This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62023CJ0229
Judgment of the Court (Tenth Chamber) of 13 June 2024.#Criminal proceedings against SS and Others.#Request for a preliminary ruling from the Sofiyski gradski sad.#Reference for a preliminary ruling – Telecommunications sector – Processing of personal data and the protection of privacy – Directive 2002/58/EC – Article 15(1) – Restriction of the confidentiality of electronic communications – Judicial decision authorising listening, tapping and storage in respect of telephone conversations of persons suspected of having committed a serious intentional offence – National legislation requiring that that decision must itself contain an express statement of reasons in writing, irrespective of the existence of a reasoned application made by the criminal authorities – Second paragraph of Article 47 of the Charter of Fundamental Rights of the European Union – Obligation to state reasons.#Case C-229/23.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tat-13 ta’ Ġunju 2024.
Proċeduri kriminali kontra HYA et.
Talba għal deċiżjoni preliminari imressqa mis-Sofiyski gradski sad.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Settur tat-telekomunikazzjonijiet – Ipproċessar tad-data personali u protezzjoni tal-ħajja privata – Direttiva 2002/58/KE – Artikolu 15(1) – Limitazzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet elettroniċi – Deċiżjoni ġudizzjarja li tawtorizza s-smigħ, l-interċettazzjoni u l-ħżin ta’ konverżazzjonijiet telefoniċi ta’ persuni ssuspettati li wettqu reat serju intenzjonali – Leġiżlazzjoni nazzjonali li teżiġi li tali deċiżjoni tinkludi hija stess motivazzjoni espliċita bil-miktub, indipendentement mill-eżistenza ta’ talba motivata mill-awtoritajiet kriminali – It‑tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Obbligu ta’ motivazzjoni.
Kawża C-229/23.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tat-13 ta’ Ġunju 2024.
Proċeduri kriminali kontra HYA et.
Talba għal deċiżjoni preliminari imressqa mis-Sofiyski gradski sad.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Settur tat-telekomunikazzjonijiet – Ipproċessar tad-data personali u protezzjoni tal-ħajja privata – Direttiva 2002/58/KE – Artikolu 15(1) – Limitazzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet elettroniċi – Deċiżjoni ġudizzjarja li tawtorizza s-smigħ, l-interċettazzjoni u l-ħżin ta’ konverżazzjonijiet telefoniċi ta’ persuni ssuspettati li wettqu reat serju intenzjonali – Leġiżlazzjoni nazzjonali li teżiġi li tali deċiżjoni tinkludi hija stess motivazzjoni espliċita bil-miktub, indipendentement mill-eżistenza ta’ talba motivata mill-awtoritajiet kriminali – It‑tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Obbligu ta’ motivazzjoni.
Kawża C-229/23.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:505
Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)
13 ta’ Ġunju 2024 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Settur tat-telekomunikazzjonijiet – Ipproċessar tad-data personali u protezzjoni tal-ħajja privata – Direttiva 2002/58/KE – Artikolu 15(1) – Limitazzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet elettroniċi – Deċiżjoni ġudizzjarja li tawtorizza s-smigħ, l-interċettazzjoni u l-ħżin ta’ konverżazzjonijiet telefoniċi ta’ persuni ssuspettati li wettqu reat serju intenzjonali – Leġiżlazzjoni nazzjonali li teżiġi li tali deċiżjoni tinkludi hija stess motivazzjoni espliċita bil-miktub, indipendentement mill-eżistenza ta’ talba motivata mill-awtoritajiet kriminali – It‑tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Obbligu ta’ motivazzjoni”
Fil-Kawża C‑229/23,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ April 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑12 ta’ April 2023, fil-proċeduri kriminali kontra
HYA,
IP,
DD,
ZI,
SS,
fil-preżenza ta’:
Sofiyska gradska prokuratura,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),
komposta minn Z. Csehi, President tal-Awla, E. Regan (Relatur), President tal-Ħames Awla, u I. Jarukaitis, Imħallef,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għall-Irlanda, minn M. Browne, Chief State Solicitor, A. Burke u A. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn A. Thuillier, BL,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Georgieva, H. Kranenborg, P.‑J. Loewenthal u F. Wilman, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514), kif ukoll tal-Artikolu 52(1) u tal-Artikolu 53 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra HYA, IP, DD, ZI u SS minħabba parteċipazzjoni fi grupp kriminali organizzat.
