Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62023CJ0119

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tad-29 ta’ Lulju 2024.
Virgilijus Valančius vs Lietuvos Republikos Vyriausybė.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Vilniaus apygardos administracinis teismas.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 19(2) TUE – It-tieni paragrafu tal-Artikolu 254 TFUE – Ħatra tal-Imħallfin tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea – Garanzija ta’ indipendenza – Kapaċità meħtieġa għall-eżerċizzju ta’ funzjonijiet ġudizzjarji għolja – Proċedura nazzjonali ta’ proposta ta’ kandidat għall-funzjonijiet ta’ Mħallef tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea – Grupp ta’ esperti indipendenti biex jevalwa l-kandidati – Lista ta’ mertu tal-kandidati li jissodisfaw ir-rekwiżiti previsti fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 19(2) TUE u fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 254 TFUE – Proposta ta’ kandidat fuq il-lista ta’ mertu differenti mill-kandidat ikklassifikat l-aħjar – Opinjoni tal-Kumitat previst fl-Artikolu 255 TFUE dwar l-idoneità tal-kandidati.
Kawża C-119/23.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:653

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

29 ta’ Lulju 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 19(2) TUE – It-tieni paragrafu tal-Artikolu 254 TFUE – Ħatra tal-Imħallfin tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea – Garanziji ta’ indipendenza – Kapaċità meħtieġa għall-eżerċizzju ta’ funzjonijiet ġudizzjarji għolja – Proċedura nazzjonali ta’ proposta ta’ kandidat għall-kariga ta’ Mħallef tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea – Grupp ta’ esperti indipendenti inkarigat mill-evalwazzjoni tal-kandidati – Klassifika skont il-mertu tal-kandidati li jissodisfaw ir-rekwiżiti previsti fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 19(2) TUE u fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 254 TFUE – Proposta ta’ kandidat li jinsab fuq il-klassifika skont il-mertu li ma huwiex il-kandidat ikklassifikat fl-ogħla pożizzjoni – Opinjoni tal-kumitat previst fl-Artikolu 255 TFUE dwar l-idoneità tal-kandidati”

Fil-Kawża C‑119/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill‑Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Vilnius, il-Litwanja), permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Frar 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑28 ta’ Frar 2023, fil-proċedura

Virgilijus Valančius

vs

Lietuvos Republikos Vyriausybė,

fil-preżenza ta’:

Lietuvos Respublikos Seimo kanceliarija,

Lietuvos Respublikos Prezidento kanceliarija,

Saulius Lukas Kalėda,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, A. Arabadjiev, C. Lycourgos, E. Regan, F. Biltgen u N. Piçarra, Presidenti ta’ Awla, P. G. Xuereb, L. S. Rossi (Relatriċi), A. Kumin, N. Wahl, I. Ziemele u J. Passer, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Emiliou,

Reġistratur: M. Aleksejev, Kap ta’ Unità,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑16 ta’ Jannar 2024,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Valančius, minn D. Poška, advokatas,

–        għall-Gvern Litwan, minn K. Dieninis, R. Dzikovič, V. Kazlauskaitė-Švenčionienė u E. Kurelaitytė, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn L. Dvořáková, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

–        għall-Irlanda, minn M. Browne, Chief State Solicitor, u M. Lane, bħala aġenti, assistiti minn D. Fennelly, BL,

–        għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u G. Koós, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn M. K. Bulterman u C. S. Schillemans, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u S. Żyrek, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Svediż, minn C. Meyer‑Seitz u A. M. Runeskjöld, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Erlbacher, A. Steiblytė u P. J. O. Van Nuffel, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑18 ta’ April 2024,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 19(2) TUE u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 254 TFUE.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Virgilijus Valančius u l-Lietuvos Republikos Vyriausybė (il-Gvern tar-Repubblika tal-Litwanja) fir-rigward tal-legalità ta’ deċiżjonijiet ta’ proposta tal-kandidat tar-Repubblika tal-Litwanja għall-kariga ta’ Mħallef tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

3        Intitolat “Riferiment quddiem il-kumitat u talba għal informazzjoni addizzjonali”, il-punt 6 tar-Regoli ta’ Funzjonament tal-Kumitat previst fl-Artikolu 255 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jinsab fl-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/124/UE tal‑25 ta’ Frar 2010 dwar ir-regoli ta’ funzjonament tal-Kumitat previst fl-Artikolu 255 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2010, L 50, p. 18), jipprovdi:

“Malli l-gvern ta’ Stat Membru jipproponi kandidat, is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandu jittrasmetti din il-proposta lill-President tal-Kumitat.

Il-Kumitat jista’ jitlob lill-gvern li jkun ippreżenta l-proposta ta’ nomina sabiex jibagħtlu informazzjoni addizzjonali jew elementi oħra li fil-fehma tal-kumitat ikunu meħtieġa għad-deliberazzjonijiet tiegħu.”

 Iddritt Litwan

 Il-Liġi dwar il-Gvern

4        L-Artikolu 52(3) tal-Lietuvos Respublikos Vyriausybės įstatymas (il-Liġi tar-Repubblika tal-Litwanja dwar il-Gvern) tad‑19 ta’ Mejju 1994 (Žin., 1994, Nru 43‑772), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Gvern”), jipprevedi li l-Gvern Litwan jipproponi l-kandidati għall-karigi ta’ Mħallef tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali wara li jkun kiseb l-approvazzjoni tal-President tar-Repubblika u wara li jkun ikkonsulta lil-Lietuvos Respublikos Seimas (il-Parlament tar-Repubblika tal-Litwanja, iktar ’il quddiem il-“Parlament Litwan”) skont il-modalitajiet previsti mil-Lietuvos Respublikos Seimo statutas (l-Istatut tal-Parlament tar-Repubblika tal-Litwanja).

 Id-deskrizzjoni tal-proċedura tal-għażla

5        Il-punti 1 sa 3, 13, 15, 19 u 21 sa 23 tal-Pretendento į Europos Sąjungos Bendrojo Teismo teisėjus atrankos tvarkos aprašas (id-Deskrizzjoni tal-Proċedura tal-Għażla tal-Kandidati għall-Kariga ta’ Mħallef tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, adottata permezz tad-Digriet Nru 1R‑65 tal-Ministru għall-Ġustizzja tar-Repubblika tal-Litwanja tad‑9 ta’ Marzu 2021 (iktar ’il quddiem id-“Deskrizzjoni tal-Proċedura tal-Għażla”), jipprevedu:

“1.      Id-[Deskrizzjoni tal-Proċedura tal-Għażla] tiġi applikata waqt l-organizzazzjoni tal-għażla tal-kandidat tar-Repubblika tal-Litwanja għall-kariga ta’ Mħallef tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem l-“għażla”). Din l-għażla għandha bħala għan li tgħin lill-Gvern, li, bis-saħħa tal-Artikolu 52(3) [tal-Liġi dwar il-Gvern], jipproponi kandidati għall-kariga ta’ Mħallef tal-Qorti Ġenerali, biex jifformula proposta li tirrigwarda kandidat speċifiku.

