This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62023CJ0261
Judgment of the Court (Seventh Chamber) of 30 May 2024.#Hengshi Egypt Fiberglass Fabrics SAE and Jushi Egypt for Fiberglass Industry SAE v European Commission.#Appeal – Dumping – Imports of certain woven and/or stitched glass fibre fabrics originating in the People’s Republic of China and Egypt – Implementing Regulation (EU) 2020/492 – Definitive anti-dumping duty – Calculation of the normal value – Regulation (EU) 2016/1036 – Article 2(5) – Calculation of costs associated with the production and sale of a product under investigation on the basis of records of the party under investigation – Costs not reasonably reflected in records – Adjustment on the basis of the costs of other producers or exporters in the same country or on any other reasonable basis – European Commission’s discretion.#Case C-261/23 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tat-30 ta’ Mejju 2024.
Hengshi Egypt Fiberglass Fabrics SAE u Jushi Egypt for Fiberglass Industry SAE vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Dumping – Importazzjonijiet ta’ ċerti materjali tal-fibra tal-ħġieġ minsuġa u/jew meħjuta li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Eġittu – Regolament ta’ implimentazzjoni (UE) 2020/492 – Dazju antidumping definittiv – Kalkolu tal-valur normali – Regolament (UE) 2016/1036 – Artikolu 2(5) – Kalkolu tal-ispejjeż relatati mal-produzzjoni u l-bejgħ ta’ prodott taħt investigazzjoni fuq il-bażi tad-dokumenti tal-kontijiet tal-parti suġġetta għal din l-investigazzjoni – Spejjeż mhux raġonevolment riflessi fil-kotba kontabbli – Aġġustament abbażi tal-ispejjeż ta’ produtturi jew esportaturi oħra fl-istess pajjiż jew fuq kwalunkwe bażi raġonevoli oħra – Setgħa ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea.
Kawża C-261/23 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tat-30 ta’ Mejju 2024.
Hengshi Egypt Fiberglass Fabrics SAE u Jushi Egypt for Fiberglass Industry SAE vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Dumping – Importazzjonijiet ta’ ċerti materjali tal-fibra tal-ħġieġ minsuġa u/jew meħjuta li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Eġittu – Regolament ta’ implimentazzjoni (UE) 2020/492 – Dazju antidumping definittiv – Kalkolu tal-valur normali – Regolament (UE) 2016/1036 – Artikolu 2(5) – Kalkolu tal-ispejjeż relatati mal-produzzjoni u l-bejgħ ta’ prodott taħt investigazzjoni fuq il-bażi tad-dokumenti tal-kontijiet tal-parti suġġetta għal din l-investigazzjoni – Spejjeż mhux raġonevolment riflessi fil-kotba kontabbli – Aġġustament abbażi tal-ispejjeż ta’ produtturi jew esportaturi oħra fl-istess pajjiż jew fuq kwalunkwe bażi raġonevoli oħra – Setgħa ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea.
Kawża C-261/23 P.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:440
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)
30 ta’ Mejju 2024 ( *1 )
“Appell – Dumping – Importazzjonijiet ta’ ċerti materjali tal-fibra tal-ħġieġ minsuġa u/jew meħjuta li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Eġittu – Regolament ta’ implimentazzjoni (UE) 2020/492 – Dazju antidumping definittiv – Kalkolu tal-valur normali – Regolament (UE) 2016/1036 – Artikolu 2(5) – Kalkolu tal-ispejjeż relatati mal-produzzjoni u l-bejgħ ta’ prodott taħt investigazzjoni fuq il-bażi tad-dokumenti tal-kontijiet tal-parti suġġetta għal din l-investigazzjoni – Spejjeż mhux raġonevolment riflessi fil-kotba kontabbli – Aġġustament abbażi tal-ispejjeż ta’ produtturi jew esportaturi oħra fl-istess pajjiż jew fuq kwalunkwe bażi raġonevoli oħra – Setgħa ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea”
Fil-Kawża C‑261/23 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fit‑23 ta’ April 2023,
Hengshi Egypt Fiberglass Fabrics SAE, stabbilita f’Ain Sukhna (l-Eġittu),
Jushi Egypt for Fiberglass Industry SAE, stabbilita f’Ain Sukhna,
irrappreżentati minn V. Crochet u B. Servais, avukati,
appellanti,
il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:
Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Di Masi, G. Luengo u P. Němečková, bħala aġenti,
konvenut fl-ewwel istanza,
Tech-Fab Europe eV, stabbilita fi Frankfurt am Main (il-Ġermanja), irrappreżentata minn J. Beck u L. Ruessmann, avukati,
intervenjent fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),
komposta minn F. Biltgen, President tal-Awla, J. Passer (Relatur) u M. L. Arastey Sahún, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Permezz tal-appell tagħhom, l-appellanti, Hengshi Egypt Fiberglass Fabrics SAE (iktar ’il quddiem “Hengshi”) u Jushi Egypt for Fiberglass Industry SAE (iktar ’il quddiem “Jushi”), jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑1 ta’ Marzu 2023, Hengshi Egypt Fiberglass Fabrics u Jushi Egypt for Fiberglass Industry vs Il‑Kummissjoni (T‑301/20, iktar ’il quddiem is-sentenza appellata, EU:T:2023:93), li permezz tiegħu hija ċaħdet bħala infondat ir-rikors tagħhom intiż għall-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/492 tal‑1 ta’ April 2020 li jimponi dazji anti-dumping definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti materjali tal-fibra tal-ħġieġ minsuġa u/jew meħjuta li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Eġittu (ĠU 2020, L 108, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament kontenzjuż”), sa fejn jikkonċernahom. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑WTO
2 |
Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (tat‑22 ta’ Diċembru 1994) dwar il-konklużjoin f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994)(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80), il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea approva l-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), iffirmat f’Marrakech fil‑15 ta’ April 1994, kif ukoll il-ftehimiet li jinsabu fl-Annessi 1 sa 3 ta’ dan il-ftehim, li fosthom jinsab il-Ftehim dwar l-Implementazzjoni ta’ l-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ 1994 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 189, iktar ’il quddiem il-“Ftehim antidumping”). |
3 |
L-Artikolu 2 tal-Ftehim antidumping, intitolat “Determinazzjoni ta’ d-damping”, jipprevedi: “2.1 Ghall-għan ta’ dan il-Ftehim, prodott għandu jitqies bħala damping, jiġifieri introdott fil-kummerċ ta’ pajjiż ieħor bi prezz inqas minn normal, jekk il-prezz ta’ esportazzjoni tal-prodott minn pajjiż għall-ieħor huwa inqas mill-prezz komparabbli, fid-direzzjoni ordinarju tal-kummerċ, għall-prodotti simili meta dawn ikunu destinati għall-konsum fil-pajjiż li jkun qed jesporta […]. 2.2 Meta ma’ jkunx hemm bejgħ ta’ prodotti simili fid-direzzjoni ordinarja tal-kummerċ fis-suq domestiku tal-pajjiż li jkun qed jesporta jew meta, minħabba s-sitwazzjoni fis-suq partikolari jew il-volum baxx tal-bejgħ fis-suq domestiku tal-pajjiż li jkun qed jesporta […], dan il-bejgħ ma’ jippermettix paragun kif suppost, il-marġini ta’ d-damping jiġi stabbilit permezz ta’ paragun ta’ prezz komparabbli ta’ prodott simili meta esportat f’pajjiż xieraq tat-Tielet Dinja, iżda jrid jiġi pprovdut li dan il-prezz huwa rappreżentant, jew fil-pajjiż ta’ origini apparti minn ammont raġonevoli għall-amministrazzjoni, bejgħ u spejjeż ġenerali u għall-profitti.