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
3 Il-premessa 11 tad-Direttiva 2002/58 tgħid li:
“Bħad-Direttiva [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal‑24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355)], din id-Direttiva ma tittrattax kwistjonijiet dwar il-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fondamentali relatati ma’ l-attivitajiet li mhumiex regolati mil-liġi Komunitarja. Għaldaqstant ma tbiddilx il-bilanċ eżistenti bejn id-dritt ta’ l-individwu għall-privatezza u l-possibbiltà għall-Istati Membri li jieħdu l-miżuri msemmijin fl-Artikolu 15(1) ta’ din id-Direttiva, neċessarji għall-protezzjoni tas-sigurtà pubblika, difiża, sigurta ta’ l-Istat (li tinkludi il-ġid ekonomiku ta’ l-Istat meta l-attivitajiet huma ta’ materja ta’ sigurtà ta’ l-Istat) u l-infurzar tal-liġi kriminali. Konsegwenetement, din id-Direttiva ma taffetwax l-abbiltà ta’ l-Istati Membri li jwettqu l-interċezzjoni legali ta’ komunikazzjoni elettronika, jew li jieħdu miżuri oħra, jekk neċessarji għal kwalunkwe wieħed minn dawn l-iskopijiet u skond il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fondamentali [iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”)], hekk kif interpretati mid-deċi[ż]jonijiet tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Dawn il-miżuri għandhom jkunu xierqa, strettament proporzjonali għall-iskop maħsub kif ukoll neċessarji fi ħdan soċjetà demokratika u għandhom ikunu suġġetti għal salvagwardji adegwati skond il-[KEDB].”
4 L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2002/58 jistabbilixxi li:
“L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u data dwar it-traffiku relatati permezz ta’ network ta’ komunikazzjoni pubblika u servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament, permezz ta’ liġijiet nazzjonali. Partikolarment għandhom jipprojbixxu s-smigħ, tapping, ħażna jew modi oħrajn ta’ interċettazzjoni jew sorveljanza ta’ komunikazzjonijiet u d-data dwar it-traffiku relatati minn persuni minbarra l-utenti, mingħajr il-kunsens ta’ l-utenti konċernati, ħlief fejn legalment awtorizzati li jagħmlu dan skond l-Artikolu 15(1). Dan il-paragrafu m’għandux jipprevjeni l-ħażna teknika li hija meħtieġa biex tintbagħat komunikazzjoni mingħajr preġudizzju għall-prinċijpju tal-kunfidenzjalità.”
5 L-Artikolu 15(1) tal-istess direttiva huwa fformulat kif ġej:
“L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġislativi biex jirrestrinġu l-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikolu 5, l-Artikolu 6, l-Artikolu 8(1), (2), (3) u (4), u l-Artikolu 9 ta’ din id-Direttiva meta tali restrizzjoni tikkostitwixxi miżura neċessarja, xierqa u proporzjonata f’soċjeta’ demokratika biex tiġi salvagwardjata s-sigurtà nazzjonali (i.e. is-sigurtà ta’ l-Istat), id-difiża, is-sigurtà pubblika, u l-prevenzjoni, investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew ta’ użu mhux awtorizzat tas-sistema ta’ komunikazzjoni elettronika, kif imsemmi fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva [95/46]. Għal dan l-iskop, l-Istati Membri jistgħu, inter alia, jadottaw miżuri leġislativi li jipprovdu għaż-żamma ta’ l-informazzjoni għal perjodu limitat iġġustifikat għarr-raġunijiet stabbiliti f’dan il-paragrafu. Il-miżuri kollha msemmija f’dan il-paragrafu għandhom ikunu skond il-prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja, inklużi dawk imsemmija fl-Artikolu 6(1) u (2) tat-[TUE].”
Id‑dritt Bulgaru
6 L-Artikolu 121(4) tal-Kostituzzjoni Bulgara jipprevedi li “l-atti ġudizzjarji għandhom ikunu motivati”.
7 L-Artikolu 34 tan-Nakazatelno protsesualen kodeks (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem in-“NPK”) jipprevedi li “kull att tal-qorti għandu jkun fih […] motivazzjoni […]”.
8 Skont l-Artikolu 105(2) tan-NPK, “[m]a humiex ammissibbli provi materjali li ma jkunux inġabru jew ġew stabbiliti skont il-kundizzjonijiet u skont il-modalitajiet previsti f’dan il-kodiċi”.
9 Skont l-Artikolu 173(1) tan-NPK:
“L-użu ta’ riżorsi speċjali għall-ġbir ta’ intelligence matul il-proċedura preliminari huwa suġġett għat-tressiq quddiem il-qorti ta’ talba bil-miktub motivata tal-prosekutur inkarigat mit-tmexxija tal-investigazzjoni. […]”
10 L-Artikolu 174(3) u (4) tan-NPK, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprevedi li:
“(3) Awtorizzazzjoni għall-użu ta’ riżorsi speċjali għall-ġbir ta’ intelligence fi proċeduri fil-ġurisdizzjoni tal-iSpetsializiran nakazatelen sad [il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija] għandha tingħata minn qabel mill-President tagħha. […]
(4) L-awtorità msemmija fil-paragrafi 1 sa 3 għandha tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat. […]”
11 L-Artikolu 14(1) taż-zakon za spetsialnite razuznavatelni sredstva (il-Liġi dwar ir-Riżorsi Speċjali għall-Ġbir ta’ Intelligence) (DV Nru 95, tal‑21 ta’ Ottubru 1997, p. 2), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem iż-“ZSRS”), jistabbilixxi li:
“L-użu ta’ riżorsi speċjali għall-ġbir ta’ intelligence jeħtieġ li ssir talba motivata bil-miktub […]”
12 L-Artikolu 15(1) u (4) taż-ZSRS, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprevedi li:
“[…] [Il-]Presidenti […] tal-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata) […] għandhom jagħtu […] awtorizzazzjoni bil-miktub għall-użu ta’ riżorsi speċjali għall-ġbir ta’ intelligence, filwaqt li jimmotivaw id-deċiżjoni tagħhom.”
Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari
13 Bejn l‑10 ta’ April u t‑23 ta’ Mejju 2017, l-iSpetsializirana prokuratura (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjalizzat, il-Bulgarija) ressaq quddiem il-President tal-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata) seba’ talbiet għall-awtorizzazzjoni sabiex jintużaw riżorsi speċjali għall-ġbir ta’ intelligence bl-għan li jinstemgħu u jiġu interċettati, jew saħansitra ssorveljati u ttraċċati, il-konverżazzjonijiet telefoniċi ta’ IP, ta’ DD, ta’ ZI u ta’ SS, erba’ persuni ssuspettati li wettqu reati serji.
14 Kull waħda minn dawn it-talbiet għal interċettazzjonijiet telefoniċi kienet tiddeskrivi b’mod speċifiku, iddettaljat u motivat is-suġġett tat-talba, l-isem u n-numru tat-telefon tal-persuna kkonċernata, ir-rabta eżistenti bejn dan in-numru u din il-persuna, il-provi miġbura sa dak iż-żmien u r-rwol preżunt li kellha l-persuna kkonċernata fil-fatti kriminali. In-neċessità li jsiru l-interċettazzjonijiet telefoniċi mitluba sabiex jinġabru provi fir-rigward tal-attività kriminali li hija s-suġġett tal-investigazzjoni kif ukoll ir-raġunijiet u l-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw l-impossibbiltà li tinġabar din l-informazzjoni permezz ta’ mezzi oħra kienu motivati wkoll b’mod speċifiku.
15 Il-President tal-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata) laqa’ kull waħda mill-imsemmija talbiet fl-istess jum tal-preżentata tagħhom u, konsegwentement, ħareġ seba’ deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni għall-interċettazzjonijiet telefoniċi. Skont dik il-qorti, dawn l-awtorizzazzjonijiet jikkorrispondu għal mudell stabbilit minn qabel intiż sabiex ikopri l-każijiet kollha possibbli ta’ awtorizzazzjoni, mingħajr ebda riferiment għaċ-ċirkustanzi fattwali u legali, bl-eċċezzjoni tat-tul li matulu l-użu tar-riżorsi speċjali għall-ġbir ta’ intelligence kien awtorizzat. Abbażi tal-imsemmija awtorizzazzjonijiet, uħud mill-konverżazzjonijiet imwettqa minn IP, DD, ZI u SS ġew irreġistrati u maħżuna.
16 Fid‑19 ta’ Ġunju 2020, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjalizzat akkuża lil dawn l-erba’ persuni kif ukoll lill-ħames persuna, HYA, b’parteċipazzjoni fi grupp kriminali organizzat intiż, bl-għan ta’ arrikkiment, li jgħaddu klandestinament ċittadini ta’ pajjiżi terzi mill-fruntieri Bulgari, sabiex jgħinuhom jidħlu illegalment fit-territorju Bulgaru kif ukoll sabiex jirċievu jew jagħtu tixħim marbut ma’ dawn l-attivitajiet.
17 Il-qorti adita inizjalment bil-mertu tal-kawża, jiġifieri l-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata), peress li qieset li l-kontenut tal-konverżazzjonijiet irreġistrati għandu importanza diretta sabiex tiġi stabbilita l-fondatezza tal-atti ta’ akkuża ta’ IP, ta’ DD, ta’ ZI u ta’ SS, qieset li hija kellha, minn qabel, tistħarreġ il-validità tal-proċedura li wasslet għall-awtorizzazzjonijiet tal-interċettazzjonijiet telefoniċi.
18 F’dan il-kuntest, din il-qorti ddeċidiet, permezz ta’ deċiżjoni tat‑3 ta’ Ġunju 2021, li tressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tistaqsiha, li kien is-suġġett tal-ewwel domanda tagħha, jekk prassi nazzjonali, li tipprovdi li l-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni ġudizzjarja li tawtorizza l-użu ta’ riżorsi speċjali għall-ġbir ta’ intelligence wara talba motivata mill-awtoritajiet kriminali huwa ssodisfatt meta din id-deċiżjoni, ifformulata skont mudell stabbilit minn qabel u mingħajr raġunijiet individwalizzati, tillimita ruħha li tindika li r-rekwiżiti previsti mil-leġiżlazzjoni, li hija ssemmi, huma osservati, hijiex konformi mal-aħħar sentenza tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqrija fid-dawl tal-premessa 11 tagħha.
19 Permezz tas-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2023, HYA et (Motivazzjoni tal-awtorizzazzjonijiet għall-interċettazzjonijiet telefoniċi) (C‑349/21, iktar ’il quddiem is-“sentenza HYA et I”, EU:C:2023:102), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix tali prassi nazzjonali, bil-kundizzjoni li r-raġunijiet preċiżi li għalihom il-qorti kompetenti qieset li r-rekwiżiti legali kienu osservati fir-rigward tal-elementi fattwali u ġuridiċi li jikkaratterizzaw il-każ ineżami jkunu jistgħu jiġu inferiti b’mod faċli u mingħajr ambigwità minn qari flimkien tad-deċiżjoni u tat-talba għal awtorizzazzjoni, u din tal-aħħar għandha tiġi magħmula aċċessibbli, wara l-awtorizzazzjoni mogħtija, lill-persuna li kontra tagħha ġie awtorizzat l-użu ta’ riżorsi speċjali għall-ġbir ta’ intelligence.
