This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62023CJ0168
Judgment of the Court (Eighth Chamber) of 27 June 2024.#Prysmian Cabluri şi Sisteme SA v Agenţia Naţională de Administrare Fiscală – Direcţia Generală Regională a Finanţelor Publice Craiova – Direcţia Regională Vamală Craiova and Others.#Request for a preliminary ruling from the Tribunalul Olt.#Reference for a preliminary ruling – Customs union – Common Customs Tariff – Combined Nomenclature – Tariff classification – Optical fibre cables – Subheadings 8544 70 00 and 9001 10 90 – Amendment of the Explanatory Notes to the Combined Nomenclature – Principles of legal certainty and protection of legitimate expectations.#Case C-168/23.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tas-27 ta’ Ġunju 2024.
Prysmian Cabluri şi Sisteme SA vs Agenţia Naţională de Administrare Fiscală – Direcţia Generală Regională a Finanţelor Publice Craiova – Direcţia Regională Vamală Craiova et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa minn Tribunalul Olt.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Unjoni doganali – Tariffa doganali komuni – Nomenklatura Magħquda – Klassifikazzjoni tariffarja – Kejbils ta’ fibri ottiċi – Subintestaturi 8544 70 00 u 9001 10 90 – Emendi għan-noti ta’ spjega tan-Nomenklatura Magħquda – Prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.
Kawża C-168/23.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tas-27 ta’ Ġunju 2024.
Prysmian Cabluri şi Sisteme SA vs Agenţia Naţională de Administrare Fiscală – Direcţia Generală Regională a Finanţelor Publice Craiova – Direcţia Regională Vamală Craiova et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa minn Tribunalul Olt.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Unjoni doganali – Tariffa doganali komuni – Nomenklatura Magħquda – Klassifikazzjoni tariffarja – Kejbils ta’ fibri ottiċi – Subintestaturi 8544 70 00 u 9001 10 90 – Emendi għan-noti ta’ spjega tan-Nomenklatura Magħquda – Prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.
Kawża C-168/23.
Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:557
Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)
27 ta’ Ġunju 2024 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Unjoni doganali – Tariffa doganali komuni – Nomenklatura Magħquda – Klassifikazzjoni tariffarja – Kejbils ta’ fibri ottiċi – Subintestaturi 8544 70 00 u 9001 10 90 – Emendi għan-noti ta’ spjega tan-Nomenklatura Magħquda – Prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi”
Fil-Kawża C‑168/23,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunalul Olt (il-Qorti tal-Kontea ta’ Olt, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑1 ta’ Marzu 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑17 ta’ Marzu 2023, fil-proċedura
Prysmian Cabluri şi Sisteme SA
vs
Agenția Națională de Administrare Fiscală – Direcţia Generală Regională a Finanţelor Publice Craiova – Direcţia Regională Vamală Craiova,
Autoritatea Vamală Română,
Agenția Națională de Administrare Fiscală – Direcţia Generală de Administrare a Marilor Contribuabili,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),
komposta minn N. Piçarra (Relatur), President tal-Awla, N. Jääskinen u M. Gavalec, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Prysmian Cabluri şi Sisteme SA, minn O. Goran, avukat,
– għall-Gvern Rumen, minn E. Gane, L. Ghiţă u A. Wellman, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Salyková u E. A. Stamate, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tas-subintestaturi 8544 70 00 u 9001 10 90 tan-Nomenklatura Magħquda (iktar ’il quddiem in-“NM”) li jinsabu fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat‑23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 254/2000 tal‑31 ta’ Jannar 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 9, p. 357) fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1925 tat‑12 ta’ Ottubru 2017 (ĠU 2017, L 282, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 2658/87”).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Prysmian Cabluri şi Sisteme SA (iktar ’il quddiem “Prysmian”) u l-Agenţia Naţională de Administrare Fiscală – Direcţia Generală Regională a Finanţelor Publice Craiova – Direcţia Regională Vamală Craiova (l-Aġenzija Nazzjonali tal-Amministrazzjoni Fiskali — Direttorat Ġenerali Reġjonali tal-Finanzi Pubbliċi ta’ Craiova — Direttorat Reġjonali tad-Dwana ta’ Craiova, ir-Rumanija), u l-Autoritatea Vamală Română (l-Awtorità Doganali tar-Rumanija) u tal-Agenţia Naţională de Administrare Fiscală – Direcţia Generală de Administrare a Marilor Contribuabili (l-Aġenzija Nazzjonali tal-Amministrazzjoni Fiskali — Direttorat Ġenerali għall-Amministrazzjoni tal-Kontribwenti l-Kbar, ir-Rumanija), dwar in-natura allegatament żbaljata tal-klassifikazzjoni, minn Prysmian, ta’ kejbils tal-fibri ottiċi fis-subintestatura 8544 70 00 tan-NM minflok is-subintestatura 9001 10 90 tagħha.
Il‑kuntest ġuridiku
Is‑SA
3 Is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u Kodifikazzjoni ta’ Merkanzija (iktar ’il quddiem is-“SA”), ġiet stabbilita permezz tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u Kodifikazzjoni ta’ Merkanzija, magħmula fi Brussell fl‑14 ta’ Ġunju 1983, fil-qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana (ODD) u approvata, flimkien mal-Protokoll ta’ Emenda tagħha tal‑24 ta’ Ġunju 1986, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE tas‑7 ta’ April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288).