[…]” |
Id‑dritt tal‑Unjoni
Ir‑Regolament bażiku
4 |
L-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, L 176, p. 21, rettifika fil-ĠU 2023, L 2023/90208, iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”), intitolat “Determinazzjoni ta’ dumping” jipprevedi li ġej: “1. Il-valur normali għandu normalment ikun ibbażat fuq il-prezzijiet imħallsa jew pagabbli, fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ, minn klijenti indipendenti mill-pajjiż esportatur. Madanakollu, fejn l-esportatur fil-pajjiż esportatur ma jipproduċix jew ma jbigħx il-prodott simili, il-valur normali jista’ jiġi stabbilit fuq il-bażi ta’ prezzijiet ta’ bejjiegħa jew produtturi oħra. Prezzijiet bejn partijiet li jidhru li jkunu assoċjati jew li jidhru li jkollhom arranġament ta’ kumpens ma’ xulxin ma jistgħux jitqiesu li jkunu fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ u ma jistgħux jintużaw biex jistabbilixxu valur normali sakemm ma jkunx stabbilit li huma ma humiex milquta mir-relazzjoni. Biex jiġi stabbilit jekk żewġ partijiet humiex assoċjati, tista’ titqies id-definizzjoni ta’ partijiet relatati stabbilita fl-Artikolu 127 tar-[Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal‑24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2015, L 343, p. 558, rettifiki fil-ĠU 2016, L 87, p. 35 u fil-ĠU 2017, L 101, p. 195)]. […] 5. L-ispejjeż għandhom normalment jiġu kkalkulati fuq il-bażi ta’ records miżmuma mill-parti taħt investigazzjoni, sakemm records bħal dawn ikunu konformi ma’ prinċipji kontabbilistiċi ġeneralment aċċettati tal-pajjiż konċernat u sakemm ikun muri li r-records jirriflettu b’mod raġonevoli l-ispejjeż assoċjati mal-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott ikkunsidrat. Jekk l-ispejjeż assoċjati mal-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott taħt investigazzjoni ma humiex riflessi b’mod raġonevoli fir-reġistrazzjonijiet tal-parti interessata, dawn għandhom jiġu aġġustati jew stabbiliti fuq il-bażi ta’ l-ispejjeż ta’ produtturi jew esportaturi oħra fl-istess pajjiż jew, fejn din l-informazzjoni mhix disponibbli jew ma tistax tintuża, fuq kull bażi oħra raġonevoli, inkluża informazzjoni minn swieq oħra rappreżentattivi. […] 6. L-ammonti għall-bejgħ, għal spejjeż ġenerali u amministrattivi u għal profitti għandhom jiġu bbażati fuq data attwali relattivi għall-produzzjoni u l-bejgħ, fil-kors ordinarju tal-kummerċ, tal-prodott simili mill-esportatur jew produttur taħt investigazzjoni. Meta ammonti bħal dawn ma jistgħux jiġu stabbiliti fuq din il-bażi, l-ammonti jistgħu jiġu stabbiliti fuq il-bażi ta’:
[…]” |
5 |
L-Artikolu 9 tar-Regolament bażiku intitolat “Terminazzjoni mingħajr miżuri; impożizzjoni ta’ dazji definittivi” jiddikjara fil-paragrafu 4 tiegħu: “Fejn il-fatti, kif fl-aħħar nett stabbiliti juru li hemm dumping, u ħsara kkawżata minnu, u li jkun meħtieġ, fl-interess tal-Unjoni [Ewropea], intervent f’konformità mal-Artikolu 21, għandu jiġi impost dazju anti-dumping definittiv mill-Kummissjoni [Ewropea] li taġixxi skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artiklu 15(3). Fejn ikunu fis-seħħ dazji proviżorji, il-Kummissjoni għandha tibda dik il-proċedura mhux iktar tard minn xahar qabel l-iskadenza ta’ tali dazji. L-ammont tad-dazju tal-anti-dumping ma għandux jaqbeż il-marġni tad-dumping stabbilit iżda jeħtieġ li jkun inqas mill-marġni jekk dan id-dazju inferjuri jkun adegwat biex titneħħa l-ħsara lill-industrija tal-Unjoni [Ewropea].” |
Ir‑Regolament (UE) 2016/1037
6 |
L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 29(6) tar-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, L 176, p. 55) jipprevedi: “L-informazzjoni riċevuta taħt dan ir-Regolament għandha tintuża biss għall-għan li għalih tkun ġiet mitluba.” |
Ir-Regolament ikkontestat
7 |
Il-premessi 52, 312 u 331 tar-Regolament ikkontestat jipprovdu:
[…]
[…]
|
Ir‑Regolament (CE) Nru 1972/2002
8 |
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1972/2002 tal‑5 ta’ Novembru 2002 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 384/96 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjoni li hi l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi li ma humiex membri tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 132), kien jipprovdi: “Hu kkunsidrat xieraq li tingħata ċerta gwida dwar x’għandu jsir jekk, skond l-artikolu 2(5) tar-[Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat‑22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea, ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 45], ir-reġistrazzjonijiet ma jirriflettux b’mod raġonevoli l-ispejjeż assoċjati mal-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott taħt konsiderazzjoni, b’mod partikolari f’sitwazzjonijiet fejn minħabba f’sitwazzjoni partikolari tas-swieq il-bejgħ ta’ prodott simili ma jippermettix li jsir paragun tajjeb. F’sitwazzjonijiet bħal dawn id-data rilevanti għandha tinkiseb minn egħjun li ma humiex effettwati minn dan it-tgħawwiġ. F’sitwazzjonijiet bħal dawn id-data rilevanti għandha tinkiseb minn egħjun li ma humiex effettwati minn dan it-tgħawwiġ. Dawn l-egħjun jistgħu jkunu l-ispejjeż ta’ produtturi jew esportaturi oħra fl-istess pajjiż jew, fejn din l-informazzjoni mhix disponibbli jew ma tistax tintuża, kull bażi oħra raġonevoli, inkluża informazzjoni minn swieq rappreżentattivi oħra. Id-data rilevanti tista’ tintuża jew biex isir aġġustament ta’ ċerti partiti tar-reġistrazzjonijiet tal-parti li tkun qed tiġi kkunsidrata jew, fejn dan ma jkunx possibbli, biex jiġu stabbiliti l-ispejjeż tal-parti li tkun qed tiġi kkunsidrata.” |
Il‑fatti li wasslu għall‑kawża
9 |
Fil-punti 2 sa 15 tas-sentenza appellata, il-fatti tal-kawża huma esposti kif ġej:
|
Il‑proċedura quddiem il‑Qorti Ġenerali u s‑sentenza appellata
10 |
Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑19 ta’ Mejju 2020, l-appellanti ppreżentaw rikors intiż għall-annullament tar-Regolament kontenzjuż. |
11 |
Permezz ta’ digriet tal‑11 ta’ Novembru 2020, il-Qorti Ġenerali aċċettat l-intervent ta’ Tech-Fab Europe insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. |
12 |