20 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 66 tal-imsemmija sentenza, li ma kienx hemm lok li tingħata risposta għat-tieni domanda magħmula, li permezz tagħha ġie mistoqsi jekk, fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, jikkostitwixxix ksur tad-dritt tal-Unjoni jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tiġi interpretata fis-sens li l-informazzjoni rċevuta wara tali awtorizzazzjoni tintuża sabiex tiġi pprovata l-akkuża kriminali.
21 Wara emenda leġiżlattiva li daħlet fis-seħħ fis‑27 ta’ Lulju 2022, ċerti kawżi kriminali mressqa quddiem l-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata), li ġiet xolta, ġew ittrasferiti lis-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija), li hija l-qorti tar-rinviju f’din il-kawża. Din l-aħħar qorti tindika, fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, li hija tiltaqa’ ma’ ċerti diffikultajiet fl-applikazzjoni tas-sentenza HYA et I.
22 Hija tfakkar li, fil-punti 56 sa 61 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja imponiet fuq il-qorti tar-rinviju l-obbligu li tivverifika jekk il-motivazzjoni tal-awtorizzazzjoni għall-użu ta’ riżorsi speċjali għall-ġbir ta’ intelligence hijiex aċċessibbli u komprensibbli, billi twettaq, għal dan l-għan, qari flimkien tat-talba u tal-awtorizzazzjoni ġudizzjarja.
23 Huwa minnu, skont il-qorti tar-rinviju, li t-talba kollha, f’dan il-każ, ġiet inkluża fil-proċess u hija aċċessibbli għad-difiża. Barra minn hekk, din it-talba għandha l-kontenut meħtieġ mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Konsegwentement, fil-każ ta’ qari flimkien tal-motivazzjoni li tinsab fit-talba u fl-awtorizzazzjoni ġudizzjarja, ikun possibbli li jinftiehmu, b’mod faċli u inekwivoku, ir-raġunijiet tad-deċiżjoni ġudizzjarja li tawtorizza s-smigħ, l-interċettazzjoni u l-ħżin ta’ komunikazzjonijiet mingħajr il-kunsens tal-utenti.
24 Madankollu, l-imsemmija qorti tqis li l-mudell ta’ motivazzjoni li ġie elaborat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza HYA et I, li jikkonsisti, essenzjalment, meta l-awtorizzazzjoni hija redatta skont mudell stabbilit minn qabel mingħajr raġunijiet individwalizzati, f’qari flimkien tal-awtorizzazzjoni u tat-talba sabiex minnu jiġu dedotti r-raġunijiet preċiżi li għalihom ingħatat l-awtorizzazzjoni, huwa inapplikabbli fid-dritt nazzjonali fid-dawl tar-rekwiżiti imposti minnu għal dak li jirrigwarda l-proċedura ta’ ħruġ tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji li jawtorizzaw is-smigħ, l-interċettazzjoni u l-ħżin ta’ komunikazzjonijiet mingħajr il-kunsens tal-utenti. Fil-fatt, l-Artikolu 14(1) taż-ZSRS u l-Artikolu 173(1) tan-NPK jipprevedu li t-talba mressqa mill-awtoritajiet kriminali għal dan l-għan għandha tkun bil-miktub u motivata. Bl-istess mod, l-Artikolu 15(1) taż-ZSRS u l-Artikolu 174(4) tan-NPK jeżiġu li l-awtorizzazzjoni ġudizzjarja mogħtija wara tali talba tkun hija stess bil-miktub u motivata.
25 Konsegwentement, il-qorti tar-rinviju tqis li teżisti kontradizzjoni bejn id-dritt nazzjonali u d-dritt tal-Unjoni għal dak li jirrigwarda l-kwalità tal-motivazzjoni tal-awtorizzazzjoni ġudizzjarja. Fil-fatt, id-dritt nazzjonali jeżiġi li l-awtorizzazzjoni ġudizzjarja nnifisha tinkludi raġunijiet espliċiti bil-miktub, filwaqt li d-dritt tal-Unjoni jkun sodisfatt b’awtorizzazzjoni ġudizzjarja standard, bil-kundizzjoni li l-awtorizzazzjoni tittieħed fuq il-bażi ta’ talba motivata b’mod iddettaljat, aċċessibbli għall-qorti u għad-difiża, b’tali mod li qari flimkien tal-awtorizzazzjoni ġudizzjarja u tat-talba jippermetti li jinftiehmu r-raġunijiet tad-deċiżjoni meħuda.
