Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62023CJ0173

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-11 ta’ April 2024.
    Eventmedia Soluciones SL vs Air Europa Líneas Aéreas SAU.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Konvenzjoni ta’ Montreal – Artikolu 19 – Kumpens għad-danni kkawżati minħabba dewmien fit-trasport tal-bagalji – Ċessjoni lil kumpannija kummerċjali tal-kreditu tal-passiġġier fir-rigward tat-trasportatur tal-ajru – Klawżola kuntrattwali li tipprojbixxi tali ċessjoni – Direttiva 93/13/KE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Artikoli 6(1) u 7(1) – Stħarriġ ex officio tan-natura inġusta tal-klawżola li tipprojbixxi ċ-ċessjoni tad-drittijiet tal-passiġġieri – Modalitajiet ta’ dan l-istħarriġ fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-kumpannija ċessjonarja u t-trasportatur tal-ajru – Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività – Prinċipju ta’ kontradittorju.
    Kawża C-173/23.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:295

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

    11 ta’ April 2024 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Konvenzjoni ta’ Montreal – Artikolu 19 – Kumpens għad-danni kkawżati minħabba dewmien fit-trasport tal-bagalji – Ċessjoni lil kumpannija kummerċjali tal-kreditu tal-passiġġier fir-rigward tat-trasportatur tal-ajru – Klawżola kuntrattwali li tipprojbixxi tali ċessjoni – Direttiva 93/13/KE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Artikoli 6(1) u 7(1) – Stħarriġ ex officio tan-natura inġusta tal-klawżola li tipprojbixxi ċ-ċessjoni tad-drittijiet tal-passiġġieri – Modalitajiet ta’ dan l-istħarriġ fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-kumpannija ċessjonarja u t-trasportatur tal-ajru – Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività – Prinċipju ta’ kontradittorju”

    Fil-Kawża C‑173/23,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de lo Mercantil n.o 1 de Palma de Mallorca (il-Qorti Kummerċjali Nru 1 ta’ Palma de Mallorca, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Marzu 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑20 ta’ Marzu 2023, fil-proċedura

    Eventmedia Soluciones SL

    vs

    Air Europa Líneas Aéreas SAU

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

    komposta minn K. Jürimäe (Relatriċi), Presidenta tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala Mħallef tat-tielet Awla, N. Piçarra, N. Jääskinen u M. Gavalec, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Eventmedia Soluciones SL, minn A.‑M. Martínez Cuadros, abogada,

    għal Air Europa Líneas Aéreas SAU, minn N. de Dorremochea Guiot, procurador, u E. Olea Ballesteros, abogado,

    għall-Gvern Spanjol, minn A. Ballesteros Panizo, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. L. Buendía Sierra u N. Ruiz García, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1), u tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288 u rettifika fil-ĠU 2023, L 17, p. 100).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Eventmedia Soluciones SL (iktar ’il quddiem “Eventmedia”), ċessjonarja tal-kreditu ta’ passiġġier tal-ajru, u Air Europa Líneas Aéreas SAU (iktar ’il quddiem “Air Europa”) dwar il-kumpens għad-dannu li jirriżulta minn dewmien fit-trasport tal-bagalji ta’ dan il-passiġġier fil-kuntest ta’ titjira operata minn Air Europa.

    Il‑kuntest ġuridiku

    Id‑dritt internazzjonali

    3

    L-Artikolu 19, intitolat “Dewmien”, tal-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli għat-Trasport Internazzjonali bl-Ajru, konkluża f’Montréal fit‑28 ta’ Mejju 1999, iffirmata mill-Komunità Ewropea fid‑9 ta’ Diċembru 1999 u approvata f’isimha bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/539/KE tal‑5 ta’ April 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 491, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Montréal”, jistipula:

    “It-trasportatur huwa responsabbli għal dannu kkaġunat minn dewmien fit-trasport bl-ajru tal-passiġġieri, il-bagaliji jew il-merkanzija. Madanakollu, it-trasportatur m’għandux ikun responsabbli għad-danni kkawżati bid-dewmien jekk jidher illi t-trasport u s-servjenti u l-aġenti tiegħu ħadu l-miżuri kollha li setgħu jintalbu raġjonevolment sabiex jevitaw id-dannu jew li kien impossibbli għalihom li jieħdu dawn il-miżuri.”

    Id‑dritt tal‑Unjoni

    4

    L-erbgħa u għoxrin premessa tad-Direttiva 93/13 tistipula li “l-qrati jew l-awtoritajiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri għandu jkollhom għad-disposizzjoni tagħhom mezz adegwat u effettiv biex jipprevenu li jkomplu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti tal-konsumaturi”.

    5

    Skont il-kliem tal-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva, l-għan ta’ din tal-aħħar huwa li tapprossima l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li jirrigwardaw il-klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur.