2.      Il-Grupp ta’ Ħidma tal-Għażla [...] huwa stabbilit permezz ta’ digriet tal-Prim Ministru tar-Repubblika tal-Litwanja. Il-Grupp ta’ Ħidma huwa magħmul minn seba’ persuni. Huwa jinkludi l-Ministru għall-Ġustizzja tar-Repubblika tal-Litwanja (li jippresjedi l-Grupp ta’ Ħidma) kif ukoll rappreżentant tal-Parlament tar-Repubblika tal-Litwanja, rappreżentant tal-President tar-Repubblika tal-Litwanja, rappreżentant tat-Teisėjų taryba [(il-Kunsill tal-Ġudikatura)], rappreżentant tal-Fakultà tal-Liġi tal-Università ta’ Mykolas Romeris, rappreżentant tal-Fakultà tal-Liġi tal-Università ta’ Vilnjus kif ukoll rappreżentant tal-Fakultà tal-Liġi tal-Università ta’ Vytautas Didysis. Uffiċjal tal-Ministeru għall-Ġustizzja tar-Repubblika tal-Litwanja jinħatar bħala segretarju tal-Grupp ta’ Ħidma.

3.      Il-Grupp ta’ Ħidma, fid-dawl tas-sitt kriterji tal-għażla tal-kandidati għall-funzjoni ta’ mħallef tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea stabbiliti fit-Trattati li fuqhom hija bbażata l-Unjoni u speċifikati fis-sitt rapport ta’ attività tal-Kumitat previst mill-Artikolu 255 [TFUE], ippubblikat fuq is-sit internet tal-imsemmi kumitat [...], għandu jinforma lill-pubbliku bil-ftuħ tal-proċedura tal-għażla permezz ta’ avviż ippubblikat fuq is-sit internet tal-Ministeru għall-Ġustizzja, fejn jistieden lill-persuni li jissodisfaw l-imsemmija kriterji tal-għażla sabiex jissottomettu fajl ta’ kandidatura għall-proċedura tal-għażla (li jinkludi applikazzjoni bil-miktub li tiddikjara l-parteċipazzjoni, curriculum vitae u ittra ta’ motivazzjoni).

[...]

13.      Il-proċess tal-għażla għandu jinkludi evalwazzjoni dwar jekk il-kandidati jissodisfawx il-kriterji stabbiliti fil-punt 3 tad-deskrizzjoni, fuq il-bażi tad-dokumenti pprovduti mill-applikanti, u intervista tal-għażla. L-intervista tal-għażla għandha bħala għan li tikkompleta l-evalwazzjoni tal-kandidati fuq il-bażi tad-dokumenti li jkunu pprovdew.

[...]

15.      Fl-istadju tal-għażla, il-kandidati għandhom jiġu evalwati fir-rigward tas-sitt kriterji stabbiliti fil-punt 3 tad-deskrizzjoni: kapaċità ġuridika; esperjenza professjonali; ħila li jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji; ħiliet lingwistiċi; kapaċità li jaħdmu f’tim f’ambjent internazzjonali fejn huma rrappreżentati diversi tradizzjonijiet legali; u garanziji ta’ indipendenza, imparzjalità, probità u integrità murija minnhom.

[...]

19.      Fi tmiem il-proċess tal-għażla, kull membru tal-Grupp ta’ Ħidma għandu jagħti lill-kandidat marka bejn 1 u 10. Il-marka l-iktar baxxa hija ta’ punt 1 u l-ogħla hija ta’ 10 punti. Il-marki individwali assenjati mill-membri tal-Grupp ta’ Ħidma għandhom jingħaddu flimkien. Il-klassifika skont il-mertu tal-kandidati għandha tiġi stabbilita fuq il-bażi tar-riżultati miksuba. Il-klassifika għandha tinkludi l-kandidati kollha li għalihom il-Grupp ta’ Ħidma jqis li jissodisfaw il-kriterji tal-għażla bħala Mħallef tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, irrispettivament min-numru ta’ punti miksuba.

[...]

21.      Fi tmiem il-proċedura tal-għażla, il-kap tal-Grupp ta’ Ħidma għandu jissottometti lill-Gvern Litwan abbozz ta’ liġi dwar il-ħatra tal-kandidat ikklassifikat fl-ogħla pożizzjoni għall-ħatra bħala Mħallef fil-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, flimkien mal-minuti tal-laqgħa tal-Grupp ta’ Ħidma inklużi b’anness (il-klassifika skont il-mertu stabbilita mill-Grupp ta’ Ħidma li tindika n-numru ta’ punti miksuba mill-kandidati) u l-curriculum vitae tal-kandidat ikklassifikat fl-ogħla pożizzjoni.

22.      L-indikazzjoni tal-kandidat ikklassifikat fl-ogħla pożizzjoni għall-kariga ta’ Mħallef tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea mill-Grupp ta’ Ħidma hija biss rakkomandazzjoni lill-Gvern tal-Litwanja li, konformement mal-punt 52(3) tal-Liġi dwar il-Gvern, tipproponi kandidat għall-kariga ta’ Mħallef fil-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

23.      Sa mhux iktar tard minn ħamest ijiem tax-xogħol mid-data ta’ tmiem il-proċedura ta-għażla, il-klassifika skont il-mertu tal-kandidati stabbilita mill-Grupp ta’ Ħidma għandha tiġi ppubblikata fis-sit internet tal-Ministeru għall-Ġustizzja mingħajr indikazzjoni tan-numuru ta’ punti miksuba mill-kandidati.”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

6        Permezz ta’ deċiżjoni meħuda bi qbil komuni mill-gvernijiet tal-Istati Membri fuq proposta tal-Gvern Litwan, V. Valančius ġie maħtur Imħallef tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Qorti Ġenerali”), b’effett mit‑13 ta’ April 2016. Il-mandat tiegħu ntemm fil‑31 ta’ Awwissu 2019 iżda huwa kompla jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu wara din id-data bis-saħħa tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

7        Matul ix-xahar ta’ Marzu 2021, ġiet ippubblikata sejħa għal kandidaturi bil-għan li jintgħażel kandidat tar-Repubblika tal-Litwanja għall-kariga ta’ Mħallef tal-Qorti Ġenerali. Id-deskrizzjoni tal-proċedura tal-għażla ġiet deċiża permezz tad-Digriet Nru 1R‑65 u ġie kkostitwit grupp ta’ ħidma kompost fil-parti l-kbira minn esperti indipendenti (iktar ’il quddiem il-“Grupp ta’ Ħidma”) inkarigat milli jwettaq din l-għażla. Sussegwentement il-Grupp ta’ Ħidma beda bil-proċedura ta’ għażla u fi tmiemha stabbilixxa klassifika skont il-mertu tal-kandidati, irranġata f’ordni dekrexxenti skont ir-riżultat miksub (iktar ’il quddiem il-“klassifika skont il-mertu”).