26 Fl-assenza ta’ kwalunkwe possibbiltà ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali, din il-qorti tistaqsi jekk, skont il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, għandhiex tiġi eskluża l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali, sabiex jiġi applikat il-mudell ta’ motivazzjoni li ġie stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza HYA et I, minkejja li din is-sentenza tidher li tmur kontra, mhux biss il-ġurisprudenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif tirriżulta, b’mod partikolari, mis-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, Prokuratuur (Kundizzjonijiet ta’ aċċess għad-data dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi) (C‑746/18, EU:C:2021:152), iżda wkoll dik tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, kif tirriżulta mis-sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2022, Ekimdzhiev et vs Il‑Bulgarija (CE:ECHR:2022:0111JUD007007812).
27 F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-mudell ta’ motivazzjoni stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza HYA et I jirriżulta minn interpretazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta.
28 Madankollu, huwa dubjuż li dan il-mudell ta’ motivazzjoni josserva r-rekwiżiti li jirriżultaw, l-ewwel nett, mill-premessa 11 tad-Direttiva 2002/58, li tgħid li l-applikazzjoni tal-miżuri previsti fl-Artikolu 15(1) ta’ din id-direttiva għandha tkun konformi mal-KEDB kif ukoll mal-interpretazzjoni li tagħtihom il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, it-tieni nett, mill-Artikolu 52 tal-Karta, li jipprovdi li kull limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet irrikonoxxuti minnha għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-kontenut essenzjali tal-imsemmija drittijiet, filwaqt li għandha tkun konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, it-tielet nett, mill-Artikolu 53 tal-Karta, li jipprevedi li ebda waħda mid-dispożizzjonijiet tagħha ma għandha tiġi interpretata bħala li tillimita dritt partikolari rrikonoxxut mill-KEDB jew mill-Kostituzzjoni ta’ Stat Membru u, ir-raba’ nett, mill-prinċipju ta’ ekwivalenza, li jipprovdi li sitwazzjoni legali li tikkonċerna d-dritt tal-Unjoni ma għandhiex tiġi rregolata b’mod inqas favorevoli mil-liġi u mill-ġurisprudenza nazzjonali minn sitwazzjoni legali simili li tikkonċerna esklużivament sitwazzjoni legali nazzjonali.
29 Għalhekk tqum il-kwistjoni dwar jekk dawn id-dispożizzjonijiet u prinċipji tad-dritt tal-Unjoni jipprekludux li tiġi eskluża l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li teżiġi espliċitament il-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji u ma tawtorizzax il-mudell ta’ motivazzjoni stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza HYA et I.
30 Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fil-każ ta’ risposta affermattiva għal din l-ewwel domanda, id-dritt tal-Unjoni jipprekludix ukoll regola tad-dritt nazzjonali, bħal dik prevista fl-Artikolu 105(2) tan-NPK, li teżiġi li l-komunikazzjonijiet irreġistrati jiġu esklużi mill-provi minħabba l-assenza ta’ motivazzjoni tal-awtorizzazzjonijiet ġudizzjarji, meta, konformement mad-dritt tal-Unjoni, dawn l-awtorizzazzjonijiet ġudizzjarji ma jirrikjedux motivazzjoni proprja, sakemm it-talbiet ikunu suffiċjentement motivati. F’tali każ, ma jkunx hemm ostakolu, konformement mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, għall-użu tal-konverżazzjonijiet telefoniċi bħala provi. Fil-każ kuntrarju, ikun hemm lok, skont l-Artikolu 105(2) tan-NPK, li jiġu esklużi, fin-nuqqas ta’ motivazzjoni proprja tal-awtorizzazzjonijiet bi ksur tad-dritt nazzjonali, il-konverżazzjonijiet telefoniċi bħala provi, sakemm, jekk ikun il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li din id-dispożizzjoni tiġi interpretata bħala li tippermetti l-użu ta’ provi miġbura abbażi ta’ awtorizzazzjoni ġudizzjarja mhux motivata meta l-legalità ta’ din l-awtorizzazzjoni tiġi stabbilita sussegwentement minn qorti fir-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-akkużat.