4 In-noti ta’ spjega tas-SA jipprovdu, fir-rigward tal-intestatura 8544 tas-SA, intitolata “Wajer iżolat (inkluż żmaltat jew anodizzat), kejbil (inkluż kejbil koassjali) u kondutturi oħrajn elettriċi iżolati, mgħammrin konnekters jew le; kejbils ta’ fibra ottika, magħmulin minn fibri miksijin individwalment, immuntati b’kondutturi elettriċi jew mgħammrin b’konnekters jew le”:
“Din l-intestatura tkopri, sakemm ikunu iżolati għall-elettriku, il-wajers, kejbils u conductors oħra (pereżempju, malji, strixxi, vireg) ta’ kull tip, użati bħala conductors elettriċi, użati għal makkinarju, apparat jew installazzjonijiet elettriċi bħala kanalizzazzjonijiet interni jew esterni (pereżempju taħt l-art, taħt il-baħar, fl-arja, eċċ.). Din tinkludi sensiela ta’ oġġetti li jmorru minn sempliċi wajer irqiq iżolanti, xi kultant irqiq ħafna, sal-kejbils kumplessi ta’ dijametru kbir.
Il-conductors mhux metalliċi huma wkoll inklużi f’din l-intestatura[traduzzjoni mhux uffiċjali].
[...]
Huma inklużi wkoll f’din l-intestatura kejbils ta’ fibra ottika, magħmulin minn fibri miksijin individwalment, kemm jekk immuntati b'kondutturi elettriċi jew mgħammrin b’konnekters jew le. Tipikament il-ġnub ikunu ta’ kulur differenti sabiex jippermettu l-identifikazzjoni tal-fibri fit-truf tal-kejbil. Il-kejbils tal-fibra ottika jintużaw prinċipalment għat-telekomunikazzjoni minħabba l-kapaċità tagħhom li jittrażmettu data ogħla minn dik tas-sewwieqa elettriċi.”
5 In-noti ta’ spjega tas-SA jipprovdu, fir-rigward tal-intestatura 9001 tas-SA, intitolata “Fibri ottiċi u mazzi tal-fibri ottiċi; kejbils tal-fibri ottiċi għajr dawk tal-intestatura 85,44; folji u pjanċi ta’ materjal polarizzanti; lentijiet (inkluż contact lenses), priżmi, mirja u elementi ottiċi oħrajn, ta’ kwalunkwe materjal, mhux immuntati, għajr elementi bħal dawn tal-ħġieġ mhux maħdumin ottikament”:
“[...] Din l-intestatura tinkludi:
A) Fibri ottiċi u mazzi ta’ fibri ottiċi, u kejbils ta’ fibra ottika għajr dawk tal-intestatura 85.44.
Il-fibri ottiċi huma magħmula minn saffi konċentriċi tal-ħġieġ jew tal-plastik ta’ indiċijiet ta’ rifrazzjonijiet differenti. Dawk tal-ħġieġ huma mgħottija b’kisja fina ħafna ta’ materjal tal-plastik, inviżibbli għall-għajn u maħsuba biex jagħtuhom ċerta flessibbiltà. Il-fibri ottiċi normalment ikunu f’rombli li jista’ jkollhom diversi kilometri ta’ tul. Dawn jintużaw fil-manifattura tal-fabbriki tal-fibra ottika u tal-kejbils tal-fibra ottika.
Il-mazzi tal-fibri ottiċi jikkonsistu jew f’forma ta’ elementi riġidi li fihom il-fibri huma magħqudin mat-tul kollu tagħhom b’irbit jew f’manjieri flessibbli li t-trufijiet tagħhom huma marbuta biss. Jekk il-fibri jkunu rranġati b’mod konsistenti, jintużaw għat-trażmissjoni tal-immaġni; jekk, min-naħa l-oħra, huma kienu lesti li jinqalgħu, huma jistgħu jservu biss biex jittrażmettu d-dawl għall-illuminazzjoni
Il-kejbils ta’ fibra ottika ta’ din l-intestatura li jistgħu jkunu mgħammra b’partijiet ta’ konnessjoni, huma magħmula minn katina li fiha kienu mqiegħda faxxa waħda jew iktar ta’ fibri ottiċi, peress li dawn ma humiex miksija individwalment.
Il-mazzi u l-kejbils tal-fibra ottika huma prinċipalment użati fl-apparat ottiku, b’mod partikolari fl-endoskopji tal-intestatura 9018.
[...]
Min din l-intestatura huma esklużi:
[...]
g) Kejbils tal-fibra ottika magħmula minn fibri miksija individwalment (titlu 85.44).”
In-NM
6 Kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2658/87, in-NM tirregola l-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija importata fl-Unjoni Ewropea. Hija tirriproduċi l-intestaturi u s-subintestaturi b’sitt numri tas-SA, filwaqt li s-seba’ u t-tmien numru jifformaw subdiviżjonijiet speċifiċi għaliha.