Insostenn tar-rikors għal annullament tagħhom, ir-rikorrenti invokaw żewġ motivi bbażati, l-ewwel, fuq il-fatt li l-metodu segwit mill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi, minn naħa, l-ispiża tal-produzzjoni tal-GFF ta’ Hengshi, l-ispejjeż ta’ bejgħ, l-ispejjeż amministrattivi u l-ispejjeż ġenerali oħra (iktar ’il quddiem l-“ispejjeż BAĠ”) kif ukoll, min-naħa l-oħra l-qligħ li għandu jintuża sabiex jiġi kkalkolat il-valur normali stabbilit tiegħu kiser l-Artikolu 2(5), l-Artikolu 2(3), (5), (6), (11) u (12), kif ukoll l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku u, it-tieni, fuq il-fatt li l-metodu segwit mill-Kummissjoni sabiex tiddetermina l-marġni ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet u tal-prezzijiet indikattivi tar-rikorrenti kiser l-Artikolu 3(1), (2), (3) u (6) kif ukoll l-Artikolu 9(4) ta’ dan ir-regolament. |
13 |
Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dawn iż-żewġ motivi, u għaldaqstant, ir-rikors kollu kemm hu. Fir-rigward tal-ewwel motiv, il-Qorti Ġenerali qieset b’mod partikolari li kien, mingħajr ma twettaq żball ta’ dritt jew żball manifest ta’ evalwazzjoni, li l-Kummissjoni setgħet tiddeċiedi li, peress li l-prezz tal-GFR li jidher fid-dokumenti tal-kontabbiltà ta’ Hengshi ma kienx iffissat f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni sħiħa, ma setax jitqies li dan il-prezz kien jieħu inkunsiderazzjoni b’mod raġonevoli l-ispejjeż marbuta mal-produzzjoni u mal-bejgħ tal-prodott ikkunsidrat, u li, konsegwentement, kien xieraq li jsir l-aġġustament tiegħu. Fir-rigward tat-tieni motiv, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li dan kien ineffettiv. Fil-fatt, anki jekk jitqies li l-appellanti kienu fondati li jikkontestaw il-metodu li l-Kummissjoni użat sabiex tistabbilixxi l-prezz tal-esportazzjoni ta’ Jushi fil-kuntest tal-kalkolu tal-marġni ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet u tal-prezzijiet indikattivi, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tali żball ma huwiex ta’ natura li jwassal għall-annullament tar-Regolament kontenzjuż, peress li anki jekk kellu jittieħed inkunsiderazzjoni l-kalkoli l-ġodda prodotti mill-Kummissjoni, filwaqt li ħadet inkunsiderazzjoni l-kritika tal-appellanti, dawn ma jwasslux, fi kwalunkwe każ, għal modifika tad-dazji antidumping imposti fuq l-appellanti, ħaġa li dawn tal-aħħar stess kienu rrikonoxxew. |
It‑talbiet tal‑partijiet
14 |
Permezz tal-appell tagħhom, l-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
15 |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
16 |
Tech-Fab Europe titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
Fuq l‑appell
17 |
Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jqajmu tliet aggravji. |
Fuq l‑ewwel parti tal‑ewwel motiv, ibbażata fuq ksur tal‑ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 2(5) tar‑Regolament bażiku
L‑argumenti tal‑partijiet
18 |
Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom, li jirrigwarda l-punti 31 sa 34 u 36 sa 43 tas-sentenza appellata, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali kisret l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku. B’mod partikolari, huma jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li peress li l-prezz ta’ GFR li jinsab fid-dokumenti tal-kontabbiltà ta’ Hengshi ma kienx iffissat f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni sħiħa, dak il-prezz ma setax jitqies li jieħu inkunsiderazzjoni b’mod raġonevoli l-ispejjeż assoċjati mal-produzzjoni u mal-bejgħ tal-prodott inkwistjoni, u li, konsegwentement, dak il-prezz kellu jiġi aġġustat. |
19 |
Insostenn ta’ dan l-ewwel aggravju, l-appellanti jsostnu, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku, interpretat b’mod strett u skont il-kuntest tiegħu, ma jippermettix lill-Kummissjoni teskludi l-ispejjeż inklużi fid-dokumenti tal-kontabbiltà tal-produttur-esportatur mis-sempliċi fatt li element ta’ spiża ma nbediex f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni sħiħa. |
20 |
Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali, billi qieset li, skont is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li hija tgawdi minnha, il-Kummissjoni tista’, sabiex twettaq aġġustament, teskludi l-ispejjeż irreġistrati fid-dokumenti ta’ kontabbiltà tal-parti li hija s-suġġett tal-investigazzjoni meta l-prezz tal-materja prima użata għall-produzzjoni tal-prodott ikkunsidrat ma huwiex iffissat f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni sħiħa, wettqet żball ta’ liġi meta tat lill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku portata li huwa nieqes minnha. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali żbaljat ukoll meta ddeċidiet, fil-punt 29 tas-sentenza appellata, li, minħabba l-eżistenza ta’ din is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa, l-istħarriġ tagħha kellu jkun limitat, f’dan il-kuntest, għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura, tal-eżattezza materjali tal-fatti kkunsidrati sabiex issir l-għażla kkontestata, tal-assenza ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti jew tal-assenza ta’ abbuż ta’ poter mill-Kummissjoni. |
21 |
Fil-fatt, peress li t-tieni kundizzjoni stabbilita fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku taqa’ taħt sistema ta’ eċċezzjoni, din il-kundizzjoni għandha tiġi interpretata b’mod strett, b’tali mod li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha tibbaża ruħha fuq fatturi oġġettivi, mingħajr ma jkollha marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tagħhom. Għalhekk, sa fejn l-eċċezzjoni prevista mit-tieni kundizzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku tindirizza espressament is-sitwazzjonijiet li fihom id-dokumenti ta’ kontabbiltà ma jirriflettux raġonevolment l-ispejjeż sostnuti mill-produttur inkwistjoni u tkopri s-sitwazzjonijiet li fihom l-ispejjeż huma affettwati minn sitwazzjoni partikolari tas-suq, din l-eċċezzjoni ma tistax tiġi estiża għal ċirkustanzi oħra, bħall-fatt li l-ispejjeż inkwistjoni ma humiex sostnuti f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni sħiħa minħabba relazzjoni intragrupp, minbarra dawk li huma għalhekk previsti b’dan il-mod b’mod eżawrjenti minn din id-dispożizzjoni. |