    6

    L-Artikolu 2(b) tal-imsemmija direttiva jistipula d-definizzjoni li ġejja:

    “‘konsumatur’ tfisser kull persuna naturali li, f’kuntratti koperti minn din id-Direttiva, tkun qiegħda taġixxi għal skopjiet li jkunu barra s-sengħa, in-negozju jew il-professjoni tagħha”.

    7

    L-Artikolu 3(1) tal-istess direttiva jipprovdi:

    “Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.”

    8

    L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jipprovdi:

    “L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

    9

    L-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi dan li ġej:

    “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.”

    Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

    10

    Passiġġier tal-ajru li ġarrab dewmien fit-trasport tal-bagalji tiegħu fil-kuntest ta’ titjira li telqet minn Madrid (Spanja) lejn Cancún (il-Messiku), ċeda l-kreditu tiegħu għad-danni fir-rigward ta’ Air Europa, li hija trasportatur tal-ajru, lil Eventmedia, kumpannija kummerċjali.

    11

    Sussegwentement, Eventmedia ressqet rikors quddiem il-Juzgado de lo Mercantil n.o 1 de Palma de Mallorca (il-Qorti Kummerċjali Nru 1 ta’ Palma de Mallorca, Spanja), li hija l-qorti tar-rinviju, kontra Air Europa sabiex tikseb l-ammont ta’ EUR 766 bħala kumpens għad-dannu li rriżulta minn dan id-dewmien, abbażi tal-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal.

    12

    Quddiem dik il-qorti, Air Europa tikkontesta l-locus standi ta’ Eventmedia. Fil-fehma tagħha, iċ-ċessjoni ta’ kreditu ma kienx legalment validu peress li kien jikser il-projbizzjoni ta’ ċessjoni tad-drittijiet tal-passiġġier prevista fil-klawżola 15.1 tal-kundizzjonijiet ġenerali tat-trasport tiegħu (iktar ’il quddiem il-“klawżola inkwistjoni”). Skont il-kliem ta’ din il-klawżola, “[i]r-responsabbiltà ta’ Air Europa u dik ta’ kull trasportatur, konformement mal-Artikolu 1, hija ddeterminata mill-kundizzjonijiet ta’ trasport tat-trasportatur li joħroġ il-biljett, sakemm ma jiġix stipulat mod ieħor. Id-drittijiet tal-passiġġier huma marbuta mal-persuna tiegħu u ċ-ċessjoni tagħhom ma hijiex awtorizzata”.

    13

    Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li r-responsabbiltà tat-trasportatur tal-ajru prevista fl-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal, fil-każijiet ta’ dewmien fit-trasport tal-bagalji, taqa’ taħt azzjoni għad-danni ta’ natura kuntrattwali. Konsegwentement, iċ-ċessjoni tal-kreditu għad-danni relatati ma’ tali dewmien taqa’ taħt il-projbizzjoni ta’ ċessjoni prevista mill-klawżola inkwistjoni.

    14

    Filwaqt li tfakkar il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dik il-qorti tqis li hija għandha elementi fattwali u legali suffiċjenti sabiex tistħarreġ il-kontenut ta’ din il-klawżola u sabiex tiddikjaraha inġusta, fis-sens tad-Direttiva 93/13, wara dibattitu kontradittorju. Hija għandha dubji, madankollu, dwar jekk hija tistax teżamina ex officio n-natura inġusta tal-imsemmija klawżola. Minn naħa, fil-fatt, il-proċedura pendenti quddiemha ma nbdietx minn waħda mill-partijiet għall-kuntratt ta’ trasport li fuqu hija bbażata l-azzjoni, iżda miċ-ċessjonarju tal-kreditu kumpensatorju tal-passiġġier tal-ajru, ċessjonarju li ma għandux il-kwalità ta’ konsumatur. Min-naħa l-oħra, peress li l-konsumatur ma huwiex parti f’din il-proċedura, ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni r-rieda ta’ dan tal-aħħar li jinvoka, wara li jkun ġie avżat mill-imsemmija qorti, in-natura inġusta u mhux vinkolanti tal-klawżola inkwistjoni.

    15

    Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Juzgado de lo Mercantil n.o 1 de Palma de Mallorca (il-Qorti Kummerċjali Nru 1 ta’ Palma de Mallorca), iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva [93/13], għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-qorti nazzjonali adita b’azzjoni ta’ kumpens għad-danni li jirriżultaw mid-dewmien fit-trasport ta’ bagalji skont l-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal għandha teżamina ex officio n-natura eventwalment inġusta ta’ klawżola inkluża fil-kuntratt ta’ trasport, li ma tippermettix lill-passiġġier iċedi d-drittijiet tiegħu, meta l-azzjoni hija eżerċitata mill-konċessjonarju [ċessjonarju] li, b’differenza miċ-ċedent, ma għandux il-kwalità ta’ konsumatur u ta’ utent?