8        Fil‑11 ta’ Mejju 2021, il-Ministru għall-Ġustizzja ppreżenta abbozz ta’ deċiżjoni lill-Gvern Litwan bil-għan li jipproponi l-kandidatura tal-persuna kklassifikata fl-ogħla pożizzjoni fil-klassifika skont il-mertu, jiġifieri V. Valančius, għall-kariga ta’ Mħallef tal-Qorti Ġenerali.

9        Permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ April 2022, il-Gvern Litwan issottometta l-kandidatura tal-persuna kklassifikata fit-tieni pożizzjoni fil-klassifika skont il-mertu għall-approvazzjoni tal-President tar-Repubblika tal-Litwanja u tal-Parlament Litwan.

10      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ Mejju 2022, il-Gvern Litwan, wara li kiseb l-approvazzjoni tal-President tar-Repubblika tal-Litwanja u tal-Parlament Litwan, ippropona lil din il-persuna bħala kandidat għall-kariga ta’ Mħallef tal-Qorti Ġenerali.

11      Fit‑18 ta’ Mejju 2022, V. Valančius adixxa l-Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Vilnjus, il-Litwanja), li hija l-qorti tar-rinviju, b’rikors intiż, l-ewwel nett, għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni, it-tieni nett, sabiex il-Gvern Litwan jiġi ordnat jiftaħ mill-ġdid il-proċeduri ta’ konsultazzjoni u ta’ proposta ta’ kandidat għall-kariga ta’ Mħallef tal-Qorti Ġenerali konformement mal-modalitajiet previsti mil-liġi, billi jissottometti għal konsultazzjoni u proposta isem il-kandidat ikklassifikat fl-ogħla pożizzjoni mill-Grupp ta’ Ħidma, u, it-tielet nett, għall-kundanna tal-Gvern Litwan għall-ispejjeż.

12      Fil‑5 ta’ Lulju 2022, il-kumitat previst fl-Artikolu 255 TFUE ta opinjoni mhux favorevoli fir-rigward tal-kandidat propost mill-Gvern Litwan.

13      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Settembru 2022, il-Gvern Litwan issottometta l-kandidatura tal-persuna kklassifikata fit-tielet pożizzjoni fil-klassifika skont il-mertu għall-approvazzjoni tal-President tar-Repubblika tal-Litwanja u tal-Parlament Litwan, jiġifieri Saulius Lukas Kalėda, għall-kariga ta’ Mħallef tal-Qorti Ġenerali.

14      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji fir-rigward tal-interpretazzjoni tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 19(2) TUE u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 254 TFUE, b’mod partikolari fir-rigward tal-effett ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fuq il-proċeduri nazzjonali ta’ proposta tal-kandidati għall-kariga ta’ Mħallef tal-Qorti Ġenerali.

15      Din il-qorti ssostni li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tirriżulta b’mod partikolari mis-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:17), irrikonoxxiet li teżisti rabta bejn ir-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità tal-qrati nazzjonali u l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

16      Issa, il-funzjoni tal-Imħallfin tal-Qorti Ġenerali hija preċiżament dik li tiġi żgurata tali protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Barra minn hekk, bis-saħħa tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 19(2) TUE u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 254 TFUE, dawn l-imħallfin għandhom jissodisfaw ukoll ir-rekwiżit ta’ indipendenza, li ma jistax jinftiehem fis-sens li għandu portata iktar limitata minn dak li jirriżulta, għall-imħallfin nazzjonali, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja.

17      B’mod partikolari, fir-rigward tad-deċiżjonijiet ta’ ħatra tal-Imħallfin, il-qorti tar-rinviju ssostni li kemm il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta b’mod partikolari mis-sentenzi tas‑26 ta’ Marzu 2020, Eżami mill-ġdid Simpson vs Il‑Kunsill u HG vs Il‑Kummissjoni (C‑542/18 RX‑II u C‑543/18 RX‑II, EU:C:2020:232), u tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż.(Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema–Ħatra) (C‑487/19, EU:C:2021:798), kif ukoll dik tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li tirriżulta b’mod partikolari mis-sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 2020, Ástráðsson vs L‑Islanda (CE:ECHR:2020:1201JUD002637418), jistabbilixxu rabta diretta bejn in-natura regolari tal-proċeduri ta’ għażla u ta’ ħatra tal-imħallfin nazzjonali, bħala element inerenti għad-dritt għal qorti stabbilita minn qabel bil-liġi, u r-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità ta’ dawn l-imħallfin.

18      Skont il-qorti tar-rinviju, minn din ir-rabta diretta jirriżulta obbligu li jiġi vverifikat jekk irregolarità mwettqa waqt il-ħatra tal-Imħallfin toħloqx riskju reali li istanzi oħra ta’ poter, b’mod partikolari l-eżekuttiv, jistgħu jeżerċitaw setgħa diskrezzjonali indebita li tipperikola l-integrità tar-riżultat li għalih iwassal il-proċess ta’ ħatra u b’hekk iqum dubju leġittimu, fil-ħsieb tal-partijiet f’kawża, dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tal-imħallfin ikkonċernati – li jkun jagħti lok għal ksur tal-imsemmi dritt għal qorti stabbilita minn qabel bil-liġi.

19      B’hekk, fir-rigward tal-ħatra ta’ Mħallef ta’ qorti tal-Unjoni, jew tal-proposta ta’ kandidat għall-kariga ta’ Mħallef ta’ tali qorti, il-punt dwar jekk l-entità li taħtar jew li tipproponi tosservax il-kundizzjonijiet bażiċi u r-regoli proċedurali essenzjali ta’ tali ħatra jew proposta huwa ta’ importanza primordjali inkwantu jippermetti li jiġi ddeterminat jekk l-imparzjalità u l-indipendenza tal-qorti tal-Unjoni kkonċernata humiex iggarantiti.

20      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Vilnjus) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 254 TFUE, li jipprovdi li jistgħu jintgħażlu bħala membri tal-[Qorti Ġenerali] persuni ‘li ma jkunx hemm dubbju dwar l-indipendenza tagħhom u li jkollhom il-kapaċità li jeżerċitaw funzjonijiet għolja fil-ġudikatura’, moqri flimkien mal-Artikolu 19(2) TUE, jeżiġi li Stat Membru jagħżel lil kandidat għall-funzjoni ta’ mħallef tal-[Qorti Ġenerali] b’mod esklużiv abbażi ta’ kriterji professjonali?