22 |
Barra minn hekk, fil-punt 41 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali estendiet b’mod żbaljat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2(5) ta’ dan ir-regolament, li jikkonċerna l-kwalità tad-dokumenti ta’ kontabbiltà, billi bbażat ruħha b’analoġija fuq l-Artikolu 2(1) tal-imsemmi regolament, li jirrigwarda l-kwalità u n-natura raġonevoli tal-ispejjeż sostnuti mill-partijiet relatati. |
23 |
Fit-tieni lok, l-appellanti jsostnu li l-iżball imwettaq mill-Qorti Ġenerali fl-interpretazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku huwa kkonfermat mill-ġurisprudenza tal-Korp għall-Ftehim fuq Tilwim tal-WTO. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni għandha tinqara fid-dawl tal-Artikolu 2.2.1.1 tal-Ftehim antidumping, kif interpretat min-naħa tiegħu mill-Korp għall-Ftehim fuq Tilwim tal-WTO. Issa, din tal-aħħar diġà kkunsidrat, f’rapport tat‑12 ta’ Settembru 2019, li t-tieni kundizzjoni msemmija fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 2.2.1.1 tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk ir-reġistri tal-esportatur jew tal-produttur li huma s-suġġett tal-investigazzjoni jirrappreżentawx jew jirriproduċu b’mod xieraq u suffiċjenti l-ispejjeż inkorsi mill-esportatur jew mill-produttur ikkonċernat mill-investigazzjoni li għandhom relazzjoni ġenwina mal-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott speċifiku kkunsidrat. Bl-istess mod, f’rapport adottat fis‑26 ta’ Ottubru 2016, il-Korp tal-Appell tal-WTO indika b’mod partikolari li din it-tieni kundizzjoni teżiġi paragun bejn l-ispejjeż indikati fir-reġistri tal-produttur jew tal-esportatur u l-ispejjeż inkorsi minn dan il-produttur jew minn dan l-esportatur. |
24 |
Għaldaqstant, skont ir-rikorrenti, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Kummissjoni għandha tillimita ruħha li tivverifika li d-dokumenti miżmuma mill-produttur li huwa s-suġġett tal-investigazzjoni jikkorrispondu “b’mod xieraq u suffiċjenti” għall-ispejjeż sostnuti minn dan il-produttur sabiex jipproduċi u jbigħ il-prodott ikkunsidrat. Għaldaqstant, din l-istituzzjoni ma hijiex awtorizzata tivverifika jekk ir-reġistri tal-produttur inkwistjoni jirriflettux raġonevolment ċerti spejjeż ipotetiċi li setgħu jiġu sostnuti li kieku ma xtrax il-materja prima mingħand parti relatata. Issa, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali kellha tiddeduċi mill-fatt, irrilevat fil-punt 37 tas-sentenza appellata, li Jushi biegħet GFR lil Hengshi billi għamlet profitt, li l-ispejjeż kollha sostnuti għall-produzzjoni ta’ GFR u GFF kienu ddaħħlu b’mod korrett fir-reġistri ta’ Hengshi. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta ddeċidiet li l-Kummissjoni kellha raġun teskludi r-reġistri ta’ Hengshi sabiex tistabbilixxi l-ispejjeż ta’ produzzjoni tagħha skont l-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku. |
25 |
Il-Kummissjoni u Tech-Fab Europe jikkunsidraw li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
26 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku jinkludi eċċezzjoni li għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv, għandu jitfakkar li, skont il-kliem tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku, l-ispejjeż għandhom normalment jiġu kkalkolati abbażi tad-dokumenti tal-kontabbiltà tal-parti li hija s-suġġett tal-investigazzjoni, bil-kundizzjoni li tali dokumenti jinżammu skont il-prinċipji tal-kontabbiltà ġeneralment aċċettati tal-pajjiż ikkonċernat u jieħdu inkunsiderazzjoni b’mod raġonevoli l-ispejjeż marbuta mal-produzzjoni u mal-bejgħ tal-prodott ikkunsidrat. |
27 |
Kif indikat il-Qorti Ġenerali fil-punt 27 tas-sentenza appellata, u kif ġustament isostnu l-appellanti, din l-iskema tikkostitwixxi eċċezzjoni għal regola ġenerali u għalhekk għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv. |
28 |
Xorta jibqa’ l-fatt li l-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku ma jobbligax lill-Kummissjoni taċċetta mingħajr kundizzjonijiet u mingħajr ma twettaq il-verifiki neċessarji l-informazzjoni li tinsab fir-reġistri kontabbli tal-produttur jew tal-esportatur li huma s-suġġett tal-investigazzjoni. |
29 |
Kif fakkret ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 29 tas-sentenza appellata, fil-qasam tal-miżuri ta’ protezzjoni tal-kummerċ, l-istituzzjonijiet għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u ġuridiċi li huma għandhom jeżaminaw. Għaldaqstant, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni fir-rigward tal-atti stabbiliti mill-istituzzjonijiet fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa huwa limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura, tal-preċiżjoni materjali tal-fatti kkunsidrati sabiex issir l-għażla kkontestata, tal-assenza ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti jew tal-assenza ta’ użu ħażin ta’ poter. Dan l-istħarriġ ġudizzjarju limitat jestendi, b’mod partikolari, għall-għażla bejn metodi differenti ta’ kalkolu tal-marġni ta’ dumping u għall-evalwazzjoni tal-valur normali ta’ prodott (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2007, Ikea Wholesale,C‑351/04, EU:C:2007:547, punti 40 u 41 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
30 |
F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punti 34 u 40 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni injorat l-ispejjeż imniżżla fid-dokumenti tal-kontabbiltà tal-parti li hija s-suġġett tal-investigazzjoni meta l-prezzijiet tal-materja prima użata għall-manifattura tal-prodott ikkonċernat ma jidhrux stabbiliti f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni sħiħa, minħabba relazzjoni intragrupp. Barra minn hekk, kif indikat il-Kummissjoni fil-premessa 312 tar-Regolament kontenzjuż, li l-prezzijiet li bihom Hengshi kienet tixtri lil GFR mingħand Jushi kienu sistematikament u sostanzjalment inqas mill-prezzijiet li bihom Jushi kienet tbigħ l-istess prodott lix-xerrejja indipendenti li joperaw fis-suq Eġizzjan. |
31 |
