qafas 2008/841/ĠAI – Dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali – Artikoli 47 u 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – Tul eċċessiv tal-fażi preliminari tal-proċeduri kriminali – Ksur sostanzjali iżda li jista’ jiġi rrimedjat tar-regoli proċedurali li jivvizzja l-att ta’ akkuża – Dritt tal-persuna akkużata li ttemm il-proċeduri kriminali mibdija kontriha”
Fil-Kawża C‑265/23 [Volieva] (i),
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Okrazhen sad – Sliven (il-Qorti Reġjonali ta’ Sliven, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ April 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑25 ta’ April 2023, fil-proċeduri kriminali kontra
DM,
AV,
WO,
AQ,
fil-preżenza ta’:
Okrazhna prokuratura – Sliven,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),
komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, L. Bay Larsen (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tas-Sitt Awla, u P. G. Xuereb, Imħallef,
Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal DM, minn KS u ZY ,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wasmeier u I. Zaloguin, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/841/ĠAI tal‑24 ta’ Ottubru 2008 dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata (ĠU 2008, L 300, p. 42), moqri flimkien mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u mal-Artikoli 47 u 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra DM u persuni fiżiċi oħra, minħabba l-parteċipazzjoni fi grupp kriminali organizzat u minħabba korruzzjoni.
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
3 L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/841, intitolat “Ċirkostanzi speċjali”, jiddisponi:
“Kull Stat Membru jista’ jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura li l-pieni msemmija fl-Artikolu 3 jistgħu jitnaqqsu jew li l-awtur ikun jista’ jiġi eżentat mill-pieni, jekk huwa, per eżempju:
(a) jirrinunzja l-attività kriminali; u
(b) jipprovdi lill-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjali informazzjoni li huma ma kinux ikunu kapaċi jiksbu b’ mod ieħor, li tgħinhom sabiex:
(i) jipprevjenu, itemmu jew jillimitaw l-effetti tar-reat;
(ii) jidentifikaw jew iressqu quddiem il-ġustizzja l-awturi l-oħra;
(iii) isibu provi;
(iv) jiċħdu lill-organizzazzjoni kriminali minn riżorsi illeċiti jew mir-rikavati ta’ l-attività kriminali tagħha; jew
(v) jipprevjenu t-twettiq ta’ reati oħra msemmija fl-Artikolu 2.”
Id‑dritt Bulgaru
4 Fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ mid‑29 ta’ April 2006 sat‑28 ta’ Mejju 2010, l-Artikolu 334 tan-Nakazatelno protsesualen kodeks (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, iktar ’il quddiem in-“NPK”), intitolat “Setgħat tal-qorti tal-appell”, kien jipprevedi, fil-paragrafu 4 tiegħu, li l-qorti tal-appell setgħet tannulla l-verdett u ttemm il-proċeduri kriminali, b’mod partikolari meta l-qorti tal-ewwel istanza ma kinitx eżerċitat is-setgħat mogħtija lilha mill-Artikolu 369(4) tan-NPK.
5 Fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ mid‑29 ta’ April 2006 sat‑28 ta’ Mejju 2010, l-Artikolu 368 tan-NPK, intitolat “Talba tal-persuna akkużata lill-qorti”, kien ifformulat kif ġej:
“(1) Jekk ikunu għaddew iktar minn sentejn minn meta persuna tkun ġiet mixlija għal reat kriminali serju fil-kuntest tal-proċedura istruttorja u iktar minn sena f’każijiet oħra, il-persuna akkużata tista’ titlob li l-każ jiġi eżaminat mill-qorti.
(2) Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-persuna akkużata għandha tippreżenta talba lill-qorti tal-ewwel istanza kompetenti, li għandha tittratta l-kawża mingħajr dewmien.”