7 Skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 2658/87, il-Kummissjoni għandha ta’ kull sena tadotta regolament li jirriproduċi l-verżjoni kompluta tan-NM, flimkien mar-rati awtonomi u konvenzjonali tad-dazju tat-tariffa doganali komuni u relatati, kif jirriżulta minn miżuri adottati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jew mill-Kummissjoni. Dan ir-regolament jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mhux iktar tard mill‑31 ta’ Ottubru u jibda japplika mill‑1 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara.
8 Kif jirriżulta mill-punt 1 ta’ din is-sentenza, in-NM hija applikabbli għall-kawża prinċipali fil-verżjoni li tirriżulta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 2017/1925, li sar applikabbli mill‑1 ta’ Jannar 2018.
9 L-ewwel parti tan-NM, li tinvolvi għadd ta’ “Dispożizzjonijiet Preliminari”, tinkludi t-Taqsima I, bl-isem “[r]egoli ġenerali”, li l-punt a tagħha, intitolat “Regoli Ġenerali għall-interpretazzjoni tan-[NM]”, jipprovdi:
“Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-[NM] għandha tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin:
1 It-titli tat-taqsimiet, kapitli u subkapitli huma maħsubin għall-ħeffa ta’ referenza biss; għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skond it-termini tat-titli u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitlu relattiv u, sakemm dawn t-titli jew in-noti ma jkunux jeħtieġu mod ieħor, skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin.
[...]
6 Għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fis-subtitli ta’ titlu għandha tkun deċiża skond it-termini ta’ dawk is-subtitli u kwalunkwe noti ta’ subtitli relatati u, mutatis mutandis skond ir-regoli ta’ hawn fuq, skond il-kondizzjoni li subtitli fl-istess livell biss huma komparabbli. Għall-finijiet ta’ din ir-regola, it-taqsima relattiva u n-noti tal-kapitolu japplikaw ukoll, sakemm il-kuntest ma jitlobx mod ieħor.”
10 It-Tieni Parti tan-NM, intitolata “Skeda ta’ Dazji tad-Dwana”, tinkludi t-Taqsima XVI, intitolata “Makkinarju u għodod mekkaniċi; apparat elettriku; bċejjeċ tagħhom; strumenti li jirrekordjaw u strumenti li jirriproduċu l-ħoss; strumenti li jirrekordjaw u strumenti li jirriproduċu stampa u ħoss televiżivi u bċejjeċ u aċċessorji ta’ dawn l-oġġetti”. In-nota 1(m) ta’ din it-taqsima tippreċiża li din ma tinkludix l-artikoli tal-Kapitolu 90.
11 F’din it-Taqsima XVI hemm inkluż l-Kapitolu 85, intitolat “Makkinarju u apparat elettriku u bċejjeċ tiegħu; magni li jirrekordjaw u jirriproduċu l-ħoss, magni li jirrekordjaw u jirriproduċu l-istampa u l-ħoss għat-televiżjoni, u bċejjeċ u aċċessorji ta’ dawn l-oġġetti”. Dan il-kapitolu jinkludi l-intestatura 8544 tan-NM, li hija ppreżentata kif ġej:
“Kodiċi NM |
Deskrizzjoni |
Rata tad-dazju konvenzjonali (%) |
Unità Supplimentari |
(1) |
(2) |
(3) |
(4) |
8544 |
Wajer iżolat (inkluż żmaltat jew anodizzat), kejbil (inkluż kejbil koassjali) u kondutturi oħrajn elettriċi iżolati, mgħammrin konnekters jew le; kejbils ta’ fibra ottika, magħmulin minn fibri miksijin individwalment, immuntati b’kondutturi elettriċi jew mgħammrin b’konnekters jew le |
|
|
[...] |
|
|
|
8544 70 00 |
– Kejbils ta’ fibra ottika |
B’xejn |
—” |
12 It-tieni parti tan-NM tinkludi wkoll it-Taqsima XVIII, intitolata “Strumenti u apparat ottiku, fotografiku, ċinematografiku, ta’ kejl, ta’ verifika, ta’ preċiżjoni, mediku jew kirurġiku; arloġġi u arloġġi ta’ l-idejn; strumenti mużikali; bċejjeċ u aċċessorji tagħhom”. Hija tinkludi b’mod partikolari l-Kapitolu 90 intitolat “Strumenti u apparat ottiku, fotografiku, ċinematografiku, ta’ kejl, ta’ verifika, ta’ preċiżjoni, mediku jew kirurġiku; bċejjeċ u aċċessorji tagħhom”.