Ir-rikorrenti jikkunsidraw, essenzjalment, li l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku għandha tiġi interpretata fis-sens li huwa biss jekk id-dokumenti miżmuma mill-produttur li huwa s-suġġett tal-investigazzjoni ma jikkorrispondux “b’mod xieraq u suffiċjenti” għall-ispejjeż sostnuti minn dan il-produttur sabiex jipproduċi u jbigħ il-prodott ikkunsidrat li l-Kummissjoni tista’ tikkalkola l-ispejjeż marbuta mal-produzzjoni u mal-bejgħ b’mod ieħor għajr abbażi biss tad-dokumenti ta’ kontabbiltà tal-produttur inkwistjoni. |
32 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha u l-għanijiet imfittxija minnha, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-kuntest tagħha kif ukoll id-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni. L-oriġini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni wkoll jista’ jkollha elementi rilevanti għall-interpretazzjoni tagħha (sentenzi tal‑10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et, C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑1 ta’ Ottubru 2019, Planet49,C‑673/17, EU:C:2019:801, punt 48). |
33 |
Fir-rigward tal-għan tal-ewwel u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku, għandu jiġi rrilevat li dan huwa intiż li jiggarantixxi li l-ispejjeż marbuta mal-produzzjoni u mal-bejgħ tal-prodott simili użati fil-kuntest tal-kalkolu tal-valur normali tal-imsemmi prodott jirriflettu l-ispejjeż li produttur ikun sostna fis-suq intern tal-pajjiż esportatur. |
34 |
Fir-rigward tal-kuntest, id-dispożizzjonijiet tat-tielet u tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku, li jirreferu espliċitament għas-sitwazzjonijiet li fihom il-prezzijiet huma affettwati minħabba r-relazzjoni intragrupp, iservu bħala bażi għad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-Artikolu 2 dwar il-valur normali, inklużi dawk previsti fl-Artikolu 2(5). L-assenza ta’ repetizzjoni ta’ dawn l-elementi f’dan l-Artikolu 2(5) ma timplikax li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni jeskludi din is-sitwazzjoni. |
35 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Artikolu 2(5) tar-Regolament Nru 384/96, li r-Regolament bażiku ħassar u ssostitwixxa, kien ifformulat, essenzjalment, bl-istess kliem bħall-Artikolu 2(5) ta’ dan tal-aħħar. |
36 |
Issa, mill-premessa 4 tar-Regolament Nru 1972/2002, li daħħlet din id-dispożizzjoni fir-Regolament Nru 384/96, jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni b’hekk ried jipprovdi indikazzjonijiet dwar it-triq ’il quddiem fl-ipoteżi fejn il-kotba tal-kontijiet tal-produttur ma jiħdux inkunsiderazzjoni b’mod raġonevoli l-ispejjeż marbuta mal-produzzjoni u mal-bejgħ tal-prodott ikkunsidrat, b’mod partikolari fil-każ fejn, minħabba sitwazzjoni partikolari tas-suq, il-bejgħ tal-prodott simili ma jippermettix paragun validu. F’każ bħal dan, l-informazzjoni għandha, skont l-istess premessa, tkun provenjenti minn sorsi li ma humiex affettwati minn “distorsjonijiet bħal dawn”. |
37 |
Minn dan isegwi li l-Kummissjoni għandha tkun tista’ tevalwa l-ispejjeż marbuta mal-produzzjoni u mal-bejgħ ta’ prodott li huwa s-suġġett ta’ investigazzjoni abbażi tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku b’mod partikolari fil-każ fejn il-bejgħ tal-prodott simili ma jippermettix paragun validu minħabba distorsjoni. |
38 |
Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ma kisritx il-portata tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku meta ddeċidiet li din id-dispożizzjoni ma tipprekludix lill-Kummissjoni milli tinjora l-ispejjeż imniżżla fid-dokumenti tal-kontabbiltà tal-parti li hija s-suġġett tal-investigazzjoni meta l-prezzijiet tal-materja prima użata għall-manifattura tal-prodott ikkonċernat ma jidhrux stabbiliti f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni sħiħa, minħabba relazzjoni intragrupp. |
39 |
Fit-tieni lok, l-appellanti jilmentaw li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod adegwat il-ġurisprudenza tal-Korp għall-Ftehim fuq Tilwim tal-WTO dwar l-Artikolu 2.2.1.1 tal-Ftehim antidumping. |
40 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li s-supremazija tal-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni fuq it-testi tad-dritt sekondarju tal-Unjoni teżiġi li dawn tal-aħħar jiġu interpretati, sa fejn huwa possibbli, b’mod konformi ma’ dawn il-ftehimiet u, min-naħa l-oħra, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà rreferiet għal rapporti ta’ grupp speċjali tal-WTO jew tal-Korp tal-Appell stabbilit fi ħdan il-WTO insostenn tal-interpretazzjoni tagħha ta’ dispożizzjonijiet ta’ ftehim li jinsabu fl-Anness tal-Ftehim li jistabbilixxi l-WTO (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ April 2022, Yieh United Steel vs Il‑Kummissjoni, C‑79/20 P, EU:C:2022:305, punti 101 u 102 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
41 |
Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ġustament irreferiet, fil-punt 32 tas-sentenza appellata, għal rapport tal-Korp tal-Appell tal-WTO fil-kawża “L-Unjoni Ewropea – Miżuri Antidumping fuq il-Bijodiżil mill-Arġentina” (WT/DS 473/AB/R), adottat fis‑26 ta’ Ottubru 2016, li fih hija ppreċiżata b’mod partikolari l-portata tal-Artikolu 2.2.1.1 tal-Ftehim antidumping, sabiex tingħata interpretazzjoni tad-dispożizzjoni, sostanzjalment identika, tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku sabiex jiġi kkonfermat li din l-aħħar dispożizzjoni ma teskludix li l-Kummissjoni tista’ titbiegħed mill-ispejjeż irreġistrati fid-dokumenti ta’ kontabbiltà tal-parti li hija s-suġġett tal-investigazzjoni meta l-prezz tal-materja prima użata għall-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat ma jkunx stabbilit f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni sħiħa. |
42 |
Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, mill-punt 6.33 ta’ dan ir-rapport jirriżulta li jista’ jiġi kkonstatat li d-dokumenti ta’ kontabbiltà ma jiħdux inkunsiderazzjoni b’mod raġonevoli l-ispejjeż assoċjati mal-produzzjoni u mal-bejgħ tal-prodott ikkunsidrat meta t-tranżazzjonijiet li jikkonċernaw ċerti inputs assoċjati mal-produzzjoni u mal-bejgħ ta’ dan il-prodott ma jseħħux f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni sħiħa. |
43 |