31 F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:
“L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva [2002/58] […], ikkunsidrat flimkien mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta […], kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza [HYA et I], u meqjus fid-dawl tal-premessa 11 tad-Direttiva 2002/58, tal-Artikolu 52(1) u tal-Artikolu 53 tal-Karta […] kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza [ekwivalenza], għandu jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-qorti nazzjonali:
– tastjeni milli tapplika dispożizzjonijiet legali nazzjonali (l-Artikolu 121(4) tal-Kostituzzjoni, l-Artikolu 174(4) tan-[NPK], u l-Artikoli 15(2) taż-[ZSRS]), kif ukoll l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(2) tal-[KEDB], mogħtija [fis-sentenza tal-Qorti EDB tal‑11 ta’ Jannar 2022, Ekimdzhiev et vs Il‑Bulgarija (CE:ECHR:2022:0111JUD007007812)]), li jirrikjedu motivazzjoni espliċita bil-miktub għall-awtorizzazzjoni ġudizzjarja (għas-smigħ, […] [għall-interċettazzjoni] u għall-ħażna ta’ telekomunikazzjonijiet mingħajr il-kunsens tal-utenti) u dan anki meta t-talba li abbażi tagħha tinħareġ l-awtorizzazzjoni tkun motivata, f’sitwazzjoni fejn ir-raġuni għal din l-astensjoni ta’ applikazzjoni [tad-dritt nazzjonali u tal-interpretazzjoni tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem] tkun li, minn qari flimkien tat-talba u tal-awtorizzazzjoni jkun possibbli li jiġu ddeterminati (1) ir-raġunijiet speċifiċi għaliex il-qorti kkunsidrat li, fid-dawl tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi li jikkaratterizzaw il-każ inkwistjoni, ir-rekwiżiti legali huma ssodisfatti u (2) fir-rigward ta’ min u ta’ liema mezzi ta’ komunikazzjoni nħarġet l-awtorizzazzjoni;
– tastjeni milli tapplika jew tinterpreta, rispettivament, id-dritt nazzjonali (Artikolu 105(2) tan-NPK), sa fejn jirrikjedi l-osservanza ta’ regoli proċedurali nazzjonali (f’dan il-każ l-Artikolu 174(4) tan-NPK u l-Artikolu 15(2) taż-ZSRS), fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta’ jekk it-telekomunikazzjonijiet inkwistjoni għandhomx jiġu esklużi mill-provi, u tapplika minflok ir-regola stabbilita fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja [HYA et I]?”
Fuq l‑ammissibbiltà tat‑talba għal deċiżjoni preliminari u l‑ġurisdizzjoni tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
32 Il-Kummissjoni ssostni li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli. Fil-fatt, din it-talba hija intiża sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar il-konformità, fir-rigward tad-dritt Bulgaru, tal-prassi ġudizzjarja nazzjonali li kienet is-suġġett tas-sentenza HYA et I, li tipprovdi li d-deċiżjonijiet ġudizzjarji li jawtorizzaw l-użu ta’ riżorsi speċjali għall-ġbir ta’ intelligence, bħall-interċettazzjonijiet telefoniċi, wara talba motivata u ddettaljata tal-awtoritajiet kriminali, huma redatti permezz ta’ test stabbilit minn qabel u nieqes minn raġunijiet individwalizzati, li sempliċement jindika, minbarra t-tul ta’ validità tal-awtorizzazzjoni, li jkunu ġew osservati r-rekwiżiti previsti mil-leġiżlazzjoni li dawn id-deċiżjonijiet isemmu. Issa, tali kwistjoni, li tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali, ma taqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.
33 F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, ċertament, mit-talba għal deċiżjoni preliminari, li tqum fil-kuntest tal-istess kawża prinċipali bħal dik li tat lok għas-sentenza HYA et I, jirriżulta li, skont il-qorti tar-rinviju, li lilha ġiet ittrasferita din il-kawża, din il-prassi ġudizzjarja nazzjonali tmur kontra diversi dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, b’mod partikolari l-Artikolu 121(4) tal-Kostituzzjoni Bulgara, li jeżiġu li kull deċiżjoni ġudizzjarja li tawtorizza, mingħajr il-kunsens tal-utenti, is-smigħ, l-interċettazzjoni u l-ħżin ta’ komunikazzjonijiet tkun tinkludi hija stess motivazzjoni espliċita bil-miktub, indipendentement mill-eżistenza ta’ talba motivata mill-awtoritajiet kriminali.
34 Għalhekk jidher li dik il-qorti tirrakkomanda interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li, kif jirriżulta mill-punti 47 sa 52 tas-sentenza HYA et I, hija differenti minn dik prevista mill-qorti nazzjonali li kienet inizjalment adita bl-imsemmija kawża u li d-deċiżjoni tar-rinviju tagħha tat lok għal din l-aħħar sentenza.
35 Fil-fatt, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dritt intern ta’ Stat Membru (sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2021, Hessischer Rundfunk, C‑422/19 u C‑423/19, EU:C:2021:63, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).
36 Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, permezz ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari ġdida, il-qorti tar-rinviju ma għandhiex l-intenzjoni tiddetermina l-konformità tal-imsemmija prassi ġudizzjarja nazzjonali mad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, iżda tistabbilixxi jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jipprojbixxu tali prassi, peress li teżiġi li kull deċiżjoni ġudizzjarja li tawtorizza, mingħajr il-kunsens tal-utenti, is-smigħ, l-interċettazzjoni u l-ħżin ta’ komunikazzjonijiet għandha tinkludi hija stess motivazzjoni espliċita bil-miktub, indipendentement mill-eżistenza ta’ talba motivata mill-awtoritajiet kriminali. Issa, tali kwistjoni, li tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.
37 Konsegwentement, għandha tingħata risposta għal din it-talba għal deċiżjoni preliminari.
Fuq id‑domanda preliminari
38 Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jimponu li deċiżjoni ġudizzjarja li tawtorizza, mingħajr il-kunsens tal-utenti kkonċernati, is-smigħ, l-interċettazzjoni u l-ħżin ta’ komunikazzjonijiet għandha tinkludi hija stess motivazzjoni espliċita bil-miktub, indipendentement mill-eżistenza ta’ talba motivata mill-awtoritajiet kriminali. Fl-affermattiv, hija tistaqsi jekk din l-istess dispożizzjoni tad-Direttiva 2002/58 tipprekludix regola tad-dritt nazzjonali li teżiġi li l-konverżazzjonijiet irreġistrati jiġu esklużi mill-mezzi ta’ prova minħabba l-assenza ta’ motivazzjoni tal-awtorizzazzjoni ġudizzjarja, minkejja li qari flimkien tal-awtorizzazzjoni ġudizzjarja u tat-talba jippermetti li jinftiehmu, b’mod faċli u inekwivoku, ir-raġunijiet ta’ din l-awtorizzazzjoni.