13 Dan il-kapitolu jinkludi l-intestatura 9001 tan-NM, li hija ppreżentata kif ġej:
“Kodiċi NM |
Deskrizzjoni |
Rata tad-dazju konvenzjonali (%) |
Unità Supplimentari |
(1) |
(2) |
(3) |
(4) |
9001 |
Fibri ottiċi u mazez ta’ fibri ottiċi; kejbils ta’ fibra ottika ħlief dawk ta’ titlu 8544; folji u pjanċi ta’ materjal li jippolarizza; lentijiet (inklużi lentijiet tal-kuntatt), priżmi, mirja u elementi ottiċi oħrajn, ta’ kull materjal, mhux immuntati, ħlief dawk l-elementi tal-ħġieġ mhux maħdumin ottikament: |
|
|
9001 10 |
– Fibri ottiċi, mazez u kejbils ta’ fibri ottiċi |
|
|
9001 10 10 |
– – Kejbils li jwasslu immaġni |
2,9 |
— |
9001 10 90 |
– – Oħrajn |
2,9 |
— |
[...]” |
|
|
|
14 In-nota 1(h) tal-Kapitolu 90 tippreċiża li dan ma jinkludix il-kejbils tal-fibri ottiċi tal-intestatura 8544.
15 Għall-finijiet tal-kawża prinċipali, huma rilevanti n-noti ta’ spjega tan-NM stabbiliti mill-Kummissjoni, skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 9(1)(a) tar-Regolament Nru 2658/87 u ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fit‑8 ta’ Diċembru 2007 (ĠU 2007, C 296, p. 4, iktar ’il quddiem “in-noti ta’ spjega tal-2007”) u fl‑24 ta’ Mejju 2019 (ĠU 2019, C 179, p. 4, iktar ’il quddiem “in-noti ta’ spjega tal-2019”).
16 Fin-noti ta’ spjega tal-2007, dik dwar is-subintestatura 8544 70 00 tan-NM jippreċiżaw dan li ġej:
“8544 70 00 – Kejbils ta’ fibra ottika
Din is-subintestatura tinkludi wkoll il-kejbils tal-fibra ottika, iddisinjati, pereżempju, sabiex jintużaw fit-telekomunikazzjonijiet, magħmula minn fibri ottiċi miksija individwalment minn saff polimeru tal-akrilat u mqiegħda f’qoxra protettiva. Il-kisi huwa magħmul minn għant ta' akrilat artab fuq ġewwa u għant ieħor ta' akrilat iebes fuq barra, b'dan ta' l-aħħar miksi b'saff ta' diversi kuluri.
Il-kisi tal-fibri ottiċi individwali jipprovdi protezzjoni u integrità strutturali, per eżempju, billi jipproteġi l-fibri individwali milli jinqasmu.”
17 Fin-noti ta’ spjega tal-2019, dik dwar is-subintestatura 8544 70 00 tan-NM ġiet issostitwita bit-test li ġej:
“8544 70 00 – Kejbils ta’ fibra ottika
Din is-subintestatura tinkludi wkoll il-kejbils ta’ fibra ottika, iddisinjati pereżempju, għall-użu fit-telekomunikazzjoni, magħmulin minn fibra ottika waħda jew aktar tal-intestatura 9001 li huma miksija individwalment b’żewġ saffi ta’ polimeru tal-akrilat. Il-kisja tikkonsisti f’saff ta’ ġewwa ta’ akrilat artab u saff ta’ barra ta’ akrilat iebes, b’dan tal-aħħar jista’ jingħata kulur jew ikun miksi b’saff ta’ kuluri differenti li jippermettu l-identifikazzjoni tal-fibri. Il-fibri ottiċi huma individwalment miksija b’kisja ta’ saff doppju; dawn ma jiffurmawx kejbil ta’ fibra ottika tal-intestatura 8544 waħedhom sakemm jitqiegħdu f’kejsing protettiv.
Il-kisja b’saff doppju tal-fibri ottiċi individwali tipprovdi protezzjoni u integrità strutturali, pereżempju, billi tipproteġi l-fibri individwali milli jinqasmu u jinbarxu.”
Ir‑Regolament (UE) Nru 952/2013
18 Skont l-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2013, L 269, p. 1, rettifika fil-ĠU 2013, L 287, p. 90, jipprovdi:
“1 L-awtoritajiet doganali għandhom, wara applikazzjoni, jieħdu deċiżjonijiet marbutin mal-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi (deċiżjonijiet BTI), jew deċiżjonijiet marbutin mal-informazzjoni vinkolanti dwar l-oriġini (deċiżjonijiet BOI).
[...]
2. Id-deċiżjonijiet BTI jew BOI għandhom ikunu vinkolanti biss fir-rigward tal-klassifikazzjoni tariffarja jew id-determinazzjoni tal-oriġini tal-merkanzija:
(a) għall-awtoritajiet doganali, fil-konfront tad-detentur tad-deċiżjoni, fir-rigward biss ta’ merkanzija li għaliha tlestew il-formalitajiet doganali wara d-data li fiha d-deċiżjoni ssir effettiva;
(b) għad-detentur tad-deċiżjoni, fil-konfront tal-awtoritajiet doganali, biss b’effett mid-data li fiha jkun irċeva, jew hu meqjus bħala li rċieva, in-notifika tad-deċiżjoni.
[...]”
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
19 Prysmian importat matul il-perijodu bejn is‑6 ta’ Lulju u l‑21 ta’ Diċembru 2018 merkanzija (iktar ’il quddiem il-“merkanzija inkwistjoni”) li hija ddikjarat bħala li taqa’ taħt is-subintestatura 8544 70 00 tan-NM, dwar il-“[k]ejbils ta’ fibra ottika” u li ġew suġġetti għal rata ta’ dazji ta’ importazzjoni ta’ 0 %.