Mill-elementi kollha preċedenti jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma kisritx l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku ma jipprekludix lill-Kummissjoni milli tinjora l-ispejjeż imniżżla fid-dokumenti tal-kontabbiltà tal-parti li hija s-suġġett tal-investigazzjoni meta l-prezzijiet tal-materja prima użata għall-manifattura tal-prodott ikkonċernat ma jidhrux stabbiliti f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni sħiħa, minħabba relazzjoni intragrupp. |
44 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
Fuq it‑tieni aggravju, ibbażat fuq ksur tal‑Artikolu 2(5) tar‑Regolament bażiku
45 |
It-tieni aggravju, li jirrigwarda l-punti 72 sa 76, 80 u 82 sa 88 tas-sentenza appellata, jinqasam f’żewġ partijiet. |
Fuq l‑ewwel parti
– L‑argumenti tal‑partijiet
46 |
Permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li, fil-punt 84 tas-sentenza appellata, interpretat u applikat b’mod żbaljat it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku meta kkunsidrat li l-Kummissjoni kellha raġun taġġusta l-ispiża ta’ GFR ta’ Hengshi fuq “kwalunkwe bażi oħra raġonevoli”. B’mod iktar partikolari, il-Qorti Ġenerali injorat il-portata tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku, li jipprovdu li l-Kummissjoni għandha bħala prinċipju taġġusta l-ispejjeż li ma humiex raġonevolment riflessi fil-kotba ta’ dan il-produttur. Issa, peress li din id-dispożizzjoni tippreċiża li huwa biss “fejn din l-informazzjoni ma tkunx disponibbli jew ma tistax tintuża” li l-Kummissjoni tkun tista’ tibbaża ruħha fuq “kwalunkwe bażi oħra raġonevoli”, din ir-regola jkollha n-natura ta’ eċċezzjoni u, għalhekk, tiġi interpretata b’mod strett. |
47 |
F’dan ir-rigward, l-appellanti jsostnu li huwa abbażi ta’ interpretazzjoni żbaljata ta’ din id-dispożizzjoni li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 86 tas-sentenza appellata, li, minkejja li, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku, meta l-ispejjeż marbuta mal-produzzjoni u mal-bejgħ ta’ prodott li huwa s-suġġett ta’ investigazzjoni ma humiex raġonevolment riflessi fir-reġistri tal-parti kkonċernata, dawn għandhom jiġu aġġustati jew iddeterminati “fuq il-bażi tal-ispejjeż ta’ produtturi jew esportaturi oħra fl-istess pajjiż”, f’dan il-każ, il-Kummissjoni kienet ibbażata fuq dan il-kalkolu fuq “kwalunkwe bażi raġonevoli oħra”, minħabba li l-ispejjeż tal-produtturi l-oħra ma kinux “komparabbli” bejniethom, minħabba r-relazzjoni bejn Jushi u Hengshi u l-istruttura tal-ispejjeż ta’ Jushi, kumpannija integrata vertikalment. Skont l-appellanti, il-“komparabbiltà” tal-ispejjeż tal-produtturi l-oħra ma tagħmilx parti mid-derogi għar-regola ta’ aġġustament tal-ispejjeż li ma humiex raġonevolment riflessi fir-reġistri stabbiliti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku. |
48 |
L-iżball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali meta kkunsidrat li l-Kummissjoni kellha raġun tapplika l-eċċezzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku huwa kkonfermat fil-punt 87 tas-sentenza appellata. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat li l-fatt li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq l-ispejjeż BAĠ u l-qligħ ta’ Jushi fuq il-bejgħ domestiku tagħha ta’ GFF sabiex tibni l-valur normali ta’ GFF ta’ Hengshi skont l-Artikolu 2(6)(a) tar-Regolament bażiku kien irrilevanti minħabba li l-Artikolu 2(5) ta’ dan ir-regolament jittratta kwistjoni differenti. Issa, dawn id-dispożizzjonijiet jittrattaw l-istess kwistjoni, jiġifieri d-determinazzjoni tal-elementi tal-ispejjeż li għandhom jintużaw sabiex jinħadem il-valur normali. Għalhekk, l-ispiża tal-produzzjoni ta’ Jushi għandu jkun jista’ jintuża wkoll skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku biex tiġi ddeterminata l-ispiża tal-produzzjoni ta’ Hengshi. |
49 |
Barra minn hekk, skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali kellha tikkonkludi li l-ispiża tal-produzzjoni ta’ GFR ta’ Jushi setgħet validament tintuża sabiex tiġi ddeterminata l-ispiża ta’ produzzjoni ta’ Hengshi skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku. Fil-fatt, ma jkunx eżatt li jiġi allegat, kif għamlet il-Qorti Ġenerali fil-punt 83 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma “aċċettatx” l-ispiża ta’ produzzjoni ta’ GFR ta’ Jushi, filwaqt li din l-istituzzjoni użat l-ispiża stess ta’ produzzjoni tat-GFF immanifatturati minn Jushi, li mid-definizzjoni tagħha stess tinkludi l-ispiża tal-produzzjoni ta’ GFR ta’ din tal-aħħar, sabiex tikkalkola l-marġni ta’ dumping tagħha. Il-fatt li Jushi u Hengshi huma relatati ma kellu l-ebda effett fuq l-ispejjeż tal-produzzjoni ta’ GFR immanifatturati minn Jushi, peress li dan il-produttur la xtara l-materja prima u lanqas inputs mingħand Hengshi. |
50 |
Il-Kummissjoni u Tech-Fab Europe jqisu li l-ewwel parti tat-tieni aggravju tal-appellanti għandha tiġi miċħuda bħala infondata. |
– Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
51 |
Konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku, jekk l-ispejjeż assoċjati mal-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott taħt investigazzjoni ma humiex riflessi b’mod raġonevoli fir-reġistrazzjonijiet tal-parti interessata, dawn għandhom jiġu aġġustati jew stabbiliti fuq il-bażi tal-ispejjeż ta’ produtturi jew esportaturi oħra fl-istess pajjiż jew, fejn din l-informazzjoni mhix disponibbli jew ma tistax tintuża, fuq kull bażi oħra raġonevoli, inkluża informazzjoni minn swieq oħra rappreżentattivi. |
52 |
F’dan il-każ, il-Kummissjoni użat din l-eċċezzjoni sabiex taġġusta l-ispiża ta’ GFR ta’ Hengshi, billi aġġustat dawn l-ispejjeż fuq “kwalunkwe bażi oħra raġonevoli”, minflok ma għamlet aġġustament “fuq il-bażi tal-ispejjeż ta’ produtturi jew esportaturi oħra fl-istess pajjiż”, jiġifieri abbażi tal-ispejjeż sostnuti minn Jushi, li huwa l-uniku produttur ieħor ta’ GFR fl-Eġittu, għall-produzzjoni tal-imsemmija GFR. |
53 |