2)      Prassi nazzjonali, bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża, fejn il-Gvern ta’ Stat Membru, responsabbli għall-proposta ta’ kandidat għall-funzjonijiet ta’ mħallef tal-[Qorti Ġenerali], jaħtar, sabiex jiżgura t-trasparenza tal-għażla ta’ dan il-kandidat, grupp ta’ evalwazzjoni tal-kandidati kompost minn esperti indipendenti – liema kumitat, abbażi ta’ kriterji ta’ għażla ċari u stabbiliti bil-quddiem u wara intervista mal-kandidati kollha, jistabbilixxi lista ta’ mertu u, kif tipprovdi proċedura stabbilita bil-quddiem, jippreżenta lill-Gvern l-isem tal-kandidat li kiseb l-aħjar evalwazzjoni f’dak li jikkonċerna l-kapaċitajiet u l-kompetenzi professjonali tiegħu –, iżda l-Gvern jipproponi għall-funzjonijiet ta’ mħallef tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea mhux lill-kandidat imniżżel l-ewwel fil-lista ta’ mertu iżda lil kandidat ieħor, hija kompatibbli mar-rekwiżit li l-imħallef joffri l-garanziji kollha ta’ indipendenza kif ukoll mal-kundizzjonijiet l-oħra ta’ aċċess għall-funzjonijiet bħala mħallef stabbiliti fl-Artikolu 254 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 19(2) [TUE], bl-għarfien li l-Imħallef innominat b’mod li jista’ jkun illegali jista’ jinfluwenza d-deċiżjonijiet li tadotta l-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea?”

 Ilfatti li seħħew wara ttalba għal deċiżjoni preliminari u lproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

21      Permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ April 2023, il-Gvern Litwan, wara li kiseb l-approvazzjoni tal-President tar-Repubblika tal-Litwanja u tal-Parlament Litwan, ippropona lil S. L. Kalėda bħala kandidat għall-kariga ta’ Mħallef tal-Qorti Ġenerali.

22      Fit‑12 ta’ Mejju 2023, V. Valančius talab l-annullament ta’ din id-deċiżjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ kontenzjuż amministrattiv imressqa quddiem il-qorti tar-rinviju wara l-preżentata tar-rikors tiegħu kontra d-deċiżjoni tal‑4 ta’ Mejju 2002, filwaqt li kompla bil-kapijiet ta’ talbiet imsemmija fil-punt 11 ta’ din is-sentenza.

23      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Settembru 2023, il-gvernijiet tal-Istati Membri ħatru lil S. L. Kalėda Mħallef fil-Qorti Ġenerali għal mandat li jintemm fil‑31 ta’ Awwissu 2025.

24      Permezz ta’ talba għal informazzjoni tas‑26 ta’ Settembru 2023, il-Qorti tal-Ġustizzja stiednet lill-qorti tar-rinviju tispjega jekk il-ħatra ta’ S. L. Kalėda bħala Mħallef tal-Qorti Ġenerali kellhiex effett fuq is-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, dwar talba ta’ ordni għal teħid ta’ azzjoni, u jekk hija riditx tkompli bit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari.

25      Permezz ta’ ittra tal‑10 ta’ Ottubru 2023, il-qorti tar-rinviju indikat li din il-ħatra ma kellhiex effett fuq is-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali u li hija kellha l-intenzjoni li tkompli bit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari.

 Fuq ilġurisdizzjoni talQorti talĠustizzja

26      Numru ta’ gvernijiet li ssottomettew osservazzjonijiet bil-miktub f’din il-kawża jqajmu dubji dwar il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar it-talba għal deċiżjoni preliminari. Huma jqisu, essenzjalment, li l-proċedura ta’ ħatra ta’ Mħallef fil-Qorti Ġenerali tinkludi stadji differenti, fejn l-ewwel stadju huwa dak nazzjonali ta’ proposta tal-kandidat għall-kariga ta’ Mħallef tal-Qorti Ġenerali. Issa, dan l-istadju ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 19(2) TUE u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 254 TFUE, iżda huwa esklużivament irregolat mid-dritt nazzjonali. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex titqies li għandha ġurisdizzjoni biex tagħti deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà, ma’ dawn id-dispożizzjonijiet, ta’ regoli nazzjonali potenzjali li jieħdu ħsieb dan l-istadju nazzjonali ta’ proposta.

27      Barra minn hekk, uħud minn dawn il-gvernijiet isostnu li l-proċedura ta’ ħatra ta’ Mħallef tal-Qorti Ġenerali tingħalaq bl-adozzjoni ta’ deċiżjoni adottata bi qbil komuni mill-gvernijiet tal-Istati Membri, li ma hijiex suġġetta għall-istħarriġ tal-legalità tal-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja, iktar u iktar ma għandhiex ġurisdizzjoni biex tieħu konjizzjoni tal-istadju nazzjonali ta’ proposta li jidħol fil-qafas ta’ tali proċedura ta’ ħatra.

28      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, bis-saħħa tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 19(2) TUE u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 254 TFUE, l-Imħallfin tal-Qorti Ġenerali jinħatru bi qbil komuni bejn il-gvernijiet tal-Istati Membri, wara li jkunu kkonsultaw il-kumitat previst fl-Artikolu 255 TFUE. Skont din l-aħħar dispożizzjoni, għandu jiġi stabbilit kumitat sabiex jagħti opinjoni dwar l-idoneità tal-kandidati biex jaqdu d-dmirijiet ta’ Mħallef u ta’ Avukat Ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali qabel ma l-gvernijiet tal-Istati Membri jipproċedu għall-ħatriet konformement mal-Artikoli 253 u 254 TFUE. Kif jirriżulta mill-ewwel paragrafu tal-punt 6 tar-Regoli ta’ Ħidma tal-Kumitat previst fl-Artikolu 255 TFUE u li huwa anness mad-Deċiżjoni 2010/124, dan il-kumitat huwa kkonsultat fuq il-bażi ta’ proposta dwar kandidat mill-Gvern ta’ Stat Membru, li tiġi kkomunikata lill-President ta’ dan il-kumitat mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.

29      Minn qari flimkien ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 52 u 53 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-proċedura ta’ ħatra ta’ Mħallef tal-Qorti Ġenerali sseħħ fi tliet stadji. Fl-ewwel stadju, il-gvern tal-Istat Membru kkonċernat jipproponi kandidat għall-kariga ta’ Mħallef tal-Qorti Ġenerali billi jikkomunika din il-proposta lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill. Fit-tieni stadju, il-kumitat previst fl-Artikolu 255 TFUE jagħti opinjoni dwar l-idoneità ta’ dan il-kandidat biex jeżerċita l-funzjonijiet ta’ Mħallef tal-Qorti Ġenerali, fid-dawl tar-rekwiżiti previsti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 254 TFUE. Fit-tielet stadju, li jiġi wara l-konsultazzjoni ta’ dan il-kumitat, il-gvernijiet tal-Istati Membri, permezz tar-rappreżentanti tagħhom, jipproċedu għall-ħatra tal-imsemmi kandidat bħala Mħallef tal-Qorti Ġenerali, permezz ta’ deċiżjoni meħuda bi qbil komuni fuq proposta tal-gvern tal-Istat Membru kkonċernat.