6 Fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ mid‑29 ta’ April 2006 sat‑28 ta’ Mejju 2010, l-Artikolu 369 tan-NPK, intitolat “Eżami tal-kawża”, kien jiddisponi:
“(1) Il-qorti għandha tiddeċiedi dwar it-talba b’Imħallef uniku f’terminu ta’ sebat ijiem u, meta tikkonstata li l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 368(1) huma ssodisfatti, hija għandha tibgħat lura l-kawża lill-prosekutur, filwaqt li tagħtih il-possibbiltà li jressaqha lill-qorti għal eżami f’terminu ta’ xahrejn billi tippreżenta att ta’ akkuża jew proposta li teżenta lill-awtur tar-reat mir-responsabbiltà kriminali u li timponilu sanzjoni amministrattiva, jew ftehim ta’ negozjar tal-piena, jew li ttemm il-proċeduri kriminali u li tinforma lill-qorti b’dan.
(2) Jekk, fl-iskadenza tat-terminu ta’ xahrejn, il-prosekutur ma jkunx eżerċita s-setgħat mogħtija lilu bis-saħħa tal-paragrafu 1 jew jekk il-qorti ma tkunx approvat il-ftehim ta’ negozjar tal-piena, il-qorti għandha tieħu konjizzjoni tal-kawża u ttemm il-proċeduri kriminali permezz ta’ digriet mogħti bil-magħluq b’Imħallef uniku. Wara li ngħata d-digriet, il-proċeduri kriminali jkomplu kontra l-koawturi u jikkonċernaw ir-reati l-oħra li bihom hija akkużata l-persuna akkużata.
(3) Meta l-prosekutur ikun eżerċita s-setgħat tiegħu skont il-paragrafu 1, iżda jkun twettaq ksur sostanzjali tar-regoli proċedurali fil-proċedura istruttorja, il-qorti, li tiddeċiedi bil-magħluq b’Imħallef uniku, għandha ttemm il-proċedura u tibgħat lura l-kawża lill-prosekutur sabiex jirrimedja l-ksur u sabiex il-kawża titressaq quddiem il-qorti f’terminu ta’ xahar.
(4) Jekk il-prosekutur ma jadixxix lill-qorti fit-terminu msemmi fil-paragrafu 3, jew jekk il-ksur sostanzjali tar-regoli proċedurali ma jiġix irrimedjat jew jitwettaq ksur ġdid, il-qorti, li tiddeċiedi bil-magħluq b’Imħallef uniku, għandha ttemm il-proċeduri kriminali permezz ta’ digriet.
(5) L-atti tal-qorti msemmija fil-paragrafi 2 u 4 huma definittivi.”
7 Mit‑28 ta’ Mejju 2010, il-leġiżlatur Bulgaru ħassar, fl-Artikolu 334(4) tan-NPK, il-possibbiltà, għall-qorti tal-appell, li tannulla l-verdett u ttemm il-proċeduri kriminali jekk il-qorti tal-ewwel istanza ma tkunx eżerċitat is-setgħat mogħtija lilha mill-Artikolu 369(4) ta’ dan il-kodiċi. Il-leġiżlatur nazzjonali ħassar ukoll id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 26 tal-imsemmi kodiċi, jiġifieri l-Artikoli 368 u 369 tiegħu, filwaqt li ppreċiża li l-proċeduri diġà pendenti ser jintemmu bil-mod previst preċedentement.
8 Fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ mit‑13 ta’ Awwissu 2013 sal‑5 ta’ Novembru 2017, l-Artikolu 334(4) tan-NPK kien jipprevedi mill-ġdid, bl-istess mod bħal fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ mid‑29 ta’ April 2006 sat‑28 ta’ Mejju 2010, li l-qorti tal-appell setgħet tannulla l-verdett u ttemm il-proċeduri kriminali, b’mod partikolari meta l-qorti tal-ewwel istanza ma kinitx eżerċitat is-setgħat mogħtija lilha mill-Artikolu 369(4) tan-NPK.
9 Fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ mit‑13 ta’ Awwissu 2013 sal‑5 ta’ Novembru 2017, in-NPK kien jinkludi wkoll il-Kapitolu 26 li fih kienu jinsabu l-Artikoli 368 u 369 ta’ dan il-kodiċi. L-ewwel artikolu kien ifformulat fl-istess termini bħal fil-verżjoni tal-imsemmi kodiċi fis-seħħ mid‑29 ta’ April 2006 sat‑28 ta’ Mejju 2010. L-istess kien japplika għall-Artikolu 369 tal-istess kodiċi, peress li huwa biss it-terminu stabbilit fil-paragrafu 1 ta’ dan l-aħħar artikolu li ġie estiż għal tliet xhur minflok tnejn.