39 Qabelxejn, għandu jiġi kkonstatat li l-qorti tar-rinviju vverifikat li l-miżuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/58. Fil-fatt, wara l-istedina, magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 38 tas-sentenza HYA et I, sabiex jiġi vverifikat jekk ir-riżorsi speċjali għall-ġbir ta’ intelligence użati fil-kawża prinċipali kellhomx l-effett li jimponu obbligi ta’ pproċessar fuq il-fornituri tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi kkonċernati, il-qorti tar-rinviju indikat fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari li dan kien fil-fatt il-każ, peress li l-fornituri kkonċernati kienu legalment responsabbli għall-interċettazzjoni tad-data u għat-trażmissjoni tagħha lill-awtoritajiet tal-pulizija.
40 Fir-rigward tad-domanda magħmula, għandu jiġi rrilevat qabelxejn li din id-domanda hija bbażata, kif jirriżulta mill-punti 24 sa 29 ta’ din is-sentenza, fuq il-premessa li mis-sentenza HYA et I jirriżulta li d-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, jeżiġi li l-qrati Bulgari jadottaw il-prassi ġudizzjarja nazzjonali eżaminata f’dik is-sentenza, b’tali mod li dawn il-qrati għandhom jinjoraw bħala inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li, bi ksur tal-mudell ta’ motivazzjoni li ġie stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-imsemmija sentenza, jimponu li kull deċiżjoni ġudizzjarja li tawtorizza, mingħajr il-kunsens tal-utenti kkonċernati, is-smigħ, l-interċettazzjoni u l-ħżin ta’ komunikazzjonijiet tkun tinkludi hija stess motivazzjoni espliċita bil-miktub.
41 Madankollu, din il-premessa hija żbaljata.
42 Fil-fatt, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tat-tqassim tal-ġurisdizzjoni bejn il-qrati tal-Unjoni u l-qrati nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi preliminari, kif iddefinit mid-deċiżjoni tar-rinviju, b’tali mod li l-eżami ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari għandu jsir fid-dawl tal-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali pprovduta mill-qorti tar-rinviju (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2023, Prestige and Limousine, C‑50/21, EU:C:2023:448, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).
43 Konformement ma’ din il-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza HYA et I, dwar il-konformità mad-dritt tal-Unjoni tal-prassi ġudizzjarja nazzjonali li kienet ġiet deskritta mill-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata) fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari. Kif diġà ġie rrilevat fil-punt 19 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, permezz tas-sentenza HYA et I, li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix tali prassi ġudizzjarja nazzjonali, bil-kundizzjoni li r-raġunijiet preċiżi li għalihom il-qorti kompetenti qieset li r-rekwiżiti legali kienu osservati fir-rigward tal-elementi fattwali u ġuridiċi li jikkaratterizzaw il-każ ineżami jkunu jistgħu jiġu inferiti b’mod faċli u mingħajr ambigwità minn qari flimkien tad-deċiżjoni u tat-talba għal awtorizzazzjoni, u din tal-aħħar għandha tiġi magħmula aċċessibbli, wara l-awtorizzazzjoni mogħtija, lill-persuna li kontra tagħha ġie awtorizzat l-użu ta’ riżorsi speċjali għall-ġbir ta’ intelligence.
44 Min-naħa l-oħra, l-imsemmija sentenza bl-ebda mod ma tista’ tiġi interpretata bħala li stabbilixxiet mudell ta’ motivazzjoni li jimponi fuq l-awtoritajiet Bulgari l-obbligu li jadottaw tali prassi billi jobbligawhom jinjoraw, minħabba li huma inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jimponu li deċiżjoni ġudizzjarja li tawtorizza l-użu ta’ riżorsi speċjali għall-ġbir ta’ intelligence, bħas-smigħ, l-interċettazzjoni u l-ħżin ta’ komunikazzjonijiet, tkun tinkludi hija stess motivazzjoni espliċita bil-miktub.
45 Għall-kuntrarju, mill-motivi tas-sentenza HYA et I jirriżulta li d-dritt tal-Unjoni bl-ebda mod ma jipprekludi tali dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali.
46 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2002/58 jistabbilixxi l-prinċipju tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet imwettqa permezz ta’ network pubblika ta’ komunikazzjonijiet u ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika aċċessibbli għall-pubbliku, kif ukoll il-kunfidenzjalità tad-data dwar it-traffiku relatat magħhom. Dan il-prinċipju huwa rifless fil-projbizzjoni li wieħed jisma’, jinterċetta jew jaħżen il-komunikazzjonijiet u d-data dwar it-traffiku relatat magħhom jew li jissuġġettahom għal kwalunkwe mezz ieħor ta’ interċettazzjoni jew ta’ sorveljanza mingħajr il-kunsens tal-utenti kkonċernati, ħlief fis-sitwazzjonijiet previsti mill-Artikolu 15(1) tal-imsemmija direttiva (sentenza HYA et I, punt 40).