30      Għalhekk id-deċiżjoni ta’ proposta ta’ kandidat għall-kariga ta’ Mħallef tal-Qorti Ġenerali, meħuda mill-gvern ta’ Stat Membru, bħad-deċiżjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tikkostitwixxi l-ewwel stadju tal-proċedura ta’ ħatra rregolata mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 19(2) TUE u mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 254 TFUE. Għaldaqstant, tali deċiżjoni taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

31      Kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punti 24, 58 u 59 tal-konklużjonijiet tiegħu, għalkemm il-proposta, bħall-ħatra, ta’ kandidat għall-kariga ta’ Mħallef tal-Qorti Ġenerali taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, dawn xorta waħda għandhom, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, josservaw l-obbligi li jirriżultaw, għalihom, mid-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 19(2) TUE u mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 254 TFUE (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema), C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 52, kif ukoll tad‑9 ta’ Jannar 2024, G. et (Ħatra tal-Imħallfin tal-qrati ordinarji fil-Polonja), C‑181/21 u C‑269/21, EU:C:2024:1, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata), li l-interpretazzjoni tagħhom taqa’ manifestament taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja bis-saħħa tal-Artikolu 267 TFUE (sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, Prokurator Generalny et (Awla dixxiplinari tal-Qorti Suprema–Ħatra), C‑508/19, EU:C:2022:201, punt 57 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

32      Iċ-ċirkustanza li d-deċiżjonijiet ta’ ħatra tal-Imħallfin tal-Qorti Ġenerali, adottati bi qbil komuni mir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri, li jaġixxu mhux bħala membri tal-Kunsill iżda bħala rappreżentanti tal-gvern tagħhom, u li b’hekk jeżerċitaw b’mod kollettiv il-kompetenzi tal-Istati Membri, ma humiex suġġetti għall-istħarriġ tal-legalità eżerċitat mill-qorti tal-Unjoni bis-saħħa tal-Artikolu 263 TFUE (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas‑16 ta’ Ġunju 2021, Sharpston vs Il‑Kunsill u R-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, C‑685/20 P, EU:C:2021:485, punti 46 u 49 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata) hija nieqsa minn rilevanza f’dan il-kuntest.

33      Fil-fatt kif osserva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 26 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-assenza ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja biex teżamina l-legalità ta’ dawn id-deċiżjonijiet ta’ ħatra hija mingħajr effett fuq il-ġurisdizzjoni tagħha biex tirrispondi d-domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mqajma mill-qorti tar-rinviju fil-kuntest ta’ tilwima li għandha bħala suġġett il-legalità ta’ deċiżjonijiet nazzjonali ta’ proposta ta’ kandidat għall-funzjonijiet ta’ Mħallef tal-Qorti Ġenerali.

34      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni biex tagħti deċiżjoni dwar it-talba għal deċiżjoni preliminari.

 Fuq lammissibbiltà tattalba għal deċiżjoni preliminari

35      Il-Gvern Litwan jesprimi dubji dwar l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari. Qabel kollox, l-interpretazzjoni mitluba tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 19(2) TUE u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 254 TFUE ma għandha ebda relazzjoni mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali peress li din it-tilwima hija rregolata esklużivament mid-dritt nazzjonali u li, skont dan id-dritt, il-qorti tar-rinviju ma hijiex kompetenti biex tieħu konjizzjoni tal-imsemmija tilwima. Sussegwentement, id-domandi magħmula huma ipotetiċi inkwantu t-tilwima fil-kawża prinċipali la tirrigwarda l-legalità tal-proċedura nazzjonali ta’ proposta ta’ kandidat għall-kariga ta’ Mħallef tal-Qorti Ġenerali u lanqas l-osservanza ta’ din il-proċedura fil-każ inkwistjoni. Finalment, risposta għad-domandi magħmula ma hijiex iżjed neċessarja biex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tiddeċiedi t-tilwima fil-kawża prinċipali, ġaladarba din hija mingħajr suġġett minħabba l-ħatra ta’ S. L. Kalėda bħala Mħallef tal-Qorti Ġenerali, li tipprekludi li jiġu ssodisfatti l-pretensjonijiet tar-rikorrent fil-kawża prinċipali dwar il-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri ta’ konsultazzjoni u ta’ proposta ta’ kandidat għall-kariga ta’ Mħallef tal-Qorti Ġenerali.

36      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, adita bit-tilwima u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, kemm in-neċessità għal deċiżjoni preliminari sabiex hija tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Infraestruturas de Portugal u Futrifer Indústrias Ferroviárias, C‑66/22, EU:C:2023:1016, punt 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

37      Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tagħti risposta b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Infraestruturas de Portugal u Futrifer Indústrias Ferroviárias, C‑66/22, EU:C:2023:1016, punt 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

38      F’dan il-każ, fir-rigward, qabel kollox, tal-argument ibbażat fuq l-assenza ta’ relazzjoni bejn l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni u t-tilwima fil-kawża prinċipali, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, kif ġie osservat fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, id-deċiżjoni nazzjonali ta’ proposta ta’ kandidat għall-kariga ta’ Mħallef tal-Qorti Ġenerali tikkostitwixxi l-ewwel stadju tal-proċedura ta’ ħatra rregolata mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 19(2) TUE u mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 254 TFUE. Għandu jingħad ukoll li l-kawża prinċipali tirrigwarda l-legalità tad-deċiżjonijiet nazzjonali ta’ proposta ta’ kandidat għall-kariga ta’ Mħallef tal-Qorti Ġenerali fid-dawl tar-rekwiżiti previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tal-imsemmija dispożizzjonijiet ma għandha ebda relazzjoni mas-suġġett tat-tilwima.

39      Fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ kompetenza tal-qorti tar-rinviju biex tieħu konjizzjoni tal-imsemmija tilwima, jeħtieġ sempliċement li jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari msemmija fl-Artikolu 267 TFUE, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika jekk id-deċiżjoni tar-rinviju saritx konformement mar-regoli nazzjonali ta’ organizzazzjoni u ta’ proċedura ġudizzjarji, u lanqas, b’mod partikolari, li teżamina l-punt dwar jekk talba pendenti quddiem qorti tar-rinviju hijiex ammissibbli skont dawn ir-regoli (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż.(Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema–Ħatra), C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tillimita ruħha għad-deċiżjoni tar-rinviju maħruġa minn qorti ta’ Stat Membru, sakemm ma tkunx ġiet irrevokata fil-kuntest tar-rimedji li jistgħu jkunu previsti mid-dritt nazzjonali (sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2022, Getin Noble Bank, C‑132/20, EU:C:2022:235, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’danakollu, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti Ġenerali ma jirriżultax li d-deċiżjoni tar-rinviju ġiet irrevokata f’dan il-każ.

40      Sussegwentement, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq in-natura ipotetika tad-domandi magħmula, għandu jiġi enfasizzat li, kuntrarjament għal dak li jallega l-Gvern Litwan, dawn id-domandi huma mmotivati mid-dubji tal-qorti tar-rinviju dwar il-kompatibbiltà, mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li tagħhom hija titlob l-interpretazzjoni, tal-modalitajiet li skonthom il-proċedura nazzjonali ta’ proposta ta’ kandidat tar-Repubblika tal-Litwanja għall-kariga ta’ Mħallef tal-Qorti Ġenerali ġiet konkretament implimentata biex ġew adottati d-deċiżjonijiet ta’ proposta inkwistjoni fil-kawża prinċipali. B’danakollu, sa fejn il-kawża prinċipali tirrigwarda l-legalità ta’ dawn id-deċiżjonijiet fir-rigward tal-imsemmija dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, ma jidhirx li l-problema mqajma mid-domandi magħmula hija ipotetika.