10 Fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ mill‑5 ta’ Novembru 2017, l-Artikolu 334(4) tan-NPK ma għadux jipprevedi li l-qorti tal-appell tista’ tannulla s-sentenza u ttemm il-proċeduri kriminali meta, quddiem il-qorti tal-ewwel istanza, ma jiġix irrimedjat il-ksur sostanzjali tar-regoli proċedurali jew meta jitwettaq ksur ġdid.
11 Fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ mill‑5 ta’ Novembru 2017, l-Artikolu 368 tan-NPK, intitolat “Tħaffif tal-proċedura istruttorja”, huwa fformulat kif ġej:
“(1) Jekk ikunu għaddew iktar minn sentejn minn meta persuna tkun ġiet mixlija għal reat kriminali serju fil-kuntest tal-proċeduri istruttorji u iktar minn sitt xhur fil-każijiet l-oħra, il-persuna akkużata, il-vittma u l-persuna ġuridika leża jistgħu jitolbu li titħaffef l-istruttorja tal-kawża. Dawn it-termini ma jinkludux il-perijodu li matulu l-kawża kienet pendenti quddiem il-qorti jew sospiża bis-saħħa tal-Artikolu 25.
(2) It-talba msemmija fil-paragrafu 1 għandha titressaq permezz tal-prosekutur, li għandu jibgħat il-kawża lill-qorti mingħajr dewmien.
(3) Il-qorti għandha tiddeċiedi bil-magħluq b’Imħallef uniku f’terminu ta’ 15‑il jum.”
12 Fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ mill‑5 ta’ Novembru 2017, l-Artikolu 369 tan-NPK, intitolat “Deċiżjoni tal-qorti. Miżuri ta’ tħaffif tal-proċeduri kriminali”, jiddisponi:
“(1) Il-qorti għandha tiddeċiedi billi tevalwa l-kumplessità fattwali u legali tal-kawża, l-eżistenza possibbli ta’ dewmien fl-eżekuzzjoni tal-azzjonijiet ta’ ġbir, ta’ verifika u ta’ evalwazzjoni tal-provi u tal-mezzi ta’ prova, kif ukoll ir-raġunijiet għal dan id-dewmien.
(2) Meta tikkonstata dewmien inġust, il-qorti għandha tistabbilixxi terminu xieraq għat-twettiq tal-atti. Id-digriet huwa definittiv.
(3) Jistgħu jitressqu talbiet ġodda għal tħaffif wara l-iskadenza tat-terminu msemmi fil-paragrafu 2.”
13 F’din l-istess verżjoni tan-NPK, dawn l-aħħar żewġ artikoli jaqgħu dejjem taħt il-Kapitolu 26 ta’ dan il-kodiċi.
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
14 Fil‑5 ta’ Lulju 2013, ħames persuni, fosthom DM, ġew mixlija minħabba li pparteċipaw fi grupp kriminali organizzat, skont l-Artikolu 321(3) tan-Nakazatelen Kodeks (il-Kodiċi Kriminali), u minħabba korruzzjoni, skont l-Artikolu 301(1) ta’ dan l-istess kodiċi.
15 Fil‑31 ta’ Awwissu 2015, DM, minħabba t-tul eċċessiv tal-investigazzjoni kriminali, ippreżenta rikors quddiem l-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija), intiż sabiex il-kawża tiġi eżaminata minn dik il-qorti konformement mad-dispożizzjoni tal-Artikolu 368(1) tan-NPK, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ mit‑13 ta’ Awwissu 2013 sal‑5 ta’ Novembru 2017.