    2)

    Fil-każ li hemm lok li jitwettaq l-eżami ex officio, l-obbligu li l-konsumatur jiġi informat u li jiġi kkonstatat jekk huwiex qiegħed jinvoka n-natura inġusta tal-klawżola jew jekk huwiex qiegħed jagħti l-kunsens tiegħu għaliha, jista’ jiġi injorat, fid-dawl tal-fatt li kien hemm att konklużiv fejn il-kreditu tiegħu ġie trażmess bi ksur tal-klawżola eventwalment inġusta li ma kinitx tippermetti ċ-ċessjoni tal-kreditu?”

    Fuq id‑domandi preliminari

    Fuq l‑ewwel domanda

    16

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-qorti nazzjonali hija obbligata li teżamina ex officio n-natura eventwalment inġusta ta’ klawżola, inkluża fil-kuntratt ta’ trasport konkluż bejn passiġġier tal-ajru u trasportatur tal-ajru, li tipprojbixxi ċ-ċessjoni tad-drittijiet li dan il-passiġġier kien igawdi fir-rigward ta’ dan it-trasportatur, meta dik il-qorti tkun adita b’azzjoni għal kumpens imressqa, kontra l-imsemmi trasportatur, minn kumpannija kummerċjali ċessjonarja tal-kreditu għad-danni tal-imsemmi passiġġier.

    Osservazzjonijiet preliminari dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13

    17

    Fir-rigward tal-ipoteżi ta’ ċessjoni ta’ krediti ta’ passiġġier tal-ajru lil kumpannija ta’ rkupru, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-fatt li t-tilwima fil-kawża prinċipali hija biss bejn bejjiegħa jew fornituri ma jipprekludix l-applikazzjoni tad-Direttiva 93/13, sa fejn il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva ma jiddependix mill-identità tal-partijiet fit-tilwima inkwistjoni, iżda mill-kwalità tal-partijiet għall-kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2020, DelayFix, C‑519/19, EU:C:2020:933, punti 5354).

    18

    Fil-fatt, skont l-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, din tal-aħħar tapplika għall-klawżoli li jinsabu f’kuntratti konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur li ma kinux innegozjati b’mod individwali (sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2020, DelayFix, C‑519/19, EU:C:2020:933, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    19

    F’dan il-każ, il-kuntratt ta’ trasport, li fuqu huwa bbażat il-kreditu invokat minn Eventmedia u li jinkludi l-klawżola inkwistjoni, ġie konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur, jiġifieri Air Europa, u passiġġier tal-ajru. Barra minn hekk, xejn ma jindika li dan tal-aħħar xtara l-biljett tal-ajru tiegħu fil-kuntest tal-attività professjonali tiegħu, b’tali mod li, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, jidher li dan il-passiġġier ikkonkluda dan il-kuntratt bħala konsumatur, fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13.

    20

    Fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 17 ta’ din is-sentenza, it-tilwima fil-kawża prinċipali taqa’ għalhekk taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13.

    21

    Il-motivi li jinsabu fil-punt 63 tas-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2015, ERSTE Bank Hungary (C‑32/14, EU:C:2015:637), u fil-punt 29 tas-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2020, Lintner (C‑511/17, EU:C:2020:188), invokati, essenzjalment, fit-talba għal deċiżjoni preliminari, ma humiex ta’ natura li jikkontestaw tali konklużjoni.

    22

    Ċertament, f’dawk il-punti l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huwa neċessarju, sabiex tkun tista’ tingħata l-protezzjoni tal-konsumatur mixtieqa mid-Direttiva 93/13, li tkun inbdiet proċedura ġudizzjarja minn waħda mill-partijiet għall-kuntratt. Madankollu, din l-affermazzjoni għandha titqiegħed fil-kuntest tal-kawżi li taw lok għal dawk is-sentenzi, li kienu effettivament bejn il-konsumatur u l-bejjiegħ jew il-fornitur li kkonkludew kuntratt.