20 Fl‑1 ta’ Lulju 2019, Prysmian indikat lill-Biroul Vamal Olt (l-Uffiċċju tad-Dwana ta’ Olt, ir-Rumanija, iktar ’il quddiem il-“BVO”) li, fid-dawl tal-emendi li saru fin-noti ta’ spjega tal-2019 meta mqabbla man-noti ta’ spjega tal-2007, il-merkanzija inkwistjoni issa kienet taqa’ taħt is-subintestatura 9001 10 90 tan-NM, dwar il-“[f]ibri ottiċi” u kienet suġġetta għal rata ta’ dazji ta’ importazzjoni ta’ 2.9 %. Prysmian għalhekk talbet li d-dazji fuq l-importazzjoni fuq din il-merkanzija jiġu kkalkolati mill-ġdid mill-24 ta’ Mejju 2019, li jikkorrispondu għad-data tal-pubblikazzjoni tan-noti ta’ spjega tal-2019 f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
21 Wara kontroll doganali a posteriori mwettaq bejn ix-xahar ta’ April u x-xahar ta’ Ġunju 2021, id-Direttur ia Regională Vamală Craiova (id-Direttorat Reġjonali tad-Dwana ta’ Craiova, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Ġunju 2021, ikkunsidra li l-merkanzija inkwistjoni kienet fibri ottiċi miksija individwalment li taqa’ taħt is-subintestatura 9001 10 90 tan-NM, suġġetta għal rata ta’ dazji ta’ importazzjoni ta’ 2.9 %. Konsegwentement, hija kkalkolat mill-ġdid id-dazji doganali relatati mal-importazzjonijiet kollha tal-merkanzija inkwistjoni li kienu ġew iddikjarati minn Prysmian bħala “kejbils ta’ fibra ottika” li jaqgħu taħt is-subintestatura 8544 70 00 tan-NM u eżiġiet li din il-kumpannija tħallas is-somma totali ta’ 992 430 lei Rumen (RON) (madwar EUR 201 000) bħala dazji doganali addizzjonali u interessi moratorji.
22 Prysmian ressqet ilment kontra din id-deċiżjoni quddiem l-Agenţia Naţională de Administrare Fiscală – Direchebia Generală de Administrare a Marilor Contribuabili (l-Aġenzija Nazzjonali tal-Amministrazzjoni Fiskali — id-Direttorat Ġenerali għall-Amministrazzjoni tal-Kontribwenti l-Kbar, ir-Rumanija), li ġiet miċħuda b’deċiżjoni tas‑17 ta’ Novembru 2021.
23 Prysmian għalhekk adixxiet lit-Tribunalul Olt (il-Qorti tal-Kontea ta’ Olt, ir-Rumanija), il-qorti tar-rinviju, b’rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjonijiet tas‑17 ta’ Novembru 2021 u tad‑29 ta’ Ġunju 2021, kif ukoll għall-eżenzjoni mill-obbligi fiskali prinċipali u anċillari stabbiliti permezz ta’ dawn id-deċiżjonijiet.
24 Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk in-noti ta’ spjega tal-2019 biddlux is-sens tan-noti ta’ spjega tal-2007, u, f’tali każ, jekk riklassifikazzjoni retroattiva tal-merkanzija inkwistjoni fl-intestatura tariffarja 9001 10 90 tan-NM tiksirx il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ prevedibbiltà.
25 Din il-qorti tistaqsi wkoll dwar jekk il-prinċipju ta’ applikazzjoni uniformi tal-klassifikazzjoni tariffarja, flimkien mal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, jobbligahiex tieħu inkunsiderazzjoni, minn naħa, id-deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet doganali nazzjonali oħra u, min-naħa l-oħra, id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet doganali jew tal-qrati ta’ Stati Membri oħra li kklassifikaw jew ikkonfermaw il-klassifikazzjoni tal-merkanzija inkwistjoni fl-intestatura 8544 tan-NM.
26 F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunalul Olt (il-Qorti tal-Kontea ta’ Olt, ir-Rumanija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) Fl-interpretazzjoni tan-[NM], fid-dawl tan-[noti ta’ spjega tal-2007], il-prodott magħmul minn qalba ottika u kisi ottiku mgħotti minn l-ewwel qoxra ta’ ġewwa ta’ akrilat artab u t-tieni qoxra tas-saff ta’ akrilat iebes ikkulurit (sistema ta’ kisi msejħa ColorLock), jista’ jaqa’ taħt l-intestatura 8544 70 00 [tan-NM]?
2) Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-[ewwel domanda], l-awtoritajiet doganali nazzjonali jistgħu jinjoraw l-eżistenza ta’ deċiżjonijiet tal-awtorità doganali ta’ dan l-Istat li ma kkontestawx il-klassifikazzjoni ta’ dan il-prodott taħt l-intestatura 8544 70 00, iżda wkoll ta’ deċiżjonijiet favorevoli b’informazzjoni tariffarja vinkolanti (li jiżguraw eżenzjoni mid-dazji doganali u mill-VAT) mogħtija minn awtoritajiet doganali oħra jew anki ta’ deċiżjonijiet mogħtija minn qrati ta’ Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea li jikkonfermaw tali klassifikazzjoni tariffarja, mingħajr ma tali aġir jikser il-prinċipji ta’ applikazzjoni uniformi tal-klassifikazzjoni tariffarja, kif jirriżultaw mill-Artikolu 28 TFUE flimkien mal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi rrikonoxxuti mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li huma rilevanti għall-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni?
3) Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għat-tieni domanda, fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 114 [ir-Regolament Nru 952/2013], fid-dawl tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, huwa possibbli li eventwali nuqqas ta’ ċarezza tan-[noti ta’ spjega tal-2007], segwita minn kjarifika sussegwenti li daħlet fis-seħħ, tnissel obbligu fiskali anċillari għal persuna taxxabbli minn Stat Membru, partikolarment jekk matul iż-żmien, kien hemm deċiżjonijiet mill-awtorità doganali ta’ dan l-Istat li ma kkontestawx il-klassifikazzjoni ta’ dan il-prodott taħt l-intestatura 8544 70 00, iżda wkoll deċiżjonijiet favorevoli b’informazzjoni tariffarja vinkolanti mogħtija minn awtoritajiet doganali oħra jew anki deċiżjonijiet mogħtija minn qrati ta’ Stati Membri oħra tal-Unjoni li jikkonfermaw tali klassifikazzjoni tariffarja?”
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ewwel domanda
27 Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk is-subintestatura 8544 70 00 tan-NM għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tkopri kejbil ta’ fibri ottiċi kompost minn gamma ottika u minn kisja ottika miksija bl-ewwel saff ta’ ġewwa ta’ akrilat flessibbli, li min-naħa tagħha hija miksija b’saff sekondarju ta’ akrilat iebes ikkulurit.
28 Preliminarjament, għandu jitfakkar li, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi adita b’rinviju għal deċiżjoni preliminari dwar il-klassifikazzjoni tariffarja, il-funzjoni tagħha ma tikkonsistix f’li twettaq tali klassifikazzjoni hija stess, iżda li tagħti kjarifika lill-qorti tar-rinviju dwar il-kriterji li permezz tagħhom tkun tista’ tikklassifika b’mod korrett il-prodotti inkwistjoni fil-kawża mressqa quddiemha. Tali klassifikazzjoni teħtieġ fil-fatt li ssir evalwazzjoni purament fattwali tal-karatteristiċi ta’ dawn il-prodotti, li taqa’, fil-kuntest ta’ tali rinviju, taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali, u mhux tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Frar 2023, LB (Air loungers), C‑635/21, EU:C:2023:85, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata)
29 Barra minn hekk, skont ir-Regola 1 tar-Regoli Ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM, il-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija għandha tiġi ddeterminata skont it-termini tal-intestaturi u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli ta’ din in-nomenklatura. Peress li l-kawża prinċipali għandha bħala suġġett il-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija inkwistjoni fis-subintestaturi 8544 70 00 jew 9001 10 90 tal-imsemmija nomenklatura, tali klassifikazzjoni għandha, skont ir-Regola 6 ta’ dawn ir-regoli ġenerali, tiġi ddeterminata skont it-termini ta’ dawn is-subintestaturi u tan-noti tas-subintestaturi, filwaqt li n-noti tat-taqsimiet u tal-kapitoli korrispondenti jistgħu wkoll jittieħdu inkunsiderazzjoni, sakemm ma jkunx hemm dispożizzjonijiet kuntrarji.
30 Fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-kontrolli, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-oġġetti għandu jinstab, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u l-kwalitajiet oġġettivi tagħhom, kif iddefiniti mill-formulazzjoni tal-intestatura tan-NM u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli korrispondenti. L-użu li għalih huwa intiż il-prodott kkonċernat jista’ jikkostitwixxi kriterju oġġettiv ta’ klassifikazzjoni sa fejn dan huwa inerenti għal dan il-prodott, u għandu jkun evalwat skont il-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tal-imsemmi prodott (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Flavourstream, C‑822/19, EU:C:2021:444, punt 34, u tad‑9 ta’ Frar 2023, LB (Air loungers), C‑635/21, EU:C:2023:85, punt 33).
31 Barra minn hekk, għalkemm in-noti ta’ spjega tas-SA u tan-NM ma għandhomx saħħa vinkolanti, huma jikkostitwixxu strumenti importanti sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tat-Tariffa Doganali Komuni u jipprovdu, bħala tali, elementi validi għall-interpretazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Hydro Energo, C‑340/19, EU:C:2020:488, punt 36, u tad‑9 ta’ Frar 2023, LB (Air loungers), C-635/21, EU:C:2023:85, punt 34).
32 Fl-ewwel lok, is-subintestatura 8544 70 00 tan-NM, intitolata “Kejbils ta’ fibra ottika”, tikkostitwixxi subdiviżjoni tal-intestatura 8544 ta’ din in-nomenklatura, li l-formulazzjoni tagħha ssemmi b’mod partikolari “kejbils ta’ fibra ottika, magħmulin minn fibri miksijin individwalment”. It-titolu tal-intestatura 9001 tan-NM jirrigwarda b’mod partikolari l-“fibri ottiċi u mazez ta’ fibri ottiċi; kejbils ta’ fibra ottika ħlief dawk ta’ titlu 8544”. Skont in-nota 1(h) tal-Kapitolu 90, dan il-kapitolu ma jkoprix il-kejbils tal-fibri ottiċi tal-intestatura 8544.