16 Permezz ta’ digriet tat‑30 ta’ Settembru 2015, l-imsemmija qorti, abbażi tal-Artikolu 369(1) tan-NPK, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ mit‑13 ta’ Awwissu 2013 sal‑5 ta’ Novembru 2017, bagħtet lura l-kawża kriminali lill-iSpetsializirana prokuratura (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjalizzat, il-Bulgarija), filwaqt li stabbilietlu terminu ta’ tliet xhur sabiex jippreżenta att ta’ akkuża jew proposta li teżenta lill-awtur tar-reat mir-responsabbiltà kriminali u li timponilu sanzjoni amministrattiva, jew ftehim ta’ negozjar tal-piena, jew sabiex itemm il-proċeduri kriminali u jinforma lill-qorti b’dan.
17 Fit‑8 ta’ Jannar 2016, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjalizzat ressaq il-kawża quddiem l-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata) billi adixxiha b’att ta’ akkuża kontra erba’ akkużati, fosthom DM, għar-reati kriminali msemmija fil-punt 14 ta’ din is-sentenza.
18 Permezz ta’ digriet tat‑3 ta’ Frar 2016, l-Imħallef Relatur temm il-proċedura minħabba ksur sostanzjali iżda li jista’ jiġi rrimedjat tar-regoli proċedurali u bagħat lura l-kawża quddiem l-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjalizzat sabiex jirrimedja dan il-ksur.
19 Dan tal-aħħar stabbilixxa att ta’ akkuża ġdid fit-terminu ta’ xahar u ppreżentah lill-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata) fit‑22 ta’ Marzu 2016.
20 Matul il-proċedura li segwiet dik il-qorti, DM talab li jintemmu, skont it-tielet każ imsemmi fl-Artikolu 369(4) tan-NPK, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ mit‑13 ta’ Awwissu 2013 sal‑5 ta’ Novembru 2017, il-proċeduri kriminali mibdija kontriha minħabba ksur ġdid tar-regoli proċedurali mwettaq matul l-investigazzjoni kriminali. Fil-fatt, l-att ta’ akkuża ma ġiex iddikjarat b’mod ċar u preċiż sabiex il-persuna akkużata tkun tista’ tifhmu, torganizza d-difiża tagħha b’mod effikaċi u tipproduċi provi rilevanti.
21 Madankollu, l-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata), fis‑27 ta’ Ġunju 2016, ċaħdet din it-talba, billi ddeċidiet li l-att ta’ akkuża kien konformi mar-rekwiżiti legali ta’ preċiżjoni u ta’ ċarezza, previsti fl-Artikolu 246 tan-NPK.
22 Permezz ta’ verdett tad‑19 ta’ Novembru 2019, l-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata) iddikjarat li DM kien ħati tar-reati li bihom kien ġie akkużat u kkundannatu għal piena ta’ priġunerija, imponietlu multa u ċaħditu mid-drittijiet marbuta mal-kariga tiegħu.
23 Adita b’appell, l-Apelativen spetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti tal-Appell Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija), permezz ta’ sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2020, annullat dan il-verdett kollu kemm hu minħabba ksur sostanzjali iżda li jista’ jiġi rrimedjat tar-regoli proċedurali, li kien jinsab fin-nuqqas ta’ konformità tal-att ta’ akkuża tat‑22 ta’ Marzu 2016 mar-rekwiżiti legali ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni, previsti fl-Artikolu 246 tan-NPK, u bagħtet lura l-kawża quddiem l-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata).
24 Fit‑3 ta’ Frar 2021, din l-aħħar qorti, min-naħa tagħha, bagħtet lura l-kawża quddiem l-Uffiċċju tal-Prosekutur sabiex jirrimedja l-ksur sostanzjali tar-regoli proċedurali, imwettaq matul l-investigazzjoni kriminali fir-rigward tal-preparazzjoni tal-att ta’ akkuża.
25 Fis‑7 ta’ Lulju 2022, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjalizzat ippreżenta att ta’ akkuża ġdid kontra DM u t-tliet akkużati l-oħra.
26 Wara emendi leġiżlattivi u kwistjonijiet proċedurali, il-kawża ġiet finalment assenjata lill-Okrazhen sad – Sliven (il-Qorti Reġjonali ta’ Sliven, il-Bulgarija), li hija l-qorti tar-rinviju.