    23

    B’mod iktar speċifiku, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2015, ERSTE Bank Hungary (C‑32/14, EU:C:2015:637), il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet adita bil-kwistjoni, essenzjalment, dwar jekk is-sistema ta’ protezzjoni implementata mid-Direttiva 93/13 kellhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li nutar li jkun għamel, b’osservanza tar-rekwiżiti formali, att awtentikat li jikkonċerna kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur jinkludi, fl-imsemmi att, l-ordni ta’ infurzar jew jirrifjuta li jneħħiha mingħajr ma jkun jista’ jitwettaq stħarriġ tan-natura eventwalment inġusta tal-klawżoli tal-imsemmi kuntratt. Fl-eżami ta’ din il-kwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, għamlet distinzjoni bejn tali proċedura notarili u l-proċedura ġudizzjarja, billi enfasizzat li huwa biss fil-kuntest tal-proċedura msemmija l-aħħar li s-sistema ta’ protezzjoni mixtieqa mid-Direttiva 93/13 teħtieġ li l-qorti nazzjonali teżamina ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2015, ERSTE Bank Hungary, C‑32/14, EU:C:2015:637, punti 33, 41 sa 4759). Madankollu, xorta tibqa l-ħtieġa li l-qorti nazzjonali tiġi adita. Huwa għal dan il-prinċipju gwida tal-proċess, li jgħid li l-inizjattiva ta’ proċess hija biss tal-partijiet, li għalih jagħmel riferiment il-motiv li jinsab fil-punt 63 ta’ dik is-sentenza.

    24

    Fir-rigward tal-punt 29 tas-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2020, Lintner, (C‑511/17, EU:C:2020:188), dan jifforma parti minn raġunament iddedikat għal-limiti tas-suġġett tat-tilwima u għall-prinċipju dispożittiv. Għalhekk, minn qari flimkien tal-punti 26 sa 34 ta’ dik is-sentenza jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja ma riditx tillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 għat-tilwimiet bejn il-konsumatur u l-bejjiegħ jew il-fornitur, iżda riedet pjuttost tinsisti fuq il-fatt li l-protezzjoni tal-konsumatur mixtieqa mid-Direttiva 93/13 tippresupponi li tkun inbdiet proċedura ġudizzjarja u li l-intervent pożittiv tal-qorti nazzjonali ma jistax jaqbeż il-limiti tal-kawża mressqa quddiemha.

    25

    Minn dan isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex l-intenzjoni li tillimita, permezz taż-żewġ sentenzi msemmija fil-punti 23 u 24 ta’ din is-sentenza, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 biss għat-tilwimiet bejn il-konsumatur u l-bejjiegħ jew il-fornitur li jkunu kkonkludew kuntratt.

    26

    Bil-benefiċċju ta’ dawn l-osservazzjonijiet preliminari, għandu jiġi ddeterminat jekk, meta t-tilwima ma tkunx bejn dan il-konsumatur u dan il-bejjiegħ jew dan il-fornitur, iżda tkun bejn dan tal-aħħar u bejjiegħ jew fornitur ieħor, jiġifieri kumpannija kummerċjali ċessjonarja tad-drittijiet tal-konsumatur, il-qorti nazzjonali għandhiex teżamina ex officio n-natura eventwalment inġusta tal-klawżoli ta’ dan il-kuntratt.

    Fuq l-eżami ex officio tan-natura eventwalment inġusta ta’ klawżola

    27

    Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sistema ta’ protezzjoni implimentata bid-Direttiva 93/13 hija msejsa fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità fil-konfront tal-bejjiegħ jew tal-fornitur kemm fir-rigward tas-setgħa ta’ negozjati kif ukoll fir-rigward tal-livell ta’ informazzjoni (sentenzi tas‑27 ta’ Ġunju 2000, Océano Grupo Editorial u Salvat Editores, C‑240/98 sa C‑244/98, EU:C:2000:346, punt 25, kif ukoll tas-17 ta’ Mejju 2022, SPV Project 1503 et, C‑693/19 u C‑831/19, EU:C:2022:395, punt 51).

    28

    Fid-dawl ta’ tali sitwazzjoni ta’ inferjorità, l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-klawżoli inġusti ma jorbtux lill-konsumaturi. Din hija dispożizzjoni mandatorja li hija intiża sabiex tissostitwixxi l-bilanċ formali li l-kuntratt jistabbilixxi bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet fil-kuntratt b’bilanċ reali tali li jistabbilixxi mill-ġdid l-ugwaljanza bejn dawn tal-aħħar (sentenzi tas‑26 ta’ Ottubru 2006, Mostaza Claro, C‑168/05, EU:C:2006:675, punt 36, kif ukoll tas‑17 ta’ Mejju 2022, SPV Project 1503 et, C‑693/19 u C‑831/19, EU:C:2022:395, punt 52).

    29

    F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-qorti nazzjonali għandha tevalwa ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 u, meta tagħmel dan, għandha tirrimedja l-iżbilanċ li jeżisti bejn il-konsumatur u l-bejjiegħ jew il-fornitur, meta jkollha quddiemha l-punti ta’ liġi u ta’ fatt meħtieġa għal dan il-għan (sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2022, SPV Project 1503 et, C‑693/19 u C‑831/19, EU:C:2022:395, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    30

    Barra minn hekk, id-Direttiva 93/13 timponi fuq l-Istati Membri, kif jirriżulta mill-Artikolu 7(1) tagħha, moqri flimkien mal-erbgħa u għoxrin premessa tagħha, li jipprovdu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew mill-fornituri (sentenzi tal‑14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito, C‑618/10, EU:C:2012:349, punt 68, kif ukoll tas‑17 ta’ Mejju 2022, SPV Project 1503 et, C‑693/19 u C‑831/19, EU:C:2022:395, punt 54).