33 Fit-tieni lok, in-nota ta’ spjega dwar is-subintestatura 8544 70 00 tan-NM, kif tinsab fin-noti ta’ spjega tal-2007, tippreċiża li din is-subintestatura tinkludi wkoll il-kejbils ta’ fibri ottiċi, iddisinjati, pereżempju, sabiex jintużaw fit-telekomunikazzjonijiet, magħmula minn fibri ottiċi miksija individwalment minn saff doppju ta’ polimeru tal-akrilat u mqiegħda f’qoxra protettiva.
34 Fit-tielet lok, skont in-noti ta’ spjega tas-SA, l-intestatura 8544 ta’ din is-sistema tkopri l-kejbils ta’ fibra ottiċi, magħmula minn fibri miksija individwalment, kemm jekk jinkludu kondutturi elettriċi jew li għandhom partijiet ta’ konnessjoni, filwaqt li l-intestatura 9001 tal-imsemmija sistema tinkludi “fibri ottiċi u mazzi ta’ fibri ottiċi, u kejbils ta’ fibra ottika għajr dawk tal-intestatura 85.44”. Barra minn hekk, dawn in-noti jippreċiżaw li l-kejbils ta’ fibra ottika tal-intestatura 9001 tas-SA huma magħmula minn katina li fiha kienu mqiegħda faxxa waħda jew iktar ta’ fibri ottiċi, peress li dawn ma humiex miksija individwalment.
35 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta, minn naħa, li n-NM tistabbilixxi differenza bejn il-“kejbils” u l-“fibri miksija individwalment” u li huma biss il-kejbils ta’ fibri ottiċi magħmula minn fibri miksija individwalment li jaqgħu taħt l-intestatura 8544 ta’ din in-nomenklatura, bl-esklużjoni tal-fibri ottiċi stess. Min-naħa l-oħra, il-fibri ottiċi individwali kif ukoll il-ġnub tal-fibri ottiċi jaqgħu taħt l-intestatura 9001 tal-imsemmija nomenklatura, skont il-formulazzjoni tagħha.
36 Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-formulazzjoni tal-intestatura 8544 tan-NM kif ukoll tan-nota ta’ spjega dwar is-subintestatura 8544 70 00 tan-NM u tan-noti ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 8544 ta’ din is-sistema, il-fibri ottiċi li jifformaw kejbils għandhom, fl-istess ħin, ikunu miksija individwalment u jitqiegħdu f’katina ta’ protezzjoni jew f’qoxra protettiva sabiex ikunu jistgħu jaqgħu taħt din l-intestatura.
37 F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-merkanzija inkwistjoni hija kejbils ta’ fibri ottiċi miksija individwalment permezz ta’ kisja b’żewġ saffi, mingħajr ma jkollha qoxra protettiva. Konsegwentement, bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, din il-merkanzija, sa fejn ma tissodisfax it-tieni kundizzjoni kumulattiva mfakkra fil-punt preċedenti, ma tistax taqa’ taħt l-intestatura 8544 tan-NM u għandha tiġi kklassifikata fl-intestatura 9001 tagħha.
38 Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li s-subintestatura 8544 70 00 tan-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tkoprix kejbil ta’ fibri ottiċi kompost minn qalba ottika u u kisi ottiku mgħotti minn l-ewwel qoxra ta’ ġewwa ta’ akrilat artab, li min-naħa tagħha hija miksija b’saff sekondarju ta’ akrilat iebes ikkulurit.
Fuq it‑tieni domanda
39 Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-irkupru, mill-awtoritajiet doganali ta’ Stat Membru, tad-dazji u tat-taxxi dovuti minn persuna taxxabbli abbażi tal-klassifikazzjoni żbaljata, skont dawn l-awtoritajiet, ta’ merkanzija fis-subintestatura tan-NM, meta deċiżjonijiet dwar il-BTI maħruġa lil persuni taxxabbli oħra, minn dawn l-awtoritajiet u mill-awtoritajiet doganali ta’ Stati Membri oħra, kif ukoll deċiżjonijiet ġudizzjarji ta’ Stati Membri oħra ma jeskludux tali klassifikazzjoni tariffarja.
40 Il-prinċipju ta’ ċertezza legali, li għandu bħala korollarju tiegħu l-prinċipju ta’ ċertezza legali, li għandu bħala korollarju tiegħu l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, jirrikjedi, minn naħa, li d-dispożizzjonijiet legali jkunu ċari u preċiżi u, min-naħa l-oħra, li l-applikazzjoni tagħhom tkun prevedibbli għall-persuni suġġetti għalihom, b’mod partikolari meta jista’ jkollhom konsegwenzi sfavorevoli fuq l-individwi u l-impriżi. B’mod partikolari, dan il-prinċipju jeżiġi li leġiżlazzjoni tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu b’eżattezza l-portata tal-obbligi li hija timponi fuqhom u konsegwentement jieħdu l-provvedimenti tagħhom (sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Jumbocarry Trading, C‑39/20, EU:C:2021:435, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).