41      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument li risposta għal dawn id-domandi ma hijiex iżjed neċessarja biex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tiddeċiedi dwar il-kawża prinċipali minħabba l-ħatra, li tkun saret sadanittant, ta’ S. L. Kalėda bħala Mħallef tal-Qorti Ġenerali, għandu jiġi osservat li, fit-tweġiba tagħha għat-talba għal informazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑26 ta’ Settembru 2023, il-qorti tar-rinviju indikat li din il-ħatra kienet mingħajr effett fuq is-suġġett tal-kawża prinċipali u li kellha l-intenzjoni li tkompli bit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari. Barra minn hekk, huwa paċifiku bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali li din it-tilwima għadha pendenti.

42      Peress li la mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u lanqas mit-tweġiba tal-qorti tar-rinviju għat-talba għal informazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżulta li r-rikorrent fil-kawża prinċipali ddeżista mir-rikors tiegħu jew li l-pretensjonijiet tiegħu ġew kollha kemm huma ssodisfatti jew ma jistgħux jiġu ssodisfatti iżjed, b’tali mod li t-tilwima fil-kawża prinċipali tkun saret, manifestament, mingħajr suġġett, jidher li risposta għad-domandi magħmula għadha neċessarja biex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tiddeċiedi t-tilwima (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Frar 2023, Towarzystwo Ubezpieczeń Ż (Kuntratti standard ta’ assigurazzjoni qarrieqa), C‑208/21, EU:C:2023:64, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

 Fuq iddomandi preliminari

44      Permezz tad-domandi tagħha, li jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 19(2) TUE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 254 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li l-gvern ta’ Stat Membru, li jkun stabbilixxa grupp ta’ esperti indipendenti inkarigat mill-evalwazzjoni tal-kandidati għall-kariga ta’ Mħallef tal-Qorti Ġenerali u mit-tfassil ta’ klassifika skont il-mertu tal-kandidati li jissodisfaw ir-rekwiżiti previsti f’dawn id-dispożizzjonijiet, jipproponi, minn fost il-kandidati mniżżla f’din il-lista, kandidat li ma jkunx il-kandidat ikklassifikat fl-ogħla pożizzjoni.

45      Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, jeħtieġ qabel kollox li jitfakkar li, bis-saħħa tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 19(2) TUE u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 254 TFUE, l-Imħallfin tal-Qorti Ġenerali jiġu magħżula minn fost persuni li joffru l-garanziji kollha ta’ indipendenza u li għandhom il-kapaċità meħtieġa għall-eżerċizzju ta’ funzjonijiet ġudizzjarji għoljin.

46      B’mod partikolari, fir-rigward tar-rekwiżit ta’ indipendenza previst f’dawn id-dispożizzjonijiet, għandu jitfakkar li dan ir-rekwiżit jagħmel parti mill-kontenut essenzjali tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u għal smigħ xieraq, li għandu importanza kardinali bħala garanti tal-protezzjoni tad-drittijiet kollha li l-individwi jisiltu mid-dritt l-Unjoni u tal-ħarsien tal-valuri komuni għall-Istati Membri ddikjarati fl-Artikolu 2 TUE, b’mod partikolari l-valur tal-Istat tad-dritt (sentenzi tas‑26 ta’ Marzu 2020, Eżami mill-ġdid Simpson vs Il‑Kunsill u HG vs Il‑Kummissjoni, C‑542/18 RX‑II u C‑543/18 RX‑II, EU:C:2020:232, punti 70 u 71, kif ukoll tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Krajowa Rada Sądownictwa (Żamma ta’ mħallef fil-kariga), C‑718/21, EU:C:2023:1015, punt 61).

47      Dan ir-rekwiżit ta’ indipendenza tal-qrati previst b’mod partikolari fl-Artikolu 19 TUE għalhekk jikkonkretizza wieħed mill-valuri fundamentali tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE, li jiddefinixxu l-identità nnifisha tal-Unjoni bħala sistema legali komuni li l-osservanza tagħhom hija imposta kemm fuq l-Unjoni kif ukoll fuq l-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Frar 2022, L-Ungerija vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑156/21, EU:C:2022:97, punti 127 u 232, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin), C‑204/21, EU:C:2023:442, punt 67).

48      Peress li r-rekwiżit ta’ indipendenza, li huwa kompost minn żewġ aspetti, l-indipendenza fis-sens strett u l-imparzjalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punti 121 u 122 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), huwa inerenti għall-funzjoni ta’ ġudizzju u peress li l-Artikolu 19 TUE jagħti konġuntament lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u lill-qrati nazzjonali l-kompitu li jiżguraw l-istħarriġ ġudizzjarju fi ħdan is-sistema legali tal-Unjoni, dan ir-rekwiżit huwa mandatorju kemm fuq livell tal-Unjoni, b’mod partikolari għall-Imħallfin tal-Qorti Ġenerali, kif ukoll fuq livell tal-Istati Membri, għall-qrati nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      Barra minn hekk, ir-rekwiżit ta’ qorti stabbilita minn qabel mil-liġi hija intimament marbuta, b’mod partikolari, mar-rekwiżit ta’ indipendenza fis-sens li kemm waħda u kif ukoll l-oħra huma intiżi li jirrispettaw il-prinċipji fundamentali ta’ supremazija tad-dritt u ta’ separazzjoni tal-poteri, prinċipji li huma essenzjali fl-Istat tad-Dritt li l-valur tiegħu huwa ddikjarat fl-Artikolu 2 TUE. Fuq il-bażi ta’ kull waħda minn dawn ir-rekwiżiti hemm l-imperattiv li tiġi ppreżervata l-fiduċja li s-setgħa ġudizzjarja toffri li tispira lill-parti f’kawża u l-indipendenza ta’ din is-setgħa fil-konfront ta’ setgħat oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema–Ħatra), C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 124, u tat‑22 Frar 2022, Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita mil-liġi fl-Istat Membru emittenti), C‑562/21 PPU u C‑563/21 PPU, EU:C:2022:100, punt 56).