    31

    Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddefinixxiet, f’diversi okkażjonijiet u billi ħadet inkunsiderazzjoni tar-rekwiżiti tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, il-mod li bih il-qorti nazzjonali għandha tiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet li l-konsumaturi jisiltu minn din id-direttiva, xorta waħda jibqa’ l-fatt li, bħala prinċipju, id-dritt tal-Unjoni ma jarmonizzax il-proċeduri applikabbli għall-eżami tan-natura allegatament inġusta ta’ klawżola kuntrattwali. Għalhekk, dawn il-proċeduri jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku nazzjonali tal-Istati Membri, abbażi tal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali ta’ dawn tal-aħħar, bil-kundizzjoni, madankollu, li dawn ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt nazzjonali(prinċipju ta’ ekwivalenza) u li dawn ma jrendux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Ġunju 2019, Addiko Bank, C‑407/18, EU:C:2019:537, punti 4546, kif ukoll tas‑17 ta’ Mejju 2022, SPV Project 1503 et, C‑693/19 u C‑831/19, EU:C:2022:395, punt 55).

    32

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi ddeterminat jekk dawn id-dispożizzjonijiet, moqrija flimkien mal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, jirrikjedux li l-qorti nazzjonali, adita minn kumpannija kummerċjali ċessjonarja ta’ kreditu għad-danni ta’ konsumatur fil-konfront tal-bejjiegħ jew fornitur kontraenti ta’ dan tal-aħħar, tistħarreġ in-natura eventwalment inġusta ta’ klawżola li tinsab fil-kuntratt konkluż bejn dan il-konsumatur u dan il-bejjiegħ jew dan il-fornitur.

    33

    L-ewwel nett, f’dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ ekwivalenza, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika, fid-dawl tal-modalitajiet proċedurali tar-rimedji applikabbli fid-dritt nazzjonali, l-osservanza ta’ dan il-prinċipju fid-dawl tas-suġġett, tal-kawża u tal-elementi essenzjali tar-rimedji kkonċernati (sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2022, Unicaja Banco, C‑869/19, EU:C:2022:397, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    34

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jitqies li jikkostitwixxi dispożizzjoni ekwivalenti għar-regoli nazzjonali li, fi ħdan l-ordinament ġuridiku nazzjonali, għandhom il-grad ta’ regoli ta’ ordni pubbliku (sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2009, Asturcom Telecomunicaciones, C‑40/08, EU:C:2009:615, punt 52, u tas‑17 ta’ Mejju 2022, Unicaja Banco, C‑869/19, EU:C:2022:397, punt 24).

    35

    Minn dan isegwi li, konformement mal-prinċipju ta’ ekwivalenza, meta, skont id-dritt nazzjonali, il-qorti nazzjonali jkollha l-possibbiltà jew l-obbligu li tevalwa ex officio jekk klawżola kuntrattwali tmurx kontra r-regoli nazzjonali ta’ ordni pubbliku, hija għandu jkollha wkoll il-possibbiltà jew l-obbligu li tevalwa ex officio jekk tali klawżola tmurx kontra l-Artikolu 6 tad-Direttiva 93/13, meta jkollha għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ liġi u ta’ fatt meħtieġa għal dan l-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2022, Unicaja Banco, C‑869/19, EU:C:2022:397, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    36

    F’dan il-każ, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tinkludi ebda informazzjoni dwar jekk il-qorti adita b’azzjoni għall-kumpens għad-danni bbażata fuq l-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal tistax, jew saħansitra għandhiex, skont id-dritt Spanjol, teżamina ex officio jekk klawżola, bħall-klawżola inkwistjoni, tmurx eventwalment kontra r-regoli nazzjonali ta’ ordni pubbliku. Konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dan l-aspett sabiex tiddetermina jekk hija tistax, jew saħansitra għandhiex, skont il-prinċipju ta’ ekwivalenza, teżamina ex officio n-natura eventwalment inġusta tal-klawżola inkwistjoni.

    37

    It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ effettività, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jirriżulta li kull każ fejn tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tagħmilx l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni impossibbli jew eċċessivament diffiċli għandu jiġi analizzat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-pożizzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, l-iżvolġiment tagħha u l-karatteristiċi partikolari tagħha, kif ukoll, jekk ikun il-każ, il-prinċipji li fuqhom huwa bbażat l-ordinament ġuridiku nazzjonali, bħalma huma l-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment korrett tal-proċedura (sentenzi tal‑14 ta’ Diċembru 1995, Peterbroeck, C‑312/93, EU:C:1995:437, punt 14, kif ukoll tas‑17 ta’ Mejju 2022, SPV Project 1503 et, C‑693/19 u C‑831/19, EU:C:2022:395, punt 60).