27 Dik il-qorti tirrileva li, mill‑5 ta’ Novembru 2017, tneħħiet il-possibbiltà li jintemmu l-proċeduri kriminali fil-każ ta’ tul eċċessiv tal-investigazzjoni kriminali u fil-każ ta’ ksur sostanzjali ripetut iżda li jista’ jiġi rrimedjat tar-regoli proċedurali. Għalhekk, l-Apelativen spetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti tal-Appell Kriminali Speċjalizzata), li annullat il-verdett tal-qorti tal-ewwel istanza, fid‑9 ta’ Novembru 2020, preċiżament minħabba l-ksur imwettaq fit-tfassil tal-att ta’ akkuża tat‑22 ta’ Marzu 2016 u minħabba n-nuqqas ta’ konformità ta’ dak l-att mar-rekwiżiti legali ta’ preċiżjoni u ta’ ċarezza, previsti fl-Artikolu 246 tan-NPK, ma setgħetx ittemm il-proċeduri kriminali kontra DM.
28 Issa, li kieku l-qorti tal-ewwel istanza kienet applikat korrettament it-tielet każ imsemmi fl-Artikolu 369(4) tan-NPK, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ mit‑13 ta’ Awwissu 2013 sal‑5 ta’ Novembru 2017, kien ikollhom jintemmu l-proċeduri kriminali kontra DM, fl‑2016.
29 F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tqis li, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Konstitusionen sad (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Bulgarija), li tgħid li l-projbizzjoni tar-retroattività tal-liġi tinkiser meta l-evalwazzjoni legali l-ġdida tal-konsegwenzi ta’ dritt diġà miksub, minkejja li f’kuntest ġuridiku differenti, twassal għar-revoka ta’ drittijiet, jew meta konsegwenzi negattivi jirriżultaw fis-sitwazzjonijiet diġà kkostitwiti, huwa antikostituzzjonali, fid-dawl tal-prinċipju tal-Istat tad-dritt, li l-leġiżlatur jimponi sussegwentement konsegwenzi negattivi fuq individwi li jkunu kisbu drittijiet u aġixxew konformement mal-kuntest ġuridiku eżistenti.
30 Din il-ġurisprudenza tapplika f’dan il-każ, preċiżament minħabba differenzi sostanzjali fid-dispożizzjonijiet rilevanti tan-NPK qabel u wara l‑5 ta’ Novembru 2017. Mit‑22 ta’ Marzu 2016, DM kiseb, taħt in-NPK, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ mit‑13 ta’ Awwissu 2013 sal‑5 ta’ Novembru 2017, id-dritt li jintemmu l-proċeduri kriminali fil-konfront tiegħu bis-saħħa tat-tielet każ imsemmi fl-Artikolu 369(4) ta’ dan il-kodiċi. Għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ dan id-dritt, ftit jimporta li, wara żball ġudizzjarju, il-ħolqien tiegħu jkun ġie kkonstatat kważi ħames snin wara, taħt liġi oħra li ma tirregolax il-kawżi pendenti u li, f’dan is-sens, ikollha konsegwenzi sfavorevoli fuqhom. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, dan imur kontra l-prinċipji kostituzzjonali fis-seħħ fil-Bulgarija.
31 Skont il-qorti tar-rinviju, l-Artikoli 368 u 369 tan-NPK, fil-verżjoni tagħhom fis-seħħ mit‑13 ta’ Awwissu 2013 sal‑5 ta’ Novembru 2017, implimentaw il-possibbiltà mogħtija lill-Istati Membri, fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/841, li jeżentaw mill-piena l-awtur tar-reat f’ċerti ċirkustanzi, f’dan il-każ, minħabba n-nuqqas ta’ azzjoni tal-awtoritajiet responsabbli mill-investigazzjoni jew minħabba ksur sostanzjali tar-regoli proċedurali mwettaq matul l-investigazzjoni kriminali, meta dawn ikunu reati marbuta mal-kriminalità organizzata.