41 Il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jista’ jiġi invokat biss minn parti fil-kawża li fir-rigward tagħha awtorità amministrattiva tkun ħolqot tamiet ibbażati fuq garanziji preċiżi, inkundizzjonati u konkordanti, li joriġinaw minn sorsi awtorizzati u affidabbli, li hija tkun ipprovdietlu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Ministru kabinets, C‑120/17, EU:C:2018:638, punt 50, u tal‑31 ta’ Marzu 2022, Smetna palata na Republika Bulgaria, C‑195/21, EU:C:2022:239, punt 65).
42 F’dan il-każ, fl-ewwel lok, kif tfakkar fil-punti 32 sa 37 ta’ din is-sentenza, mill-kliem ċar u preċiż tal-kliem tas-subintestaturi 8544 70 00 u 9001 10 90 tan-NM, moqrija fid-dawl tan-noti ta’ spjega tal-2007 u tas-SA, jirriżulta li l-merkanzija bħal dik inkwistjoni taqa’ taħt din is-subintestatura tal-aħħar u mhux taħt l-ewwel waħda.
43 F’dan ir-rigward, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet ta’ Prysmian, in-noti ta’ spjega tal-2019, li jgħidu li l-fibri ottiċi miksija individwalment “ma jiffurmawx kejbil ta’ fibra ottika tal-intestatura 8544 waħedhom sakemm jitqiegħdu f’kejsing protettiv”, kulma jagħmlu huwa li jippreċiżaw il-kontenut tal-kundizzjoni li tirrigwarda l-eżistenza ta’ katina ta’ protezzjoni, mingħajr ma jbiddlu l-kliem ċar tan-noti ta’ spjega tal-2007.
44 Fit-tieni lok, skont l-Artikolu 33(2) tar-Regolament Nru 952/2013, BTI tista’ tiġi invokata biss mid-detentur tagħha jew mir-rappreżentant tiegħu fil-konfront tal-awtoritajiet doganali li jkunu ħarġuha u ta’ dawk tal-Istati Membri l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ April 2011, Sony Supply Chain Solutions (Europe), C‑153/10, EU:C:2011:224, punt 39).
45 Peress li l-BTI maħruġa minn awtoritajiet doganali oħra u d-deċiżjonijiet ta’ qrati oħra ta’ Stati Membri li jikklassifikaw jew jikkonfermaw il-klassifikazzjoni tal-merkanzija inkwistjoni fis-subintestatura 8544 70 00 tan-NM ma ntbagħtux lil Prysmian, tali informazzjoni u deċiżjonijiet ma jistgħux jitqiesu li pprovdew lil din il-kumpannija assigurazzjonijiet preċiżi, inkundizzjonati u konkordanti, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, li jistgħu joħolqu aspettattivi leġittimi fiha fir-rigward tal-fondatezza ta’ tali klassifikazzjoni.
46 Fid-dawl tal-motivi preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux l-irkupru, mill-awtoritajiet doganali ta’ Stat Membru, tad-dazji u t-taxxi mhux imħallsa minn persuna taxxabbli abbażi tal-klassifikazzjoni żbaljata, skont dawn l-awtoritajiet, ta’ merkanzija taħt subintestatura tan-NM, anki jekk deċiżjonijiet BTI maħruġa lil persuni taxxabbli oħra, minn dawn l-awtoritajiet u mill-awtoritajiet doganali ta’ Stati Membri oħra, kif ukoll deċiżjonijiet ġudizzjarji ta’ Stati Membri oħra ma tbegħdux minn tali klassifikazzjoni tariffarja.
Fuq it‑tielet domanda
47 Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni domanda, ma hemmx għalfejn tingħata risposta għat-tielet domanda.
Fuq l‑ispejjeż
48 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) Is-subintestatura 8544 70 00 tan-Nomenklatura Magħquda (iktar ’il quddiem in-“NM”) li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat‑23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 254/2000 tal‑31 ta’ Jannar 2000 fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1925 tat‑12 ta’ Ottubru 2017,
għandha tiġi interpretata fis-sens li
li ma tkoprix kejbil ta’ fibri ottiċi kompost minn qalba ottika u kisi ottiku mgħotti minn l-ewwel qoxra ta’ ġewwa ta’ akrilat artab, li min-naħa tagħha hija miksija b’saff sekondarju ta’ akrilat iebes ikkulurit.
2) Il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi
għandhom jiġu interpretati fis-sens li:
ma jipprekludux l-irkupru, mill-awtoritajiet doganali ta’ Stat Membru, tad-dazji u t-taxxi mhux imħallsa minn persuna taxxabbli abbażi tal-klassifikazzjoni żbaljata, skont dawn l-awtoritajiet, ta’ merkanzija taħt subintestatura tan-Nomenklatura Magħquda, inklużi fl-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87, kif emendat bir-Regolament Nru 254/2000, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/1925, anki jekk deċiżjonijiet b’informazzjoni tariffarja vinkolanti maħruġa lil persuni taxxabbli oħra, minn dawn l-awtoritajiet u mill-awtoritajiet doganali ta’ Stati Membri oħra, kif ukoll deċiżjonijiet ġudizzjarji ta’ Stati Membri oħra ma tbegħdux minn tali klassifikazzjoni tariffarja.
Firem
* Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.