    38

    Issa, f’dak li jirrigwarda azzjoni għal kumpens imressqa minn kumpannija kummerċjali ċessjonarja tal-kreditu ta’ konsumatur kontra l-parti l-oħra għall-kuntratt li hija l-bejjiegħ jew il-fornitur ta’ dan tal-aħħar, għandu jiġi kkonstatat li azzjoni bejn żewġ bejjiegħa jew fornituri ma hijiex ikkaratterizzata mill-iżbilanċ li jeżisti fil-kuntest ta’ rikors bejn il-konsumatur u l-parti kontraenti li hija l-bejjiegħ jew il-fornitur tiegħu (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2013, Asociación de Consumidores Independientes de Castilla y León, C‑413/12, EU:C:2013:800, punt 50).

    39

    Minn dan isegwi li, b’differenza mill-każ li kien is-suġġett tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, ma huwiex neċessarju, sabiex tiġi żgurata l-effettività tas-sistema ta’ protezzjoni tal-konsumatur mixtieqa mid-Direttiva 93/13, li l-qorti nazzjonali, adita b’tilwima bejn żewġ bejjiegħa jew fornituri, bħal kumpannija ċessjonarja tad-drittijiet ta’ konsumatur u l-bejjiegħ jew il-fornitur kontraenti ta’ dan il-konsumatur, teżamina ex officio n-natura eventwalment inġusta ta’ klawżola li tinsab fil-kuntratt konkluż mill-konsumatur.

    40

    Il-prinċipju ta’ effettività msemmi fil-punt 31 ta’ din is-sentenza lanqas ma jimponi fuq il-qorti nazzjonali l-obbligu li twettaq tali eżami ex officio, sakemm, konformement mar-regoli proċedurali nazzjonali, il-kumpannija kummerċjali ċessjonarja tal-kreditu tal-konsumatur ikollha jew kellha l-possibbiltà effettiva li tinvoka, quddiem il-qorti nazzjonali, in-natura eventwalment inġusta ta’ klawżola li tinsab fil-kuntratt iffirmat minn dan il-konsumatur.

    41

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, hemm lok li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li:

    l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, moqrija flimkien mal-prinċipju ta’ effettività, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-qorti nazzjonali ma hijiex obbligata li teżamina ex officio n-natura eventwalment inġusta ta’ klawżola, inkluża fil-kuntratt ta’ trasport konkluż bejn passiġġier tal-ajru u trasportatur tal-ajru, li tipprojbixxi ċ-ċessjoni tad-drittijiet li dan il-passiġġier kien igawdi fir-rigward ta’ dan it-trasportatur, meta dik il-qorti tkun adita b’azzjoni għal kumpens imressqa, kontra l-imsemmi trasportatur, minn kumpannija kummerċjali ċessjonarja tal-kreditu għad-danni tal-imsemmi passiġġier, sakemm din il-kumpannija jkollha jew kellha l-possibbiltà effettiva li tinvoka, quddiem l-imsemmija qorti, in-natura eventwalment inġusta tal-klawżola inkwistjoni;

    il-prinċipju ta’ ekwivalenza għandu jiġi interpretat fis-sens li, jekk, skont ir-regoli tad-dritt nazzjonali, l-istess qorti jkollha l-possibbiltà jew l-obbligu li tevalwa ex officio jekk klawżola tmurx kontra r-regoli nazzjonali ta’ ordni pubbliku, hija għandu jkollha wkoll il-possibbiltà jew l-obbligu li tevalwa ex officio jekk tali klawżola tmurx kontra l-Artikolu 6 tad-Direttiva 93/13, meta jkollha għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ liġi u ta’ fatt meħtieġa għal dan l-għan.

    Fuq it‑tieni domanda

    42

    Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prinċipju ta’ kontradittorju għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta l-qorti nazzjonali tikkonstata ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola li tinsab f’kuntratt ta’ trasport konkluż bejn passiġġier tal-ajru u trasportatur tal-ajru fil-kuntest ta’ azzjoni għal kumpens imressqa, kontra dan it-trasportatur, minn kumpannija kummerċjali ċessjonarja tal-kreditu għad-danni ta’ dan il-passiġġier fir-rigward tal-imsemmi trasportatur, dik il-qorti għandha l-obbligu li tinforma b’dan lill-imsemmi passiġġier u li tistaqsih jekk għandux l-intenzjoni li jinvoka n-natura inġusta ta’ din il-klawżola jew jekk jagħtix il-kunsens tiegħu għall-applikazzjoni ta’ din tal-aħħar.