32 Fil-fehma ta’ dik il-qorti, il-formulazzjoni tal-Artikoli 368 u 369 tan-NPK, fil-verżjoni tagħhom fis-seħħ mill‑5 ta’ Novembru 2017, sa fejn hija sostanzjalment differenti minn dik li kienet tirriżulta mill-verżjoni preċedenti ta’ dan il-kodiċi, mingħajr madankollu ma tipprevedi dispożizzjonijiet tranżitorji fir-rigward tal-proċeduri pendenti mibdija taħt din il-verżjoni preċedenti, għandha l-effett li tneħħi l-possibbiltà, għal persuna akkużata, li tibbenefika mid-dritt miksub sabiex jintemmu l-proċeduri kriminali mibdija kontriha, u dan imur kontra d-dritt tal-Unjoni.
33 Dawn id-dispożizzjonijiet tan-NPK imorru kontra l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/841, peress li jipprekludu l-applikazzjoni, fil-Bulgarija, ta’ miżuri li jiggarantixxu li, f’ċerti ċirkustanzi, l-awtur ta’ reat marbut mal-kriminalità organizzata jkun jista’ jiġi eżentat mill-piena, wara li tali miżuri jkunu ġew adottati u wara li l-persuni akkużati jkunu kisbu d-dritt li jibbenefikaw minnhom. Dawn imorru wkoll kontra t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, sa fejn dawn iċaħħdu lill-persuni mixlija għar-reati msemmija fid-Deċiżjoni Qafas 2008/841 mir-rimedju ġudizzjarju offrut lilhom sabiex tingħata deċiżjoni dwar il-każ tagħhom f’terminu raġonevoli. Fl-aħħar nett, dawn imorru kontra l-Artikolu 52 tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tagħha, sa fejn jirrestrinġu l-applikazzjoni ta’ rimedju effettiv previst mid-dritt nazzjonali fl-implimentazzjoni ta’ deċiżjoni qafas tal-Unjoni, u b’hekk iqiegħdu inkwistjoni l-ekwità tal-proċeduri kriminali fl-intier tagħhom.
34 F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Okrazhen sad – Sliven (il-Qorti Reġjonali ta’ Sliven) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) F’sitwazzjoni li tikkonċerna kawża kriminali dwar atti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, l-Artikolu 52 u l-Artikolu 47 tal-[Karta], l-Artikolu 4 tad-[Deċiżjoni Qafas 2008/841] u [it-tieni subparagrafu] tal-Artikolu 19(1) TUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jippermettux dispożizzjoni legali nazzjonali, bħalma hija dik [inkwistjoni fil-kawża prinċipali], li permezz tagħha l-persuna mixlija tiġi mċaħħda mid-dritt li titwaqqaf il-proċedura kriminali kontriha f’sitwazzjoni fejn dan id-dritt ikun tnissel f’perijodu li matulu kienet fis-seħħ liġi li kienet tipprevedi din il-possibbiltà iżda, minħabba żball ġudizzjarju, dan id-dritt ikun ġie kkonfermat biss wara r-revoka ta’ din il-liġi?
2) X’jistgħu jkunu l-miżuri legali effettivi għall-protezzjoni ta’ tali persuna mixlija fis-sens tal-Artikolu 47 tal-[Karta] u, b’mod partikolari, il-qorti nazzjonali għandha twaqqaf kompletament il-proċedura kriminali kontra tali persuna mixlija f’sitwazzjoni fejn kulleġġ ġudikanti preċedenti naqas milli jagħmel dan minkejja li kienu ssodisfatti l-kundizzjonijiet kollha sabiex titwaqqaf il-proċedura skont il-liġi nazzjonali li kienet fis-seħħ dak iż-żmien?”
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ewwel domanda
35 Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Deċiżjoni Qafas 2008/841, u b’mod partikolari l-Artikolu 4 tagħha, moqrija flimkien mal-Artikoli 47 u 52 tal-Karta, kif ukoll mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tneħħi, matul il-proċeduri kriminali mibdija kontra persuna akkużata, id-dritt ta’ din tal-aħħar li dawn il-proċeduri jintemmu meta ma jkunx ġie rrimedjat il-ksur sostanzjali iżda li jista’ jiġi rrimedjat tar-regoli proċedurali li bihom kien ivvizzjat l-att ta’ akkuża.