50      Ir-rekwiżit ta’ qorti stabbilita minn qabel bil-liġi jiġbor fih, min-natura tiegħu stess, il-proċess ta’ ħatra tal-imħallfin (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Eżami mill-ġdid Simpson vs Il‑Kunsill u HG vs Il‑Kummissjoni, C‑542/18 RX‑II u C‑543/18 RX‑II, EU:C:2020:232, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata), fejn għandu jiġi ppreċiżat li l-indipendenza ta’ qorti titkejjel, b’mod partikolari, bil-mod ta’ kif ikunu nħatru l-membri tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Krajowa Rada Sądownictwa (Żamma ta’ mħallef fil-kariga), C‑718/21, EU:C:2023:1015, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      F’dan ir-rigward, huwa neċessarju li l-kundizzjonijiet sostantivi u l-modalitajiet proċedurali dwar il-ħatra tal-imħallfin ikunu tali li ma jkunux jistgħu jagħtu lok għal dubji leġittimi, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, dwar l-impermeabbiltà tal-imħallfin maħtura fid-dawl tal-fatturi esterni u tan-newtralità tagħha fir-rigward tal-interessi kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Eżami mill-ġdid Simpson vs Il‑Kunsill u HG vs Il‑Kummissjoni, C‑542/18 RX–II u C‑543/18 RX–II, EU:C:2020:232, punt 71). Għal dan il-għan, jeħtieġ b’mod partikolari li dawn il-kundizzjonijiet sostantivi u dawn il-modalitajiet proċedurali jiġu kkonċepiti b’mod li jippermettu li tiġi eskluża mhux biss kull influwenza diretta, taħt forma ta’ istruzzjonijiet, iżda wkoll il-forom ta’ influwenza iktar indiretta li jistgħu jorjentaw id-deċiżjonijiet tal-imħallfin ikkonċernati u li tiġi eskluża għalhekk assenza ta’ apparenza ta’ indipendenza jew ta’ imparzjalità tagħhom li tista’ tippreġudika l-fiduċja li l-ġustizzja għandha tispira fil-partijiet f’kawża f’soċjetà demokratika u fi Stat tad-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2022, Getin Noble Bank, C‑132/20, EU:C:2022:235, punti 96 u 97 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

52      F’dan il-kuntest, irregolarità mwettqa fil-proċedura ta’ ħatra tal-imħallfin fi ħdan is-sistema ġudizzjarja kkonċernata tista’ tagħti lok għal ksur tad-dritt fundamentali għal qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi, meta din l-irregolarità tkun ta’ natura u ta’ gravità tali li toħloq riskju reali li pilastri oħra tal-poter, b’mod partikolari l-poter eżekuttiv, ikunu jistgħu jeżerċitaw poter diskrezzjonali indebitu li jqiegħed f’periklu l-integrità tar-riżultat li għalih iwassal il-proċess ta’ ħatra. Fil-fatt, tali irregolarità tista’ toħloq dubju leġittimu, f’moħħ il-partijiet f’kawża, dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tal-imħallef jew imħallfin ikkonċernati. Dan huwa l-każ meta inkwistjoni jkun hemm regoli fundamentali li jiffurmaw parti integrali mill-istabbiliment u l-funzjonament ta’ din is-sistema ġudizzjarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Marzu 2020, Eżami mill-ġdid Simpson vs Il‑Kunsill u HG vs Il‑Kummissjoni, C‑542/18 RX–II u C‑543/18 RX–II, EU:C:2020:232, punti 75 u 76, kif ukoll tat‑22 ta’ Frar 2022, Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita mil-liġi fl-Istat Membru emittenti), C‑562/21 PPU u C‑563/21 PPU, EU:C:2022:100, punti 72 u 73 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

53      Fir-rigward tal-Imħallfin tal-Qorti Ġenerali, il-kundizzjonijiet sostantivi u l-modalitajiet proċedurali dwar il-ħatra tagħhom għandhom jippermettu li jiġi eskluż kull dubju leġittimu, f’moħħ il-partijiet f’kawża, dwar jekk jissodisfawx ir-rekwiżiti previsti fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 19(2) TUE u fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 254 TFUE, li jirrigwardaw fl-istess waqt ir-rekwiżit li ma jkun hemm “l-ebda dubju dwar l-indipendenza tagħhom” u r-rekwiżit “ li jkollhom il-kapaċità li jeżerċitaw funzjonijiet għolja fil-ġudikatura”. Għal dan il-għan, huwa normalment neċessarju, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 59 sa 61 u 65 tal-konklużjonijiet tiegħu, li tiġi ggarantita l-integrità tal-proċedura sħiħa ta’ ħatra tal-Imħallfin tal-Qorti Ġenerali u, konsegwentement, tar-riżultat tagħha għal kull stadju li minnu hija komposta din il-proċedura.

54      B’hekk, fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-istadju nazzjonali ta’ proposta ta’ kandidat għall-kariga ta’ Mħallef tal-Qorti Ġenerali, li huwa iktar speċifikament inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi osservat, minn naħa, li, fl-assenza, fid-dritt tal-Unjoni, ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi f’dan ir-rigward, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jirregola l-modalitajiet proċedurali ta’ proposta ta’ tali kandidat, sa fejn dawn il-modalitajiet ma jkunux jistgħu jqajmu, f’moħħ il-partijiet f’kawża, dubji leġittimi fir-rigward tal-osservanza, mill-kandidat propost, tar-rekwiżiti previsti fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 19(2) TUE u fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 254 TFUE.

55      Għaldaqstant, kif osserva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 54 tal-konlużjonijiet tiegħu, kull Stat Membru jibqa’ liberu li jipprevedi jew li ma jipprevedix proċedura għall-finijiet tal-għażla u tal-proposta ta’ kandidat għall-kariga ta’ Mħallef tal-Qorti Ġenerali.

56      F’dan ir-rigward, il-fatt li rappreżentanti tal-poteri leġiżlattivi jew eżekuttivi jintervjenu fil-proċess ta’ ħatra tal-imħallfin ma huwiex fih innifsu tali li jqajjem tali dubji leġittimi f’moħħ il-partijiet f’kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita mil-liġi fl-Istat Membru emittenti), C‑562/21 PPU u C‑563/21 PPU, EU:C:2022:100, punti 75 u 76 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, l-intervent tal-korpi konsultattivi indipendenti kif ukoll l-eżistenza, fid-dritt nazzjonali, ta’ obbligu ta’ motivazzjoni, jistgħu jikkontribwixxu għal oġġettività ikbar fil-proċess ta’ ħatra, billi tiġi ddefinita s-setgħa ta’ evalwazzjoni li għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-istituzzjoni li taħtar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika, C‑896/19, EU:C:2021:311, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kundizzjonijiet sostantivi previsti għall-għażla u l-proposta tal-kandidati għall-kariga ta’ Mħallef tal-Qorti Ġenerali, l-Istati Membri, filwaqt li għandhom setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa biex jiddefinixxu dawn il-kundizzjonijiet, għandhom madankollu jieħdu ħsieb, ikunu liema jkunu l-modalitajiet proċedurali kkunsidrati għal dan il-għan, li jiggarantixxu li l-kandidati proposti jissoddisfaw ir-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ kapaċità professjonali previsti fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 19 TUE u fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 254 TFUE.

58      Fit-tieni lok, il-verifika tal-idoneità tal-kandidati proposti mill-Istati Membri biex jeżerċitaw funzjonijiet ta’ Mħallef tal-Qorti Ġenerali, fid-dawl tar-rekwiżiti msemmija fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 19 TUE u fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 254 TFUE, taqa’ wkoll taħt ir-responsabbiltà tal-kumitat previst fl-Artikolu 255 TFUE.