Qabelxejn, għandu jiġi kkunsidrat li l-Qorti Ġenerali ġustament ikkonstatat, fil-punt 79 tas-sentenza appellata, li l-għażla li wieħed jirrikorri għal “kwalunkwe bażi oħra raġonevoli” li tikkostitwixxi sistema ta’ eċċezzjoni għar-regola ġenerali prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku, għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv, hekk kif isostnu l-appellanti insostenn ta’ din l-ewwel parti tat-tieni aggravju tagħhom. Għalhekk, sabiex titbiegħed mir-regola li tgħid li, meta l-ispejjeż marbuta mal-produzzjoni u mal-bejgħ ta’ prodott li huwa s-suġġett ta’ investigazzjoni ma jkunux raġonevolment riflessi fir-reġistri tal-parti kkonċernata, dawn għandhom jiġu aġġustati jew iddeterminati abbażi tal-ispejjeż ta’ produtturi jew esportaturi oħra tal-istess pajjiż, il-Kummissjoni għandha tibbaża ruħha fuq provi, jew tal-inqas fuq indikazzjonijiet, li jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza tal-fattur li abbażi tiegħu jsir l-aġġustament. |
54 |
F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 80 tas-sentenza appellata, li, sabiex tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha li ma tużax l-ispiża tal-produzzjoni ta’ GFR ta’ Jushi sabiex taġġusta l-ispiża ta’ GFR ta’ Hengshi u, konsegwentement, li tirrikorri għal bażi raġonevoli oħra, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-fatt li Jushi kienet kumpannija relatata ma’ Hengshi, u li Jushi kienet kumpannija integrata vertikalment. jiġifieri tipproduċi u tikkonsma lil GFR tagħha stess biex timmanifattura l-GFF, li ma kienx il-każ għal Hengshi, li tixtri l-GFR mingħand Jushi u fornituri oħra Ċiniżi relatati biex timmanifattura l-GFF. |
55 |
Issa, abbażi ta’ tali konstatazzjonijiet ta’ fatt, li l-appellanti ma jikkontestawx, il-Qorti Ġenerali setgħet validament tiddeduċi li l-ispejjeż ta’ produzzjoni ta’ GFR ta’ Jushi ma setgħux jintużaw mill-Kummissjoni għall-finijiet tal-aġġustament inkwistjoni. Fil-fatt, kif indikat il-Qorti Ġenerali fil-punt 86 tas-sentenza appellata, f’tali ċirkustanzi, din l-istituzzjoni ma setgħetx tieħu dawn l-ispejjeż inkunsiderazzjoni, peress li Jushi kienet, għall-kuntrarju ta’ Hengshi, kumpannija integrata vertikalment. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali setgħet, ġustament, tiddeċiedi li l-Kummissjoni kienet fondata, fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi fattwali, li teskludi l-ispejjeż ta’ produzzjoni ta’ GFR ta’ Jushi u twettaq aġġustament fuq “kwalunkwe bażi oħra raġonevoli”. |
56 |
Sussegwentement, ir-rikorrenti jsostnu li għalkemm l-ispejjeż BAĠ u l-profitt ta’ Jushi setgħu jintużaw sabiex jiġi stabbilit il-valur normali tat-TFV ta’ Hengshi skont l-Artikolu 2(6)(a) tar-Regolament bażiku, l-ispiża tal-produzzjoni ta’ Jushi setgħet tintuża wkoll skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku sabiex tiġi ddeterminata l-ispiża tal-produzzjoni ta’ Hengshi. |
57 |
Kuntrarjament għal dak li jsostnu l-appellanti, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball, fil-punt 87 tas-sentenza appellata, meta ċaħdet dan l-argument minħabba li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni jittrattaw kwistjonijiet differenti. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ġustament fakkret li l-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku jikkonċerna l-kalkolu tal-ispejjeż marbuta mal-produzzjoni u mal-bejgħ tal-prodott ikkunsidrat, filwaqt li l-Artikolu 2(6) ta’ dan ir-regolament għandu bħala għan il-kalkolu tal-ispejjeż BAĠ u tal-profitti li huwa bbażat fuq il-bejgħ domestiku tal-prodott simili, fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet normali. Dawn huma elementi distinti fil-kostruzzjoni tal-valur normali. |
58 |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-punt 83 tas-sentenza appellata, l-appellanti jikkontestaw l-evalwazzjoni tal-fatti mill-Qorti Ġenerali li l-Kummissjoni ma “aċċettatx” l-ispiża tal-produzzjoni ta’ GFR ta’ Jushi. Dan l-iżball ta’ evalwazzjoni jirriżulta b’mod ċar mill-atti proċedurali li ġew ippreżentati lill-Qorti Ġenerali, li fihom il-Kummissjoni ddikjarat li “l-ispejjeż tal-produzzjoni proprji ta’ Jushi Egypt intużaw” sabiex jinħadem il-valur normali tat-tipi ta’ prodott mhux mibjugħa fi kwantitajiet rappreżentattivi. |
59 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ ta’ appell, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex kompetenza sabiex tikkonstata l-fatti u lanqas, bħala prinċipju, sabiex teżamina l-provi li l-Qorti Ġenerali tkun qieset insostenn ta’ dawn il-fatti. Fil-fatt, sakemm dawn il-provi kienu nkisbu legalment, u sakemm il-prinċipji ġenerali tad-dritt u r-regoli proċedurali applikabbli fil-qasam tal-oneru u tal-amministrazzjoni tal-prova jkunu ġew osservati, hija biss il-Qorti Ġenerali li għandha tevalwa l-valur li għandu jingħata lill-provi prodotti quddiemha, sakemm ma jkunx hemm każ ta’ żnaturament ta’ dawn il-provi (sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2024, Foz vs Il‑Kunsill, C-524/22 P, EU:C:2024:23, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
60 |
Ikun hemm tali żnaturament meta, mingħajr ma jsir riferiment għal provi ġodda, l-evalwazzjoni tal-provi eżistenti tkun tidher li hija manifestament żbaljata. Madankollu, dan l-iżnaturament għandu joħroġ b’mod manifest mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun neċessarju li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi. Barra minn hekk, meta jallega żnaturament tal-provi, appellant għandu jindika b’mod preċiż il-provi li allegatament ġew żnaturati mill-Qorti Ġenerali u għandu juri l-iżbalji fl-analiżi li, fil-fehma tiegħu, wasslu lill-Qorti Ġenerali għal dan l-iżnaturament (sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2024, Foz vs Il‑Kunsill, C‑524/22 P, EU:C:2024:23, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
61 |
F’dan il-każ, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li kien waqt il-kalkolu tal-ispiża ta’ GFR ta’ Hengshi li l-Kummissjoni ddeċidiet li ma tużax l-ispiża tal-produzzjoni ta’ GFR ta’ Jushi u li konsegwentement hija rrikorriet għal bażi raġonevoli oħra. Issa, id-dokument proċedurali invokat mill-appellanti, li fih il-Kummissjoni tiddikjara li “l-ispejjeż tal-produzzjoni proprji ta’ Jushi Egypt intużaw”, jirreferi għall-ispejjeż ta’ GFR prodotti mhux minn Hengshi, iżda minn Jushi. F’dan ir-rigward, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 80 tas-sentenza appellata, li għalih jirreferi espressament il-punt 83 tagħha, il-Kummissjoni ma aċċettatx l-ispiża tal-produzzjoni ta’ GFR ta’ Jushi minħabba r-rabtiet li jeżistu bejn dawn iż-żewġ kumpanniji, jiġifieri li Jushi, filwaqt li kienet l-uniku produttur ieħor ta’ GFF fl-Eġittu, kienet, minn naħa, kumpannija assoċjata ma’ Hengshi u, min-naħa l-oħra, kumpannija integrata vertikalment, li ma kienx il-każ ta’ Hengshi. |