36 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta huwa ddefinit fl-Artikolu 51(1) tagħha, li jistabbilixxi li, fir-rigward tal-azzjoni tal-Istati Membri, id-dispożizzjonijiet tal-Karta japplikaw għalihom biss meta dawn ikunu qegħdin jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni (sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, TSN u AKT, C‑609/17 u C‑610/17, EU:C:2019:981, punt 42).
37 Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk tali leġiżlazzjoni nazzjonali għandhiex titqies li timplimenta d-Deċiżjoni Qafas 2008/841, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, u jekk, konsegwentement, l-Artikolu 47 ta’ din tal-aħħar huwiex intiż li japplika għal sitwazzjonijiet bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, TSN u AKT, C‑609/17 u C‑610/17, EU:C:2019:981, punt 45).
38 Kif jirriżulta mill-premessi 1 u 3 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/841, din hija bbażata fuq approċċ komuni tal-problemi transkonfinali bħall-kriminalità organizzata u għandha, minn naħa, tinkludi r-reati normalment imwettqa fil-kuntest ta’ organizzazzjoni kriminali, u, min-naħa l-oħra, tipprevedi, kontra l-persuni fiżiċi u ġuridiċi li wettqu tali reati jew li huma responsabbli għalihom, sanzjonijiet li jikkorrispondu għall-gravità ta’ dawn ir-reati.
39 Skont l-Artikoli 2 u 3 ta’ din id-deċiżjoni qafas, kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex, b’mod partikolari, it-tip ta’ aġir marbut ma’ organizzazzjoni kriminali u li jikkonsisti fil-fatt li kull persuna li tipparteċipa b’mod attiv, intenzjonalment u b’għarfien jew tal-għan u tal-attività ġenerali tal-organizzazzjoni kriminali, jew tal-intenzjoni tagħha li twettaq ir-reati inkwistjoni, fl-attivitajiet kriminali tagħha, inkluż billi tipprovdi informazzjoni jew mezzi materjali, billi tirrekluta membri ġodda, kif ukoll bi kwalunkwe forma ta’ finanzjament tal-attivitajiet tagħha, bl-għarfien li din il-parteċipazzjoni ser tikkontribwixxi għat-twettiq tal-attivitajiet kriminali ta’ din l-organizzazzjoni, jitqies bħala reat. F’dan ir-rigward, kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex tali reat ikun punibbli b’piena massima ta’ priġunerija ta’ bejn sentejn u ħames snin jew iktar.
40 Fir-rigward tal-Artikolu 4 tal-imsemmija deċiżjoni qafas, dan jipprevedi li kull Stat Membru jista’ jieħu l-miżuri neċessarji sabiex il-pieni msemmija fl-Artikolu 3 tagħha jkunu jistgħu jitnaqqsu jew li l-awtur tar-reat ikun jista’ jibbenefika minn eżenzjoni mill-piena meta, pereżempju, jirrinunzja għall-attivitajiet kriminali tiegħu u jipprovdi lill-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji b’informazzjoni li huma ma setgħux jiksbu b’mod ieħor, billi jgħinhom jipprevjenu, iwaqqfu jew jillimitaw l-effetti tar-reat, jidentifikaw jew iressqu quddiem qorti l-awturi l-oħra tar-reat, isibu provi, iċaħħdu lill-organizzazzjoni kriminali minn riżorsi illegali jew mir-rikavat tal-attivitajiet kriminali tagħha, jew jipprevjenu t-twettiq ta’ reati oħra msemmija fl-Artikolu 2 tal-istess deċiżjoni qafas.