47 Din l-aħħar dispożizzjoni tipprevedi għalhekk li l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġiżlattivi intiżi sabiex jillimitaw il-portata tad-drittijiet u tal-obbligi previsti fl-Artikolu 5 tal-istess direttiva, b’mod partikolari, meta tali limitazzjoni tikkostitwixxi miżura neċessarja, xierqa u proporzjonata, fi ħdan soċjetà demokratika, sabiex jiġu żgurati l-prevenzjoni, it-tfittxija, is-sejbien u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali. Din tippreċiża wkoll li dawn il-miżuri leġiżlattivi kollha għandhom jittieħdu fl-osservanza tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, inklużi drittijiet, libertajiet u prinċipji stabbiliti mill-Karta (sentenza HYA et I, punt 41).
48 F’dan ir-rigward, il-miżuri leġiżlattivi li jirregolaw l-aċċess tal-awtoritajiet kompetenti għad-data msemmija fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2002/58 ma jistgħux sempliċement jeżiġu li dan l-aċċess jissodisfa l-għan imfittex mill-istess miżuri leġiżlattivi, iżda għandhom jipprevedu wkoll il-kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali li jirregolaw dan l-ipproċessar (sentenza HYA et I, punt 42 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
49 Tali miżuri u kundizzjonijiet għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-osservanza tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li fosthom hemm il-prinċipju ta’ proporzjonalità, u tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta, bħalma jirriżulta mill-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, li jagħmel riferiment għall-Artikolu 6(1) u (2) TUE (sentenza HYA et I, punt 42 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
50 B’mod partikolari, il-kundizzjonijiet proċedurali msemmija fil-punt 48 ta’ din is-sentenza għandhom jittieħdu b’osservanza tad-dritt għal smigħ xieraq, stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, li jikkorrispondi, bħalma jsegwi mill-ispjegazzjonijiet relatati ma’ dan l-artikolu, għall-Artikolu 6(1) tal-KEDB. Dan id-dritt jeżiġi li kull deċiżjoni ġudizzjarja tkun motivata (sentenza HYA et I, punt 44 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
51 Għaldaqstant, meta miżura leġiżlattiva adottata skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 tipprevedi li limitazzjonijiet għall-prinċipju ta’ kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet elettroniċi stabbilit fl-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva jistgħu jiġu adottati permezz ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji, dan l-Artikolu 15(1), moqri flimkien mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipprevedu li tali deċiżjonijiet għandhom ikunu motivati (sentenza HYA et I, punt 45).
52 Fil-fatt, id-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv, iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta, jeżiġi li l-persuna kkonċernata tkun tista’ tkun taf ir-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata d-deċiżjoni meħuda fil-konfront tagħha, jew mill-qari ta’ dik id-deċiżjoni, jew minn komunikazzjoni ta’ dawn ir-raġunijiet, sabiex hija tkun tista’ tiddefendi d-drittijiet tagħha fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli u tiddeċiedi b’għarfien sħiħ jekk tadixxix, jew le, għall-finijiet ta’ stħarriġ ġudizzjarju, lill-qorti kompetenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tal-legalità ta’ din id-deċiżjoni (sentenza HYA et I, punt 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
53 Minn dan isegwi li leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi li kull deċiżjoni ġudizzjarja li tawtorizza, mingħajr il-kunsens tal-utenti kkonċernati, is-smigħ, l-interċettazzjoni u l-ħżin ta’ komunikazzjonijiet tkun tinkludi hija stess motivazzjoni espliċita bil-miktub, tosserva neċessarjament ir-rekwiżiti ta’ motivazzjoni li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni. Il-qrati nazzjonali għalhekk bl-ebda mod ma huma obbligati li jwarrbu tali leġiżlazzjoni.
54 Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel parti tad-domanda magħmula hija li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jimponu li deċiżjoni ġudizzjarja li tawtorizza, mingħajr il-kunsens tal-utenti kkonċernati, is-smigħ, l-interċettazzjoni u l-ħżin ta’ komunikazzjonijiet għandha tinkludi hija stess motivazzjoni espliċita bil-miktub, indipendentement mill-eżistenza ta’ talba motivata mill-awtoritajiet kriminali.
55 Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel parti tad-domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni parti tagħha.
Fuq l‑ispejjeż
56 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika), moqri fid-dawl tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
ma jipprekludix dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jimponu li deċiżjoni ġudizzjarja li tawtorizza, mingħajr il-kunsens tal-utenti kkonċernati, is-smigħ, l-interċettazzjoni u l-ħżin ta’ komunikazzjonijiet għandha tinkludi hija stess motivazzjoni espliċita bil-miktub, indipendentement mill-eżistenza ta’ talba motivata mill-awtoritajiet kriminali.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.