    43

    Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li r-risposta għal din id-domanda hija rilevanti fil-każ fejn il-qorti tar-rinviju tiddeċiedi, fi tmiem l-evalwazzjoni tal-prinċipju ta’ ekwivalenza fid-dawl tal-punti 33 sa 36 ta’ din is-sentenza jew tal-evalwazzjoni tal-prinċipju ta’ effettività fid-dawl tal-punti 37 u 40 tal-istess sentenza, li hija tista’, jew saħansitra għandha, teżamina ex officio n-natura inġusta tal-klawżola inkwistjoni.

    44

    F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, bħala regola ġenerali, il-prinċipju ta’ kontradittorju jimplika b’mod partikolari d-dritt tal-partijiet li jsiru jafu bil-motivi ta’ dritt imqajma ex officio mill-qorti, li fuqhom din ikollha l-intenzjoni tibbaża d-deċiżjoni tagħha, u li jiddiskutuhom. Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li, sabiex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti marbuta mad-dritt għal smigħ xieraq, huwa fil-fatt meħtieġ li l-partijiet ikunu jafu u jkunu jistgħu jiddiskutu b’mod kontradittorju kemm il-punti ta’ fatt u kif ukoll il-punti ta’ liġi li jkunu deċiżivi għall-eżitu tal-proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑2 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, C‑89/08 P, EU:C:2009:742, punti 5556, kif ukoll tal‑21 ta’ Frar 2013, Banif Plus Bank, C‑472/11, EU:C:2013:88, punt 30).

    45

    Għalhekk, fil-każ fejn il-qorti nazzjonali, wara li tkun stabbiliet, fuq il-bażi tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha, jew li jkunu ġew għall-għarfien tagħha wara l-miżuri istruttorji li hija tkun ħadet ex officio għal dan il-għan, li klawżola taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13, tikkonstata, fi tmiem ta’ evalwazzjoni li hija tkun wettqet ex officio, li din il-klawżola għandha natura inġusta, din il-qorti hija, bħala regola ġenerali, obbligata li tinforma b’dan lill-partijiet fil-kawża u li tistedinhom sabiex jiddiskutuha b’mod kontradittorju skont il-formalitajiet previsti f’dan ir-rigward mir-regoli proċedurali nazzjonali (sentenza tal‑21 ta’ Frar 2013, Banif Plus Bank, C‑472/11, EU:C:2013:88, punt 31).

    46

    Minn dak li ġie espost iktar ’il fuq jirriżulta li, meta l-qorti nazzjonali tikkonstata ex officio li klawżola li tinsab f’kuntratt konkluż bejn konsumatur u bejjiegħ jew fornitur hija inġusta, fil-kuntest ta’ tilwima bejn dan il-bejjiegħ jew fornitur u l-kumpannija kummerċjali ċessjonarja tad-drittijiet ta’ dan il-konsumatur, dik il-qorti għandha tinforma b’dan liż-żewġ partijiet fil-kawża li jkollha quddiemha, jiġifieri l-kumpannija kummerċjali ċessjonarja u l-bejjiegħ jew il-fornitur kontraenti tal-imsemmi konsumatur. Fil-fatt, hija għandha tagħtihom il-possibbiltà li jsostnu l-argumenti rispettivi tagħhom fil-kuntest ta’ dibattitu kontradittorju.

    47

    Din il-possibbiltà mogħtija lill-kumpannija kummerċjali ċessjonarja tad-drittijiet tal-konsumatur sabiex tesprimi ruħha dwar dan il-punt tissodisfa wkoll l-obbligu tal-qorti nazzjonali li tieħu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, ir-rieda espressa minn din tal-aħħar meta, konxja min-natura mhux vinkolanti ta’ klawżola inġusta, hija xorta waħda tindika li ma taqbilx li din tiġi mwarrba, sabiex b’hekk tagħti l-kunsens liberu u informat tagħha għall-klawżola inkwistjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Frar 2013, Banif Plus Bank, C‑472/11, EU:C:2013:88, punt 35).

    48

    Meta, bħal fit-tilwima fil-kawża prinċipali, il-kumpannija kummerċjali ċessjonarja tad-drittijiet tal-konsumatur tadixxi lill-qorti nazzjonali minkejja klawżola li tinsab, bħall-klawżola inkwistjoni, fil-kuntratt konkluż bejn dan il-konsumatur u bejjiegħ jew fornitur u li tipprojbixxi lil dan tal-ewwel milli jċedi d-drittijiet tiegħu, huwa raġonevoli li jiġi preżunt li din il-kumpannija kummerċjali ma hijiex kontra li l-qorti twarrab din il-klawżola wara li tkun ikkonstatat in-natura inġusta tagħha.