41 Issa, leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi d-dritt ta’ persuna akkużata li jintemmu l-proċeduri kriminali fil-konfront tagħha meta ma jkunx irrimedjat il-ksur sostanzjali iżda li jista’ jiġi rrimedjat tar-regoli proċedurali li bihom kien ivvizzjat l-att ta’ akkuża la taqa’ taħt l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/841 u lanqas taħt dispożizzjonijiet oħra ta’ din tal-aħħar. Fil-fatt, tali leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi li jintemmu, f’ċerti kundizzjonijiet, il-proċeduri kriminali fil-konfront tal-persuna akkużata, filwaqt li l-Artikolu 4 ta’ din id-deċiżjoni qafas jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li, f’ċerti kundizzjonijiet, l-awtur tar-reat jista’ jibbenefika minn tnaqqis jew minn eżenzjoni mill-piena.
42 Għalhekk, l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/841 jippreżumi li l-persuna kkonċernata tkun l-awtur tar-reat, li lilu jista’ jingħata l-benefiċċju ta’ tnaqqis jew ta’ eżenzjoni mill-piena, filwaqt li l-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali tikkonċerna biss il-persuna akkużata li tista’ tibbenefika, taħt ċerti kundizzjonijiet, mid-dritt li jintemmu l-proċeduri kriminali mibdija kontriha.
43 Għaldaqstant, il-leġiżlazzjoni nazzjonali li għandha l-effett li tneħħi dan id-dritt tal-aħħar lanqas ma tista’ taqa’ taħt l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/841, u lanqas taħt dispożizzjonijiet oħra tagħha.
44 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li peress li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax titqies li timplimenta d-Deċiżjoni Qafas 2008/841, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, l-Artikolu 47 ta’ din tal-aħħar, u lanqas dispożizzjonijiet oħra tal-Karta, ma humiex intiżi li japplikaw għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
45 Fir-rigward tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, għandu jitfakkar li din id-dispożizzjoni tipprevedi li l-Istati Membri għandhom jipprovdu r-rimedji ġudizzjarji neċessarji sabiex jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni.
46 Fil-kuntest ta’ proċedura għal deċiżjoni preliminari, għandu jkun hemm rabta bejn it-tilwima pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju u d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li l-interpretazzjoni tagħhom hija mitluba, b’tali mod li din l-interpretazzjoni tissodisfa bżonn oġġettiv għad-deċiżjoni li dik il-qorti għandha tieħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punti 47 u 48).
47 F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punti 43 u 44 ta’ din is-sentenza, it-tilwima fil-kawża prinċipali ma għandha l-ebda rabta mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li l-interpretazzjoni tagħhom hija mitluba. B’mod partikolari, din it-tilwima ma għandhiex rabta mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE li huwa s-suġġett tal-ewwel domanda. Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju ma hijiex mitluba tapplika din id-dispożizzjoni sabiex tistabbilixxi s-soluzzjoni fil-mertu li għandha tiġi rriżervata għall-imsemmija tilwima (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 49).
48 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li d-Deċiżjoni Qafas 2008/841, u b’mod partikolari l-Artikolu 4 tagħha, moqrija flimkien mal-Artikoli 47 u 52 tal-Karta, kif ukoll mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tneħħi, matul il-proċeduri kriminali mibdija kontra persuna akkużata, id-dritt ta’ din tal-aħħar li dawn il-proċeduri jintemmu meta ma jkunx ġie rrimedjat il-ksur sostanzjali iżda li jista’ jiġi rrimedjat tar-regoli proċedurali li bihom kien ivvizzjat l-att ta’ akkuża.
Fuq it‑tieni domanda
49 Fid-dawl tar-risposta li ngħatat għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.
Fuq l‑ispejjeż
50 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/841/ĠAI tal‑24 ta’ Ottubru 2008 dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, u b’mod partikolari l-Artikolu 4 tagħha, moqrija flimkien mal-Artikoli 47 u 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE,
għandha tiġi interpretata fis-sens li:
ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tneħħi, matul il-proċeduri kriminali mibdija kontra persuna akkużata, id-dritt ta’ din tal-aħħar li dawn il-proċeduri jintemmu meta ma jkunx ġie rrimedjat il-ksur sostanzjali iżda li jista’ jiġi rrimedjat tar-regoli proċedurali li bihom kien ivvizzjat l-att ta’ akkuża.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.
i L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.