62 |
Issa, f’dan ir-rigward, l-appellanti sempliċement isostnu li l-konstatazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali, fil-punt 83 tas-sentenza appellata, hija vvizzjata minn ineżattezza materjali, mingħajr ma jistabbilixxu ulterjorment il-provi li allegatament ġew żnaturati mill-Qorti Ġenerali u lanqas ma juru l-iżbalji ta’ analiżi li, fl-evalwazzjoni tagħha, wassluha għal dan l-iżnaturament. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-appellanti, billi ma pproduċew ebda prova li tiġġustifika l-allegazzjoni tagħhom ta’ żnaturament tal-fatti inkwistjoni mill-Qorti Ġenerali, ma ssodisfawx l-oneru impost fuqhom f’dan ir-rigward. |
63 |
Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud. |
64 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata. |
Fuq it‑tieni parti
– L‑argumenti tal‑partijiet
65 |
Insostenn tat-tieni parti tat-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li, minn naħa, wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kinitx kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha u, min-naħa l-oħra, laqgħet b’mod żbaljat l-aggravji invokati għall-ewwel darba quddiemha minn din l-istituzzjoni. Skont l-appellanti, il-premessa 331 tar-Regolament kontenzjuż ma tispjegax għalfejn il-Kummissjoni kellha tirrikorri għall-eċċezzjoni prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku sabiex tiddetermina l-ispiża tal-produzzjoni ta’ Hengshi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tispjegax, fit-test tar-Regolament kontenzjuż, ir-raġuni li għaliha, minn naħa, din id-dispożizzjoni twassal għal rekwiżit ta’ “komparabbiltà” u, min-naħa l-oħra, Jushi ma kinitx paragunabbli ma’ Hengshi, u b’hekk tiġġustifika l-użu ta’ din l-eċċezzjoni. Kien għall-ewwel darba fir-risposta tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali li l-Kummissjoni esponiet ir-raġuni għalfejn hija ddeċidiet li tirrikorri għall-eċċezzjoni prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku. |
66 |
Il-Kummissjoni tqis li din il-parti tat-tieni aggravju hija, prinċipalment, infondata u, sussidjarjament, ineffettiva. |
67 |
Tech-Fab Europe ssostni li t-tieni parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata. |
– Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
68 |
Fir-rigward tan-nuqqas ta’ motivazzjoni allegat mir-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li mill-premessa 331 tar-Regolament kontenzjuż jirriżulta li l-Kummissjoni indikat fiha li, wara li evalwat jekk id-dokumenti tal-kontabbiltà ta’ Hengshi kinux raġonevolment jieħdu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż assoċjati mal-produzzjoni ta’ GFF, hija kkonstatat li l-prezzijiet ta’ trasferiment għax-xiri ta’ GFR ta’ Hengshi mingħand Jushi kienu s-suġġett ta’ tnaqqis qawwi meta mqabbel mal-prezz tas-suq għall-istess tipi ta’ prodotti fl-Eġittu, li jfisser li dawn ma kinux ġew iffissati f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni sħiħa. |
69 |
Peress li l-Kummissjoni b’hekk esponiet ir-raġunijiet li għalihom hija rrikorriet għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku, il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet, fil-punt 76 tas-sentenza appellata, li l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi miċħud. |
70 |
Fl-aħħar nett, l-argument tal-paragunabbiltà li l-Kummissjoni esponiet għall-ewwel darba fir-risposta huwa ineffettiv, peress li l-premessa 331 tar-Regolament kontenzjuż kienet diġà tipprovdi espożizzjoni tal-motivi għall-użu mill-Kummissjoni ta’ “bażi raġonevoli oħra”, fis-sens tal-imsemmi tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(5). |
71 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni parti tat-tieni aggravju tar-rikorrenti għandha tiġi miċħuda bħala parzjalment infondata u parzjalment ineffettiva. Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu. |
Fuq it‑tielet aggravju
L‑argumenti tal‑partijiet
72 |
Permezz tat-tielet aggravju tagħhom, li jirrigwarda l-punti 97 u 98 tas-sentenza appellata, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat li l-Kummissjoni ma kisritx l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku meta imponiet fuq l-appellanti dazju antidumping definittiv ta’ 20 %, li jeċċedi l-marġni ta’ dumping. Insostenn ta’ dan l-aggravju, dawn tal-aħħar isostnu li mill-ilmenti li huma jressqu fil-kuntest tal-ewwel u t-tieni aggravju tagħhom jirriżulta li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat li l-appellanti ma kinux urew li l-Kummissjoni kienet wettqet żbalji ta’ liġi jew żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali wettqet ukoll żball ta’ liġi meta qieset li l-Kummissjoni ma imponietx dazji antidumping li jeċċedu l-marġni ta’ dumping u li, konsegwentement, hija ma kisritx l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku. |
73 |
Skont il-Kummissjoni u Tech-Fab Europe, it-tielet aggravju huwa ineffettiv. |
Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
74 |
Kif isostnu l-appellanti, it-tielet aggravju jippresupponi li l-ewwel u t-tieni aggravju ġew iddikjarati fondati. Issa, peress li dawn tal-aħħar ġew miċħuda, dan it-tielet aggravju, anki jekk fondat, ma jistax, waħdu, iwassal għall-annullament tas-sentenza appellata, b’tali mod li għandu jiġi ddikjarat ineffettiv. |
75 |
Peress li ebda wieħed miż-żewġ aggravji mressqa mill-appellanti insostenn tal-appell tagħhom ma ntlaqa’, hemm lok li dan l-appell jiġi miċħud fl-intier tiegħu. |
Fuq l‑ispejjeż
76 |
Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-Regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. |
77 |
Peress li l-Kummissjoni u Tech-Fab Europe talbu l-kundanna ta’ Hengshi u ta’ Jushi għall-ispejjeż u dawn tal-aħħar tilfu, hemm lok li huma jiġu ordnati jbatu, minbarra l-ispejjeż tagħhom, dawk sostnuti mill-Kummissjoni u minn Tech-Fab Europe. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.