    49

    Min-naħa l-oħra, peress li l-konsumatur, li ċeda l-kreditu kumpensatorju tiegħu fir-rigward tal-bejjiegħ jew tal-fornitur, ma huwiex parti fit-tilwima bejn dan tal-aħħar u ċ-ċessjonarju ta’ dan il-kreditu, il-qorti nazzjonali la hija obbligata li tinforma lil dan il-konsumatur b’dan l-eżami ex officio u lanqas ma hija obbligata li tiġbor l-osservazzjonijiet tal-imsemmi konsumatur f’dan ir-rigward.

    50

    Fid-dawl tal-motivi kollha esposti iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda għandha tkun li l-prinċipju ta’ kontradittorju għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-qorti nazzjonali tikkonstata ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola li tinsab f’kuntratt ta’ trasport konkluż bejn passiġġier tal-ajru u trasportatur tal-ajru fil-kuntest ta’ azzjoni għal kumpens imressqa, kontra dan it-trasportatur, minn kumpannija kummerċjali ċessjonarja tal-kreditu għad-danni ta’ dan il-passiġġier fir-rigward tal-imsemmi trasportatur, dik il-qorti la għandha l-obbligu li tinforma b’dan lill-imsemmi passiġġier u lanqas ma għandha l-obbligu li tistaqsih jekk għandux l-intenzjoni li jinvoka n-natura inġusta ta’ din il-klawżola jew jekk jagħtix il-kunsens tiegħu għall-applikazzjoni ta’ din tal-aħħar. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija qorti għandha tinforma b’dan lill-partijiet fil-kawża pendenti quddiemha, sabiex tagħtihom il-possibbiltà li jsostnu l-argumenti rispettivi tagħhom fil-kuntest ta’ dibattitu kontradittorju, u tiżgura ruħha mill-fatt li l-kumpannija kummerċjali ċessjonarja tixtieq li l-imsemmija klawżola tiġi ddikjarata inapplikabbli.

    Fuq l‑ispejjeż

    51

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, moqrija flimkien mal-prinċipju ta’ effettività,

    għandhom jiġi interpretat fis-sens li:

    il-qorti nazzjonali ma hijiex obbligata li teżamina ex officio n-natura eventwalment inġusta ta’ klawżola, inkluża fil-kuntratt ta’ trasport konkluż bejn passiġġier tal-ajru u trasportatur tal-ajru, li tipprojbixxi ċ-ċessjoni tad-drittijiet li dan il-passiġġier kien igawdi fir-rigward ta’ dan it-trasportatur, meta dik il-qorti tkun adita b’azzjoni għal kumpens imressqa, kontra l-imsemmi trasportatur, minn kumpannija kummerċjali ċessjonarja tal-kreditu għad-danni tal-imsemmi passiġġier, sakemm din il-kumpannija jkollha jew kellha l-possibbiltà effettiva li tinvoka, quddiem l-imsemmija qorti, in-natura eventwalment inġusta tal-klawżola inkwistjoni.

    il-prinċipju ta’ ekwivalenza għandu jiġi interpretat fis-sens li:

    jekk, skont ir-regoli tad-dritt nazzjonali, l-istess qorti jkollha l-possibbiltà jew l-obbligu li tevalwa ex officio jekk klawżola tmurx kontra r-regoli nazzjonali ta’ ordni pubbliku, hija għandu jkollha wkoll il-possibbiltà jew l-obbligu li tevalwa ex officio jekk tali klawżola tmurx kontra l-Artikolu 6 tad-Direttiva 93/13, meta jkollha għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ liġi u ta’ fatt meħtieġa għal dan l-għan.

     

    2)

    Il-prinċipju ta’ kontradittorju għandu jiġi interpretat fis-sens li:

    meta l-qorti nazzjonali tikkonstata ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola li tinsab f’kuntratt ta’ trasport konkluż bejn passiġġier tal-ajru u trasportatur tal-ajru fil-kuntest ta’ azzjoni għal kumpens imressqa, kontra dan it-trasportatur, minn kumpannija kummerċjali ċessjonarja tal-kreditu għad-danni ta’ dan il-passiġġier fir-rigward tal-imsemmi trasportatur, dik il-qorti la għandha l-obbligu li tinforma b’dan lill-imsemmi passiġġier u lanqas ma għandha l-obbligu li tistaqsih jekk għandux l-intenzjoni li jinvoka n-natura inġusta ta’ din il-klawżola jew jekk jagħtix il-kunsens tiegħu għall-applikazzjoni ta’ din tal-aħħar. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija qorti għandha tinforma b’dan lill-partijiet fil-kawża pendenti quddiemha, sabiex tagħtihom il-possibbiltà li jsostnu l-argumenti rispettivi tagħhom fil-kuntest ta’ dibattitu kontradittorju, u tiżgura ruħha mill-fatt li l-kumpannija kummerċjali ċessjonarja tixtieq li l-imsemmija klawżola tiġi ddikjarata inapplikabbli.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

    Top