59      Fil-fatt, għall-finijiet tal-adozzjoni tal-opinjoni tiegħu dwar din l-idoneità, dan il-kumitat għandu jivverifika li l-kandidat propost jissodisfa r-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ kapaċità professjonali li, konformement mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 19(2) TUE u mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 254 TFUE, huma meħtieġa biex ikun jista’ jeżerċita l-funzjonijiet ta’ Mħallef tal-Qorti Ġenerali.

60      F’dan il-kuntest, kif indika l-imsemmi kumitat f’wieħed mir-rapporti ta’ attività tiegħu, filwaqt li l-eżistenza ta’ proċedura ta’ għażla miftuħa, trasparenti u rigoruża hija element rilevanti fil-kuntest tal-verifika tal-osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti mill-kandidat propost, l-assenza ta’ tali proċedura ma tikkostitwixxix, min-naħa l-oħra, inkwantu tali, raġuni li tippermetti li tali osservanza titqiegħed f’dubju.

61      Għall-finijiet ta’ tali verifika, il-kumitat previst fl-Artikolu 255 TFUE jista’, kif jipprevedi t-tieni paragrafu tal-punt 6 tar-Regoli dwar il-Funzjonament tiegħu li jinsabu fl-Anness tad-Deċiżjoni 2010/124, jitlob lill-gvern li joħroġ bil-proposta jibgħatlu informazzjoni addizzjonali jew elementi oħra li jqis li huma neċessarji għad-deliberazzjonijiet tiegħu, filwaqt li dan il-gvern huwa obbligat, bis-saħħa tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali previst fl-Artikolu 4(3) TUE, jipprovdilu tali informazzjoni u elementi.

62      Fit-tielet lok, il-kompitu li tiġi ggarantita l-osservanza tar-rekwiżiti previsti fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 19(2) u fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 254 TFUE jaqa’ wkoll fuq il-gvernijiet tal-Istati Membri, permezz tar-rappreżentanti tagħhom, meta jiddeċiedu, fid-dawl tal-opinjoni maħruġa mill-kumitat previst fl-Artikolu 255 TFUE, li jaħtru bħala Mħallef tal-Qorti Ġenerali l-kandidat propost minn wieħed minn dawn il-gvernijiet. Fil-fatt, ladarba maħtur, dan il-kandidat isir Imħallef tal-Unjoni u ma jirrappreżentax lill-Istat Membru li pproponih.

63      Fid-dawl tal-punti preċedenti, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li, meta, bħal fil-kawża prinċipali, Stat Membru jkun stabbilixxa proċedura ta’ għażla tal-kandidati għall-kariga ta’ Mħallef tal-Qorti Ġenerali li fil-kuntest tagħha grupp kompost fil-parti l-kbira minn esperti indipendenti huwa inkarigat milli jevalwa dawn il-kandidati u li jistabbilixxi klassifika skont il-mertu ta’ dawk minn fosthom li jissodisfaw ir-rekwiżiti previsti mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 19(2) TUE u mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 254 TFUE, is-sempliċi fatt li l-gvern ta’ dan l-Istat Membru ddeċieda li jipproponi kandidat li jinsab fuq din il-klassifika skont il-mertu li ma huwiex il-kandidat fl-ogħla pożizzjoni ma huwiex, fih innifsu, suffiċjenti biex jiġi konkluż li din il-proposta hija tali li tqajjem dubji leġittimi fir-rigward tal-osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti mill-kandidat propost.

64      Fil-fatt, f’dan il-każ, mill-punti 1 sa 3, 13, 15, 19 u 21 sa 23 tad-deskrizzjoni tal-proċedura ta’ għażla jirriżulta li, qabel kollox, dan il-grupp ta’ esperti kellu obbligu jevalwa l-imsemmija kandidati fid-dawl tar-rekwiżiti indikati f’dawn id-dispożizzjonijiet skont kif inhuma ppreċiżati mill-kumitat previst fl-Artikolu 255 TFUE fir-rapporti ta’ attività tagħha. Sussegwentement, il-klassifika skont il-mertu stabbilita mill-imsemmi grupp kienet tinkludi biss kandidati li dan kien iqis li jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti. Fl-aħħar nett, l-indikazzjoni, mill-istess grupp, tal-kandidat ikklassifikat fl-ogħla pożizzjoni f’din il-klassifika skont il-mertu, kienet biss ta’ natura rakkomandatorja fil-konfront tal-Gvern Litwan, li fuqu kien jaqa’ l-kompitu, konformement mal-Artikolu 52(3) tal-Liġi dwar il-Gvern, li jipproponi l-kandidat għall-kariga ta’ Mħallef tal-Qorti Ġenerali.

65      Il-fatt li l-kumitat previst fl-Artikolu 255 TFUE esprima opinjoni favorevoli fuq il-kandidat propost mill-Gvern Litwan li kien imniżżel fit-tielet pożizzjoni fuq l-imsemmija klassifika skont il-mertu huwa tali li jikkonferma li d-deċiżjoni tal-gvernijiet tal-Istati Membri li jaħtru dan il-kandidat hija konformi mar-rekwiżiti previsti fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 19(2) TUE u fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 254 TFUE.

66      Fid-dawl tal-punti kollha preċedenti, jeħtieġ li r-risposta għad-domandi magħmula tkun li t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 19(2) TUE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 254 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li l-gvern ta’ Stat Membru, li jkun stabbilixxa grupp ta’ esperti indipendenti inkarigat mill-evalwazzjoni tal-kandidati għall-kariga ta’ Mħallef tal-Qorti Ġenerali u mit-tfassil ta’ klassifika skont il-mertu tal-kandidati li jissodisfaw ir-rekwiżiti previsti f’dawn id-dispożizzjonijiet, jipproponi, minn fost il-kandidati mniżżla f’din il-klassifika, kandidat li ma jkunx il-kandidat ikklassifikat fl-ogħla pożizzjoni, dejjem sakemm il-kandidat propost jissodisfa dawn ir-rekwiżiti.

 Fuq lispejjeż

67      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 19(2) TUE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 254 TFUE

għandhom jiġu interpretat fis-sens li:

ma jipprekludux li l-gvern ta’ Stat Membru, li jkun stabbilixxa grupp ta’ esperti indipendenti inkarigat mill-evalwazzjoni tal-kandidati għall-kariga ta’ Mħallef tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea u mit-tfassil ta’ klassifika skont il-mertu tal-kandidati li jissodisfaw ir-rekwiżiti previsti f’dawn id-dispożizzjonijiet, jipproponi, minn fost il-kandidati mniżżla f’din il-klassifika, kandidat li ma jkunx il-kandidat ikklassifikat fl-ogħla pożizzjoni, dejjem sakemm il-kandidat propost jissodisfa dawn ir-rekwiżiti.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Litwan.

Top